12.5.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 121/45


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/810

tal-10 ta' Mejju 2017

dwar deroga mir-rikonoxximent reċiproku tal-awtorizzazzjoni ta' prodott bijoċidali li fih l-aċidu boriku mogħtija minn Franza skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata bid-dokument C(2017) 2935)

(It-test bil-Franċiż biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 37(2)(b) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-kumpanija Rütgers Organics GmbH (“l-applikant”) ressqet applikazzjoni kompluta lil Franza għar-rikonoxximent reċiproku tal-awtorizzazzjonijiet mogħtija mill-Ġermanja fir-rigward ta' preżervattiv tal-injam li fih is-sustanza attiva aċidu boriku (“il-prodott”). Il-Ġermanja awtorizzat il-prodott għat-trattament preventiv minn utenti professjonali kontra fungi, insetti u termiti ta' taħt l-art u tal-injam niexef li jgħerru l-injam.

(2)

L-aċidu boriku huwa kklassifikat f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) bħala tossiku għall-kategorija tar-riproduzzjoni 1B u għaldaqstant jilħaq il-kriterju ta' esklużjoni msemmi fl-Artikolu 5(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. F'konformità mat-tielet sottoparagrafu tal-Artikolu 5(2) ta' dak ir-Regolament, l-użu ta' prodott bijoċidali li fih l-aċidu boriku għandu jkun ristrett għal Stati Membri li fihom jintlaħqu tal-anqas waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti f'dak il-paragrafu.

(3)

Franza qieset li l-ebda waħda mill-kundizzjonijiet tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 ma kienu sodisfatti u kkomunikat lill-applikant, skont l-Artikolu 37(2) ta' dak ir-Regolament, il-proposta tagħha li tirrifjuta l-għoti tal-awtorizzazzjoni minn Franza. Il-ġustifikazzjoni għal rifjut bħal dan hija l-ħarsien tas-saħħa u l-ħajja tal-bniedem, partikolarment ta' grupp vulnerabbli, kif imsemmi fl-Artikolu 37(1)(c) ta' dak ir-Regolament.

(4)

L-applikant ma qabilx mar-rifjut propost u qies li dik il-miżura mhix ġustifikata biżżejjed abbażi tar-raġunijiet stabbiliti fl-Artikolu 37(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. B'riżultat ta' dan, fis-6 ta' Ottubru 2016, Franza għarrfet lill-Kummissjoni b'konformità mat-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 37(2) ta' dak ir-Regolament.

(5)

Għall-argumenti mressqa minn Franza, isegwi li r-riskju assoċjat mal-użu minn utenti professjonali tal-prodott, filwaqt li aċċettabbli f'konformità mal-mudelli rilevanti ta' valutazzjoni tal-esponiment, mhuwiex negliġibbli; preżervattivi oħra tal-injam li fihom sustanzi attivi li ma jilħqux il-kriterji ta' esklużjoni msemmija fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 huma disponibbli fis-suq Franċiż għall-użi maħsubin fil-prodott, u li l-prodott sa issa ma kienx disponibbli fis-suq Franċiż. B'hekk, Franza tqis il-prodott bħala mhux essenzjali biex ikun kontrollat kwalunkwe periklu serju għas-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali jew l-ambjent u li n-nuqqas ta' awtorizzazzjoni tal-prodott fi Franza ma jħalli l-ebda impatt negattiv sproporzjonat fuq is-soċjetà Franċiża.

(6)

L-ebda waħda mill-kundizzjonijiet tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 ma ntlaħqu. L-għan ta' dak ir-Regolament huma li jittejjeb il-moviment ħieles tal-prodotti bijoċidali fl-Unjoni filwaqt li jkun żgurat livell għoli ta' ħarsien tas-saħħa kemm tal-bniedem kif ukoll tal-annimali u tal-ambjent, b'mod partikolari gruppi vulnerabbli. Utenti professjonali huma soġġetti għal esponiment għoli ta' prodotti bijoċidali fuq terminu twil u jaqgħu fid-definizzjoni ta' “gruppi vulnerabbli” skont l-Artikolu 3(1)(ad) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. Għaldaqstant il-Kummissjoni tqis li d-deroga proposta mir-rikonoxximent reċiproku tissodisfa l-kundizzjoni msemmija fl-Artikolu 37(1)(c) ta' dak ir-Regolament.

(7)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma f'konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Id-deroga mir-rikonoxximent reċiproku proposta minn Franza għall-prodotti msemmija fil-paragrafu 2 hija ġustifikata abbażi tal-ħarsien ta' saħħet u ħajjet il-bniedem, partikolarment ta' gruppi vulnerabbli, kif imsemmi fl-Artikolu 37(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.

2.   Il-paragrafu 1 japplika għall-prodott identifikat permezz tan-numri tal-każijiet li ġejjin, kif previst fir-Reġistru tal-Prodotti Bijoċidali:

 

BC-QC011565-51.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika ta' Franza..

Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Mejju 2017.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1).