20.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 346/73


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-18 ta’ Diċembru 2013

li tiddetermina li s-suspensjoni temporanja tad-dazji tad-dwana preferenzjali stabbilita taħt il-mekkaniżmu ta’ stabbilizzazzjoni għall-banana tal-Ftehim ta’ Kummerċ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra, mhix xierqa għall-importazzjoni tal-banana li toriġina mill-Perù għas-sena 2013

(2013/783/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 19/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2013 li jimplimenta l-klawsola ta’ salvagwardja bilaterali u l-mekkaniżmu ta’ stabbilizzazzjoni għall-banana tal-Ftehim ta’ Kummerċ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 15 tiegħu,

Billi:

(1)

Mekkaniżmu ta’ stabbilizzazzjoni għall-banana ġie introdott bil-Ftehim ta’ Kummerċ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra, li provviżjorjament daħal fis-seħħ fir-rigward tal-Kolombja u l-Perù fl-1 ta’ Awwissu 2013 u fl-1 ta’ Marzu 2013 rispettivament.

(2)

Skont il-mekkaniżmu tiegħu, u skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) Nru 19/2013, ladarba jiġi maqbuż volum kawżali definit għall-importazzjoni ta’ banana friska (intestatura 0803 90 10 tan-Nomenklatura Magħquda tal-Unjoni Ewropea) mill-Kolombja u l-Perù, il-Kummissjoni tadotta att ta’ implimentazzjoni li jista’ jissuspendi temporanjament id-dazji tad-dwana preferenzjali applikati fuq l-importazzjoni tal-banana mill-Kolombja u l-Perù jew jiddetermina li sospensjoni bħal din mhix xierqa.

(3)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tittieħed skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu.

(4)

F’Novembru 2013 deher li l-importazzjoni ġewwa l-Unjoni Ewropea ta’ banana friska li toriġina mill-Perù qabżet il-limitu definit mill-Ftehim ta’ Kummerċ t’hawn fuq.

(5)

F’dan il-kuntest, skont l-Artikolu 15(3) tar-Regolament (UE) Nru 19/2013, il-Kummissjoni eżaminat l-impatt tal-importazzjoni kkonċernata dwar is-sitwazzjoni tas-suq għall-banana tal-Unjoni Ewropea, billi ġie kkunsidrat, inter alia, l-effett tal-importazzjoni minn sorsi oħra kif ukoll l-istabbiltà globali tas-suq tal-Unjoni.

(6)

L-importazzjoni ta’ banana friska mill-Perù rrappreżentat 1,8 % biss tal-importazzjoni totali tal-banana friska ġewwa l-Unjoni Ewropea fil-perjodu Ottubru 2012 – Settembru 2013 (skont il-Eurostat).

(7)

L-importazzjoni ta’ banana friska minn pajjiżi importaturi tradizzjonali oħra, b’mod notevoli l-Kolumbja, l-Kosta Rika u l-Panama, baqgħet sew taħt il-livell limitu stipulat għalihom f’mekkaniżmi ta’ stabbilizzazzjoni komparabbli, u huma kienu qed isegwu l-istess tendenzi u valuri tal-unità fl-aħħar tliet snin.

(8)

Il-prezz bl-ingrossa medju tal-banana fuq is-suq tal-Unjoni f’Novembru 2013 (0,99 EUR/kg) ma rreġistrax kambjamenti notevoli kkomparat mal-medji tal-prezzijiet tal-banana għax-xhur ta’ qabel.

(9)

Barra minn hekk,;la hemm indikazzjoni li l-istabbiltà tas-suq tal-Unjoni kienet disturbata mill-importazzjoni ta’ banana friska mill-Perù li teċċedi l-volum ta’ importazzjoni ta’ skattar annwali definit, u lanqas li dan kellu xi impatt sinifikanti fuq is-sitwazzjoni tal-produtturi tal-UE.

(10)

Fuq il-bażi tal-eżaminazzjon ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li s-sospensjoni tad-dazji tad-dwana preferenzjali fuq l-importazzjoni tal-banana li toriġina mill-Perù mhijiex xierqa. Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja mill-qrib l-importazzjoni tal-banana mill-Perù.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Is-sospensjoni temporanja tad-dazji tad-dwana preferenzjali fuq l-importazzjoni tal-banana friska tal-intestatura 0803 90 10 tan-Nomenklatura Magħquda tal-Unjoni Ewropea li toriġina mill-Perù mhijiex xierqa waqt is-sena 2013.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Diċembru 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 17, 19.1.2013, p. 1.

(2)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).