02017R2358 — MT — 26.04.2018 — 001.001
Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument
|
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/2358 tal-21 ta' Settembru 2017 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2016/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti ta' sorveljanza u ta' governanza tal-prodotti għall-impriżi tal-assigurazzjoni u għad-distributuri tal-assigurazzjoni (ĠU L 341 20.12.2017, p. 1) |
Emendat bi:
|
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
|
Nru |
Paġna |
Data |
||
|
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/541 tal-20 ta' Diċembru 2017 |
L 90 |
59 |
6.4.2018 |
|
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/2358
tal-21 ta' Settembru 2017
li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2016/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti ta' sorveljanza u ta' governanza tal-prodotti għall-impriżi tal-assigurazzjoni u għad-distributuri tal-assigurazzjoni
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli biex jinżammu, ikunu operati u riveduti arranġamenti ta' sorveljanza u ta' governanza tal-prodotti għall-prodotti tal-assigurazzjoni u biex isiru adattamenti sinifikanti tal-prodotti tal-assigurazzjoni eżistenti qabel ma dawk il-prodotti jitqiegħdu fis-suq jew jiġu distribwiti lill-konsumaturi (“proċess tal-approvazzjoni tal-prodotti”), kif ukoll regoli għal arranġamenti ta' distribuzzjoni tal-prodotti għal dawk il-prodotti tal-assigurazzjoni.
Artikolu 2
Kamp ta' applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu japplika għall-impriżi tal-assigurazzjoni u għall-intermedjarji tal-assigurazzjoni li jimmanifatturaw prodotti tal-assigurazzjoni offruti għall-bejgħ lill-konsumaturi (“manifatturi”), kif ukoll għad-distributuri tal-assigurazzjoni li jipprovdu konsulenza dwar prodotti tal-assigurazzjoni mhux immanifatturati minnhom jew jipproponuhom.
Artikolu 3
Immanifatturar tal-prodotti tal-assigurazzjoni
1. Għall-finijiet tal-Artikolu 25(1) tad-Direttiva (UE) 2016/97, l-intermedjarji tal-assigurazzjoni għandhom jitqiesu bħala manifatturi meta analiżi kumplessiva tal-attività tagħhom tindika li għandhom rwol ta' teħid tad-deċiżjonijiet fl-iddisinjar u l-iżviluppar ta' prodott ta' assigurazzjoni għas-suq.
2. Rwol ta' teħid tad-deċiżjonijiet għandu jkun preżunt, b'mod partikolari, meta l-intermedjarji tal-assigurazzjoni jiddeterminaw awtonomament il-fatturi essenzjali u l-elementi ewlenin ta' prodott tal-assigurazzjoni, inklużi l-kopertura, il-prezzijiet, il-kostijiet, ir-riskji, is-suq fil-mira u d-drittijiet ta' garanzija jew kumpens, li ma jiġux immodifikati b'mod sostanzjali mill-impriża tal-assigurazzjoni li tipprovdi l-kopertura għall-prodott tal-assigurazzjoni.
3. Il-personalizzazzjoni u l-adattament ta' prodotti tal-assigurazzjoni eżistenti fil-kuntest tal-attivitajiet ta' distribuzzjoni tal-assigurazzjoni għall-konsumaturi individwali, kif ukoll id-disinn ta' kuntratti mfassla apposta fuq talba ta' konsumatur wieħed, ma għandhomx jitqiesu bħala mmanifatturar.
4. Intermedjarju tal-assigurazzjoni u impriża tal-assigurazzjoni li t-tnejn li huma jkunu manifatturi fis-sens tal-Artikolu 2 ta' dan ir-Regolament Delegat, għandhom jiffirmaw ftehim bil-miktub li jispeċifika l-kollaborazzjoni tagħhom biex jikkonformaw mar-rekwiżiti għall-manifatturi msemmija fl-Artikolu 25(1) tad-Direttiva (UE) 2016/97, il-proċedura li permezz tagħhom għandhom jaqblu dwar l-identifikar tas-suq fil-mira u r-rwoli rispettivi tagħhom fil-proċess tal-approvazzjoni tal-prodotti.
KAPITOLU II
REKWIŻITI TA' GOVERNANZA TAL-PRODOTTI GĦALL-MANIFATTURI
Artikolu 4
Il-proċess tal-approvazzjoni tal-prodotti
1. Il-manifatturi għandhom iżommu, joperaw u jirrieżaminaw proċess tal-approvazzjoni tal-prodotti għall-prodotti tal-assigurazzjoni li jkunu għadhom kemm ġew żviluppati u għal adattamenti sinifikanti tal-prodotti tal-assigurazzjoni eżistenti. Dak il-proċess għandu jkun fih miżuri u proċeduri għall-iddisinjar, monitoraġġ, rieżami u distribuzzjoni tal-prodotti tal-assigurazzjoni, kif ukoll għal azzjoni korrettiva għall-prodotti tal-assigurazzjoni li jkunu ta' detriment għall-konsumaturi. Il-miżuri u l-proċeduri għandhom ikunu proporzjonati mal-livell ta' kumplessità u mar-riskji relatati mal-prodotti, kif ukoll in-natura, l-iskala u l-kumplessità tan-negozju rilevanti tal-manifattur.
2. Il-proċess tal-approvazzjoni tal-prodotti għandu jkun stipulat f'dokument bil-miktub (“politika ta' sorveljanza u ta' governanza tal-prodotti”), li għandu jkun disponibbli għall-persunal rilevanti.
3. Il-proċess tal-approvazzjoni tal-prodotti għandu:
(a) jiżgura li d-disinn tal-prodotti tal-assigurazzjoni jissodisfa l-kriterji li ġejjin:
(i) jikkunsidra l-objettivi, l-interessi u l-karatteristiċi tal-konsumaturi;
(ii) ma jolqotx lill-konsumaturi b'mod negattiv;
(iii) jipprevjeni jew inaqqas id-detriment għall-konsumatur;
(b) iservi ta' forċina għal ġestjoni kif suppost tal-kunflitti ta' interess.
4. L-istruttura jew il-korp tal-manifatturi responsabbli għall-immanifatturar tal-prodotti tal-assigurazzjoni għandhom jagħmlu dan kollu li ġej:
(a) japprovaw u jkunu fl-aħħar mill-aħħar responsabbli biex il-proċess tal-approvazzjoni tal-prodotti jkun stabbilit, implimentat u rieżaminat;
(b) jivverifikaw kontinwament il-konformità interna ma' dak il-proċess.
5. Il-manifatturi li jaħtru parti terza biex tiddisinja l-prodotti għan-nom tagħhom għandhom jibqgħu responsabbli mija fil-mija għall-konformità mal-proċess tal-approvazzjoni tal-prodotti.
6. Il-manifatturi għandhom iwettqu rieżami tal-proċess tal-approvazzjoni tal-prodotti regolarment sabiex jiżguraw li l-proċess ikun għadu validu u aġġornat. Dawn għandhom jemendaw il-proċess tal-approvazzjoni tal-prodotti meta neċessarju.
Artikolu 5
Is-suq fil-mira
1. Il-proċess tal-approvazzjoni tal-prodotti għandu, għal kull prodott tal-assigurazzjoni, jidentifika s-suq fil-mira u l-grupp ta' konsumaturi kompatibbli. Is-suq fil-mira għandu jkun identifikat f'livell granulari biżżejjed, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi, il-profil tar-riskju, il-kumplessità u n-natura tal-prodott tal-assigurazzjoni.
2. Il-manifatturi jistgħu, b'mod partikolari għall-prodotti ta' investiment fl-assigurazzjoni, jidentifikaw gruppi ta' konsumaturi li ġeneralment il-prodott tal-assigurazzjoni ma jkunx kompatibbli mal-ħtiġijiet, mal-karatteristiċi u mal-objettivi tagħhom.
3. Il-manifatturi għandhom jiddisinjaw u jikkummerċjalizzaw biss prodotti tal-assigurazzjoni li jkunu kompatibbli mal-ħtiġijiet, mal-karatteristiċi u mal-objettivi tal-konsumaturi li jappartjenu għas-suq fil-mira. Meta jkunu qed jivvalutaw jekk prodott tal-assigurazzjoni huwiex kompatibbli ma' suq fil-mira, il-manifatturi għandhom iqisu l-livell ta' informazzjoni disponibbli għall-konsumaturi li jappartjenu għal dak is-suq fil-mira u l-litteriżmu finanzjarju tagħhom.
4. Il-manifatturi għandhom jiżguraw li l-membri tal-persunal involuti fl-iddisinjar u l-immanifatturar tal-prodotti tal-assigurazzjoni jkollhom il-ħiliet, l-għarfien u l-għarfien espert neċessarji biex jifhmu kif suppost il-prodotti tal-assigurazzjoni mibjugħa u l-interessi, l-objettivi u l-karatteristiċi tal-konsumaturi li jappartjenu għas-suq fil-mira.
Artikolu 6
L-ittestjar tal-prodotti
1. Il-manifatturi għandhom jittestjaw il-prodotti tal-assigurazzjoni tagħhom b'mod xieraq, inklużi analiżijiet tax-xenarji, meta rilevanti, qabel ma jqiegħdu dak il-prodott fis-suq jew jadattawh b'mod sinifikanti, jew f'każ li s-suq fil-mira jkun inbidel b'mod sinifikanti. Dak l-ittestjar tal-prodotti għandu jivvaluta jekk il-prodott tal-assigurazzjoni, tul iċ-ċiklu ta' ħajja tiegħu, jissodisfax il-ħtiġijiet identifikati, l-objettivi u l-karatteristiċi tas-suq fil-mira. Il-manifatturi għandhom jittestjaw il-prodotti tal-assigurazzjoni tagħhom b'mod kwalitattiv u, skont it-tip u n-natura tal-prodott tal-assigurazzjoni u r-riskju relatat ta' detriment għall-konsumaturi, b'mod kwantitattiv.
2. Il-manifatturi ma għandhomx iqiegħdu prodotti tal-assigurazzjoni fis-suq jekk ir-riżultati tal-ittestjar tal-prodotti jindikaw li l-prodotti ma jissodisfawx il-ħtiġijiet, l-objettivi u l-karatteristiċi tas-suq fil-mira.
Artikolu 7
Il-monitoraġġ u r-rieżami tal-prodotti
1. Il-manifatturi għandhom iwettqu monitoraġġ kontinwu tal-prodotti tal-assigurazzjoni li jkunu qiegħdu fis-suq, u jirrieżaminawhom regolarment biex jidentifikaw avvenimenti li jistgħu jolqtu b'mod materjali l-fatturi prinċipali, il-kopertura tar-riskji jew il-garanziji ta' dawk il-prodotti. Huma għandhom jivvalutaw jekk il-prodotti tal-assigurazzjoni jkunux baqgħu konsistenti mal-ħtiġijiet, mal-karatteristiċi u mal-objettivi tas-suq fil-mira identifikat u jekk dawk il-prodotti jkunux qed jiġu distribwiti lis-suq fil-mira jew ikunu qed jaslu għand konsumaturi barra mis-suq fil-mira.
2. Il-manifatturi għandhom jiddeterminaw iż-żmien xieraq bejn rieżami u ieħor għar-rieżami regolari tal-prodotti tal-assigurazzjoni tagħhom, u b'hekk iqisu d-daqs, l-iskala, it-tul taż-żmien kuntrattwali u l-kumplessità ta' dawk il-prodotti tal-assigurazzjoni, il-kanali ta' distribuzzjoni rispettivi tagħhom, u kull fattur estern rilevanti bħal bidliet għar-regoli ġuridiċi applikabbli, żviluppi teknoloġiċi, jew bidliet fil-qagħda tas-suq.
3. Il-manifatturi li, tul iċ-ċiklu ta' ħajja ta' prodott tal-assigurazzjoni, jidentifikaw xi ċirkostanza relatata mal-prodott tal-assigurazzjoni li tista' tolqot negattivament lill-konsumatur ta' dak il-prodott, għandhom jieħdu azzjoni xierqa biex irażżnu s-sitwazzjoni u jipprevjenu okkorrenzi ulterjuri tal-avveniment detrimentali. Il-manifatturi għandhom jinfurmaw minnufih lill-konsumaturi u lid-distributuri tal-assigurazzjoni kkonċernati dwar l-azzjoni korrettiva li tkun ittieħdet.
Artikolu 8
Il-kanali ta' distribuzzjoni
1. Il-manifatturi għandhom jagħżlu bir-reqqa l-kanali ta' distribuzzjoni li huma adattati għas-suq fil-mira, u b'hekk iqisu l-karatteristiċi partikolari tal-prodotti tal-assigurazzjoni rilevanti.
2. Il-manifatturi għandhom jipprovdu l-informazzjoni xierqa lid-distributuri tal-assigurazzjoni dwar il-prodotti tal-assigurazzjoni, is-suq fil-mira identifikat u l-istrateġija ta' distribuzzjoni ssuġġerita, inkluża informazzjoni dwar il-fatturi u l-karatteristiċi ewlenin tal-prodotti tal-assigurazzjoni, ir-riskji u l-kostijiet tagħhom, inklużi kostijiet impliċiti, u kull ċirkostanza li jaf tikkawża kunflitt ta' interess għad-detriment tal-konsumatur. Dik l-informazzjoni għandha tkun ċar, kompluta u aġġornata.
3. L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 għandha tippermetti lid-distributuri tal-assigurazzjoni:
(a) jifhmu l-prodotti tal-assigurazzjoni;
(b) ikollhom komprensjoni tas-suq fil-mira identifikat għall-prodotti tal-assigurazzjoni;
(c) jidentifikaw kwalunkwe konsumatur li l-prodott tal-assigurazzjoni ma jkunx kompatibbli mal-ħtiġijiet, mal-karatteristiċi u mal-objettivi tiegħu;
(d) iwettqu attivitajiet ta' distribuzzjoni għall-prodotti tal-assigurazzjoni rilevanti f'konformità mal-aqwa interessi tal-konsumaturi tagħhom kif preskritt fl-Artikolu 17(1) tad-Direttiva (UE) 2016/97.
4. Il-manifatturi għandhom jieħdu l-passi xierqa biex iwettqu monitoraġġ li d-distributuri tal-assigurazzjoni jkunu qed jaġixxu f'konformità mal-objettivi tal-proċess tal-approvazzjoni tal-prodotti tal-manifatturi. Huma għandhom, b'mod partikolari, jivverifikaw jekk il-prodotti tal-assigurazzjoni jkunux qed jiġu distribwiti fis-suq fil-mira identifikat. Dak l-obbligu ta' monitoraġġ ma għandux jestendi għar-rekwiżiti regolatorji ġenerali li magħhom iridu jikkonformaw id-distributuri tal-assigurazzjoni meta jwettqu attivitajiet ta' distribuzzjoni tal-assigurazzjoni għall-konsumaturi individwali. L-attivitajiet ta' monitoraġġ għandhom ikunu raġonevoli, filwaqt li jqisu l-karatteristiċi u l-qafas ġuridiku tal-kanali ta' distribuzzjoni rispettivi.
5. Il-manifatturi li jqisu li d-distribuzzjoni tal-prodotti tal-assigurazzjoni tagħhom ma tkunx f'konformità mal-objettivi tal-proċess tal-approvazzjoni tal-prodotti, għandhom jieħdu azzjoni korrettiva xierqa.
Artikolu 9
Dokumentazzjoni
L-azzjonijiet rilevanti meħuda mill-manifatturi f'rabta mal-proċess tal-approvazzjoni tal-prodotti tagħhom għandhom ikunu dokumentati kif dovut, miżmuma għal skopijiet ta' awditjar u meta ssir talba jitqiegħdu għad-disponibbiltà tal-awtoritajiet kompetenti.
KAPITOLU III
REKWIŻITI TA' GOVERNANZA TAL-PRODOTTI GĦAD-DISTRIBUTURI TAL-ASSIGURAZZJONI
Artikolu 10
Arranġamenti ta' distribuzzjoni tal-prodotti
1. Id-distributuri tal-assigurazzjoni għandu jkollhom arranġamenti ta' distribuzzjoni tal-prodotti li jkun fihom miżuri u proċeduri xierqa sabiex jiksbu mingħand il-manifattur l-informazzjoni xierqa kollha dwar il-prodotti tal-assigurazzjoni li jkun beħsiebhom joffru lill-konsumaturi tagħhom u biex ikollhom komprensjoni kompluta ta' dawk il-prodotti tal-assigurazzjoni, filwaqt li jqisu l-livell ta' kumplessità u r-riskji relatati mal-prodotti kif ukoll in-natura, l-iskala u l-kumplessità tan-negozju rilevanti tad-distributur.
Id-distributuri tal-assigurazzjoni għandhom jistipulaw l-arranġamenti ta' distribuzzjoni tal-prodotti f'dokumenti bil-miktub u jqiegħduh għad-disponibbiltà tal-persunal rilevanti tagħhom.
2. L-arranġamenti ta' distribuzzjoni tal-prodotti għandhom:
(a) jimmiraw għall-prevenzjoni u għat-tnaqqis tad-detriment tal-konsumatur;
(b) iservu ta' forċina għal ġestjoni kif suppost tal-kunflitti ta' interess;
(c) jiżguraw li l-objettivi, l-interessi u l-karatteristiċi tal-konsumaturi jitqiesu kif dovut.
3. L-arranġamenti ta' distribuzzjoni tal-prodotti għandhom jiżguraw li d-distributuri tal-assigurazzjoni jiksbu mingħand il-manifattur l-informazzjoni li trid tiġi kkomunikata skont l-Artikolu 8(2).
4. Kull strateġija speċifika ta' distribuzzjoni stabbilita jew applikata mid-distributuri tal-assigurazzjoni għandha tkun f'konformità mal-istrateġija ta' distribuzzjoni stabbilita u mas-suq fil-mira identifikat mill-manifattur.
5. L-istruttura jew il-korp tad-distributuri tal-assigurazzjoni responsabbli għad-distribuzzjoni tal-assigurazzjoni għandhom japprovaw u jkunu fl-aħħar mill-aħħar responsabbli biex l-arranġamenti ta' distribuzzjoni tal-prodotti jkunu stabbiliti, implimentati u rieżaminati u għandhom jivverifikaw kontinwament il-konformità interna ma' dawk l-arranġamenti.
6. Id-distributuri tal-assigurazzjoni għandhom iwettqu rieżami tal-arranġamenti ta' distribuzzjoni tal-prodotti regolarment sabiex jiżguraw li dawk l-arranġamenti jkunu għadhom validi u aġġornati. Fejn ikun xieraq, huma għandhom jemendaw l-arranġamenti ta' distribuzzjoni tal-prodotti. Id-distributuri tal-assigurazzjoni li jkunu stabbilew jew japplikaw strateġija speċifika ta' distribuzzjoni, għandhom, fejn ikun xieraq, jemendaw dik l-istrateġija fid-dawl tal-eżitu tar-rieżami tal-arranġamenti ta' distribuzzjoni tal-prodotti. Meta jkunu qed jirrevedu l-arranġamenti ta' distribuzzjoni tal-prodotti, id-distributuri tal-assigurazzjoni għandhom jivverifikaw li l-prodotti tal-assigurazzjoni jkunu qed jiġu distribwiti lis-suq fil-mira identifikat.
Id-distributuri tal-assigurazzjoni għandhom jiddeterminaw iż-żmien xieraq bejn rieżami u ieħor għar-rieżami regolari tal-arranġamenti ta' distribuzzjoni tal-prodotti tagħhom, u b'hekk iqisu d-daqs, l-iskala u l-kumplessità tal-prodotti tal-assigurazzjoni differenti involuti
Sabiex jagħtu l-appoġġ tagħhom għar-rieżamijiet imwettqa mill-manifatturi, id-distributuri tal-assigurazzjoni għandhom, meta ssirilhom talba, jipprovdu lill-manifatturi l-informazzjoni rilevanti dwar il-bejgħ, inkluża, meta jkun xieraq, informazzjoni dwar ir-rieżamijiet regolari tal-arranġamenti ta' distribuzzjoni tal-prodotti.
Artikolu 11
L-infurmar lill-manifattur
Id-distributuri tal-assigurazzjoni li jiġu akkonoxxenza li prodott tal-assigurazzjoni mhuwiex konformi mal-interessi, mal-objettivi u mal-karatteristiċi tas-suq fil-mira identifikat tiegħu jew jiġu akkonoxxenza ta' ċirkostanzi oħra relatati mal-prodott li jistgħu jolqtu lill-konsumatur b'mod negattiv, għandhom jinfurmaw minnufih lill-manifattur u, meta jkun xieraq, jemendaw l-istrateġija ta' distribuzzjoni tagħhom għal dak il-prodott tal-assigurazzjoni.
Artikolu 12
Dokumentazzjoni
L-azzjonijiet rilevanti meħuda mid-distributuri tal-assigurazzjoni f'rabta mal-arranġamenti tad-distribuzzjoni tal-prodotti tagħhom għandhom ikunu dokumentati kif dovut, miżmuma għal skopijiet ta' awditjar u meta ssir talba jitqiegħdu għad-disponibbiltà tal-awtoritajiet kompetenti.
KAPITOLU IV
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 13
Id-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Huwa għandu japplika mid-data li fiha l-Istati Membri jridu japplikaw il-miżuri msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 42(1) tad-Direttiva (UE) 2016/97.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.