European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1119

3.6.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/1119

tas-26 ta’ Mejju 2025

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali fir-rigward tal-istabbiliment ta’ regoli ġodda dwar il-proċedura bil-miktub u l-aċċess tal-membri għall-arkivji tal-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ taċ-Ċereali tal-1995 (il-“Konvenzjoni”) ġiet konkluża mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 96/88/KE (1) u daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 1995. Il-Konvenzjoni ġiet konkluża għal perjodu ta’ 3 snin u ġiet estiża b’mod regolari.

(2)

Il-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali, li ġie stabbilit bl-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni, approva r-Regoli ta’ Proċedura skont il-Konvenzjoni (ir-“Regoli ta’ Proċedura”) fis-6 ta’ Lulju 1995.

(3)

L-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni u r-Regola 19 tar-Regoli ta’ Proċedura jistabbilixxu regoli dwar it-teħid ta’ deċiżjonijiet mill-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali. Madankollu, it-teħid ta’ deċiżjonijiet permezz ta’ proċedura bil-miktub mhuwiex definit b’mod ċar.

(4)

Fis-16 ta’ Diċembru 2024, is-Segretarjat tal-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali ppropona li jiġu emendati r-Regoli 19 u 20 tar-Regoli ta’ Proċedura bil-ħsieb li jiġu stabbiliti regoli ġodda dwar it-teħid ta’ deċiżjonijiet permezz ta’ proċedura bil-miktub għall-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali u għall-Kumitat Amministrattiv stabbilit bil-punt (a) tar-Regola 20 tar-Regoli ta’ Proċedura. L-għan ta’ dawk l-emendi huwa li jiddefinixxu b’mod ċar il-kundizzjonijiet għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet permezz ta’ proċedura bil-miktub.

(5)

Skont l-Artikolu 20 tal-Konvenzjoni, l-istatus, il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali fit-territorju tar-Renju Unit huma rregolati mill-Ftehim dwar il-Kwartieri Ġenerali bejn il-Gvern tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u l-Kunsill Internazzjonali tal-Qamħ, li legalment ippreċeda l-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali. Dak il-Ftehim jistabbilixxi li l-arkivji tal-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali għandhom ikunu invjolabbli.

(6)

Fis-16 ta’ Diċembru 2024, is-Segretarjat tal-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali ppropona li mar-Regoli ta’ Proċedura tiżdied Regola ġdida 26, dwar l-aċċess tal-membri għall-arkivji tal-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali. L-għan tar-Regola l-ġdida proposta huwa li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet ċari għall-membri biex ikollhom aċċess għall-arkivji tal-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali u l-proċedura għal dan. B’mod partikolari, ir-Regola ġdida 26 ser tenħtieġ li t-talbiet kollha għall-aċċess għall-arkivji tal-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali jsiru bil-miktub u li l-applikant għandu jkun identifikat b’mod ċar.

(7)

Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħdu f’isem l-Unjoni fit-62 sessjoni tal-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali fir-rigward tal-emenda tar-Regoli ta’ Proċedura dwar iż-żieda ta’ regoli ġodda dwar it-teħid ta’ deċiżjonijiet permezz ta’ proċedura bil-miktub u l-kundizzjonijiet għall-membri biex ikollhom aċċess għall-arkivji tal-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali. L-emendi proposti għandhom l-għan li jiċċaraw kif il-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali jiffunzjona u li jtejbu aktar it-trasparenza tal-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali. Għalhekk l-emendi huma fl-interess tal-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fit-62 Sessjoni tal-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali għandha tkun li tivvota favur l-introduzzjoni ta’ punt (c) ġdid fir-Regola 19 u punt (d) ġdid fir-Regola 20 tar-Regoli ta’ Proċedura taħt il-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ taċ-Ċereali tal-1995 (ir-“Regoli ta’ Proċedura”), f’konformità mal-proposta ippreżentata mis-Segretarjat tal-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali tas-16 ta’ Diċembru 2024, bl-għan li tiġi stabbilita proċedura għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet tal-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali bil-proċedura bil-miktub.

Artikolu 2

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fit-62 Sessjoni tal-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali għandha tkun li tivvota favur iż-żieda ta’ Regola 26 ġdida mar-Regoli ta’ Proċedura, f’konformità mal-proposta ippreżentata mis-Segretarjat tal-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali tas-16 ta’ Diċembru 2024, bl-għan li jiġu kkjarifikati l-kundizzjonijiet għall-membri biex ikollhom aċċess għall-arkivji tal-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Mejju 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

C. SIEKIERSKI


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 96/88/KE tad-19 ta’ Diċembru 1995 dwar l-approvazzjoni mill-Komunità Ewropea tal-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ taċ-Ċereali u l-Konvenzjoni dwar l-Għajnuna ta’ Ikel, li jikkostitwixxu l-Ftehim Internazzjonali dwar iċ-Ċereali tal-1995 (ĠU L 21, 27.1.1996, p. 47, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/1996/88/oj) (mhux disponibbli bil-Malti).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/1119/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)