|
16.2.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 43/12 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2018/224
tal-15 ta' Frar 2018
li temenda d-Deċiżjoni 2011/101/PESK dwar miżuri restrittivi kontra ż-Żimbabwe
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Fil-15 ta' Frar 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2011/101/PESK dwar miżuri restrittivi kontra ż-Żimbabwe (1). |
|
(2) |
Il-Kunsill wettaq rieżami tad-Deċiżjoni 2011/101/PESK, b'kont meħud tal-iżviluppi politiċi fiż-Żimbabwe. Meta wieħed iqis l-għadd u l-importanza tal-inċertezzi li jikkaratterizzaw it-tranżizzjoni attwali wara l-bidla fit-tmexxija f'Diċembru 2017, il-Kunsill huwa tal-fehma li l-miżuri restrittivi jenħtieġ li jibqgħu fis-seħħ sakemm is-sitwazzjoni tiċċara. |
|
(3) |
Għalhekk jenħtieġ li l-miżuri restrittivi kontra ż-Żimbabwe jiġu estiżi sal-20 ta' Frar 2019. Jenħtieġ li l-Kunsill iżomm il-miżuri restrittivi taħt rieżami kontinwu fid-dawl ta' żviluppi politiċi u ta' sigurtà fiż-Żimbabwe. |
|
(4) |
Jenħtieġ li l-miżuri restrittivi jinżammu għas-seba' persuni u l-entità elenkati fl-Anness I għad-Deċiżjoni 2011/101/PESK. Is-sospensjoni tal-miżuri restrittivi jenħtieġ li tiġġedded għall-ħames persuni elenkati fl-Anness II għad-Deċiżjoni 2011/101/PESK. |
|
(5) |
Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2011/101/PESK tiġi emendata skont dan, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni 2011/101/PESK huwa sostitwit b'dan li ġej:
“Artikolu 10
1. Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
2. Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-20 ta' Frar 2019.
3. Il-miżuri msemmija fl-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 5(1) u (2), safejn japplikaw għall-persuni elenkati fl-Anness II, għandhom jiġu sospiżi sal-20 ta' Frar 2019.
4. Din id-Deċiżjoni għandha tinżamm taħt rieżami kostanti u għandha tiġġedded, jew tiġi emendata kif adatt, jekk il-Kunsill iqis li l-objettivi tagħha ma ntlaħqux.”.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Frar 2018.
Għall-Kunsill
Il-President
K. VALCHEV
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/101/PESK tal-15 ta' Frar 2011 dwar miżuri restrittivi kontra ż-Żimbabwe (ĠU L 42, 16.2.2011, p. 6).