European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/1187

21.3.2025

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Il-futur tal-provvista u l-ipprezzar tal-elettriku fl-UE

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(C/2025/1187)

Relatur:

Jan DIRX

Korelatur:

Thomas KATTNIG

Konsulenti

Peter Gijsbert BOERMA (għar-relatur)

René MONO (għall-korelatur)

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

15.2.2024

Bażi legali

Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għat-Trasport, Enerġija, Infrastruttura u Soċjetà tal-Informazzjoni

Adozzjoni fis-sezzjoni

11.12.2024

Adozzjoni fis-sessjoni plenarja

22.1.2025

Sessjoni plenarja Nru

593

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

185/3/3

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE huwa konvint li s-suq tal-elettriku mhux biss għandu jiġi riformat b’tali mod li jissodisfa l-objettiv tan-newtralità klimatika sa mhux aktar tard mill-2050, iżda li dan irid jiġi kkombinat mal-objettivi tas-sigurtà tal-provvista u tal-prezzijiet stabbli u affordabbli. Għaldaqstant, biex jiġu protetti l-gruppi vulnerabbli, jeħtieġ li jiġi stabbilit id-dritt għall-enerġija.

Din it-taħita ta’ objettivi, bl-investimenti enormi meħtieġa, jista’ jsir realtà biss permezz ta’ taħlita ta’ interventi mill-Istat u mekkaniżmi tas-suq.

1.2.

Għal dan l-għan, aħna nappoġġjaw mudell ta’ regolamentazzjoni governattiva fejn meħtieġ, u intraprenditorija privata fejn huwa possibbli. Irridu nsawru dan fir-realtà permezz ta’ faċilità tal-elettriku. Il-faċilità tal-elettriku tista’ tkun f’forma ta’ kumpanija stabbilita mill-gvern li, maż-żmien, se jkollha r-rwol ta’ ġeneratur tas-suq fis-suq tal-elettriku bl-għan tan-newtralità klimatika, is-sigurtà tal-provvista, u prezzijiet stabbli u affordabbli.

1.3.

Il-bidla meħtieġa fis-suq tal-elettriku tista’ tinqasam fi tliet fażijiet:

(1)

Matul il-fażi 1 (minn issa sal-2030), il-faċilità tal-elettriku se tkabbar il-portafoll tagħha b’taħlita mixtieqa ta’ ġenerazzjoni tal-enerġija (mhux tas-CO2). Matul dan il-perjodu, in-negozjar tal-enerġija se jseħħ fuq bażi ta’ negozjar ta’ ġurnata bil-quddiem iżda l-influwenza tal-faċilità tal-elettriku fis-suq se tikber.

(2)

Matul il-fażi 2 (2030 sa 2040), il-faċilità tal-elettriku se tikseb il-pożizzjoni tagħha ta’ ġeneratur tas-suq u se tikkontrolla parti adegwata tal-lat tal-provvista tas-suq permezz ta’ kuntratti għall-provvista. Ir-rwol tan-negozjar ta’ ġurnata bil-quddiem se jaġġusta matul dan il-perjodu minħabba l-pożizzjoni tal-ġeneratur tas-suq tal-faċilità tal-elettriku.

(3)

Matul il-fażi 3 (2040 sa 2050), il-faċilità tal-elettriku se tottimizza l-lat tal-provvista tal-elettriku biex tiżgura, mill-2050, provvista sostenibbli fit-tul tal-elettriku b’emissjonijiet ta’ gassijiet serra żero netti b’livell ta’ prezz stabbli u prevedibbli.

1.4.

Il-KESE jtenni l-messaġġ kondiviż ta’ spiss tiegħu li l-ġenerazzjoni tal-elettriku fuq skala żgħira trid tiġi mħeġġa biex il-prezz tal-elettriku jinżamm affordabbli għall-konsumaturi u biex jiżdiedu l-għażliet ta’ flessibbiltà tal-grilji.

1.5.

Bl-irduppjar mistenni tal-prezzijiet tal-enerġija u l-irduppjar tat-tariffi tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni, il-kost tal-elettriku fit-tħejjija għall-2030 u lil hinn se jirrikjedi li l-gvernijiet jirrevedu l-politika tagħhom dwar it-tassazzjoni miżjuda fuq il-provvista tal-elettriku lill-konsumaturi.

2.   Sfond tal-Opinjoni

2.1.

L-UE tiddikajara li se tkun newtrali għall-klima sal-2050 – ekonomija b’emissjonijiet ta’ gassijiet serra żero netti. Ir-rwol tal-elettriku huwa ċentrali għal dan. Minn naħa waħda, l-elettriku se jkollu jiġi ġġenerat ukoll b’emissjonijiet żero netti bi rwol dominanti għall-enerġija rinnovabbli (bħall-enerġija mir-riħ u mix-xemx), issupplimentat minn, pereżempju, impjanti tal-enerġija li jitħaddmu bl-idroġenu ekoloġiku, jew impjanti tal-enerġija oħra (b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju) bi qbid u ħżin tad-diossidu tal-karbonju (CCS) u/jew kumpens għall-karbonju. Min-naħa l-oħra, id-domanda għall-elettriku se tiżdied drastikament minħabba li din l-enerġija se jkollha tissostitwixxi parti kbira mill-użu tal-fjuwils fossili, bħall-gass naturali, kemm fid-djar kif ukoll fil-kumpaniji.

2.2.

Din it-tranżizzjoni teħtieġ investimenti enormi li sempliċiment mhux se jsiru disponibbli mis-suq bl-istruttura li s-suq tal-elettriku għandu attwalment, minħabba li r-redditu huwa inċert, speċjalment matul il-fażi ta’ tranżizzjoni. L-inċertezza kbira hija min se jiffinanzja l-impjanti tal-enerġija aġġustabbli ġodda meħtieġa. Dan minħabba li tul porzjon sinifikanti ta’ ħin, is-sorsi rinnovabbli orħos jipprovdu biżżejjed elettriku biex tiġi ssodisfata d-domanda, u dan ifisser li l-impjanti aġġustabbli, fl-aħjar każ, se jaħdmu biss part-time, bir-riżultat li l-kostijiet totali livellati tal-produzzjoni ta’ enerġija (LCOE) (1) tagħhom se jiżdied b’mod sinifikanti. Mhux se jkun hemm inċentivi għas-suq biex isir investiment f’impjanti tal-enerġija bħal dawn mingħajr kumpens għall-kostijiet. Għaldaqstant, jeħtieġ li tiġi stabbilita viżjoni fit-tul tal-UE b’perjodu ta’ żmien realistiku biex is-suq, il-gvernijiet, il-konsumaturi u l-kumpaniji jkunu jistgħu jaġġustaw b’mod ikkontrollat. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom ifasslu pjani ta’ implimentazzjoni li jħarsu ’l quddiem biex jiggwidaw l-aktar deċiżjonijiet ta’ investiment adegwati. F’diversi Stati Membri, dan jinkludi l-iżvilupp ta’ mekkaniżmi tal-pagamenti tal-kapaċità li huma pprezzati permezz ta’ rkantijiet kompetittivi.

2.3.

Dan ma jikkonċernax biss l-investimenti fil-kapaċità tal-produzzjoni, iżda wkoll l-investimenti fil-grilja u f’għażliet flessibbli, bħall-kapaċità tal-ħżin, fil-livell lokali/reġjonali, nazzjonali u Ewropew. Huwa evidenti wkoll li fis-suq tal-elettriku se jikber ir-rwol tal-awtoġeneraturi, tal-kooperattivi tal-enerġija u oħrajn simili, inkluża l-kapaċità tal-ħżin fuq skala żgħira, bħal fil-karozzi elettriċi.

L-esperti jistmaw li dan kollu se jwassal għal irduppjar potenzjali tal-prezz tal-elettriku fis-snin li ġejjin (2). Kemm il-kumpaniji kif ukoll il-konsumaturi, u l-gruppi vulnerabbli b’mod partikolari, se jiltaqgħu ma’ problemi, sakemm ma jiġux żviluppati politiki adegwati biex jiġu evitati dawn il-konsegwenzi.

Barra dan, l-ordni tas-suq attwali, li huwa kkaratterizzat mill-ordni tal-mertu (3), jiżgura li l-konsumaturi u l-kumpaniji ma jibbenefikawx biżżejjed finanzjarjament miż-żieda fl-enerġija rinnovabbli.

2.4.

Il-KESE huwa għalhekk konvint li s-suq tal-elettriku mhux biss għandu jiġi riformat b’tali mod li jissodisfa l-objettiv tan-newtralità klimatika sa mhux aktar tard mill-2050, iżda li dan irid jiġi kkombinat mal-objettivi tas-sigurtà tal-provvista u tal-prezzijiet stabbli u affordabbli. Għaldaqstant, biex jiġu protetti l-gruppi vulnerabbli, jeħtieġ li jiġi stabbilit id-dritt (4) għal enerġija.

Dan il-kombinament ta’ objettivi jista’ jsir realtà biss permezz ta’ taħlita ta’ interventi mill-Istat u mekkaniżmi tas-suq. Dan diġà ġie argumentat mill-Kumitat fl-Opinjoni tiegħu dwar ir-riforma tas-suq tal-elettriku (TEN/793) f’Ġunju 2023 (5). U dan huwa wkoll dak li l-grupp ta’ riflessjoni Ewropew Bruegel jikteb fl-istudju tiegħu dwar il-futur tas-suq tal-elettriku f’Lulju 2024 (6).

2.5.

Għal dan l-għan, aħna nappoġġjaw mudell ta’ regolamentazzjoni governattiva fejn meħtieġ, u intraprenditorija privata fejn huwa possibbli. Irridu nsawru dan fir-realtà permezz ta’ faċilità tal-elettriku (ara l-Anness I, skema semplifikata tar-rwol tal-faċilità tal-elettriku).

Il-faċilità tal-elettriku se tkun kumpanija stabbilita mill-gvern li se jkollha r-rwol ta’ ġeneratur tas-suq fis-suq tal-elettriku bl-għan tan-newtralità klimatika, is-sigurtà tal-provvista u ta’ prezzijiet stabbli u affordabbli. Il-faċilità tal-elettriku se tagħmel dan billi tikkonkludi kuntratti fit-tul (kuntratti bidirezzjonali għad-differenza jew ftehimiet dwar ix-xiri tal-enerġija (PPAs) (7)) mal-produtturi tal-elettriku permezz ta’ proċeduri ta’ sejħa għall-offerti. Il-faċilità tal-elettriku mbagħad tbigħ l-elettriku lil kumpaniji ta’ distribuzzjoni u, fejn ikun mixtieq, direttament lil utenti kbar tal-elettriku.

Il-faċilità tal-elettriku mhux se tkun iċ-ċentru għall-elettriku kollu prodott. Pereżempju, il-prosumaturi, il-kooperattivi tal-enerġija u ġeneraturi żgħar oħra spiss jużaw, jaħżnu, jew ifornu l-elettriku tagħhom lura lill-fornitur tal-elettriku tagħhom stess. Jista’ jkun hemm utenti kbar tal-elettriku li jidħlu f’kuntratt fit-tul direttament ma’ produttur tal-elettriku.

2.6.

F’din l-Opinjoni fuq inizjattiva proprja, se nelaboraw aktar dwar l-idea tal-faċilità tal-elettriku. Se nagħmlu dan permezz ta’ deskrizzjoni wiesgħa u mhux f’dettall (tekniku), minħabba li se ssir aktar elaborazzjoni fid-deċennji li ġejjin hekk kif is-suq tal-elettriku jkompli jiżviluppa.

3.   Il-funzjonijiet tas-swieq tal-elettriku

3.1.

Fir-rigward tal-prezz tal-elettriku fis-suq bl-ingrossa, hemm differenza bejn il-funzjonijiet li l-prezz tas-suq irid jissodisfa:

(1)

Allokazzjoni fi żmien qasir bejn id-domanda u l-provvista – din hija l-funzjoni dominanti li l-prezz għandu llum għall-prodotti tal-elettriku bl-ingrossa (futuri, ġurnata bil-quddiem, tal-istess ġurnata, eċċ.) li kollha huma primarjament iffukati fuq is-swieq spot.

(2)

Funzjoni ta’ sinjalar li tfisser il-kapaċità tal-prezz tas-suq li jattira l-investimenti meħtieġa biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista (dekarbonizzata) fil-futur.

(3)

Il-finanzjament mill-ġdid tal-investimenti kemm fil-kapaċitajiet rinnovabbli, fil-kapaċitajiet aġġustabbli u fl-għażliet ta’ flessibbiltà, bħall-faċilitajiet tal-ħżin, kif ukoll fil-ġestjoni tad-domanda u l-konsum flessibbli (pompi tas-sħana, vetturi elettriċi).

3.2.

Id-disinn attwali tas-suq bl-ingrossa għandu preġudizzju ċar favur l-ewwel funzjoni msemmija fil-punt 3.1, jiġifieri l-organizzazzjoni (permezz tal-effett tal-ordni tal-mertu) l-aktar allokazzjoni effiċjenti fuq terminu qasir tal-kapaċità ta’ ġenerazzjoni eżistenti u l-użu effiċjenti tal-kapaċità tat-trażmissjoni tal-elettriku transfruntiera minn skambji tal-enerġija reġjonali. Mhuwiex ċar sa liema punt id-disinn attwali tas-suq jista’ jissodisfa t-tieni funzjoni, peress li tali investimenti jeħtieġu ċertezza tad-dħul fit-tul sabiex ikunu bankabbli. Għall-istess raġuni huwa kważi ċert li ma jissodisfax it-tielet funzjoni. Dawn in-nuqqasijiet fis-suq eżistenti huma r-raġunijiet għaliex qed jiġi diskuss disinn ġdid tas-suq.

3.3.

Il-faċilità tal-elettriku proposta fl-Opinjoni TEN/793 għandha titqies bħala soluzzjoni għal kif tista’ tiġi ssodisfata aħjar it-tielet funzjoni msemmija fil-punt 3.1, u twiegħed diversi vantaġġi – l-aktar importanti, tiggarantixxi livell għoli ta’ sigurtà tal-provvista (għal stati avversi għar-riskju li jixtiequ jieħdu deċiżjonijiet infurmati tajjeb) bi spejjeż minimi għall-konsumatur.

3.4.

Il-faċilità tal-elettriku, li d-dettalji tagħha se jiġu deskritti fil-kapitolu li ġej, hija għalhekk strument fundamentalment importanti li kapaċi jikkoreġi n-nuqqasijiet fis-suq tal-elettriku eżistenti permezz ta’ interventi ta’ politika nazzjonali li huma kompatibbli mal-oqfsa stabbiliti tal-UE.

4.   Il-faċilità tal-elettriku

4.1.

Sabiex l-isfidi li qed jiffaċċja s-suq tal-ġenerazzjoni tal-enerġija jitqiegħdu f’perspettiva, ta’ min jinnota l-miri tal-UE indikati minn Eurelectric (Marzu 2024) (8):

(a)

35 % tal-enerġija finali jeħtieġ li tiġi elettrifikata sal-2030 u

(b)

50-70 % sal-2050

(c)

Il-ġenerazzjoni tal-enerġija jeħtieġ li tiġi dekarbonizzata bis-sħiħ sal-2040.

(d)

Matul l-aħħar għaxar snin ir-rata ta’ elettrifikazzjoni kienet ta’ madwar 22 %.

(e)

Din jeħtieġ li tiżdied għal 35 % sal-2030 u 61 % sal-2050 biex jintlaħqu l-miri ta’ hawn fuq.

4.2.

Dawn l-objettivi huma ta’ sfida kbira u huwa ġust li jingħad li suq ħieles ma għandux biżżejjed inċentivi biex jintlaħqu dawn l-objettivi u biex jitwettqu l-bidliet meħtieġa fis-suq. Għalhekk, il-KESE jemmen li dawn l-isfidi jistgħu jiġu ġestiti b’mod effettiv biss mill-gvernijiet.

4.3.

Dan jeħtieġ viżjoni u koordinazzjoni bilanċjati appoġġjati fil-livell Ewropew biex jinħoloq qafas regolatorju li jiggarantixxi provvista ta’ enerġija li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent, affordabbli u affidabbli, u d-dritt għall-enerġija. Dan jimxi id f’id mal-ħtieġa li s-suq jirċievi gwida mill-Istat u appoġġ finanzjarju mill-Istat għall-investiment minħabba tali tranżizzjoni fuq skala kbira, kif diġà ġie argumentat.

4.4.

Għalhekk, fl-Opinjoni TEN/793 il-Kumitat ippropona l-istabbiliment ta’ faċilitajiet tal-elettriku tal-Istat biex jintlaħqu dawn l-objettivi b’mod ikkontrollat. Il-koordinazzjoni bejn dawn il-faċilitajiet tal-elettriku mmexxija mill-Istat tista’ tiġi organizzata tajjeb ħafna fil-livell tal-UE biex jiġi żgurat l-aħjar suq tal-elettriku Ewropew bl-interdipendenza meħtieġa fil-livell tal-UE. Il-faċilità tal-elettriku tkun tista’ tagħmel offerti għal sorsi tal-elettriku speċifiċi biex tinkiseb l-aħjar taħlita tal-elettriku bbażata fuq l-ilħuq fil-ħin tal-miri meħtieġa għat-tnaqqis tal-karbonju fis-suq tal-elettriku.

4.5.

L-ipprezzar tal-enerġija għandu jkun ibbażat fuq LCOE permezz tal-faċilità tal-elettriku, li l-objettiv ewlieni tagħha huwa li tiżgura pprezzar medju peżat ġust u stabbli bbażat fuq taħlita bbilanċjata ta’ sorsi elettriċi, kull wieħed bl-LCOE speċifiku tiegħu. Il-faċilità tal-elettriku se titqiegħed bejn il-fornituri tal-elettriku kummerċjali u l-kumpaniji kummerċjali tad-distribuzzjoni tal-elettriku. Naturalment jista’ jkun hemm utenti kbar tal-elettriku li jidħlu f’kuntratt fit-tul direttament ma’ produttur tal-elettriku.

Sabiex tiġi pprovduta riassigurazzjoni suffiċjenti lill-fornituri tal-elettriku biex jinvolvu ruħhom f’kuntratti fit-tul (20 sena u aktar), bħal PPAs u kuntratti bidirezzjonali għad-differenza, l-appoġġ dirett mill-Istat jiżgura appoġġ finanzjarju suffiċjenti għal tali kuntratti. Għalhekk, huwa ċar li l-faċilità tal-elettriku tista’ tipprovdi biss tali kuntratti fit-tul b’appoġġ finanzjarju mill-Istat jew permezz ta’ sjieda diretta tal-Istat.

4.6.

Is-suq jiżgura bilanċ fuq terminu qasir (ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata) bejn il-provvista u d-domanda, waqt li l-objettiv ewlieni tal-faċilità tal-elettriku huwa li tiġi żgurata l-istabbiltà tal-prezzijiet fuq terminu medju u twil. L-ibbilanċjar fil-livell nazzjonali u tal-UE jkun applikazzjoni ideali għall-algoritmu tal-akkoppjar tas-swieq tal-EUPHEMIA (9), estiż bis-saħħa tal-kapaċitajiet ġodda tal-IA.

4.7.

Mekkaniżmu ta’ pprezzar stabbli pprovdut permezz tal-faċilità tal-elettriku se jkun ta’ benefiċċju wkoll għall-konsumaturi u se jħeġġiġhom jieħdu inizjattivi għall-ġenerazzjoni u l-konsum tal-enerġija lokali kooperattiva kondiviża, li fil-fehma tagħna se tkun waħda mis-soluzzjonijiet meħtieġa fil-futur.

4.8.

L-Istati Membri jiddeċiedu għalihom infushom jekk jistabbilixxux faċilità tal-elettriku jew le. Il-KESE jħeġġeġ koordinazzjoni madwar l-UE kollha dwar kif jistgħu jinkisbu l-aktar prezzijiet tal-enerġija baxxi u stabbli possibbli. Il-kapaċità meħtieġa, l-infrastruttura tal-grilja u t-taħlita tal-enerġija komplementari jistgħu mbagħad jiġu kkoordinati wkoll bejn l-Istati Membri.

5.   Bejn issa u l-2050

5.1.

Qed jiġi propost li l-bidla meħtieġa fis-suq tal-elettriku tinqasam fi tliet fażijiet:

(1)

Bejn issa u l-2030 (waqt li l-impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-faħam u bil-gass fossili għadhom qed joperaw).

(2)

Mill-2030 sal-2040 meta jeħtieġ li nissostitwixxu l-impjanti tal-enerġija tal-fjuwils fossili aġġustabbli b’impjanti aġġustabbli ta’ emissjonijiet mhux tas-CO2 (eż. idroġenu ekoloġiku, gass fossili b’sistemi ta’ qbid u ħżin tad-diossidu tal-karbonju) u sistemi ta’ kapaċità ta’ ħżin.

(3)

Mill-2040 sal-2050 meta nistgħu nirfinaw l-għażliet magħżula biex jippermettu sistema stabbli mill-2050 ’il quddiem.

Matul l-ewwel fażi, il-faċilità tal-elettriku se tkabbar il-portafoll tagħha b’taħlita mixtieqa ta’ ġenerazzjoni tal-enerġija (mhux tas-CO2). Hija se teħtieġ iż-żmien biex tikber f’pożizzjoni ta’ ġeneratur tas-suq. Matul dan il-perjodu, l-impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-faħam se jingħalqu u l-impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-gass se jiġu kkonvertiti fi impjanti li jitħaddmu bl-H2 jew ikkombinati ma’ sistemi ta’ qbid u ħżin tad-diossidu tal-karbonju. Matul dan il-perjodu (sa l-2030), in-negozjar tal-enerġija se jseħħ fuq bażi ta’ negozjar ta’ ġurnata bil-quddiem iżda l-influwenza tal-faċilità tal-elettriku fis-suq se tikber.

5.2.

Matul il-fażi sa 2040, il-faċilità tal-elettriku se tikseb il-pożizzjoni tagħha ta’ ġeneratur tas-suq u se tikkontrolla parti adegwata tal-lat tal-provvista tas-suq permezz ta’ kuntratti għall-provvista. Dawn jistgħu jkunu kuntratti kuntratt bidirezzjonali għad-differenza jew PPAs. Lejn tmiem din il-fażi, il-faċilità tal-elettriku, bir-rwol tagħha bħala ġeneratur tas-suq, se tiżgura l-provvista tal-elettriku lill-konsumaturi (permezz tal-kumpaniji li jiddistribwixxu l-enerġija). Ir-rilevanza tan-negozjar ta’ ġurnata bil-quddiem se jonqos matul dan il-perjodu minħabba l-pożizzjoni ta’ ġeneratur tas-suq tal-faċilità elettriku, iżda n-negozjar ta’ ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata se jibqa’ importanti għall-bilanċ tal-provvista u l-konsum.

5.3.

Matul it-tielet fażi, il-faċilità tal-elettriku se tottimizza l-lat tal-provvista tal-elettriku biex tiżgura, mill-2050, provvista sostenibbli fit-tul tal-elettriku mingħajr emissjonijiet tas-CO2 b’livell ta’ prezz stabbli u prevedibbli. Abbażi tal-esperjenza miksuba, dan jista’ jinkiseb billi tiġi ottimizzata t-taħlita tal-enerġija permezz ta’ kuntratti ta’ provvista fit-tul (20-30 sena).

5.4.

Minbarra dan, u minn perspettiva sistemika, għażliet importanti oħra biex jiġu bbilanċjati l-provvista u d-domanda jinkludu l-kondiviżjoni tal-enerġija u l-kummerċ bejn il-pari. Dawn għandhom il-benefiċċju miżjud li jiġu mistiedna komunitajiet tal-enerġija bħal kooperattivi u prosumaturi individwali biex jaqdu rwol attiv fit-tranżizzjoni tal-enerġija. Għalhekk, il-KESE jtenni l-messaġġ kondiviż ta’ spiss tiegħu li l-ġenerazzjoni tal-elettriku fuq skala żgħira trid tiġi mħeġġa biex il-prezz tal-elettriku jinżamm affordabbli għall-konsumaturi u biex jiżdiedu l-għażliet ta’ flessibbiltà tal-grilji.

6.   Finanzi u Tassazzjoni

6.1.

Huwa previst li l-prezz tal-elettriku se jiżdied sal-2035, u se jirdoppja fl-agħar xenarju. B’xorti tajba, din iż-żieda fil-prezz qed tittaffa miż-żieda fis-sorsi rinnovabbli (ara n-nota 2 f’qiegħ il-paġna). Huwa għalhekk li jeħtieġ li jsir aktar xogħol ta’ mmudellar fuq l-ipprezzar biex jgħin lill-gvernijiet jagħmlu għażliet kosteffettivi għat-taħlita tal-ġenerazzjoni tal-enerġija. Servizzi bħal dawn jistgħu jiġu pprovduti mill-faċilità tal-elettriku.

6.2.

Anke issa, xi operaturi ta’ sistema tat-trażmissjoni (10) jindikaw li mhux se jkunu jistgħu jiggarantixxu titjib suffiċjenti tal-grilja wara l-2030 sakemm sadanittant ma jsirux investimenti kbar biex itejbu n-network tagħhom, u f’xi Stati Membri l-prosumaturi jiġu diżakkoppjati mill-grilja tad-distribuzzjoni minħabba kapaċità insuffiċjenti tal-grilja tad-distribuzzjoni. Biex dawn l-aġġornamenti jiġu ffinanzjati fil-ħin, jeħtieġ li l-gvernijiet jagħmlu disponibbli fondi suffiċjenti bħala regolaturi tal-operaturi ta’ sistema tat-trażmissjoni u tal-operaturi ta’ sistema ta’ distribuzzjoni (11). Dawn l-investimenti addizzjonali se jwasslu għal żieda fit-tariffi għall-utenti. Minħabba d-daqs tal-investimenti meħtieġa, it-tariffi attwali jistgħu saħansitra jirduppjaw.

6.3.

Huwa maħsub li, sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel minn elettriku fossili għal elettriku ġġenerat minn sorsi rinnovabbli jew b’livell baxx ta’ karbonju, huwa meħtieġ aktar sforz madwar l-UE kollha biex jiġu stabbiliti mudelli ta’ pprezzar konsistenti fl-UE kollha bbażati fuq l-LCOE u l-LFSCOE (kost sħiħ livellat tas-sistema massima tal-elettriku (12)). Dan jgħin lill-gvernijiet jagħmlu għażliet sodi matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni minn issa sal-2050 biex jiżguraw li l-elettriku jibqa’ affordabbli kemm għaċ-ċittadini kif ukoll għall-kumpaniji.

6.4.

Biż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija u fit-tariffi tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni, il-kost tal-elettriku fit-tħejjija għall-2030 u lil hinn se jirrikjedi li l-gvernijiet jirrevedu l-politika tagħhom dwar it-tassazzjoni miżjuda fuq il-provvista tal-elettriku lill-konsumaturi. Mingħajr kumpens permezz ta’ tnaqqis fit-tassazzjoni, l-elettriku jista’ tabilħaqq ma jibqax affordabbli għal gruppi ta’ ċittadini tal-UE u jnaqqas il-kompetittività tal-kumpaniji b’kompetizzjoni minn barra l-UE.

Brussell, it-22 ta’ Jannar 2025

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Oliver RÖPKE


(1)  Il-kostijiet totali livellati tal-produzzjoni ta’ enerġija (LCOE) huma kejl tal-kost medju nett preżenti tal-ġenerazzjoni tal-elettriku għal ġeneratur matul il-ħajja tiegħu. Dan jintuża għall-ippjanar tal-investiment u biex jitqabblu metodi differenti ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku fuq bażi konsistenti.

(2)   EU Energy Outlook 2060 (Il-perspettiva tal-Enerġija tal-UE għall-2060).

(3)  Ordni tal-mertu: l-ordni tal-impjanti tal-enerġija bbażat fuq il-livell tal-kostijiet marġinali tagħhom, li jibda bl-inqas kostijiet marġinali u jispiċċa bl-ogħla kostijiet marġinali. Għalhekk, l-impjanti tal-enerġija b’kostijiet marġinali ogħla jiġu miżjuda sakemm tiġi ssodisfata d-domanda. L-ordni huwa: enerġija rinnovabbli, enerġija nukleari, faħam, żejt u gass. Fid-disinn attwali tas-suq tal-elettriku, l-aħħar impjant tal-enerġija fl-ordni tal-mertu (ħafna drabi l-gass) jistabbilixxi l-prezz permezz tal-kostijiet marġinali tiegħu.

(4)   https://research.rug.nl/en/publications/the-right-to-energy-in-the-european-union.

(5)   ĠU C 293, 18.8.2023, p. 112.

(6)   https://www.bruegel.org/policy-brief/changing-dynamics-european-electricity-markets-and-supply-demand-mismatch-risk.

(7)  Kuntratt bidirezzjonali għad-differenza huwa kuntratt iffirmat bejn ġeneratur tal-enerġija u entità pubblika, li jistabbilixxi prezz tal-eżerċitar. Fil-prattika dan jaħdem billi jekk il-prezz tas-suq ikun inqas mill-prezz tal-eżerċitar, il-ġeneratur tal-enerġija jirċievi d-differenza; jekk il-prezz tas-suq ikun ogħla mill-prezz tal-eżerċitar, il-ġeneratur tal-enerġija jħallas lura d-differenza. PPAs (ftehimiet dwar ix-xiri tal-enerġija) huma kuntratti fit-tul bejn fornitur u xerrej tal-elettriku.

(8)   https://www.eurelectric.org/publications/eurelectric-electrification-action-plan.

(9)  EUPHEMIA tirrappreżenta Algoritmu tal-UE għall-Integrazzjoni Pan-Ewropea tas-Swieq tal-Elettriku Ibridi.

(10)  Operatur tas-Sistema ta’ Trażmissjoni (TSO) huwa organizzazzjoni responsabbli għat-trażmissjoni effiċjenti u affidabbli tal-elettriku mill-impjanti tal-ġenerazzjoni permezz tal-grilja tal-enerġija lill-operaturi tad-distribuzzjoni tal-elettriku reġjonali jew lokali.

(11)  Operatur tas-Sistema ta’ Distribuzzjoni (DSO) jopera, jimmaniġġja, u xi drabi jippossjedi n-networks lokali u reġjonali tad-distribuzzjoni tal-enerġija, li jittrasportaw l-elettriku lill-utenti finali.

(12)  Kost sħiħ livellat tas-sistema massima tal-elettrikuu (LFSCOE) huwa metrika tal-evalwazzjoni tal-kostijiet kollha li tqabbel il-kostijiet tas-servizz biex jiġi moqdi s-suq kollu bl-użu ta’ sors wieħed biss flimkien mal-ħżin. https://drive.google.com/file/d/1JB-x88wPQuKwWoFnxvkDAzbJ7hnM1-sj/view.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/1187/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)