Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

19 ta’ Novembru 2026 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Servizzi ta’ ħlas fis-suq intern – Regolament (UE) Nru 260/2012 – Punt 2 tal-Artikolu 2 – Direttiva (UE) 2015/2366 – Punt 23 tal-Artikolu 4 – Eżekuzzjoni ta’ debitu dirett – Servizz ipprovdut kemm mill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tal-benefiċjarju kif ukoll minn dak ta’ min iħallas – Servizz ta’ ‘debitu dirett’ – Fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ benefiċjarju li jittrasmetti ordnijiet ta’ debitu dirett, iżda li ma jwettaqx huwa stess tranżazzjonijiet ta’ debitu u li jiġbor fondi f’kontijiet b’funzjonalità limitata”

Fil-Kawża C‑274/25,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja), permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ April 2025, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑10 ta’ April 2025, fil-proċedura

“Alternative Payments” UAB

vs

Lietuvos bankas,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn F. Biltgen, President tal-Awla, S. Gervasoni, A. Kumin, I. Ziemele, u M. Bošnjak (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: V. Di Bucci,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal “Alternative Payments” UAB, minn P. Grendelis, J. Jarusevičius u T. Petrikas, advokatai,

–        għall-Gvern Litwan, par, J. Grigaitė, S. Grigonis u V. Kazlauskaitė-Švenčionienė, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn J. Vláčil, L. Halajová u J. Očkovák, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn S. Fiorentino, bħala aġent, assistit minn E. Cicatelli, procuratore dello Stato, u G. Iappelli, avvocato dello Stato,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Goddin u A. Steiblytė, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑30 ta’ April 2026,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 2 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 260/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Marzu 2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u tan-negozju għat-trasferimenti ta’ kreditu u debiti diretti bl-euro u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 924/2009 (ĠU 2012, L 94, p. 22), u tal-punti 15, 23 u 44 tal-Artikolu 4, kif ukoll tal-punti 3(a) tal-punt 4(a), tal-punti 5 u 7 tal-Anness I tad-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU 2015, L 337, 35).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn “Alternative Payments” UAB u l-Lietuvos bankas (il-Bank tal-Litwanja), dwar id-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li jirtira l-liċenzja ta’ istituzzjoni ta’ ħlas mogħtija lil Alternative Payments.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Ir-Regolament Nru 260/2012

3        L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 260/2012, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[...]

2)      ‘debitu dirett’ tfisser servizz ta’ pagament nazzjonali jew transkonfinali għad-debitu ta’ kont ta’ pagament ta’ min iħallas, meta tranżazzjoni ta’ pagament tinbeda mill-benefiċjarju abbażi tal-kunsens ta’ min iħallas;

3)      ‘min iħallas’ tfisser pesuna fiżika jew ġuridika li jkollha kont ta’ pagament u tippermetti ordni ta’ pagament minn dak il-kont ta’ pagament, jew, kont ta’ pagament fejn ma jkun hemm l-ebda kont ta’ pagament ta’ min iħallas, tkun persuna fiżika jew ġuridika li tagħmel ordni ta’ pagament għall-kont ta’ pagament ta’ benefiċjarju;

4)      ‘benefiċjarju’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika li għandha kont tal-pagament u li tkun ir-reċipjent intiż tal-fondi li kienu s-suġġett tat-tranżazzjoni ta’ pagamenti;

5)      ‘kont ta’ pagament’ tfisser kont miżmum f’isem ta’ utent wieħed jew iżjed tas-servizz ta’ pagament li jintuża għat-twettiq ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagamenti;

[...]

15)      ‘IBAN’ tfisser identifikatur tan-numru tal-kont ta’ pagament internazzjonali, li mingħajr ambigwità jidentifika kont tal-pagament individwali fi Stat Membru, li l-elementi tiegħu huma speċifikati mill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni (ISO);

[...]

20)      ‘ġbir’ tfisser parti minn debitu dirett li tibda mill-inizjazzjoni tiegħu mill-benefiċjarju sa tmiem it-tranżazzjoni permezz ta’ debitu normali tal-kont ta’ pagament ta’ min iħallas;

21)      ‘mandat’ tfisser l-espressjoni ta’ kunsens u awtorizzazzjoni mogħtija minn min iħallas lill-benefiċjarju u (direttament jew indirettament permezz tal-benefiċjarju) lill-[fornitur tas-servizz ta’ pagament] ta’ min iħallas biex jippermetti lill-benefiċjarju jibda jiġbor id-debitu tal-kont tal-pagament speċifikat ta’ min iħallas u biex il-[fornitur tas-servizz ta’ pagament] ta’ min iħallas ikun jista’ jikkonforma ma’ tali istruzzjonijiet;”

4        L-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Rekwiżiti għat-trasferiment ta’ kreditu u għat-tranżazzjonijiet ta’ debitu dirett”, jipprovdi, fil-paragrafu 1(a) tiegħu:

“Il-[fornituri tas-servizz ta’ pagament] għandhom iwettqu t-trasferiment tal-kreditu u tranżazzjonijiet ta’ debitu dirett skont ir-rekwiżiti li ġejjin:

a)      huma iridu jużaw l-identifikatur tal-kont ta’ pagament speċifikat fil-punt (1)(a) tal-Anness għall-identifikazzjoni tal-kontijiet tal-pagament tkun fejn tkun il-lokazzjoni tal-[fornitur tas-servizz ta’ pagament] [i]kkonċernat”.

5        Skont il-punt 1(a) tal-Anness tal-imsemmi regolament:

“Barra mir-rekwiżiti essenzjali stipulati fl-Artikolu 5, ir-rekwiżiti tekniċi li ġejjin għandhom japplikaw għat-trasferiment ta’ krediti u ta’ tranżazzjonijiet ta’ debitu dirett:

a)      L-identifikatur tal-kont ta’ pagament msemmi fl-Artikolu 5(1)(a) u (c) irid ikun l-IBAN.”

 Id-Direttiva 2015/2366

6        Il-premessi 6 u 76 tad-Direttiva 2015/2366 jipprovdu:

“(6)      Għandhom jiġu stabbiliti regoli ġodda sabiex jingħalqu l-lakuni regolatorji filwaqt li fl-istess ħin tiġi pprovduta aktar ċarezza legali u tiġi żgurata applikazzjoni konsistenti tal-qafas leġiżlattiv madwar l-Unjoni [Ewropea]. [...]

[...]

(76)      Il-proġett [ta’ Żona Unika ta’ Pagamenti bl-Euro (SEPA)] għandu l-għan li jkompli jiżviluppa servizzi ta’ pagamenti komuni għall-Unjoni kollha biex jieħdu post servizzi nazzjonali attwali fir-rigward ta’ pagamenti denominati f’euro. Bil-ħsieb li tiġi żgurata migrazzjoni sħiħa lejn trasferimenti tal-krediti u debiti diretti fl-Unjoni kollha, ir-Regolament [Nru 260/2012] jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u tan-negozju għat-trasferimenti ta’ kreditu u debiti diretti f’euro. B’referenza għal debiti diretti, dak ir-Regolament jipprevedi li l-pagatur jagħti l-kunsens kemm lill-benefiċjarju kif ukoll lill-fornitur ta’ servizz ta’ pagament tal-pagatur (direttament jew indirettament permezz tal-benefiċjarju), u li l-mandati, flimkien ma’ modifiki jew kanċellazzjoni li jsiru wara, għandhom jinħażnu mill-benefiċjarju jew minn parti terza f’isem il-benefiċjarju [...]”

7        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett”, jipprevedi, fil-paragrafu 2(b) tiegħu:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi wkoll regoli li jikkonċernaw:

[...]

b)      id-drittijiet u l-obbligi rispettivi tal-utenti ta’ servizzi ta’ pagament u tal-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament, b’rabta mal-għoti ta’ servizzi ta’ pagament bħala xogħol regolari jew attività ta’ negozju.”

8        Skont l-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[...]

3)      ‘servizz ta’ pagament’ tfisser wieħed jew aktar mill-attivitajiet ta’ negozju kif stabbilita fl-Anness I;

[...]

9)      ‘benefiċjarju’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tkun ir-riċevitur intenzjonat ta’ fondi li kienu s-suġġett ta’ tranżazzjoni ta’ pagament;

[...]

12)      ‘kont ta’ pagament’ tfisser kont miżmum f’isem utent wieħed jew aktar ta’ servizzi ta’ pagament li jintuża għall-esekuzzjoni ta’ tranżazzjonjiet ta’ pagament;

[...]

15)      ‘servizz ta’ bidu ta’ pagament’ tfisser servizz sabiex tinbeda ordni ta’ pagament fuq talba tal-utent ta’ servizzi ta’ pagament fir-rigward ta’ kont ta’ pagament miżmum għand fornitur ta’ servizzi ta’ pagament ieħor;

[...]

23)      ‘debitu dirett’ tfisser servizzi ta’ pagament biex jiġi ddebitat il-kont ta’ pagament ta’ pagatur, fejn tranżazzjoni ta’ pagament tinbeda mill-benefiċjarju abbażi tal-kunsens mogħti mill-pagatur lill-benefiċjarju, ill-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament tal-benefiċjarju, jew lill-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament tal-pagatur stess;

[...]

44)      ‘akkwist ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagament’ tfisser servizz ta’ pagament ipprovdut minn fornitur ta’ servizzi ta’ pagament li jidħol f’kuntratt ma’ benefiċjarju biex jaċċetta u jipproċessa tranżazzjonijiet ta’ pagament, li jirriżultaw fi trasferiment ta’ fondi lill-benefiċjarju;

[...]”

9        L-Artikolu 81 tal-istess direttiva, intitolat “Ammonti trasferiti u ammonti riċevuti”, jipprovdi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

“[...] Meta t-tranżazzjoni ta’ pagament tinbeda mill-benefiċjarju jew permezz tiegħu, il-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament tal-benefiċjarju għandu jiżgura li l-ammont sħiħ tat-tranżazzjoni ta’ pagament ikun riċevut mill-benefiċjarju.”

10      L-Artikolu 83 tad-Direttiva 2015/2366, intitolat “Tranżazzjonijiet ta’ pagament għal kont ta’ pagament”, jipprovdi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jesiġu li l-fornitur tas-servizzi ta’ pagament tal-benefiċjarju jittrażmetti ordni ta’ pagament mibdija mill-benefiċjarju jew permezz tiegħu lill-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament tal-pagatur fil-limiti ta’ żmien miftehma bejn il-benefiċjarju u l-fornitur tas-servizzi ta’ pagament, b’hekk jippermetti saldu, sa fejn id-debitu dirett ikun ikkonċernat, fid-data debitament maqbula.”

11      L-Anness I tad-Direttiva 2015/2366 jipprevedi, fil-punti 3, 4, 5 u 7 tiegħu:

“Servizzi ta’ pagament

[kif imsemmi fil-punt 3 tal-Artikolu 4]

[...]

3.      Esekuzzjoni ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagament, inkluż trasferimenti ta’ fondi fuq kont ta’ pagament mal-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament jew ma’ fornitur ta’ servizzi ta’ pagament ieħor:

a)      esekuzzjoni ta’ debiti diretti, inkluż debiti diretti ta’ darba,

[...]

4.      Esekuzzjoni ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagament meta l-fondi huma koperti minn linja ta’ kreditu għal utent ta’ servizzi ta’ pagament:

a)      esekuzzjoni ta’ debiti diretti, inkluż debiti diretti ta’ darba,

[...]

5.      Ħruġ ta’ strumenti ta’ pagament u/jew il-kisba ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagament.

[...]

7.      Servizzi ta’ bidu ta’ pagament.”

 Id-dritt Litwan

12      Il-Lietuvos Respublikos mokėjimų rme statymas no VIII‑1370 (il-Liġi Nru VIII‑1370 tar-Repubblika tal-Litwanja dwar il-ħlas), tat‑28 ta’ Ottubru 1999 (Žin., 1999, Nru 97–2775, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-ħlas”), u l-Lietuvos Respublikos mokėjimo įstaigų įstatymas no XI‑549 (il-Liġi Nru XI‑549 tar-Repubblika tal-Litwanja dwar l-istituzzjonijiet ta’ ħlas), tal‑10 ta’ Diċembru 2009 (Žin., 2009, Nru 153–6887), jittrasponu, b’mod partikolari, id-Direttiva 2015/2366 fid-dritt Litwan.

13      Il-punt 3 tal-Artikolu 5 tal-Liġi dwar il-ħlas jinkludi lista ta’ servizzi ta’ ħlas, li fosthom hemm id-debiti diretti, inklużi d-debiti diretti awtorizzati ta’ darba.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14      Alternative Payments hija kumpannija rregolata mid-dritt Litwan. Permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Settembru 2014, Alternative Payments ingħatat liċenzja mill-Bank tal-Litwanja bħala istituzzjoni ta’ ħlas. Skont din il-liċenzja, Alternative Payments setgħet tipprovdi żewġ kategoriji ta’ servizzi ta’ ħlas, jiġifieri, minn naħa, il-ħruġ jew l-akkwist ta’ mezzi ta’ ħlas u, min-naħa l-oħra, it-trasferiment ta’ fondi. Matul is-sena 2017, Alternative Payments aderiet mas-sistema ta’ ħlas CENTROlink tas-SEPA. Din is-sistema ta’ ħlas hija amministrata mill-Bank tal-Litwanja.

15      Permezz ta’ deċiżjoni tas‑26 ta’ Awwissu 2022, il-Bank tal-Litwanja kkonstata diversi ksur minn Alternative Payments, b’mod partikolari dak li jikkonsisti fil-provvista ta’ servizzi ta’ debitu dirett, fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 5 tal-Liġi dwar il-ħlas, mingħajr madankollu ma din l-attività kienet koperta mil-liċenzja maħruġa għal dan l-għan. Minħabba dan il-ksur, il-Bank tal-Litwanja, permezz ta’ din id-deċiżjoni, irtira din il-liċenzja.

16      Alternattiva Payments ippreżentat rikors sabiex tikkontesta l-imsemmija deċiżjoni quddiem il-Vilniaus apygardos administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Vilnjus, il-Litwanja). Permezz ta’ sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2023, din il-qorti ċaħdet dan ir-rikors. Hija ddeċidiet, b’mod partikolari, li l-Bank tal-Litwanja kellu raġun jikkonstata l-ksur imputat lil Alternative Payments u li din, li kellha liċenzja ta’ stabbiliment ta’ ħlas li tippermettilha tipprovdi servizzi ta’ ħlas, jiġifieri trasferimenti ta’ fondi, il-ħruġ ta’ mezzi ta’ ħlas u l-akkwist ta’ mezzi ta’ ħlas, kienet ukoll indebitament ipprovdiet servizz ta’ debitu dirett, fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 5 tal-Liġi dwar il-ħlas.

17      Alternative Payments appellat quddiem il-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja), li hija l-qorti tar-rinviju.

18      Il-qorti tar-rinviju tispjega li l-klijenti ta’ Alternative Payments huma kummerċjanti li jirċievu ħlas mingħand ix-xerrejja tagħhom. Għal dawn il-finijiet, min iħallas l-ewwel jagħti l-kunsens tiegħu lill-klijent ta’ Alternative Payments sabiex il-fondi jiġu ddebitati mill-kont tiegħu. Sussegwentement, il-klijent ta’ Alternative Payments, li huwa l-benefiċjarju finali tal-fondi, jibda t-tranżazzjoni ta’ debitu tal-fondi mill-kont ta’ min iħallas. Alternative Payments tissottometti l-ordnijiet ta’ debitu dirett mogħtija mill-klijenti tagħha għall-iskema ta’ debitu dirett SEPA permezz tas-sistema ta’ ħlas CENTROlink u, abbażi ta’ dawn l-ordnijiet, il-fondi jinġabru skont il-kunsens minn qabel mogħti minn min iħallas lill-klijenti biex jiddebitaw fondi mill-kontijiet ta’ ħlas tagħhom fuq bażi perjodika. Id-debitu tal-kont ta’ min iħallas għandu jsir mill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ min iħallas li jkun fetaħ u jamministra l-kont ta’ ħlas tiegħu.

19      Il-fondi rċevuti huma ttrasferiti fil-kontijiet tal-klijenti miftuħa fis-sistema ta’ Alternative Payments. Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-funzjonalità ta’ dawn il-kontijiet hija limitata sa fejn il-klijenti ta’ Alternative Payments ma għandhomx aċċess għalihom u lanqas ma jistgħu jagħmlu ħlasijiet minnhom. Sussegwentement, din tal-aħħar tittrasferixxi dawn il-fondi lejn il-kontijiet ta’ ħlas indikati mill-klijenti tagħha, miftuħa ma’ fornituri oħra ta’ servizzi ta’ ħlas.

20      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-kundizzjonijiet ġenerali ta’ Alternative Payments jipprevedu li Alternative Payments tipprovdi lill-klijenti tagħha servizz ta’ ġbir permezz ta’ debitu dirett SEPA u tgħinhom jirċievu u jipproċessaw b’mezzi oħra l-ħlasijiet magħmula minn konsumaturi għal oġġetti u servizzi.

21      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-klassifikazzjoni tas-servizzi pprovduti minn Alternative Payments.

22      Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tirrileva li d-definizzjonijiet tal-kunċett ta’ “debitu dirett” li jinsabu fil-punt 23 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2015/2366 u fil-punt 2 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 260/2012 ma jindikawx liema istituzzjoni ta’ ħlas titqies li hija fornitur ta’ servizzi ta’ debitu dirett. Konsegwentement, l-ewwel domanda li tqum f’dan il-każ hija dwar jekk il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ min iħallas jistax jitqies li huwa l-uniku fornitur ta’ servizzi ta’ debitu dirett jew jekk, peress li kemm il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tal-benefiċjarju kif ukoll dak ta’ min iħallas jipprovdu servizz ta’ debitu dirett u jipparteċipaw fih, dawn iż-żewġ fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas għandhomx jitqiesu li huma fornituri ta’ servizzi ta’ debitu dirett.

23      Barra minn hekk, din il-qorti tqis li, skont id-definizzjoni tal-“mandat” li tinsab fil-punt 21 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 260/2012, dan jawtorizza żewġ persuni jaġixxu fil-kuntest tar-relazzjonijiet ġuridiċi ta’ debitu dirett. Fil-fatt, il-mandat jippermetti lill-benefiċjarju jissottometti, permezz tal-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tiegħu, ordni ta’ ħlas lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ min iħallas u jobbliga lil dan tal-aħħar iwettaq il-ħlas, jiġifieri li jiddebita l-fondi mill-kont ta’ min iħallas. Il-qorti tar-rinviju tqis li din id-definizzjoni tikkorrobora l-pożizzjoni li kemm il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ min iħallas kif ukoll dak tal-benefiċjarju jipprovdu servizz ta’ debitu dirett.

24      Fit-tieni lok, tqum ukoll il-kwistjoni dwar jekk Alternative Payments tistax titqies li ma tipprovdix direttament servizz ta’ debitu dirett, iżda li tillimita ruħha li tissuġġetta ordnijiet ta’ debitu dirett għas-sistemi bankarji li jipprovdu tali servizzi. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, f’dan il-każ, it-talba għal ħlas tistax tiġi assimilata ma’ debitu, jew jekk din tikkostitwixxix biss it-trażmissjoni ta’ ordni tal-benefiċjarju u l-bidu tad-debitu tal-fondi fil-veru sens tal-kelma.

25      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 260/2012, il-fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas li jwettqu tranżazzjonijiet ta’ debitu dirett għandhom jiggarantixxu li l-identifikatur tal-kont ta’ ħlas tal-utent ikun in-numru IBAN. Għaldaqstant, tqum il-kwistjoni tal-effett tal-fatt li Alternative Payments ħolqot kontijiet ta’ ħlas fil-format IBAN għall-klijenti tagħha u attribwit lil kull wieħed minnhom kodiċi ta’ identifikazzjoni, iżda li dawn il-kontijiet huma ta’ utilità limitata, peress li l-klijenti ma għandhomx aċċess għalihom.

26      Konsegwentement, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, meta fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ benefiċjarju jittrażmetti ordnijiet ta’ debitu dirett, iżda ma jwettaqx direttament huwa stess tranżazzjonijiet ta’ debitu dirett u jiġbor il-fondi abbażi tal-kunsens minn qabel mogħti mill-persuni li jħallsu lill-klijenti tiegħu, din l-istituzzjoni tipprovdix servizz ta’ debitu dirett u għandhiex titqies li hija fornitur ta’ servizzi ta’ debitu dirett.

27      Jekk Alternative Payments titqies li ma hijiex fornitur ta’ servizzi ta’ debitu dirett u li ma tipprovdix servizzi ta’ debitu dirett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar kwalifiki eventwali oħra tas-servizzi ta’ ħlas ipprovduti minnha.

28      F’dan ir-rigward, fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tikkonstata li Alternative Payments hija detentriċi ta’ liċenzja li tawtorizzaha tipprovdi servizz ta’ akkwist ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi għalhekk jekk debitu dirett jistax jintuża bħala soluzzjoni teknika sabiex jiġi pprovdut servizz ta’ akkwist ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas u jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, meta istituzzjoni ta’ ħlas tittrażmetti ordnijiet ta’ debitu dirett, tiġbor fondi, u sussegwentement tittrasferixxihom fuq il-kontijiet miftuħa mill-klijenti tiegħu mingħand fornituri oħra ta’ servizzi ta’ ħlas, tali istituzzjoni tistax titqies li qegħda tipprovdi servizz ta’ akkwist ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas.

29      Fir-raba’ u l-aħħar lok, il-qorti tar-rinviju tikkonstata li, f’dan il-każ, huwa l-klijent ta’ Alternative Payments, jiġifieri l-benefiċjarju finali tal-fondi, li jibda t-tranżazzjoni ta’ debitu tal-fondi mill-kont ta’ min iħallas u jagħti lil Alternative Payments l-ordni li twettaq it-tranżazzjoni ta’ ħlas. Jekk Alternative Payments ma tipprovdix servizz ta’ akkwist ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas, għandu jiġi ddeterminat jekk is-servizz li jikkonsisti fil-bidu ta’ tranżazzjoni ta’ debitu dirett, peress li l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas jillimita ruħu li jittrażmetti t-talba għal debitu ta’ fondi mogħtija mill-klijent tiegħu, jistax jitqies li huwa “servizz ta’ bidu ta’ pagament”, fis-sens tal-punt 15 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2015/2366.

30      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      Il-punt 2 tal-Artikolu 2 tar-Regolament [Nru 260/2012] u l-punt 23 tal-Artikolu 4, paragrafi 3(a) u 4(a) tal-Anness I tad-[Direttiva 2015/2366], għandhom jiġu interpretati fis-sens li huwa biss il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ min iħallas li għandu jitqies li huwa l-fornitur ta’ servizzi ta’ debitu dirett, jew fis-sens li s-servizz huwa ipprovdut kemm mill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ min iħallas kif ukoll minn dak tal-benefiċjarju?

2)      Il-punt 2 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 260/2012 u l-punt 23 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2015/2366, kif ukoll il-paragrafi 3(a) u 4(a) tal-Anness I ta’ din id-direttiva, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li istituzzjoni ta’ ħlas, bħall-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tal-benefiċjarju, li tittrażmetti istruzzjonijiet ta’ debitu dirett, iżda li ma twettaqx direttament hija stess tranżazzjonijiet ta’ debitu u tiġbor il-fondi abbażi tal-kunsensi minn qabel tal-persuni li jħallsu mogħtija lill-klijenti (benefiċjarji) u tpoġġihom f’kontijiet b’funzjonalità ristretta, tkun qiegħda tipprovdi servizz ta’ debitu dirett?

3)      Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun li l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tal-benefiċjarju ma jitqiesx li huwa fornitur ta’ servizzi ta’ debitu dirett, u jekk ir-risposta għat-tieni domanda tkun fin-negattiv, il-punt 44 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2015/2366 u l-paragrafu 5 tal-Anness I ta’ din id-direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, istituzzjoni ta’ ħlas, bħall-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tal-benefiċjarju, li tittrażmetti istruzzjonijiet ta’ debitu dirett, iżda li ma twettaqx hija stess direttament tranżazzjonijiet ta’ debitu u tiġbor fondi abbażi tal-kunsensi minn qabel tal-persuni li jħallsu mogħtija lill-klijenti (benefiċjarji), u sussegwentement tittrasferixxi dawn il-fondi fil-kontijiet tal-klijenti miżmuma ma’ fornituri oħra ta’ servizzi ta’ ħlas, tkun qiegħda tipprovdi servizz ta’ pproċessar ta’ tranżazzjoni ta’ ħlas?

4)      Jekk ir-risposta għat-tielet domanda tkun fin-negattiv, il-punt 15 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2015/2366 u l-paragrafu 7 tal-Anness I ta’ din id-direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, istituzzjoni ta’ ħlas, bħall-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tal-benefiċjarju, li tibda servizz ta’ debitu dirett abbażi tal-istruzzjonijiet tal-benefiċjarju, iżda li ma twettaqx hija stess tranżazzjonijiet ta’ debitu dirett u tiġbor fondi abbażi tal-kunsensi minn qabel tal-persuni li jħallsu mogħtija lill-klijenti (benefiċjarji), għandha titqies li tipprovdi servizz ta’ bidu ta’ ħlas?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

31      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 2 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 260/2012, il-punt 23 tal-Artikolu 4 kif ukoll il-punt 3(a) u l-punt 4(a) tal-Anness I tad-Direttiva 2015/2366 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ debitu dirett, minbarra l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ min iħallas, il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tal-benefiċjarju għandu jitqies li huwa fornitur ta’ servizzi ta’ debitu dirett.

32      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kliem tagħha, il-kuntest li taqa’ fih u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha (sentenzi tas‑17 ta’ Novembru 1983, Merck, 292/82, EU:C:1983:335, punt 12, kif ukoll tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Alace u Canpelli, C‑758/24 u C‑759/24, EU:C:2025:591, punt 91).

33      Fir-rigward tal-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet li hija mitluba l-interpretazzjoni tagħhom, għandu jiġi rrilevat li l-Anness I tad-Direttiva 2015/2366 jinkludi lista ta’ servizzi ta’ ħlas imsemmija fil-punt 3 tal-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva. Fost l-attivitajiet elenkati f’din il-lista, jinsab b’mod partikolari, fil-punt 3(a) ta’ dan l-anness, “[e]sekuzzjoni ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagament, inkluż trasferimenti ta’ fondi fuq kont ta’ pagament mal-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament jew ma’ fornitur ta’ servizzi ta’ pagament ieħor” meta din it-tranżazzjoni tikkonsisti fl-“esekuzzjoni ta’ debiti diretti, inkluż debiti diretti ta’ darba”. Fl-imsemmija lista tinsab ukoll, fil-punt 4(a) tal-imsemmi anness, “[e]sekuzzjoni ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagament meta l-fondi huma koperti minn linja ta’ kreditu għal utent ta’ servizzi ta’ pagament”, meta din it-tranżazzjoni tikkonsisti fl-“esekuzzjoni ta’ debiti diretti, inkluż debiti diretti ta’ darba”.

34      Fir-rigward tal-kunċett ta’ “debitu dirett”, kemm id-Direttiva 2015/2366 kif ukoll ir-Regolament Nru 260/2012 jinkludu definizzjonijiet ta’ dan il-kunċett.

35      Id-Direttiva 2015/2366 tiddefinixxi “debitu dirett” fil-punt 23 tal-Artikolu 4 tagħha bħala “servizz ta’ pagament għall-ikkreditar ta’ kont ta’ pagament ta’ benefiċjarju b’tranżazzjoni ta’ pagament jew sensiela ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagament minn kont ta’ pagament ta’ pagatur mill-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament li jżomm il-kont ta’ pagament tal-pagatur, abbażi ta’ struzzjoni mogħtija mill-pagatur”.

36      Ir-Regolament Nru 260/2012 jiddefinixxi, fil-punt 2 tal-Artikolu 2 tiegħu, debitu dirett bħala “servizz ta’ pagament nazzjonali jew transkonfinali għad-debitu ta’ kont ta’ pagament ta’ min iħallas, meta tranżazzjoni ta’ pagament tinbeda mill-benefiċjarju abbażi tal-kunsens ta’ min iħallas”.

37      Għandu jiġi rrilevat li dawn id-dispożizzjonijiet jiddefinixxu debitu dirett bħala servizz ta’ ħlas li, l-ewwel nett, huwa intiż li jiddebita l-kont ta’ ħlas ta’ min iħallas, it-tieni nett, huwa tranżazzjoni ta’ ħlas mibdija mill-benefiċjarju u, it-tielet nett, huwa tranżazzjoni mibdija abbażi tal-kunsens ta’ min iħallas. Fir-rigward ta’ dan l-aħħar element, id-Direttiva 2015/2366 tippreċiża li d-destinatarji possibbli tal-kunsens ta’ min iħallas huma l-benefiċjarju, il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ dan tal-aħħar jew dak ta’ min iħallas. Kif tikkonferma l-premessa 76 ta’ din id-direttiva, il-kunsens ta’ min iħallas jingħata permezz ta’ “mandat”, li d-definizzjoni tiegħu tinsab fil-punt 21 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 260/2012.

38      Minkejja li ebda waħda mill-imsemmija dispożizzjonijiet ma tippreċiża b’mod espliċitu jekk it-tranżazzjoni ta’ debitu dirett bħala servizz ta’ ħlas hijiex ipprovduta biss mill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ min iħallas jew ukoll minn dak tal-benefiċjarju tal-ħlas, dawn tal-aħħar isemmu xorta waħda l-persuni involuti fl-eżekuzzjoni ta’ debitu dirett kif ukoll ir-rabtiet ġuridiċi bejniethom.

39      Fil-fatt, l-istess dispożizzjonijiet jippreċiżaw li l-eżekuzzjoni ta’ debitu dirett timplika erba’ persuni, jiġifieri, minn naħa, min iħallas u l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tiegħu u, min-naħa l-oħra, il-benefiċjarju u l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tiegħu. Fl-eżekuzzjoni ta’ debitu dirett, il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tal-benefiċjarju jwettaq żewġ tranżazzjonijiet. Minn naħa, huwa jittrażmetti l-ordni ta’ debitu dirett mill-klijent tiegħu lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ min iħallas u, min-naħa l-oħra, huwa jiġbor il-fondi ddebitati mill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ min iħallas. Fir-rigward tal-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ min iħallas, huwa jiddebita l-kont ta’ min iħallas, wara li jirċievi l-ordni ta’ debitu dirett u bil-kundizzjoni li min iħallas ikun ta l-kunsens tiegħu.

40      Min-naħa l-oħra, ebda ġerarkija tat-tranżazzjonijiet imwettqa minn kull wieħed mill-fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas ma tirriżulta minn dawn il-kliem. Għall-kuntrarju, minn dan iktar jirriżulta li dawn it-tranżazzjonijiet kollha huma neċessarji sabiex ikun jista’ jsir debitu dirett.

41      Konsegwentement, mill-interpretazzjoni letterali tal-punt 2 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 260/2012, tal-punt 23 tal-Artikolu 4 kif ukoll tal-punt 3(a) u tal-punt 4(a) tal-Anness I tad-Direttiva 2015/2366 jirriżulta li, fl-eżekuzzjoni ta’ debitu dirett, kemm il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tal-benefiċjarju kif ukoll dak ta’ min iħallas jipprovdu servizz ta’ debitu dirett.

42      Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata minn kunsiderazzjonijiet relatati mal-kuntest leġiżlattiv li jaqgħu fih dawn id-dispożizzjonijiet kif ukoll mal-għanijiet imfittxija minnhom.

43      Għalhekk, fir-rigward tal-interpretazzjoni kuntestwali, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2015/2366 hija intiża li tistabbilixxi, konformement mal-Artikolu 1(2)(b) tagħha, regoli dwar “id-drittijiet u l-obbligi rispettivi tal-utenti ta’ servizzi ta’ pagament u tal-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament b’rabta mal-forniment ta’ servizzi ta’ pagament b’rabta mal-għoti ta’ servizzi ta’ pagament bħala xogħol regolari jew attività ta’ negozju”.

44      Kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 46 u 47 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-Direttiva 2015/2366, u b’mod partikolari l-Artikolu 81(3) u l-Artikolu 83(3) tagħha, tipprevedi obbligi speċifiċi għall-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tal-benefiċjarju fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ debitu dirett.  Fil-fatt, konformement mal-Artikolu 81(3) ta’ din id-direttiva, il-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament tal-benefiċjarju għandu jiżgura li l-ammont sħiħ tat-tranżazzjoni ta’ ħlas ikun riċevut mill-benefiċjarju. Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 83(3) tal-imsemmija direttiva, dan il-fornitur għandu jittrażmetti l-ordni ta’ ħlas lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ min iħallas fit-termini miftiehma, b’mod li jippermetti l-ħlas fid-data miftiehma f’każ ta’ debitu dirett.

45      Għaldaqstant, kif enfasizza, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 47 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-Direttiva 2015/2366 tippreżupponi li, minbarra l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ min iħallas, il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tal-benefiċjarju jipparteċipa wkoll fis-servizz ta’ debitu dirett, mingħajr ma din il-parteċipazzjoni titnaqqas għal sempliċi intervent tekniku.

46      Barra minn hekk, fir-rigward tal-kunsens ta’ min iħallas, għandu jiġi rrilevat li l-punt 21 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 260/2012 jiddefinixxi l-“mandat” bħala “l-espressjoni ta’ kunsens u awtorizzazzjoni mogħtija minn min iħallas lill-benefiċjarju u (direttament jew indirettament permezz tal-benefiċjarju) lill-[fornitur ta’ servizzi ta’ pagament] ta’ min iħallas biex jippermetti lill-benefiċjarju jibda jiġbor id-debitu tal-kont tal-pagament speċifikat ta’ min iħallas u biex il-PSP ta’ min iħallas ikun jista’ jikkonforma ma’ tali istruzzjonijiet”.

47      Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 45 tal-konklużjonijiet tiegħu, din id-definizzjoni tikkonferma li debitu dirett huwa tranżazzjoni mwettqa kemm mill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ min iħallas kif ukoll minn dak tal-benefiċjarju, peress li dan tal-aħħar huwa awtorizzat, permezz tal-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tiegħu, jindirizza ordni ta’ ħlas lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ min iħallas.

48      Fir-rigward tal-interpretazzjoni teleoloġika, il-premessa 6 tad-Direttiva 2015/2366 tindika li din hija intiża, b’mod partikolari, sabiex tistabbilixxi regoli ġodda fil-qasam tas-servizzi ta’ ħlas sabiex jimtlew il-lakuni regolatorji, sabiex tiġi żgurata ċarezza legali ikbar u applikazzjoni koerenti tal-qafas leġiżlattiv fl-Unjoni kollha. Barra minn hekk, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 31 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-kuntest tad-Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern li temenda d-Direttivi 97/7/KE, 2002/65/KE, 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 97/5/KE (ĠU 2007, L 319, p. 1), li ppreċediet id-Direttiva 2015/2366, li l-kunċett ta’ “debitu dirett” huwa ddefinit b’mod wiesa’ [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ April 2019, Mediterranean Shipping Company (Portugal) – Agentes de Navegação, C‑295/18, EU:C:2019:320, punti 38 u 48].

49      F’dan ir-rigward, interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “debitu dirett” li tipprovdi li s-servizz ta’ debitu dirett huwa pprovdut kemm mill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tal-benefiċjarju kif ukoll minn dak ta’ min iħallas tippermetti li tiġi evitata frammentazzjoni tas-servizz ta’ debitu dirett f’diversi tranżazzjonijiet ipprovduti minn kull wieħed minn dawn il-fornituri. Tali interpretazzjoni ssaħħaħ iċ-ċarezza tas-sistema legali applikabbli għal dawn is-servizzi, kif ukoll l-applikazzjoni koerenti ta’ din is-sistema, li ġiet stabbilita mir-Regolament Nru 260/2012 u mid-Direttiva 2015/2366.

50      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-punt 2 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 260/2012, il-punt 23 tal-Artikolu 4 kif ukoll il-punt 3(a) u l-punt 4(a) tal-Anness I tad-Direttiva 2015/2366 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ debitu dirett, kemm il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tal-benefiċjarju kif ukoll dak ta’ min iħallas għandhom jitqiesu bħala fornituri ta’ servizzi ta’ debitu dirett.

 Fuq it-tieni domanda

51      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 2 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 260/2012, il-punt 23 tal-Artikolu 4 kif ukoll il-punt 3(a) tal-Anness I u l-punt 4(a) tal-Anness I tad-Direttiva 2015/2366 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tal-benefiċjarju, li jittrażmetti ordnijiet ta’ debitu dirett, mingħajr ma jwettaq huwa stess direttament tranżazzjoni ta’ debitu dirett, u jiġbor fondi skont il-kunsensi minn qabel mogħtija minn min iħallas lill-klijenti tiegħu fuq kontijiet b’funzjonalità limitata, jipprovdi servizz ta’ debitu dirett.

52      Preliminarjament, għandu jitfakkar li mir-risposta mogħtija għall-ewwel domanda jirriżulta li, fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ debitu dirett, kemm il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ min iħallas kif ukoll dak tal-benefiċjarju jipprovdu servizz ta’ debitu dirett. It-tieni domanda għandha l-għan li tiddetermina jekk fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas li sempliċement jittrażmetti l-ordnijiet ta’ debitu dirett u jiġbor il-fondi kkonċernati minn kontijiet b’funzjonalità limitata jipprovdix servizz ta’ debitu dirett.

53      Fir-rigward tar-rilevanza eventwali tal-fatt li Alternative Payments ma tiddebitax hija stess il-fondi kkonċernati, peress li huwa l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ min iħallas li jagħmel dan, mir-risposta għall-ewwel domanda preliminari jirriżulta li, fil-kuntest tal-implimentazzjoni ta’ tranżazzjoni ta’ debitu dirett, kemm l-intervent tal-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ min iħallas kif ukoll dak tal-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tal-benefiċjarju huma neċessarji. Minn dan jirriżulta li l-fatt li l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tal-benefiċjarju ma jagħmilx huwa stess id-debitu tal-fondi kkonċernati, azzjoni li taqa’ biss fuq il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ min iħallas, ma għandu ebda effett fuq il-klassifikazzjoni tas-servizz li huwa joffri.

54      Din il-konklużjoni hija kkonfermata mill-kuntest leġiżlattiv li jaqgħu fih id-dispożizzjonijiet li l-interpretazzjoni tagħhom hija mitluba. Fil-fatt, ir-Regolament Nru 260/2012 jiddefinixxi, fil-punt 20 tal-Artikolu 2 tiegħu, il-“ġbir” bħala “parti minn tranżazzjoni ta’ debitu dirett, mill-bidu tat-tranżazzjoni msemmija mill-benefiċjarju sal-konklużjoni tagħha permezz tad-debitu normali tal-kont ta’ pagament ta’ min iħallas”. Din id-definizzjoni tikkorrobora l-konklużjoni li l-ġbir tal-fondi kkonċernati jagħmel parti mill-eżekuzzjoni ta’ debitu dirett bħala tranżazzjoni mwettqa b’mod konġunt mill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tal-benefiċjarju u minn dak ta’ min iħallas.

55      Fir-rigward tal-karatteristiċi tal-kont tal-benefiċjarju, għandu jiġi enfasizzat li la d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “debitu dirett”, kif tinsab fil-punt 23 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2015/2366, u lanqas id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “benefiċjarju”, kif tinsab f’dan il-punt 9 tal-Artikolu 4, ma jirreferu għall-kont tal-benefiċjarju. Min-naħa l-oħra, il-kunċett ta’ “benefiċjarju”, kif jinsab fil-punt 4 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 260/2012, jeżiġi li r-riċevitur tal-fondi kkonċernati jkun “kont tal-pagament”.

56      Fir-rigward tal-kont li benefiċjarju għandu jkun id-detentur tiegħu, mid-definizzjoni tal-kunċett ta’ “kont tal-pagament”, li tinsab fil-punt 5 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 260/2012, jirriżulta li dan għandu jkun “kont miżmum f’isem utent wieħed jew aktar ta’ servizzi ta’ pagament li jintuża għall-esekuzzjoni ta’ tranżazzjonjiet ta’ pagament”.

57      Minn qari flimkien tad-dispożizzjonijiet li tintalab l-interpretazzjoni tagħhom u tal-punt 5 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 260/2012 jirriżulta li l-benefiċjarju ta’ tranżazzjoni ta’ debitu dirett għandu jżomm kont ta’ ħlas mingħand fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas, fejn dan il-kont jintuża għall-finijiet tat-twettiq tat-tranżazzjoni ta’ debitu dirett. Madankollu, la dawn id-dispożizzjonijiet u lanqas id-definizzjoni legali tal-kunċett ta’ “kont tal-ħlas” ma jimponu rekwiżiti oħra fir-rigward tal-karatteristiċi ta’ dawn il-kontijiet, b’mod partikolari fir-rigward tat-tip ta’ aċċess li l-persuna li għandha l-imsemmija kontijiet għandha tibbenefika minnu.

58      Fl-assenza ta’ tali elementi fil-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, għandu jiġi dedott minnhom li l-fatt li l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tal-benefiċjarju juża kontijiet b’funzjonalità limitata, li għalihom il-benefiċjarju ma jistax jaċċedi direttament, huwa irrilevanti għall-klassifikazzjoni tat-tranżazzjoni bħala tranżazzjoni ta’ debitu dirett. Kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 65 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan il-fatt ma jipprekludix lil fornitur bħal Alternative Payments milli jaġixxi sabiex jippermetti lill-benefiċjarji jirċievu l-ħlas permezz ta’ debitu dirett u sabiex jiffaċilita t-trasferiment tal-fondi ta’ min iħallas lill-benefiċjarju b’eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ debitu dirett. Huwa irrilevanti, f’dan ir-rigward, li Alternative Payments tintervjeni biss bħala intermedjarju li jiċċentralizza l-ġestjoni tal-ġbir tad-debiti diretti, filwaqt li l-benefiċjarji għandhom aċċess sħiħ għas-somom korrispondenti biss ladarba dawn ikunu ġew ikkreditati fil-kontijiet li huma jżommu ma’ fornituri oħra ta’ servizzi ta’ ħlas.

59      Barra minn hekk, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 62 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-fatt li l-kontijiet b’funzjonalità limitata huma identifikati bl-użu ta’ numru IBAN u jistgħu jirċievu ħlasijiet ipproċessati minn sistema ta’ ħlas amministrata minn bank ċentrali jikkonferma l-konklużjoni li tinsab fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza.

60      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-punt 2 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 260/2012, il-punt 23 tal-Artikolu 4 kif ukoll il-punt 3(a) u l-punt 4(a) tal-Anness I tad-Direttiva 2015/2366 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tal-benefiċjarju, li jittrażmetti ordnijiet ta’ debitu dirett, mingħajr ma jwettaq huwa stess direttament tranżazzjoni ta’ debitu dirett, u jiġbor fondi skont il-kunsensi minn qabel mogħtija minn min iħallas lill-klijenti tiegħu fuq kontijiet b’funzjonalità limitata, jipprovdi servizz ta’ debitu dirett.

 Fuq it-tielet u r-raba’ domanda

61      Fid-dawl tar-risposti mogħtija għall-ewwel u għat-tieni domanda u sa fejn it-tielet u r-raba’ domanda huma magħmula fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel u għat-tieni domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet u għar-raba’ domanda.

 Fuq l-ispejjeż

62      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-punt 2 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 260/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Marzu 2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u tan-negozju għat-trasferimenti ta’ kreditu u debiti diretti bl-euro u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 924/2009, il-punt 23 tal-Artikolu 4 kif ukoll tal-punti 3(a) u l-punt 4(a) tal-Anness I tad-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ debitu dirett, kemm il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tal-benefiċjarju kif ukoll dak ta’ min iħallas għandhom jitqiesu bħala fornituri ta’ servizzi ta’ debitu dirett.

2)      Il-punt 2 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 260/2012, il-punt 23 tal-Artikolu 4 kif ukoll il-punt 3(a) u l-punt 4(a) tal-Anness I tad-Direttiva 2015/2366

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tal-benefiċjarju, li jittrażmetti ordnijiet ta’ debitu dirett, mingħajr ma jwettaq huwa stess direttament tranżazzjoni ta’ debitu dirett, u jiġbor fondi skont il-kunsensi minn qabel mogħtija minn min iħallas lill-klijenti tiegħu fuq kontijiet b’funzjonalità limitata, jipprovdi servizz ta’ debitu dirett.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Litwan.