SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

2 ta’ Ottubru 2025 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas 2008/947/ĠAI – Rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet ta’ probation – Artikolu 1 – Kamp ta’ applikazzjoni – Rilaxx taħt sorveljanza b’obbligu ta’ trattament mediku residenzjali fi stabbiliment konfinat – Miżura li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà – Obbligu ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni”

Fil-Kawża C‑391/24 [Nolgers] ( i ),

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-strafuitvoeringsrechtbank van de Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg Brussel (il-qorti tal-eżekuzzjoni tal-pieni tal-qorti tal-ewwel istanza ta’ lingwa Olandiża ta’ Brussell, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat‑3 ta’ Ġunju 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑4 ta’ Ġunju 2024, fil-proċedura kriminali kontra

LZ,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn D. Gratsias, President tal-Awla, E. Regan (Relatur) u B. Smulders, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għall-Gvern Belġjan, minn L. Jans, C. Pochet u M. Van Regemorter, bħala aġenti,

–

għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn M. K. Bulterman u J. Langer, bħala aġenti,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn T. Franchoo, H. Leupold u J. Vondung, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/947/ĠAI tas‑27 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi u deċiżjonijiet li jinvolvu probation bil-ħsieb ta’ sorveljanza ta’ miżuri ta’ probation u ta’ sanzjonijiet alternattivi (ĠU 2008, L 337, p. 102)

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura dwar talba għal-liberazzjoni taħt sorveljanza mressqa minn LZ.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Deċiżjoni Qafas 2008/909/ĠAI

3

L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909 tas‑27 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea (ĠU 2008, L 327, p. 27), intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni Qafas:

(a)

‘sentenza’ għandha tfisser deċiżjoni finali jew ordni tal-qorti ta’ l-Istat emittenti li timponi piena fuq persuna fiżika;

(b)

‘piena’ għandha tfisser kwalunkwe piena ta’ kustodja jew kwalunkwe miżura li tinvolvi ċaħda tal-libertà imposta għal perijodu ta’ żmien limitat jew mhux limitat minħabba reat kriminali abbażi ta’ proċedimenti kriminali;

[…]”

4

L-Artikolu 3 ta’ din id-deċiżjoni qafas, intitolat “Għan u Ambitu”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-għan ta’ din id-Deċiżjoni Qafas hija li tistabbilixxi r-regoli li taħthom Stat Membru, bil-ħsieb li jiffaċilita r-riabilitazzjoni soċjali tal-persuna sentenzjata, għandu jirrikonoxxi sentenza u jinforza l-piena.”

5

L-Artikolu 8 tal-imsemmija deċiżjoni qafas, intitolat “Rikonoxximent tas-sentenza u infurzar tal-piena”, jipprovdi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

“Fejn il-piena tkun inkompatibbli mal-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni f’termini tan-natura tagħha, l-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat ta’ esekuzzjoni tista’ tadattaha għall-piena jew għall-miżura prevista taħt il-liġi tagħha stess għal reati simili. Tali piena jew miżura għandha tikkorrispondi kemm jista’ jkun possibbli mal-piena imposta fl-Istat emittenti u għalhekk l-piena m’għandhiex tiġi konvertita f’piena pekunjarja.”

6

L-Artikolu 9 ta’ din id-deċiżjoni qafas, intitolat “Raġunijiet għal non-rikonoxximent jew non-infurzar”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni tista’ tirrifjuta li tirrikonoxxi s-sentenza u li tinforza l-piena, jekk:

[…]

k)

il-piena imposta tinkludi miżura ta’ kura psikjatrika jew tas-saħħa jew miżura oħra li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà, li, minkejja l-Artikolu 8(3), ma jistgħux jiġu esegwiti mill-Istat ta’ esekuzzjoni skond is-sistemi legali jew tal-kura tas-saħħa tiegħu;

[…]”

Id-Deċiżjoni Qafas 2008/947

7

Skont il-premessa 3 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/947:

“Id-Deċiżjoni Qafas [2008/909] tikkonċerna r-rikonoxximent u l-infurzar reċiproku ta’ sentenzi jew miżuri ta’ kustodja li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà. Huma meħtieġa regoli komuni ulterjuri, b’mod partikolari fejn sentenza mhux ta’ kustodja li tinvolvi s-sorveljanza ta’ miżuri ta’ probation jew sanzjonijiet alternattivi, tkun ġiet imposta fir-rigward ta’ persuna li ma jkollhiex ir-residenza legali u ordinarja tagħha fl-Istat fejn tinstab il-ħtija.”

8

L-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni qafas, intitolat “Għanijiet u Ambitu ta’ applikazzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu:

“1.   Din id-Deċiżjoni Qafas għandha l-għan li tiffaċilita r-re-abilitazzjoni soċjali ta’ persuni sentenzjati, li ttejjeb il-protezzjoni tal-vittmi u tal-pubbliku ġenerali, u li tiffaċilita l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ probation u sanzjonijiet alternattivi xierqa fil-każ ta’ ħatjin li ma jgħixux fl-Istat fejn tinstab il-ħtija. Bil-ħsieb li jinkisbu dawn l-għanijiet, din id-Deċiżjoni Qafas tistabbilixxi regoli li konformement magħhom Stat Membru, minbarra l-Istat Membru li fih il-persuna kkonċernata tkun ġiet issentenzjata, jirrikonoxxi sentenzi u, fejn applikabbli, deċiżjonijiet ta’ probation u jissorvelja miżuri ta’ probation imposti abbażi ta’ sentenza, jew sanzjonijiet alternattivi li jinsabu f’tali sentenza, u jieħu d-deċiżjonijiet l-oħrajn kollha relatati ma’ dik is-sentenza, sakemm ma jkunx pprovdut mod ieħor f’din id-Deċiżjoni Qafas.

2.   Din id-Deċiżjoni Qafas għandha tapplika biss għal:

(a)

ir-rikonoxximent ta’ sentenzi u, fejn applikabbli, deċiżjonijiet ta’ probation;

(b)

it-trasferiment tar-responsabbiltà għas-sorveljanza tal-miżuri ta’ probation u sanzjonijiet alternattivi;

(ċ)

id-deċiżjonijiet l-oħrajn kollha relatati ma’ dawk taħt a) u b),

kif deskritt fi u previst f’din id-Deċiżjoni Qafas.

3.   Din id-Deċiżjoni Qafas ma għandhiex tapplika għal:

(a)

esekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà li jaqgħu fl-ambitu ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill [2008/909];

[…]”

9

Skont l-Artikolu 2 tal-imsemmija deċiżjoni qafas, intitolat “Definizzjonijiet”:

“Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni Qafas:

(1)

‘sentenza’ għandha tfisser deċiżjoni finali jew ordni tal-qorti ta’ l-Istat emittenti, li tistabbilixxi li persuna fiżika wettqet reat kriminali u li timponi:

(a)

piena ta’ kustodja jew miżura li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà, jekk ikun ingħata rilaxx kondizzjonali abbażi ta’ dik is-sentenza jew permezz ta’ deċiżjoni ta’ probation sussegwenti,

(b)

sentenza sospiża,

(ċ)

sentenza kondizzjonali,

(d)

sanzjoni alternattiva;

(2)

‘sentenza sospiża’ għandha tfisser sentenza ta’ kustodja jew miżura li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà, li l-esekuzzjoni tagħha hija sospiża kondizzjonalment, fl-intier tagħha jew parzjalment, meta s-sentenza tingħata permezz ta’ l-impożizzjoni ta’ miżura ta’ probation waħda jew aktar. Tali miżuri ta’ probation jistgħu jingħataw fis-sentenza nnifisha jew f’deċiżjoni ta’ probation separata meħuda minn awtorità kompetenti;

(3)

‘sentenza kondizzjonali’ għandha tfisser sentenza li fiha l-impożizzjoni ta’ sentenza tkun ġiet differita kondizzjonalment bl-impożizzjoni ta’ miżura ta’ probation waħda jew aktar jew li fiha miżura ta’ probation waħda jew aktar jiġu imposti flok sentenza ta’ kustodja jew miżura li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà. Tali miżuri ta’ probation jistgħu jingħataw fis-sentenza nnifisha jew f’deċiżjoni ta’ probation separata meħuda minn awtorità kompetenti;

(4)

‘sanzjoni alternattiva’ għandha tfisser sanzjoni, barra minn sentenza ta’ kustodja, miżura li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà jew piena finanzjarja, li timponi obbligu jew istruzzjoni;

(5)

‘deċiżjoni ta’ probation’ għandha tfisser deċiżjoni finali ta’ qorti jew deċiżjoni finali ta’ awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti meħuda abbażi ta’ tali sentenza li

(a)

tagħti rilaxx kondizzjonali, jew

(b)

timponi miżuri ta’ probation;

(6)

‘rilaxx kondizzjonali’ għandha tfisser deċiżjoni finali minn awtorità kompetenti jew li toħroġ mil-liġi nazzjonali dwar ir-rilaxx kmieni ta’ persuna sentenzjata wara li parti mis-sentenza ta’ kustodja jew miżura li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà tkun ġiet skontata bl-impożizzjoni ta’ miżura ta’ probation waħda jew aktar;

(7)

‘miżuri ta’ probation’ għandha tfisser l-obbligi u l-istruzzjonijiet imposti minn awtorità kompetenti fuq persuna fiżika, skond il-liġi nazzjonali ta’ l-Istat emittenti, in konnessjoni ma’ sentenza sospiża, sentenza kondizzjonali jew rilaxx kondizzjonali;

[…]”

10

L-Artikolu 4 ta’ din id-deċiżjoni qafas, intitolat “Tipi ta’ miżuri ta’ probation u sanzjonijiet alternattivi”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

Din id-Deċiżjoni Qafas għandha tapplika għall-miżuri ta’ probation jew is-sanzjonijiet alternattivi li ġejjin:

[…]

(k) obbligu li jsirilha trattament terapewtiku jew trattament għal xi vizzju […]”

11

L-Artikolu 9 ta’ din id-deċiżjoni qafas, intitolat “Adattament tal-miżuri ta’ probation jew is-sanzjonijiet alternattivi”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 u 3 tiegħu:

“1.   Jekk in-natura jew it-tul ta’ żmien tal-miżura ta’ probation jew is-sanzjoni alternattiva rilevanti, jew it-tul ta’ żmien tal-perijodu ta’ probation, ikunu inkompatibbli mal-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni, l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat tista’ tadattahom b’mod konformi man-natura u t-tul ta’ żmien tal-miżuri ta’ probation u s-sanzjonijiet alternattivi, jew it-tul ta’ żmien tal-perijodu ta’ probation, li japplikaw, skond il-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni, għal reati ekwivalenti. Il-miżura ta’ probation, is-sanzjoni alternattiva jew it-tul ta’ żmien tal-perijodu ta’ probation adattati għandhom jikkorrispondu kemm jista’ jkun ma’ dawk imposti fl-Istat emittenti.

[…]

3.   Il-miżura ta’ probation adattata, is-sanzjoni alternattiva jew il-perijodu ta’ probation m’għandhomx ikunu aktar severi jew itwal mill-miżura ta’ probation, is-sanzjoni alternattiva jew il-perijodu ta’ probation li kien impost oriġinarjament.”

12

L-Artikolu 11 ta’ din id-deċiżjoni qafas, intitolat “Raġunijiet għar-rifjut ta’ rikonoxximent u sorveljanza”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

L-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni tista’ tiċħad li tirrikonoxxi s-sentenza jew, fejn applikabbli, id-deċiżjoni ta’ probation u tassumi r-responsabbiltà għas-sorveljanza ta’ miżuri ta’ probation jew sanzjonijiet alternattivi jekk:

[…]

(i)

is-sentenza jew, fejn applikabbli, id-deċiżjoni ta’ probation tipprovdi għal trattament mediku/terapewtiku li, minkejja d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 9, l-Istat ta’ esekuzzjoni ma jkunx jista’ jissorvelja minħabba s-sistema legali jew tal-kura tas-saħħa tiegħu;

[…]”

Id-dritt Belġjan

13

L-Artikolu 34a tal-iStrafwetboek (il-Kodiċi Kriminali) jipprovdi:

“It-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-qorti tal-eżekuzzjoni tal-pieni hija piena addizzjonali li għandha jew tista’ tiġi imposta fil-każijiet previsti mil-liġi għall-finijiet tal-protezzjoni tas-soċjetà fir-rigward ta’ persuni li jkunu wettqu ċerti fatti serji li jippreġudikaw l-integrità tal-persuni. Din il-piena addizzjonali tibda tiddekorri mal-iskadenza tal-priġunerija prinċipali jew tal-iżolament.”

14

L-Artikolu 56 tal-wet betreffende de externe rechtspositie van de veroordeelden tot een vrijheidsstraf en de aan het slachtoffer toegekende rechten in het raam van de strafuitvoeringsmodaliteiten (il-Liġi dwar l-istatus ġuridiku estern tal-persuni kkundannati għal piena ta’ priġunerija u għad-drittijiet irrikonoxxuti lill-vittma fil-kuntest tal-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tal-piena), tas-17 ta’ Mejju 2006 (Belgisch Staatsblad, 15 ta’ Ġunju 2006, p. 30455), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“WERV”), jipprevedi:

“(1)   Il-qorti tal-eżekuzzjoni tal-pieni tista’ tissuġġetta lill-persuna kkundannata għal kundizzjonijiet partikolari individwalizzati li jippermettu t-twettiq tal-pjan ta’ integrazzjoni soċjali mill-ġdid, li jippermettu li jiġu ssodisfatti l-kontraindikazzjonijiet, imsemmija fl-Artikolu 47(1), jew li jirriżultaw neċessarji fl-interess tal-vittmi.

[…]”

15

L-Artikolu 95/2 tal-WERV jipprovdi:

“(1) It-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-qorti tal-eżekuzzjoni tal-pieni imposta fir-rigward tal-persuna kkundannata skont l-Artikoli 34a sa 34c tal-Kodiċi Kriminali jibda jiddekorri mal-iskadenza tal-piena prinċipali.

(2) Il-qorti tal-eżekuzzjoni tal-pieni għandha tiddeċiedi qabel l-iskadenza tal-piena prinċipali konformement mal-proċedura stabbilita fit-Taqsima 2, jew li ċċaħħad mil-libertà, jew li tillibera taħt sorveljanza lill-persuna kkundannata mqiegħda għad-dispożizzjoni.

Wara eżami mill-qorti tal-eżekuzzjoni tal-pieni prevista fil-paragrafu 1, il-persuna kkundannata li kienet tibbenefika minn libertà kkundizzjonata fi tmiem il-perijodu ta’ probation tagħha titqiegħed f’libertà taħt sorveljanza, jekk ikun il-każ b’kundizzjonijiet bħal dawk previsti fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 95/7.

(3) Il-persuna kkundannata mqiegħda għad-dispożizzjoni hija mċaħħda mil-libertà tagħha meta jkun hemm riskju li hija twettaq reati serji li jippreġudikaw l-integrità fiżika jew psikoloġika ta’ terzi u meta ma jkunx possibbli li dan ir-riskju jiġi rrimedjat billi jiġu imposti kundizzjonijiet partikolari fil-kuntest ta’ libertà taħt sorveljanza.”

16

Skont l-Artikolu 95/7 tal-WERV:

“[…]

(2) Jekk il-qorti tal-eżekuzzjoni tal-pieni tagħti l-ħelsien taħt sorveljanza, hija għandha tistabbilixxi li l-persuna kkundannata mqiegħda għad-dispożizzjoni hija suġġetta għall-kundizzjonijiet ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 55.

Il-qorti tal-eżekuzzjoni tal-pieni tista’ tissuġġetta lill-persuna kkundannata mqiegħda għad-dispożizzjoni għal kundizzjonijiet partikolari individwalizzati li jindirizzaw ir-riskju li hija twettaq reati serji li jistgħu jippreġudikaw l-integrità fiżika jew psikoloġika ta’ persuni jew li jirriżultaw neċessarji fl-interess tal-vittmi.

Fil-każ fejn il-persuna kkundannata titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-qorti tal-eżekuzzjoni tal-pieni għal wieħed mill-fatti msemmija fl-Artikoli 371/1, 371/2, 372, 373(2) u (3), 375, 376(2) u (3), jew 377(1), (2), (4) u (6) tal-Kodiċi Kriminali, il-qorti tal-eżekuzzjoni tal-pieni tista’ tissuġġetta l-liberatà taħt sorveljanza għall-kundizzjoni li tiġi segwita gwida jew trattament ma’ dipartiment speċjalizzat fil-gwida jew fit-trattament ta’ delinkwenti sesswali. Il-qorti tal-eżekuzzjoni tal-pieni għandha tistabbilixxi t-tul tal-perijodu li matulu l-persuna kkundannata għandha ssegwi din il-gwida jew dan it-trattament.

[…]”

17

L-Artikolu 95/21 tal-WERV jipprovdi:

“Wara ċaħda tal-libertà ta’ sena, ibbażata esklużivament fuq id-deċiżjoni wara t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-qorti tal-eżekuzzjoni tal-pieni, il-qorti tal-eżekuzzjoni tal-pieni għandha teżamina ex officio l-possibbiltà li tingħata libertà taħt sorveljanza. Iċ-ċaħda mil-libertà tal-persuna kkundannata mqiegħda għad-dispożizzjoni tinżamm meta jkun hemm riskju li hija twettaq reati serji li jippreġudikaw l-integrità fiżika jew psikoloġika ta’ terzi u meta ma jkunx possibbli li dan ir-riskju jiġi rrimedjat billi jiġu imposti kundizzjonijiet partikolari fil-kuntest ta’ libertà taħt sorveljanza.

Id-direttur għandu jagħti opinjoni erba’ xhur qabel l-iskadenza msemmija fis-subparagrafu 1. L-Artikolu 95/3(2) japplika.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

18

LZ, ċittadin tal-Pajjiżi l-Baxxi, ġie kkundannat fit‑2 ta’ Diċembru 2011 mir-rechtbank van eerste aanleg van Antwerpen (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Antwerpen, il-Belġju) għal piena ta’ tmien snin priġunerija għal stupru bi vjolenza fuq bintu minuri, li kellha inqas minn erbatax-il sena fil-mument tal-fatti, biċ-ċirkustanza aggravanti li huwa kien axxendent dirett, kif ukoll għall-attentat ta’ reat ta’ indeċenza mwettaq fuq bintu minuri u fuq waħda mill-ħbieb tagħha, għaż-żamma u għad-distribuzzjoni ta’ materjal pedopornografiku u talli għamel theddid. Ingħatat ukoll fir-rigward tiegħu piena ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-qorti tal-eżekuzzjoni tal-pieni għal perijodu ta’ għaxar snin, b’applikazzjoni, b’mod partikolari, tal-Artikolu 34a tal-Kodiċi Kriminali.

19

Fis‑26 ta’ Novembru 2013, LZ talab li jiġi ttrasferit f’ħabs fil-Pajjiżi l-Baxxi sabiex hemmhekk ikompli l-eżekuzzjoni tal-piena tiegħu. L-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi ċaħdu t-talba tiegħu minħabba li LZ ma kellux rabtiet suffiċjenti mal-Pajjiżi l-Baxxi u li ma kienx inkluż fil-listi tal-amministrazzjoni komunali bażiċi ta’ dan l-Istat Membru.

20

Fis‑27 ta’ Awwissu 2015, LZ ressaq l-istess talba, u żied li xtaq jiżgura l-integrazzjoni mill-ġdid tiegħu fil-Pajjiżi l-Baxxi. Fir-risposta tagħhom, l-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi indikaw li kienu lesti jirrikonoxxu l-piena ta’ priġunerija, iżda mhux dik tat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ qorti tal-eżekuzzjoni tal-pieni, għar-raġuni li din il-miżura ma għandhiex ekwivalenti fid-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi. Fil-prattika, trasferiment lejn il-Pajjiżi l-Baxxi kien ikollu bħala konsegwenza l-ħelsien ta’ LZ fi tmiem il-piena ta’ priġunerija tiegħu, b’tali mod li tali trasferiment ma setax iseħħ.

21

Fit‑3 ta’ Lulju 2019, waslet fi tmiemha l-piena ta’ tmien snin priġunerija li kien ġie kkundannat għaliha LZ u daħlet fis-seħħ dik tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-qorti tal-eżekuzzjoni tal-pieni.

22

F’dan il-kuntest, l-istrafuitvoeringsrechtbank van de Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg Brussel (il-qorti tal-eżekuzzjoni tal-pieni tal-qorti tal-ewwel istanza ta’ lingwa Olandiża ta’ Brussell, il-Belġju), li hija l-qorti tar-rinviju, għandha tiddeċiedi dwar “liberazzjoni taħt sorveljanza” ta’ LZ jew il-prosekuzzjoni taċ-ċaħda tal-libertà tiegħu, konformement mal-Artikoli 95/2 sa 95/30 tal-WERV.

23

Din il-qorti tippreċiża li, skont l-Artikolu 95/21 tal-WERV, iċ-ċaħda mil-libertà tal-persuna kkundannata mqiegħda għad-dispożizzjoni għandha tinżamm meta jkun hemm riskju li hija twettaq reati serji li jippreġudikaw l-integrità fiżika jew psikoloġika ta’ terzi u meta ma jkunx possibbli li dan ir-riskju jiġi rrimedjat billi jiġu imposti kundizzjonijiet partikolari fil-kuntest ta’ libertà taħt sorveljanza.

24

F’dan il-każ, billi ħadet inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, rapport redatt mis-servizz psikosoċjali tal-ħabs li fih huwa miżmum LZ, l-imsemmija qorti kkonkludiet li jeżisti riskju għoli li dan tal-aħħar ikun jista’ jwettaq reati serji li jippreġudikaw l-integrità psikoloġika jew fiżika ta’ terzi u li “trattament residenzjali” fit-tul tal-problemi psikiċi tiegħu huwa assolutament neċessarju sabiex jiġi evitat tali riskju.

25

Issa, il-qorti tar-rinviju tirrileva li ma kienx possibbli li jitwettaq dan it-“trattament residenzjali” fil-Belġju, minħabba li LZ, ta’ nazzjonalità tal-Pajjiżi l-Baxxi, ma għandux dritt ta’ residenza hemmhekk u li ma huwiex kopert mill-assigurazzjoni għall-mard minkejja li dejjem irrisjeda fil-Belġju fejn twieled.

26

Fil-kuntest ta’ kuntatti magħmula mal-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi sabiex jipprevedu l-possibbiltà, konformement max-xewqat ta’ LZ, li dan jiġi suġġett għall-imsemmi “trattament residenzjali” fil-Pajjiżi l-Baxxi, fi stabbiliment magħluq, dawn l-awtoritajiet, fid‑29 ta’ Jannar 2024, indikaw li din il-miżura tikkostitwixxi sanzjoni li ċċaħħad il-libertà li ma tistax tkun is-suġġett ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni skont id-Deċiżjoni Qafas 2008/947.

27

Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-possibbiltà, abbażi ta’ din id-Deċiżjoni Qafas 2008/947, li jintalab ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenza li permezz tagħha tingħata libertà taħt sorveljanza, flimkien ma’ kundizzjoni partikolari li teżiġi li l-persuna kkonċernata tissuġġetta ruħha għal “trattament residenzjali” fit-tul fi stabbiliment konfinat. Madankollu, din il-qorti tippreċiża, f’dan ir-rigward, li hija ma tistaqsix dwar il-portata tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, peress li din tal-aħħar hija, fil-fehma tagħha, irrilevanti.

28

Peress li l-ħelsien taħt sorveljanza mitlub minn LZ ma setax jiġi implimentat fil-mument meta l-imsemmija qorti kellha tiddeċiedi, din tal-aħħar ċaħdet din it-talba, filwaqt li ddeċidiet li hija ser tiġi eżaminata mill-ġdid meta l-Qorti tal-Ġustizzja tkun ipprovdiet risposta għad-domandi tagħha.

29

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-istrafuitvoeringsrechtbank van de Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg Brussel (il-qorti tal-eżekuzzjoni tal-pieni tal-qorti tal-ewwel istanza ta’ lingwa Olandiża ta’ Brussell) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“1) Id-Deċiżjoni Qafas [2008/947], għandha tiġi interpretata fis-sens li, jekk i[r-Renju tal-Belġju], fil-kuntest tat-tqegħid għad-dispożizzjoni, jagħti sentenza li tagħti lill-persuna kkundannata libertà taħt sorveljanza flimkien ma’ kundizzjonijiet speċifiċi, u jekk din is-sentenza tiġi trażmessa mill-awtorità kompetenti Belġjana maċ-ċertifikat imsemmi [f’din id]-Deċiżjoni Qafas lill-awtorità kompetenti tal-Pajjiżi l-Baxxi, i[r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għandu] jirrikonoxxu u jeżegwixxu din is-sentenza, filwaqt li jiżguraw b’mod partikolari li l-kundizzjonijiet speċifiċi jiġu applikati korrettament, u dan filwaqt li jittieħed inkonsiderazzjoni l-fatt li l-persuna kkundannata għandha nazzjonalità tal-Pajjiżi l-Baxxi u li hija tixtieq tirritorna fil-Pajjiżi l-Baxxi?

2) Dan huwa wkoll il-każ meta fuq il-persuna kkundannata jiġi impost, bħala kundizzjoni speċifika, l-obbligu li tissottometti ruħha, fil-Pajjiżi l-Baxxi, għal kura residenzjali għad-disturbi sesswali tagħha u għandha tiġi ttrasferita mill-ħabs sabiex titqiegħed fi stabbiliment konfinat fil-Pajjiżi l-Baxxi?”

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

30

Il-qorti tar-rinviju talbet li l-kawża tiġi suġġetta għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

31

Fit‑18 ta’ Ġunju 2024, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li ma tilqax din it-talba, peress li l-kundizzjonijiet tal-urġenza previsti f’dan l-Artikolu 107 ma kinux issodisfatti.

Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

32

Mingħajr ma jqajjem formalment eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi jesprimi dubji dwar l-eżistenza ta’ relazzjoni bejn l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba fid-domanda preliminari u r-realtà jew is-suġġett tal-kawża prinċipali. Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-talba għal-libertà taħt sorveljanza mressqa minn LZ quddiem il-qorti tar-rinviju ġiet miċħuda. Minħabba f’hekk, ma teżistix iktar proċedura attwalment pendenti quddiem din il-qorti dwar it-talba li tressqet quddiemha, peress li l-imsemmija qorti għamlet id-domanda preliminari tagħha lill-Qorti tal-Ġustizzja b’antiċipazzjoni ta’ eżami ulterjuri ta’ din it-talba.

33

Kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE tikkostitwixxi strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li bis-saħħa tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li dawn jeħtieġu sabiex isolvu t-tilwim li jkunu meħtieġa jiddeċiedu. Il-ġustifikazzjoni tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma hijiex il-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi fuq kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi, iżda l-bżonn inerenti għas-soluzzjoni effettiva ta’ tilwima. Kif jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 267 TFUE, id-deċiżjoni preliminari mitluba għandha tkun “meħtieġa” sabiex tippermetti li l-qrati tar-rinviju “ikunu jistgħu jagħtu s-sentenza” fil-kawża li jkunu aditi biha (sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2025, Zimir,C‑662/23, EU:C:2025:326, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret repetutament li kemm mill-kliem kif ukoll mill-istruttura tal-Artikolu 267 TFUE jirriżulta li l-proċedura għal deċiżjoni preliminari tippreżumi, b’mod partikolari, li kawża tkun effettivament pendenti quddiem il-qrati nazzjonali, li fil-kuntest tagħha huma għandhom jagħtu deċiżjoni li tista’ tieħu inkunsiderazzjoni s-sentenza dwar id-deċiżjoni preliminari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2025, Zimir,C‑662/23, EU:C:2025:326, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tivverifika ex officio l-persistenza tal-proċedura fil-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2025, Zimir,C‑662/23, EU:C:2025:326, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36

F’dan ir-rigward, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, għalkemm il-qorti tar-rinviju ċaħdet it-talba għal-libertà taħt sorveljanza mressqa minn LZ, hija ddeċidiet ukoll li din it-talba ser tiġi eżaminata mill-ġdid ladarba tkun irċeviet risposta għad-domanda preliminari li hija għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja.

37

Konsegwentement, għandu jitqies li l-proċedura fil-kawża prinċipali għadha pendenti quddiem din il-qorti u li risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda magħmula tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni f’din il-proċedura.

38

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

Fuq id-domanda preliminari

39

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Deċiżjoni Qafas 2008/947 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-awtorità kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni hija obbligata, abbażi ta’ din id-deċiżjoni qafas, tirrikonoxxi u teżegwixxi sentenza li tiġi trażmessa lilha mill-awtorità kompetenti tal-Istat emittenti u li permezz tagħha tingħata l-libertà taħt sorveljanza ta’ persuna li tiskonta piena ta’ priġunerija, flimkien ma’ kundizzjoni partikolari li teżiġi li din il-persuna tissuġġetta ruħha għal “trattament residenzjali” tad-disturbi psikiċi tagħha fi stabbiliment magħluq.

40

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi vverifikat jekk tali sentenza taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni qafas.

41

L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/947 jirrigwarda, konformement mat-titolu tiegħu, l-għanijiet u l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1), din id-deċiżjoni qafas tiddefinixxi, b’mod partikolari, ir-regoli li skonthom Stat Membru li ma huwiex dak li fih il-persuna tkun ġiet ikkundannata għandu jirrikonoxxi s-sentenzi u, jekk ikun il-każ, id-deċiżjonijiet ta’ probation u jissorvelja l-miżuri ta’ probation imposti abbażi ta’ sentenza jew is-sanzjonijiet alternattivi li dan jinvolvi.

42

Skont l-Artikolu 1(2) tal-imsemmija deċiżjoni qafas, din tapplika biss għar-rikonoxximent ta’ sentenzi u, jekk ikun il-każ, ta’ deċiżjonijiet ta’ probation, previst fil-punt (a) ta’ dan il-paragrafu, għat-trasferiment tas-sorveljanza ta’ miżuri ta’ probation u ta’ sanzjonijiet alternattivi, imsemmi fil-punt (b) tal-imsemmi paragrafu, u, skont dan l-istess paragrafu (c), għal kull deċiżjoni oħra marbuta ma’ dawk imsemmija f’dan l-Artikolu 1(2)(a) u (b), konformement ma’ dak li tiddeskrivi u tipprevedi din l-istess deċiżjoni qafas.

43

L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/947 jiddefinixxi, b’mod partikolari, għall-finijiet ta’ din id-deċiżjoni qafas, il-kunċett ta’ “sentenza”, fil-punt 1(a) tiegħu, li jirreferi għad-deċiżjoni finali mogħtija minn qorti tal-Istat emittenti li tistabbilixxi li persuna fiżika wettqet reat kriminali u li timponi, l-ewwel nett, piena jew miżura li ċċaħħad il-libertà jekk tkun ingħatat libertà kundizzjonata abbażi ta’ din is-sentenza jew permezz ta’ deċiżjoni ta’ probation sussegwenti, it-tieni nett, sentenza sospiża, it-tielet nett, sentenza kundizzjonali jew, ir-raba’ nett, piena ta’ sostituzzjoni. Skont il-punt 5 ta’ dan l-Artikolu 2, “deċiżjoni ta’ probation” tfisser sentenza jew deċiżjoni finali mogħtija minn awtorità kompetenti tal-Istat emittenti abbażi ta’ tali sentenza li tagħti l-libertà kundizzjonata jew li timponi miżuri ta’ probation, fejn dawn tal-aħħar, konformement mal-punt 7 tal-imsemmi artikolu, jikkonsistu f’obbligi u ordnijiet imposti minn awtorità kompetenti fuq persuna fiżika skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt intern tal-Istat emittenti inkonnessjoni ma’ sentenza sospiża, ma’ sentenza kondizzjonali jew ma’ rilaxx kondizzjonali. Barra minn hekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi fil-proċedura inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi enfasizzat li, skont il-punt 6 ta’ dan l-istess artikolu, l-espressjoni “rilaxx kondizzjonali” għandha tfisser deċiżjoni finali minn awtorità kompetenti jew li toħroġ mil-liġi nazzjonali dwar ir-rilaxx kmieni ta’ persuna sentenzjata wara li parti mis-sentenza ta’ kustodja jew miżura li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà tkun ġiet skontata bl-impożizzjoni ta’ miżura ta’ probation waħda jew aktar.

44

Mid-definizzjonijiet esposti fil-punt preċedenti, kif ukoll minn dawk relatati mal-kunċetti ta’ “sentenza sospiża”, ta’ “sentenza kondizzjonali” u ta’ “sanzjoni alternattiva”, imsemmija rispettivament fil-punti 2, 3 u 4 tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/947, jirriżulta li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din tal-aħħar, skont l-Artikolu 1(2) tagħha, ikopri r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi li jissuġġettaw lill-persuni rrikonoxxuti bħala li wettqu reat kriminali għall-eżekuzzjoni ta’ pieni jew ta’ miżuri li ma jċaħħduhomx mil-libertà tagħhom.

45

Tali interpretazzjoni hija kkonfermata mill-Artikolu 1(3)(a) li jippreċiża li d-Deċiżjoni Qafas 2008/947 ma tapplikax għall-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu piena jew miżura li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909. Fil-fatt, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, kif jirriżulta minn din id-dispożizzjoni, il-kampijiet ta’ applikazzjoni ta’ dawn iż-żewġ deċiżjonijiet qafas jeskludu lil xulxin (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2023, QS (Revoka tas-sospensjoni),C‑219/22, EU:C:2023:732, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, li, konformement mat-titolu tiegħu, jiddefinixxi l-għan u l-ambitu tagħha, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li din id-deċiżjoni qafas hija intiża biex tistabbilixxi r-regoli li jippermettu lil Stat Membru, sabiex jiffaċilita r-riabilitazzjoni soċjali tal-persuna kkundannata, jirrikonoxxi sentenza u jeżegwixxi l-piena, peress li l-kunċetti ta’ “sentenza” u ta’ “piena” huma ddefiniti, rispettivament, fl-Artikolu 1(a) u (b) tal-imsemmija deċiżjoni qafas bħala, minn naħa, deċiżjoni definittiva mogħtija minn qorti tal-Istat emittenti li timponi kundanna kontra persuna fiżika u, min-naħa l-oħra, kull piena jew miżura li ċċaħħad il-libertà mogħtija għal perijodu limitat jew illimitat minħabba reat kriminali wara proċedura kriminali.

47

Għalhekk, konformement mal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/947, moqri flimkien mal-paragrafu 3(a) ta’ dan l-Artikolu 1 u fid-dawl tal-premessa 3 ta’ din id-deċiżjoni qafas, din tirrigwarda r-rikonoxximent reċiproku u l-eżekuzzjoni ta’ pieni jew ta’ miżuri li ma jċaħħdux il-libertà, filwaqt li r-rikonoxximent reċiproku u l-eżekuzzjoni ta’ pieni jew ta’ miżuri li jċaħħdu l-libertà jaqgħu taħt id-Deċiżjoni Qafas 2008/909.

48

Din l-interpretazzjoni dwar il-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tad-Deċiżjonijiet Qafas 2008/909 u 2008/947 hija kkorroborata mid-dispożizzjonijiet ta’ dawn id-deċiżjonijiet qafas li jirrigwardaw, b’mod iktar speċifiku, il-miżuri ta’ natura medika.

49

Fir-rigward tad-Deċiżjoni Qafas 2008/947, l-Artikolu 4(1)(k) tagħha jindika li din id-deċiżjoni qafas tapplika, b’mod partikolari, għall-miżuri ta’ probation u għas-sanzjonijiet alternattivi li jikkonsistu fl-obbligu li wieħed jissuġġetta ruħu għal kura medika. Barra minn hekk, abbażi tar-raġunijiet għar-rifjut tar-rikonoxximent jew tas-sorveljanza li tista’ tinvoka l-awtorità kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni, l-Artikolu 11(1)(i) tal-imsemmija deċiżjoni qafas jirrigwarda s-sentenza jew, jekk ikun il-każ, id-deċiżjoni ta’ probation li tinkludi miżura li tikkonċerna kura medikoterapewtika li, minkejja l-Artikolu 9 ta’ din l-istess deċiżjoni qafas, ma tistax tiġi ssorveljata mill-Istat ta’ eżekuzzjoni fid-dawl tas-sistema legali jew tas-saħħa tiegħu.

50

Fir-rigward tad-Deċiżjoni Qafa 2008/909, ir-raġunijiet għal nuqqas ta’ rikonoxximent u ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni, li jissemmew fl-Artikolu 9 tagħha, isemmu, konformement mal-Artikolu 9(1)(k), is-sitwazzjoni li fiha l-piena mogħtija tinkludi miżura ta’ kura psikjatrika jew medika jew miżura oħra li ċċaħħad il-libertà li, minkejja l-Artikolu 8(3) ta’ din id-deċiżjoni qafas ma tistax tiġi eżegwita mill-Istat ta’ eżekuzzjoni konformement mas-sistema legali jew tas-saħħa ta’ dan l-Istat. Minn dan jirriżulta li l-miżuri ta’ kura previsti f’din id-dispożizzjoni jikkonsistu f’miżuri li jċaħħdu l-libertà.

51

Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li s-sentenzi li jimponu miżura ta’ natura medika jaqgħu jew taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2008/947, meta din ma tkunx tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà, jew taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, meta, għall-kuntrarju, din iċċaħħad il-libertà.

52

Konsegwentement, sentenza li tagħti, konformement mad-dritt tal-Istat Membru emittenti, liberazzjoni taħt sorveljanza tista’ tkun is-suġġett ta’ talba għar-rikonoxximent u għall-eżekuzzjoni, skont id-Deċiżjoni Qafas 2008/947, sakemm il-kundizzjoni li tinsab ma’ din is-sentenza ma tikkostitwixxix miżura li ċċaħħad il-libertà, f’liema każ tali sentenza taqa’ taħt id-Deċiżjoni Qafas 2008/909.

53

Issa, f’dan il-każ, għandu jiġi osservat li, fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju dwar il-miżura prevista kif ukoll fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, miżura ta’ liberazzjoni taħt sorveljanza ta’ persuna li tiskonta piena ta’ priġunerija, adottata fil-kuntest tal-piena ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-qorti tal-eżekuzzjoni tal-pieni mogħtija kontra din il-persuna, meta tinkludi kundizzjoni partikolari li teżiġi li l-imsemmija persuna tissuġġetta ruħha għal “trattament residenzjali” tad-disturbi psikiċi tagħha f’istituzzjoni magħluqa, tikkostitwixxi miżura mogħtija minħabba reat kriminali li, minħabba n-natura ta’ din il-kundizzjoni partikolari, għandha l-konsegwenza li ċċaħħad lil din l-istess persuna mil-libertà tagħha.

54

Konsegwentement, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenza li timponi tali miżura jaqa’ mhux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2008/947, iżda taħt dak tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909.

55

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li d-Deċiżjoni Qafas 2008/947 għandha tiġi interpretata fis-sens li r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenza li permezz tagħha jingħata l-ħelsien taħt sorveljanza ta’ persuna li tiskonta piena ta’ priġunerija, flimkien ma’ kundizzjoni partikolari li teżiġi li din il-persuna tissuġġetta ruħha għal “trattament residenzjali” tad-disturbi psikiċi tagħha fi stabbiliment magħluq, ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni qafas, b’tali mod li l-awtorità kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni ma tistax tkun obbligata tirrikonoxxi u teżegwixxi tali sentenza abbażi tal-imsemmija deċiżjoni qafas.

Fuq l-ispejjeż

56

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/947/ĠAI tas‑27 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi u deċiżjonijiet li jinvolvu probation bil-ħsieb ta’ sorveljanza ta’ miżuri ta’ probation u ta’ sanzjonijiet alternattivi,

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenza li permezz tagħha jingħata l-ħelsien taħt sorveljanza ta’ persuna li tiskonta piena ta’ priġunerija, flimkien ma’ kundizzjoni partikolari li teżiġi li din il-persuna tissuġġetta ruħha għal “trattament residenzjali” tad-disturbi psikiċi tagħha fi stabbiliment magħluq, ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni qafas, b’tali mod li l-awtorità kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni ma tistax tkun obbligata tirrikonoxxi u teżegwixxi tali sentenza abbażi tal-imsemmija deċiżjoni qafas.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.