SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)
6 ta’ Marzu 2025 ( *1 )
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 258 TFUE – Protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw ksur tad-dritt tal-Unjoni – Direttiva (UE) 2019/1937 – Artikolu 26(1) u (3) – Assenza ta’ traspożizzjoni u ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni – Artikolu 260(3) TFUE – Talba għal kundanna għall-ħlas ta’ somma f’daqqa – Kriterji għall-istabbiliment tal-ammont tas-sanzjoni – Applikazzjoni awtomatika ta’ koeffiċjent ta’ gravità”
Fil-Kawża C‑155/23,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 u l-Artikolu 260(3) TFUE, ippreżentat, imressaq fl‑14 ta’ Marzu 2023,
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Baquero Cruz u A. Tokár, bħala aġenti,
rikorrenti,
vs
L-Ungerija, irrappreżentata minn M. Z. Fehér, bħala aġent,
konvenuta,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),
komposta minn T. von Danwitz, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala President tas-Sitt Awla, A. Kumin u I. Ziemele (Relatriċi), imħallfin,
Avukat Ġenerali: N. Emiliou,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
Il-kuntest ġuridiku
Id-Direttiva 2019/1937
|
2 |
Il-premessi 1 u 33 tad-Direttiva 2019/1937 jipprovdu:
[…]” |
|
3 |
Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva: “L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li jittejjeb l-infurzar tal-liġi u l-politiki tal-Unjoni f’oqsma speċifiċi billi jiġu stabbiliti standards minimi komuni li jipprevedu protezzjoni ta’ livell għoli għal persuni li jirrapportaw ksur tal-liġi tal-Unjoni.” |
|
4 |
L-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet ġuridiċi fis-settur privat u dak pubbliku jistabbilixxu kanali u proċeduri għar-rapportar intern u għas-segwitu, wara konsultazzjoni mas-sħab soċjali u bi ftehim magħhom fejn previst mil-liġi nazzjonali. […] 9. Il-paragrafu 1 għandu japplika għall-entitajiet ġuridiċi kollha fis-settur pubbliku, inkluż kwalunkwe entità li hija proprjetà ta’ jew ikkontrollata minn tali entitajiet. […]” |
|
5 |
L-Artikolu 23(1) tal-istess direttiva jipprovdi: “L-Istati Membri għandhom jipprovdu pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi applikabbli għal persuni fiżiċi jew ġuridiċi li: […]
[…]” |
|
6 |
L-Artikolu 26 tad-Direttiva 2019/1937 jipprevedi: “1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sas‑17 ta’ Diċembru 2021. […] 3. Meta l-Istati Membri jadottaw id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, dawk id-dispożizzjonijiet għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew jiġu akkumpanjati b’tali referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw il-mod kif għandha ssir dik ir-referenza. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.” |
Il-Komunikazzjoni tal-2023
|
7 |
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2023/C 2/01, intitolata “Sanzjonijiet finanzjarji fi proċedimenti ta’ ksur” (ĠU 2023, C 2, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni tal‑2023”), tiddedika l-punti 3 u 4 tagħha rispettivament għall-“Pagament ta’ penali” u għal “Ħlas ta’ somma f’daqqa”. |
|
8 |
Il-punt 3.2 tal-Komunikazzjoni tal‑2023, dwar l-applikazzjoni tal-koeffiċjent ta’ gravità fil-kuntest tal-kalkolu tal-pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum, jipprovdi: “Ksur li jikkonċerna n-nuqqas […] ta’ Stat Membru […] li jinnotifika miżuri li jittrasponu direttiva adottata skont proċedura leġiżlattiva dejjem jitqies bħala serju. Biex tadatta l-ammont tal-penali għaċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ, il-Kummissjoni tiddetermina l-koeffiċjent għas-serjetà fuq il-bażi ta’ żewġ parametri: l-importanza tar-regoli tal-Unjoni li nkisru jew li ma ġewx trasposti u l-effetti tal-ksur fuq l-interessi ġenerali u partikolari. […]” |
|
9 |
Il-punt 3.2.2 ta’ din il-komunikazzjoni jipprovdi: “Għal azzjonijiet ippreżentati skont l-Artikolu 260(3) TFUE, il-Kummissjoni tapplika sistematikament koeffiċjent għas-serjetà ta’ 10 f’każ ta’ nuqqas sħiħ ta’ notifika ta’ miżuri ta’ traspożizzjoni. F’Unjoni bbażata fuq ir-rispett tal-[I]stat tad-dritt, id-direttivi leġiżlattivi kollha għandhom jitqiesu ta’ importanza ugwali u jirrikjedu traspożizzjoni sħiħa mill-Istati Membri fl-iskadenzi li jistabbilixxu. Fil-każ ta’ nuqqas parzjali ta’ notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni, għandha titqies l-importanza tad-diskrepanza fit-traspożizzjoni meta jiġi stabbilit il-koeffiċjent għas-serjetà li jkun anqas minn 10. Barra minn hekk, jistgħu jitqiesu l-effetti tal-ksur fuq l-interessi ġenerali u partikolari […].” |
|
10 |
Skont il-punt 3.3 tal-imsemmija komunikazzjoni, intitolat “Applikazzjoni tal-koeffiċjent għal kemm idum”: “[…] Il-koeffiċjent għal kemm idum huwa espress bħala multiplikatur ta’ bejn 1 u 3. Dan jiġi kkalkolat b’rata ta’ 0,10 fix-xahar mid-data tal-ewwel sentenza jew mill-jum wara l-iskadenza għat-traspożizzjoni tad-direttiva inkwistjoni. […]” |
|
11 |
Il-punt 3.4 ta’ din il-komunikazzjoni, intitolat “Il-kapaċità tal-Istat Membru li jħallas”, jipprevedi: “[…] Il-livell ta’ sanzjoni meħtieġ biex iservi bħala deterrent se jvarja skont il-kapaċità tal-Istati Membri li jħallsu. Dan l-effett ta’ deterrent huwa rifless fil-fattur n. Huwa ddefinit bħala medja ġeometrika ponderata tal-prodott domestiku gross (PDG) […] tal-Istat Membru kkonċernat meta mqabbla mal-medja tal-PDG tal-Istati Membri, b’piż ta’ tnejn, u tal-popolazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat, meta mqabbla mal-medja tal-popolazzjonijiet tal-Istati Membri, b’piż ta’ wieħed. Dan jirrappreżenta l-kapaċità li l-Istat Membru kkonċernat iħallas meta mqabbel mal-kapaċità tal-Istati Membri l-oħra li jħallsu: […] il-Kummissjoni ddeċidiet li tirrevedi l-metodu tagħha għall-kalkolu tal-fattur n, li issa jibbaża l-aktar fuq il-PDG tal-Istati Membri u t-tieni fuq il-popolazzjoni tagħhom bħala kriterju demografiku li jippermetti li tinżamm devjazzjoni raġonevoli bejn id-diversi Stati Membri. Meta titqies il-popolazzjoni tal-Istati Membri għal terz tal-kalkolu tal-fattur n, il-varjazzjoni tal-fatturi n tal-Istati Membri titnaqqas b’mod raġonevoli, meta mqabbla ma’ kalkolu bbażat biss fuq il-PDG tal-Istati Membri. Dan iżid ukoll element ta’ stabbiltà fil-kalkolu tal-fattur n, billi l-popolazzjoni x’aktarx li ma hijiex se tvarja b’mod sinifikanti fuq bażi annwali. B’kuntrast għal dan, il-PDG ta’ Stat Membru jista’ jesperjenza varjazzjonijiet annwali ogħla, b’mod partikolari f’perjodi ta’ kriżi ekonomika. Fl-istess ħin, billi l-PDG tal-Istat Membru għadu jammonta għal żewġ terzi tal-kalkolu, jibqa’ l-fattur predominanti għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-kapaċità tiegħu li jħallas. […]” |
|
12 |
Il-punt 4.2 tal-Komunikazzjoni tal‑2023 jippreċiża l-metodu ta’ kalkolu tas-somma f’daqqa kif ġej: “Is-somma f’daqqa tiġi kkalkolata b’mod ġeneralment simili għall-metodu għall-kalkolu tal-pagament ta’ penali, jiġifieri:
[…]” |
|
13 |
Il-punt 4.2.1 ta’ din il-komunikazzjoni jipprevedi: “Biex tiġi kkalkolata s-somma f’daqqa, l-ammont ta’ kuljum għandu jiġi mmultiplikat bin-numru ta’ jiem li l-ksur jippersisti. Dan tal-aħħar huwa ddefinit kif ġej: […]
[…]” |
|
14 |
Skont il-punt 4.2.2 tal-imsemmija komunikazzjoni: “Għall-kalkolu tas-somma f’daqqa, il-Kummissjoni tapplika l-istess koeffiċjent għas-serjetà u l-istess fattur n fiss bħal għall-kalkolu tal-pagament ta’ penali […] L-ammont b’rata fissa għas-somma f’daqqa huwa anqas minn dak għall-pagamenti ta’ penali. […] L-ammont b’rata fissa applikabbli għas-somma f’daqqa huwa stabbilit fil-punt 2 tal-Anness I. […]” |
|
15 |
L-Anness I ta’ din il-komunikazzjoni, intitolat “Data użata għad-determinazzjoni tas-sanzjonijiet finanzjarji proposti lill-Qorti” jipprevedi, fil-punt 2 tiegħu, li l-ammont tas-somma f’daqqa msemmi fil-punt 4.2.2 tal-Komunikazzjoni tal‑2023 huwa stabbilit għal EUR 1000 għal kuljum, li jikkorrispondi għal terz tal-ammont b’rata fissa tal-pagamenti ta’ penalità, u, fil-punt 3 tiegħu, li l-fattur “n” għall-Ungerija huwa stabbilit għal 0.35. Fil-punt 5 ta’ dan l-Anness I, huwa ppreċiżat li s-somma f’daqqa minima stabbilita għal dan l-Istat Membru tammonta għal EUR 980000. |
Il-proċedura prekontenzjuża u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
16 |
Fis‑27 ta’ Jannar 2022, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lill-Ungerija, fejn ilmentat li ma kkomunikatilhiex il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mad-Direttiva 2019/1937, li t-terminu ta’ traspożizzjoni tagħha kien skada fis‑17 ta’ Diċembru 2021. Fir-risposti tagħha tat‑18 ta’ Marzu u tat‑3 ta’ Mejju 2022, l-Ungerija informat lill-Kummissjoni li d-dispożizzjonijiet meħtieġa kienu qegħdin jitfasslu, peress li t-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva fid-dritt nazzjonali kienet teħtieġ it-tfassil ta’ liġi ġdida u ta’ leġiżlazzjoni fil-forma ta’ digriet governattiv. Il-promulgazzjoni ta’ din il-liġi kienet prevista għat-tmiem ta’ Novembru 2022. |
|
17 |
Fl-assenza ta’ komunikazzjoni sussegwenti dwar it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2019/1937, fit‑22 ta’ Lulju 2022, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lill-Ungerija, li fiha talbet lil din tal-aħħar sabiex twettaq l-obbligi tagħha skont l-imsemmija direttiva fi żmien xahrejn, li jibdew jiddekorru mid-data li fiha tirċievi din l-opinjoni. |
|
18 |
Fit‑13 ta’ Settembru 2022, l-Ungerija kkomunikat lill-Kummissjoni l-Liġi Nru CLXV tal‑2013 dwar l-ilmenti u s-senjalazzjonijiet ta’ interess pubbliku u d-Digriet Governattiv Nru 50/2013 (II.25) dwar is-sistema ta’ ġestjoni tal-integrità fi ħdan il-korpi tal-amministrazzjoni pubblika u l-modalitajiet ta’ akkoljenza tar-rappreżentanti ta’ interessi, bħala dispożizzjonijiet li jippermettu t-traspożizzjoni parzjali tad-Direttiva 2019/1937. |
|
19 |
Fit-tweġiba tagħha għall-opinjoni motivata tal‑15 ta’ Settembru 2022, l-Ungerija indikat li t-tfassil tal-abbozz ta’ liġi li jippermetti t-traspożizzjoni sħiħa ta’ din id-direttiva kien għaddej. |
|
20 |
Peress li qieset li dan l-Istat Membru kien għadu ma wettaqx l-obbligi tiegħu, il-Kummissjoni ddeċidiet, fl‑14 ta’ Marzu 2023, li tippreżenta dan ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
21 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑7 ta’ Jannar 2024, il-proċedura ġiet sospiża sakemm tingħata deċiżjoni fil-Kawża C‑147/23. Wara l-għoti tas-sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi) (C‑147/23, EU:C:2024:346), il-proċedura f’din il-kawża tkompliet permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-istess ġurnata. |
|
22 |
Permezz ta’ att tat‑30 ta’ Settembru 2024, il-Kummissjoni informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2019/1937 mill-Ungerija setgħet titqies li kienet intemmet fl‑24 ta’ Lulju 2023, data tad-dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru XXV tal‑2023 dwar ir-regoli li jirrigwardaw l-ilmenti, is-senjalazzjonijiet ta’ interess pubbliku u l-informaturi kif ukoll tad-Digriet Governattiv Nru 225/2023, tat‑8 ta’ Ġunju 2023, li jaħtar korpi governattivi obbligati joħolqu sistema distinta ta’ senjalazzjoni ta’ abbużi. Għaldaqstant, din l-istituzzjoni, minn naħa, irrinunzjat parzjalment għar-rikors tagħha, filwaqt li rrinunzjat għat-talba tagħha għall-iffissar ta’ pagamenti ta’ penalità, u, min-naħa l-oħra, adattat it-talbiet tagħha intiżi għall-kundanna ta’ dan l-Istat Membru għall-ħlas ta’ somma f’daqqa, fejn talbet f’dan ir-rigward ammont ta’ EUR 2040500. |
Fuq ir-rikors
Fuq in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 258 TFUE
L-argumenti tal-partijiet
|
23 |
Il-Kummissjoni tfakkar li, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, l-Istati Membri huma obbligati jadottaw id-dispożizzjonijiet neċessarji għat-traspożizzjoni tad-direttivi fis-sistema ġuridika nazzjonali tagħhom, fit-termini stabbiliti minn dawn id-direttivi, u jikkomunikaw immedjatament dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni. |
|
24 |
Din l-istituzzjoni tippreċiża li l-eżistenza ta’ kull nuqqas ta’ twettiq ta’ dawn l-obbligi għandha tiġi evalwata skont kif kienet is-sitwazzjoni tal-Istat Membru fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata li hija bagħtitilha. |
|
25 |
Issa, f’dan il-każ, l-Ungerija la adottat l-imsemmija dispożizzjonijiet u lanqas ma informat lill-Kummissjoni bl-adozzjoni tagħhom qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata tat‑22 ta’ Lulju 2022. |
|
26 |
L-Ungerija tindika li l-Liġi Nru XXV tal‑2023 ġiet ippubblikata fil‑25 ta’ Mejju 2023 sabiex tidħol fis-seħħ fis‑60 jum wara din id-data. Hija tippreċiża li huwa wkoll f’din id-data li kellu jidħol fis-seħħ id-Digriet Governattiv Nru 225/2023, adottat skont l-awtorizzazzjoni mogħtija mil-Liġi Nru XXV tal‑2023. Dan l-Istat Membru jsostni wkoll li huwa ħa miżuri sabiex jikkomunika din il-liġi lill-Kummissjoni immedjatament wara l-pubblikazzjoni tagħha, jiġifieri fis‑26 ta’ Mejju 2023. Konsegwentement, l-Ungerija tqis li t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2019/1937 kienet tlestiet fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmija liġi u tad-Digriet Governattiv Nru 225/2023 relatat magħha, b’tali mod li r-rikors tal-Kummissjoni kellu jiġi miċħud. |
|
27 |
Sussidjarjament, l-Ungerija tfakkar li, matul il-proċedura prekontenzjuża, hija kkomunikat lill-Kummissjoni l-Liġi Nru CLXV tal‑2013 bħala miżura ta’ traspożizzjoni parzjali tad-Direttiva 2019/1937. F’dan ir-rigward, billi tibbaża ruħha fuq is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus) (C‑550/18,EU:C:2020:564), l-Ungerija ssostni li l-assenza ta’ riferiment għal din id-direttiva fid-dispożizzjonijiet nazzjonali kkomunikati ma tipprekludix it-teħid inkunsiderazzjoni tagħhom bħala miżuri ta’ traspożizzjoni parzjali, peress li r-riferiment għall-imsemmija direttiva jikkostitwixxi sempliċi formalità. |
|
28 |
Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni tindika li l-Liġi Nru XXV tal‑2023 u d-Digriet Governattiv Nru 225/2023 li ġew ikkomunikati lilha mill-Ungerija bħala dispożizzjonijiet li jippermettu t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2019/1937 ma kinux daħlu fis-seħħ fil-ġurnata tal-preżentata ta’ din in-nota, jiġifieri fit‑12 ta’ Lulju 2023. |
|
29 |
Barra minn hekk, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni eżistenti kkomunikati mill-Ungerija matul il-proċedura prekontenzjuża, il-Kummissjoni tirrileva li ebda tabella ta’ korrispondenza ma ġiet trażmessa lilha minn dan l-Istat Membru. Issa, tali dokument huwa iktar u iktar kruċjali peress li d-dispożizzjonijiet ikkomunikati jirriżultaw minn leġiżlazzjoni vasta u ġenerali, li ma jippermettux waħedhom lill-Kummissjoni tevalwa r-rilevanza tagħhom bħala miżuri ta’ traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2019/1937. |
|
30 |
Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tfakkar li t-traspożizzjoni ta’ direttiva għandha tirriżulta minn att pożittiv li jinkludi riferiment għal din id-direttiva. Dan ma huwiex sempliċi formalità, peress li tali riferiment jippermetti lill-benefiċjarji tad-drittijiet li huma jisiltu mill-miżura ta’ traspożizzjoni jkunu jafu l-oriġini tagħha u l-konsegwenzi li jirriżultaw minnha. |
|
31 |
Fil-kontroreplika tagħha, l-Ungerija tirrileva li hija bagħtet lill-Kummissjoni, fl‑14 ta’ Ġunju 2023, tabella ta’ korrispondenza li tindika d-dispożizzjonijiet tad-dritt intern intiżi li jittrasponu d-Direttiva 2019/1937. |
|
32 |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tistax tikkonkludi dwar l-assenza ta’ traspożizzjoni jew l-assenza ta’ kwalunkwe komunikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet ta’ traspożizzjoni għas-sempliċi raġuni li d-dispożizzjonijiet li ġew ikkomunikati lilha ma jinkludux riferiment għal din id-direttiva. |
|
33 |
Fl-aħħar nett, dan l-Istat Membru jindika, fl-osservazzjonijiet tiegħu tal‑4 ta’ Novembru 2024 b’risposta għat-talbiet addizzjonali tal-Kummissjoni tat‑30 ta’ Settembru 2024, li din l-istituzzjoni ma tistax iżżomm it-talba tagħha dwar il-kundanna ta’ dan l-Istat Membru għall-ħlas ta’ somma f’daqqa, fid-dawl tad-diversi atti ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2019/1937 li kienu ġew ikkomunikati lilha qabel l-adozzjoni tal-Liġi Nru XXV tal‑2023 u tad-Digriet Governattiv Nru 225/2023. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
34 |
Skont l-Artikolu 26(1) tad-Direttiva 2019/1937, l-Istati Membri għandhom, mhux iktar tard mis‑17 ta’ Diċembru 2021, idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom mad-direttiva. Barra minn hekk, l-Artikolu 26(3) ta’ din id-direttiva jispeċifika li, meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali, dawn għandhom jinkludi riferiment għal din id-direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’tali riferiment waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Minbarra dan, skont l-Artikolu 26(3), huma l-Istati Membri li għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-imsemmija dispożizzjonijiet. |
|
35 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata skont kif kienet is-sitwazzjoni tal-Istat Membru fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, b’tali mod li l-bidliet li jkunu seħħew sussegwentement ma jkunux jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
36 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi li, għalkemm direttiva tipprevedi espressament l-obbligu għall-Istati Membri li jiżguraw li d-dispożizzjonijiet neċessarji għall-implimentazzjoni tagħha jkunu jinkludu riferiment għal din id-direttiva jew li jkunu jinkludu tali riferiment waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom, huwa, fi kwalunkwe każ neċessarju li l-Istati Membri jadottaw att speċifiku ta’ traspożizzjoni tad-direttiva inkwistjoni (sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Latvja (Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi)), C‑454/22, EU:C:2024:235, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
37 |
F’dan il-każ, wara li kkonstatat li l-Ungerija ma kinitx ikkomunikatilha d-dispożizzjonijiet neċessarji għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2019/1937, il-Kummissjoni bagħtet lil dan l-Istat Membru, fit‑22 ta’ Lulju 2022, opinjoni motivata, fejn talbitu jwettaq l-obbligi msemmija f’din l-opinjoni f’terminu ta’ xahrejn mid-data li fiha jkun irċeviha. |
|
38 |
Issa, kif jirriżulta mir-risposta u mir-replika ppreżentati mill-Ungerija f’din il-proċedura, fl-iskadenza ta’ dan it-terminu, l-Ungerija ma kinitx adottat dawn id-dispożizzjonijiet u, għaldaqstant, lanqas ma kienet ikkomunikat dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni. |
|
39 |
Huwa minnu li l-Ungerija kkomunikat lill-Kummissjoni, fit‑13 ta’ Settembru 2022, il-Liġi Nru CLXV tal‑2013 dwar l-ilmenti u s-senjalazzjonijiet ta’ interess pubbliku u d-Digriet Governattiv Nru 50/2013 (II.25) bħala miżuri ta’ traspożizzjoni parzjali tad-Direttiva 2019/1937. Barra minn hekk, dan l-Istat Membru indika, fit-tweġiba tiegħu għall-opinjoni motivata, li t-tfassil tal-abbozz ta’ liġi ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva kien għaddej. |
|
40 |
Madankollu, għandu jitqies, l-ewwel nett, li, billi tindika li t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2019/1937 kellha titlesta matul is-sena 2023, l-Ungerija tirrikonoxxi li traspożizzjoni sħiħa fid-dritt nazzjonali ta’ din id-direttiva la kienet twettqet fl-iskadenza tat-terminu previst fl-Artikolu 26(1) tagħha, jiġifieri fis‑17 ta’ Diċembru 2021, u lanqas fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, jiġifieri fit‑22 ta’ Settembru 2022. |
|
41 |
It-tieni nett, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali kkomunikati lill-Kummissjoni matul il-proċedura prekontenzjuża fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, il-fatt li d-dritt ta’ Stat Membru fis-seħħ qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2019/1937 huwa, skont dan l-Istat Membru, diġà konformi ma’ din id-direttiva, ma huwiex suffiċjenti sabiex jeskludi l-obbligu, għall-imsemmi Stat Membru, li jittrasponi l-imsemmija direttiva fl-ordinament ġuridiku tiegħu u, għaldaqstant, sabiex jiġġustifika tali nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Latvja (Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi), C‑454/22, EU:C:2024:235, punt 42). |
|
42 |
Fil-fatt, għandu jitfakkar li d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva għandhom jiġu implimentati b’saħħa vinkolanti inkontestabbli u bl-ispeċifiċità, il-preċiżjoni u ċ-ċarezza meħtieġa, sabiex jiġi ssodisfatt ir-rekwiżit ta’ ċertezza legali li jeħtieġ li, meta d-direttiva jkollha l-għan li toħloq drittijiet għall-individwi, il-benefiċjarji jitqiegħdu f’pożizzjoni li jkunu jafu dawn id-drittijiet kollha (sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022, U.I. (Rappreżentant doganali indirett),C‑714/20, EU:C:2022:374, punt 59). |
|
43 |
Issa, peress li d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali kkomunikati mill-Ungerija ma jinkludu ebda riferiment għad-Direttiva 2019/1937, dawn ma jistgħux jitqiesu li jissodisfaw ir-rekwiżiti ppreċiżati fil-punt preċedenti. |
|
44 |
Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma adottatx, sal-iskadenza tat-terminu mogħti fl-opinjoni motivata tat‑22 ta’ Lulju 2022, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mad-Direttiva 2019/1937 u, għalhekk, billi ma kkomunikatx dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni, l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 26(1) u (3) ta’ din id-direttiva. |
Fuq it-talba mressqa skont l-Artikolu 260(3) TFUE
L-argumenti tal-partijiet
|
45 |
Sabiex jiġi stabbilit l-ammont tas-somma f’daqqa, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq il-prinċipji ġenerali msemmija fil-punt 2 tal-Komunikazzjoni tal‑2023 kif ukoll fuq il-metodu ta’ kalkolu li jinsab fil-punti 3 u 4 ta’ din il-komunikazzjoni. B’mod partikolari, din l-istituzzjoni tindika li d-determinazzjoni tal-ammont ta’ din is-sanzjoni pekunjarja għandha tkun ibbażata fuq il-kriterji fundamentali li huma l-gravità tal-ksur, it-tul tiegħu u n-neċessità li jiġi żgurat l-effett dissważiv tas-sanzjoni sabiex jiġu evitati r-reċidivi. |
|
46 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni tfakkar li l-koeffiċjent applikabbli skont il-Kommunikazzjoni tal‑2023 huwa bejn minimu ta’ 1 u massimu ta’ 20. Din l-istituzzjoni tippreċiża li, skont il-punt 3.2.2 ta’ din il-kommunikazzjoni, hija tapplika sistematikament koeffiċjent ta’ gravità ta’ 10 f’każ ta’ nuqqas sħiħ ta’ twettiq tal-obbligu ta’ komunikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jippermettu t-traspożizzjoni ta’ direttiva, peress li kull nuqqas ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva u ta’ kommunikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għandu l-istess grad ta’ gravità, indipendentement min-natura tad-dispożizzjonijiet tad-direttiva kkonċernata. |
|
47 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tat-tul tal-ksur, il-Kummissjoni tesponi li dan huwa ekwivalenti, fir-rigward tal-kalkolu tas-somma f’daqqa, għan-numru ta’ ġranet ta’ persistenza tal-ksur. Dan it-tul huwa kkalkolat skont il-punt 4.2.1 tal-Komunikazzjoni tal‑2023 u jikkorrispondi għan-numru ta’ ġranet bejn il-ġurnata ta’ wara l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-direttiva inkwistjoni u l-ġurnata li fih il-ksur intemm. |
|
48 |
Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-kriterju relatat man-neċessità li jiġi żgurat l-effett dissważiv tas-sanzjoni fid-dawl tal-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru kkonċernat, il-Kummissjoni tindika li dan huwa espress bil-fattur “n” stabbilit għal kull Stat Membru fil-punt 3 tal-Anness I tal-Komunikazzjoni tal‑2023. Il-kalkolu tiegħu huwa bbażat fuq ir-relazzjoni bejn il-PDG tal-Istat ikkonċernat u l-PDG medju nazzjonali tal-Unjoni mmultiplikat bir-relazzjoni ta’ bejn il-popolazzjoni ta’ dak l-Istat u l-popolazzjoni medja nazzjonali tal-Unjoni. L-ewwel relazzjoni hija peżata b’żewġ terzi filwaqt li t-tieni relazzjoni hija peżata b’terz. Skont dan il-punt 3, il-fattur “n” tal-Ungerija huwa ta’ 0.35. |
|
49 |
Konsegwentement, il-Kummissjoni tipproponi, skont il-punt 4.2 tal-Kommunikazzjoni tal‑2023, li jintuża koeffiċjent ta’ gravità ta’ 10 u li jiġi applikat l-fattur “n” ta’ 0.35. Il-prodott ta’ dawn iż-żewġ elementi għandu jiġi mmultiplikat bl-ammont tas-somma f’daqqa stabbilita fil-punt 2 tal-Anness I ta’ din il-komunikazzjoni, jiġifieri EUR 1000, li jikkorrispondi għas-somma ta’ EUR 3500, liema somma għandha tiġi mmultiplikata bin-numru ta’ ġranet li matulhom in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppersista, konformement mal-punt 4.2.1 tal-imsemmija kommunikazzjoni. Il-Kummissjoni tindika li l-ħlas ta’ din is-somma f’daqqa għandu jiġi impost bil-kundizzjoni li jkun ogħla minn EUR 980000, ammont tas-somma f’daqqa minima stabbilita għall-Ungerija fil-punt 5 tal-Anness I tal-Komunikazzjoni tal‑2023. |
|
50 |
Fir-risposta tagħha, l-Ungerija tirrileva, qabel kollox, li l-proposti tal-Kummissjoni dwar l-ammont tas-somma f’daqqa ma jieħdux inkunsiderazzjoni, minn naħa, il-fatt li l-Liġi Nru XXV tal‑2023 ġiet ippubblikata fil‑25 ta’ Mejju 2023 u kellha tidħol fis-seħħ, l-istess bħad-Digriet Governattiv Nru 225/2023, fl‑24 ta’ Lulju 2023, li b’dan il-mod itemm it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2019/1937, u, min-naħa l-oħra, li elementi tal-leġiżlazzjoni eżistenti li jiżguraw traspożizzjoni parzjali ta’ din id-direttiva kienu ġew ikkomunikati lill-Kummissjoni matul il-proċedura prekontenzjuża. |
|
51 |
Sussegwentement, l-Ungerija tenfasizza, bħala ċirkustanza attenwanti, li dan ir-rikors jikkostitwixxi l-ewwel proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu abbażi tal-Artikolu 260(3) TFUE fir-rigward tagħha. |
|
52 |
Fl-aħħar nett, il-fatt li diversi Stati Membri kellhom dewmien fit-traspożizzjoni tad-Direttiva 2019/1937 jindika diffikultajiet serji li jiltaqgħu magħhom l-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali fl-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ traspożizzjoni. |
|
53 |
L-Ungerija titlob, b’mod prinċipali, iċ-ċaħda tat-talbiet tal-Kummissjoni u, sussidjarjament, it-tnaqqis tal-ammont tas-somma f’daqqa proposta. |
|
54 |
Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni tenfasizza li, peress li l-Ungerija ma kkomunikatilhiex tabella ta’ korrispondenza waqt il-komunikazzjoni tal-elementi tal-leġiżlazzjoni eżistenti tagħha li jikkostitwixxu miżuri ta’ traspożizzjoni parzjali tad-Direttiva 2019/1937, hija ma tistax tevalwa r-rilevanza ta’ dawn il-miżuri. |
|
55 |
Barra minn hekk, peress li s-sanzjonijiet finanzjarji għandhom jiġu ddeterminati skont kriterji oġġettivi, din l-istituzzjoni ssostni li ċ-ċirkustanzi invokati mill-Ungerija fir-risposta tagħha ma jistgħux jiġġustifikaw tnaqqis tal-ammont tas-sanzjonijiet pekunjarji proposti. |
|
56 |
Fil-kontroreplika tagħha, l-Ungerija tirrileva li l-Kummissjoni ma tistax tastjeni milli tieħu inkunsiderazzjoni l-leġiżlazzjoni eżistenti li hija kkomunikatilha, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont tas-sanzjonijiet pekunjarji. L-approċċ tal-Kummissjoni jwassal sabiex l-Istati Membri jiġu skoraġġuti milli jidentifikaw u jikkomunikaw, qabel it-traspożizzjoni sħiħa ta’ direttiva, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li, għalkemm preċedenti għall-adozzjoni ta’ tali direttiva, jiżguraw traspożizzjoni tagħha tal-inqas parzjali. |
|
57 |
Għal dawn ir-raġunijiet, l-Ungerija ttenni t-talba tagħha intiża, prinċipalment, għaċ-ċaħda tar-rikors tal-Kummissjoni u, sussidjarjament, għat-tnaqqis tal-ammont tas-somma f’daqqa proposta. |
|
58 |
Fit-talbiet addizzjonali tagħha tat‑30 ta’ Settembru 2024, il-Kummissjoni, peress li qieset li d-Direttiva 2019/1937 ġiet trasposta b’mod sħiħ fl‑24 ta’ Lulju 2023, tbiddel l-ammont tas-somma f’daqqa mitluba. Hija tipproponi li jitqies li n-numru ta’ ġranet ta’ persistenza tal-ksur jkun inkluż bejn it‑18 ta’ Diċembru 2021, jiġifieri l-ġurnata ta’ wara dik tal-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, u t‑23 ta’ Lulju 2023, jiġifieri l-ġurnata preċedenti għal dik tad-dħul fis-seħħ tal-miżuri ta’ traspożizzjoni. Minn dan jirriżulta li l-ammont ta’ kuljum propost ta’ EUR 3500 (10x0.35x1000) għandu jiġi mmultiplikat bin-numru ta’ ġranet ta’ persistenza tal-ksur, jiġifieri 583 ġurnata. L-ammont tas-somma f’daqqa mitluba huwa għalhekk ta’ EUR 2040500. |
|
59 |
Fl-osservazzjonijiet tagħha tal‑4 ta’ Novembru 2024 dwar dawn it-talbiet, l-Ungerija tfakkar il-pożizzjoni li hija esprimiet fil-kontroreplika. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
60 |
L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 260(3) TFUE jipprevedi li, meta l-Kummissjoni tippreżenta rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 258 TFUE peress li tkun tqis li l-Istat Membru kkonċernat naqas mill-obbligu tiegħu li jikkomunika d-dispożizzjonijiet neċessarji għat-traspożizzjoni ta’ direttiva adottata konformement ma’ proċedura leġiżlattiva, hija tista’, meta jidhrilha xieraq, tindika l-ammont ta’ pagament ta’ somma f’daqqa jew ta’ pagament ta’ penalità li għandu jitħallas minn dan l-Istat Membru, li hija tkun tqis xieraq għaċ-ċirkustanzi. Konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 260(3) TFUE, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, hija tkun tista’ timponi fuq l-Istat Membru kkonċernat il-ħlas ta’ somma f’daqqa jew pagament ta’ penalità li ma jkunx jaqbeż l-ammont indikat mill-Kummissjoni u l-obbligu tal-ħlas jidħol fis-seħħ fid-data stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha. |
|
61 |
Peress li, kif jirriżulta mill-punt 44 ta’ din is-sentenza, huwa stabbilit li, fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata tat‑22 ta’ Lulju 2022, l-Ungerija la kienet adottat u lanqas, għaldaqstant, ikkomunikat lill-Kummissjoni il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji kollha għat-traspożizzjoni fid-dritt intern tagħha tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2019/1937, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu hekk ikkonstatat jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE. |
|
62 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-għan imfittex mill-mekkaniżmu li jinsab fl-Artikolu 260(3) TFUE ma huwiex biss li l-Istati Membri jiġu mħeġġa jtemmu, fl-iqsar żmien possibbli, nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li, fl-assenza ta’ tali dispożizzjoni, ikollu t-tendenza li jippersisti, iżda wkoll li jtaffi u jħaffef il-proċedura għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet pekunjarji li jikkonċernaw in-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ta’ komunikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva adottata konformement mal-proċedura leġiżlattiva (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
63 |
Sabiex jintlaħaq dan l-għan, l-Artikolu 260(3) TFUE jipprevedi l-impożizzjoni, b’mod partikolari, ta’ somma f’daqqa bħala sanzjoni pekunjarja. |
|
64 |
Il-kundanna għall-ħlas ta’ somma f’daqqa hija bbażata fuq l-evalwazzjoni tal-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligi imposti fuq l-Istat Membru kkonċernat fir-rigward tal-interessi privati u pubbliċi inkwistjoni, b’mod partikolari meta n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jkun ippersista għal perijodu twil (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
65 |
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni timmotiva n-natura u l-ammont tas-sanzjonijiet pekunjarji mitluba, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-linji gwida li hija adottat, bħal dawk li jinsabu fil-komunikazzjonijiet tagħha, li, filwaqt li ma jorbtux lill-Qorti tal-Ġustizzja, jikkontribwixxu sabiex jiżguraw it-trasparenza, il-prevedibbiltà u ċ-ċertezza legali tal-azzjoni meħuda mill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
66 |
Fir-rigward tal-opportunità li timponi somma f’daqqa, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha, f’kull kawża u skont iċ-ċirkustanzi tal-każ li tkun adita bih kif ukoll tal-livell ta’ persważjoni u ta’ dissważjoni li jidhrilha meħtieġ, li tiddeċiedi dwar s-sanzjonijiet pekunjarji xierqa, b’mod partikolari, għall-prevenzjoni tar-repetizzjoni ta’ ksur analogu tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
67 |
F’dan il-każ, għandu jitqies li, minkejja l-fatt li l-Ungerija kkooperat mad-dipartimenti tal-Kummissjoni matul il-proċedura prekontenzjuża u kkomunikatilha dispożizzjonijiet tad-dritt eżistenti tagħha li jistgħu jikkostitwixxu traspożizzjoni ta’ wħud mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2019/1937, l-elementi legali u fattwali kollha relatati man-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat jikkostitwixxu indikatur tal-fatt li l-prevenzjoni effettiva tar-repetizzjoni futura ta’ ksur simili tad-dritt tal-Unjoni hija ta’ natura li tirrikjedi l-adozzjoni ta’ miżura dissważiva bħall-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa. Qabel kollox, kien biss wara li rċeviet l-opinjoni motivata tat‑22 ta’ Lulju 2022 li l-Ungerija, fit‑13 ta’ Settembru 2022, ikkomunikat lil din l-istituzzjoni dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tagħha li hija kienet tqis li jittrasponu wħud mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva. Sussegwentement, din il-komunikazzjoni twettqet biss ftit ġranet qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata tat‑22 ta’ Lulju 2022, meta d-dispożizzjonijiet ikkomunikati f’din id-data kienu diġà eżistenti fl-ordinament ġuridiku nazzjonali qabel l-adozzjoni tal-imsemmija direttiva. Fl-aħħar nett, id-dispożizzjonijiet ikkomunikati ma kinux jippermettu traspożizzjoni effettiva, speċifika u sħiħa tagħha, kif ġie kkonstatat fil-punt 43 ta’ din is-sentenza. |
|
68 |
Fil-fatt, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li dawn id-dispożizzjonijiet, ikkomunikati qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata tat‑22 ta’ Lulju 2022, ma kinux jinkludu riferiment għad-Direttiva 2019/1937. Huwa paċifiku li l-komunikazzjoni li għandhom iwettqu l-Istati Membri, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, hija intiża sabiex tiffaċilita t-twettiq tal-missjoni tal-Kummissjoni li tikkonsisti b’mod partikolari, skont l-Artikolu 17 TFUE, fis-sorveljanza tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati kif ukoll tal-miżuri adottati mill-istituzzjonijiet bis-saħħa tagħhom. Għaldaqstant, l-imsemmija komunikazzjoni għandha tinkludi informazzjoni suffiċjentement ċara u speċifika dwar il-kontenut tar-regoli nazzjonali li jittrasponu direttiva. Għalhekk, din il-komunikazzjoni, li tista’ tkun akkumpanjata minn tabella ta’ korrispondenza, għandha tindika mingħajr ambigwità liema huma l-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li bihom l-Istat Membru jqis li ssodisfa d-diversi obbligi imposti fuqu minn din id-direttiva. Issa, fl-assenza ta’ tali informazzjoni, il-Kummissjoni ma tkunx tista’ tivverifika jekk l-Istat Membru applikax realment u kompletament id-direttiva (sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (Artikolu 260(3) TFUE - Networks b’veloċità għolja), C‑543/17, EU:C:2019:573, punt 51). |
|
69 |
Minn naħa l-oħra, kif tfakkar fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, għalkemm direttiva tipprevedi espressament l-obbligu għall-Istati Membri li jiżguraw li d-dispożizzjonijiet neċessarji għall-implimentazzjoni tagħha jkunu jinkludu riferiment għal din id-direttiva jew li jkunu jinkludu tali riferiment waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom, huwa, fi kwalunkwe każ neċessarju li l-Istati Membri jadottaw att speċifiku ta’ traspożizzjoni tad-direttiva inkwistjoni. |
|
70 |
Għaldaqstant, peress li d-dispożizzjonijiet ikkomunikati mill-Ungerija qabel l-iskadenza tat-terminu previst fl-opinjoni motivata tat‑22 ta’ Lulju 2022 ma kinux jinkludu riferiment għad-Direttiva 2019/1937 u peress li ma kinux akkumpanjati minn dokument ta’ spjega, dawn ma jistgħux jiġu invokati sabiex tiġi kkontestata l-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa f’dan il-każ. |
|
71 |
F’dak li jirrigwarda l-kalkolu tal-ammont ta’ din is-somma f’daqqa, għandu jitfakkar li, b’applikazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja biss hija kompetenti sabiex timponi sanzjoni pekunjarja fuq Stat Membru. Madankollu, fil-kuntest ta’ proċedura mibdija abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha biss setgħa ta’ evalwazzjoni limitata, peress li, fil-każ ta’ konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu minn din tal-aħħar, il-proposti tal-Kummissjoni jorbtu lill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tan-natura tas-sanzjoni pekunjarja li hija tista’ timponi u fir-rigward tal-ammont massimu tas-sanzjoni li hija tista’ tagħti (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
72 |
Fl-eżerċizzju tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħha f’dan il-qasam, kif inkwadrat mill-proposti tal-Kummissjoni, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tistabbilixxi l-ammont tas-somma f’daqqa li jista’ jiġi impost fuq Stat Membru skont l-Artikolu 260(3) TFUE b’tali mod li dan l-ammont ikun, minn naħa, adattat għaċ-ċirkustanzi u, min-naħa l-oħra, proporzjonat għall-ksur imwettaq. Fost il-fatturi rilevanti f’dan ir-rigward jinsabu b’mod partikolari elementi bħall-gravità tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat, il-perijodu li matulu dan tal-aħħar ippersista kif ukoll il-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru inkwistjoni (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punti 68 u 87 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
73 |
Għandu jitfakkar ukoll li, fil-kuntest ta’ din is-setgħa ta’ evalwazzjoni, linji gwida, bħal dawk inklużi fil-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni, ma jorbtux lill-Qorti tal-Ġustizzja, iżda jikkontribwixxu sabiex tiġi ggarantita t-trasparenza, il-prevedibbiltà u ċ-ċertezza legali tal-azzjoni meħuda mill-Kummissjoni nnifisha meta dik l-istituzzjoni tagħmel proposti lill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
74 |
F’dan il-każ, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-Komunikazzjoni tal‑2023 sabiex tiġġustifika t-talba tagħha għall-kundanna tal-Ungerija għall-ħlas ta’ pagament ta’ somma f’daqqa, kif ukoll sabiex tistabbilixxi l-ammont tagħha. |
|
75 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-gravità tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat, mill-punt 3.2 tal-Komunikazzjoni tal‑2023 jirriżulta li, skont il-Kummissjoni, l-assenza ta’ komunikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva adottata fil-kuntest ta’ proċedura leġiżlattiva titqies dejjem bħala gravi. Għaldaqstant, dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jiġġustifika l-applikazzjoni awtomatika ta’ koeffiċjent ta’ gravità ta’ 10. |
|
76 |
L-Ungerija tikkontesta l-livell ta’ dan il-koeffiċjent u l-awtomatiċità tal-applikazzjoni tiegħu fiċ-ċirkustanzi tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat. |
|
77 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-obbligu tal-adozzjoni tad-dispożizzjoni li jiżguraw t-traspożizzjoni sħiħa ta’ direttiva u tal-obbligu ta’ komunikazzjoni tagħhom lill-Kummissjoni jikkostitwixxu obbligi essenzjali ta’ Stati Membri sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni, u li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ dawn l-obbligi għandu, għaldaqstant, jitqies bħala ta’ gravità ċerta (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).). |
|
78 |
F’dan il-każ, għandu jiġi enfasizzat li d-Direttiva 2019/1937 hija strument kruċjali tad-dritt tal-Unjoni sa fejn hija tistabbilixxi, skont l-Artikolu 1 tagħha, moqri flimkien mal-premessa 1 tagħha, regoli minimi komuni li jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni bbilanċjata u effettiva tal-persuni li jirrapportaw ksur ta’ dan id-dritt f’oqsma li fihom tali ksur jista’ jippreġudika b’mod partikolari l-interess ġenerali. Fil-fatt, billi tistabbilixxi sistema ta’ protezzjoni tal-persuni li jirrapportaw ksur tad-dritt tal-Unjoni f’kuntest professjonali, din id-direttiva tikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta’ preġudizzju għall-interess pubbliku, f’oqsma partikolarment sensittivi, bħal dawk tal-kuntratti pubbliċi, tal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu, tal-protezzjoni tal-ambjent jew tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva jipprevedu l-obbligu, kemm għall-entitajiet tas-settur pubbliku kif ukoll għal dawk tas-settur privat, li jistabbilixxu kanali ta’ senjalazzjoni interna, proċeduri ta’ riċeviment u ta’ segwitu tas-senjalazzjonijiet, filwaqt li jiggarantixxu d-drittijiet tal-persuni li jirrapportaw ksur tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll il-kundizzjonijiet li fihom dawn jistgħu jibbenefikaw mill-protezzjoni hekk prevista (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 73). |
|
79 |
Issa, l-assenza ta’ traspożizzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2019/1937 fit-terminu mogħti neċessarjament tikser id-dritt tal-Unjoni u l-applikazzjoni uniformi u effettiva tiegħu, peress li ksur ta’ dan id-dritt jista’ ma jkunx is-suġġett ta’ senjalazzjoni jekk il-persuni li jkunu jafu b’tali ksur ma jibbenefikawx minn protezzjoni kontra eventwali ritaljazzjoni (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 74). |
|
80 |
Madankollu, l-ammont tas-sanzjonijiet pekunjarji imposti fuq Stat Membru skont l-Artikolu 260(3) TFUE għandu jiġi adattat għaċ-ċirkustanzi u proporzjonat għall-ksur imwettaq (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 75), kif tfakkar fil-punt 72 ta’ din is-sentenza. |
|
81 |
Din hija r-raġuni għalfejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-applikazzjoni awtomatika tal-istess koeffiċjent ta’ gravità fil-każijiet kollha ta’ assenza ta’ traspożizzjoni kompleta ta’ direttiva u, għaldaqstant, ta’ assenza ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva neċessarjament tostakola l-adattament tal-ammont tas-sanzjonijiet pekunjarji għaċ-ċirkustanzi li jikkaratterizzaw il-ksur u l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet proporzjonati (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 76). |
|
82 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li, billi tippreżumi li l-ksur tal-obbligu li jiġu kkomunikati l-miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva għandu jitqies li għandu l-istess gravità tkun liema tkun id-direttiva kkonċernata, il-Kummissjoni ma hijiex f’pożizzjoni li tadatta s-sanzjonijiet pekunjarji skont il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ dan l-obbligu fuq l-interessi privati u pubbliċi, kif previst mill-punt 3.2.2 tal-Komunikazzjoni tal‑2023 (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 77). |
|
83 |
F’dan il-każ, l-Ungerija sostniet, fir-risposta tagħha, li ċerti regoli li jipproteġu l-persuni li jirrapportaw ksur tad-dritt kienu jeżistu fil-leġiżlazzjoni tagħha qabel l-adozzjoni tal-Liġi Nru XXV tal‑2023 u tad-Digriet Governattiv Nru 225/2023. |
|
84 |
Għalhekk, fit‑12 ta’ Ġunju 2023, l-Ungerija kkomunikat lill-Kummissjoni ħdax-il liġi li dan l-Istat Membru jallega li kienu jippermettu t-traspożizzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2019/1937. |
|
85 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li ma ġiex stabbilit li l-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat f’dan il-każ fuq l-interessi privati u pubbliċi kienu negattivi daqs il-każ ta’ assenza ta’ traspożizzjoni kompleta tad-Direttiva 2019/1937 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 92). |
|
86 |
Xorta jibqa’ l-fatt li d-dispożizzjonijiet ikkomunikati mill-Ungerija huma mifruxa fl-ordinament ġuridiku nazzjonali u ma jinkludux, kuntrarjament għal dak li jeżiġi l-Artikolu 26(3) tad-Direttiva 2019/1937, riferiment espliċitu għall-protezzjoni li tistabbilixxi din id-direttiva. |
|
87 |
Issa, l-assenza ta’ regoli speċifiċi u ċari dwar il-protezzjoni tal-persuni li jirrapportaw il-ksur tad-dritt tal-Unjoni, bil-mod kif din il-protezzjoni hija prevista mid-Direttiva 2019/1937, tipprekludi protezzjoni effettiva ta’ dawn il-persuni u għalhekk tista’ tqiegħed inkwistjoni l-applikazzjoni uniformi u effettiva ta’ dan id-dritt fl-oqsma koperti minn din id-direttiva (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 94). |
|
88 |
Fil-fatt, kif tfakkar fil-punt 78 ta’ din is-sentenza, billi tistabbilixxi livell għoli ta’ protezzjoni tal-persuni li jirrapportaw ksur tad-dritt tal-Unjoni f’kuntest professjonali, id-Direttiva 2019/1937 tikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta’ preġudizzju għall-interess pubbliku, f’oqsma partikolarment sensittivi, bħal dawk tal-kuntratti pubbliċi, tal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu, tal-protezzjoni tal-ambjent jew tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 95). |
|
89 |
Madankollu, kif indikat fil-punt 79 ta’ din is-sentenza, fl-assenza ta’ protezzjoni effettiva, il-persuni li jkunu jafu bi ksur tad-dritt tal-Unjoni f’dawn l-oqsma jistgħu jiġu dissważi milli jindikawhom peress li, meta jagħmlu dan, huma jistgħu jesponu ruħhom għal ritaljazzjoni (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 96). |
|
90 |
Għaldaqstant, fid-dawl tal-għan stabbilit fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2019/1937, moqri flimkien mal-premessa 1 tagħha, l-assenza ta’ adozzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi neċessarji għat-traspożizzjoni sħiħa u preċiża tal-imsemmija direttiva hija ta’ gravità partikolarment serja (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 97). |
|
91 |
Fir-rigward taċ-ċirkustanzi attenwanti invokati mill-Ungerija, għandu jiġi enfasizzat li l-argument ibbażat fuq il-fatt li dan l-Istat Membru huwa, għall-ewwel darba, is-suġġett ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu bbażata fuq l-Artikolu 260(3) TFUE, ma għandu ebda rabta mal-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2019/1937 inkwistjoni fuq l-interessi privati u pubbliċi. Barra minn hekk, fil-Kawża C‑310/12, dan l-Istat Membru kellu jiddefendi ruħu kontra rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu bbażat fuq l-imsemmija dispożizzjoni sal-mument meta, fid-dawl tal-komunikazzjoni mill-Ungerija tat-traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart (ĠU 2008, L 312, p. 3), il-Kummissjoni rtirat ir-rikors tagħha. |
|
92 |
Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, Stat Membru ma jistax jiġġustifika n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligi tiegħu taħt it-Trattat bil-fatt li Stati Membri oħra wkoll jonqsu milli jwettqu l-obbligi tagħhom (sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, C‑356/15, EU:C:2018:555, punt 106 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
93 |
Konsegwentement, l-Ungerija ma tistax tinvoka, bħala ċirkustanza attenwanti tal-gravità tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tagħha, id-dewmien ta’ ċerti Stati Membri fit-traspożizzjoni tad-Direttiva 2019/1937. |
|
94 |
Fit-tieni lok, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tat-tul tal-ksur, għandu jitfakkar li, fir-rigward tal-bidu tal-perijodu li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit l-ammont tas-somma f’daqqa, id-data li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-evalwazzjoni tat-tul tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni ma hijiex dik tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata tal-Kummissjoni, iżda d-data li fiha jiskadi t-terminu għat-traspożizzjoni previst mid-direttiva inkwistjoni (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
95 |
Huwa paċifiku li l-Ungerija ma kinitx, fl-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni previst fl-Artikolu 26(1) tad-Direttiva 2019/1937, jiġifieri fis‑17 ta’ Diċembru 2021, adottat il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji kollha sabiex tiżgura t-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva u, għaldaqstant, lanqas ma kienet ikkomunikat dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni, kuntrarjament għal dak previst fl-Artikolu 26(3) tal-imsemmija direttiva. Minn dan isegwi li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni, li ntemm biss fl‑24 ta’ Lulju 2023, bid-dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru XXV tal‑2023, u tad-Digriet Governattiv Nru 225/2003, ippersista għal kważi sena u nofs. |
|
96 |
Fit-tielet lok, fir-rigward tal-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru inkwistjoni, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, bla ħsara għall-possibbiltà għall-Kummissjoni li tipproponi sanzjonijiet finanzjarji bbażati fuq diversi kriterji, sabiex tippermetti, b’mod partikolari, li tinżamm differenza raġonevoli bejn id-diversi Stati Membri, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-PDG ta’ dan l-Istat bħala fattur predominanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas tiegħu u tal-iffissar ta’ sanzjonijiet suffiċjentement dissważivi u proporzjonati, sabiex tiġi evitata b’mod effettiv ir-repetizzjoni futura ta’ ksur analogu tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
97 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja iddeċidiet b’mod ripetut li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni reċenti tal-PGD tal-Istat Membru kif tkun fid-data tal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
98 |
F’dan il-każ, il-fattur “n”, li jirrappreżenta l-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru kkonċernat meta mqabbel mal-kapaċità ta’ ħlas tal-Istati Membri l-oħra, applikat mill-Kummissjoni skont il-punti 3.4. u 4.2. tal-Komunikazzjoni tal‑2023, huwa ddefinit bħala medja ġeometrika ponderata tal-PDG tal-Istat Membru kkonċernat meta mqabbel mal-medja tal-PDG tal-Istati Membri, li tgħodd għal żewġ terzi tal-kalkolu tal-fattur “n”, u tal-popolazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat meta mqabbla mal-medja tal-popolazzjoni tal-Istati Membri, li tgħodd għal terz tal-kalkolu tal-fattur “n”, kif jirriżulta mill-ekwazzjoni msemmija fil-punt 11ta’ din is-sentenza. Il-Kummissjoni tiġġustifika dan il-metodu ta’ kalkolu tal-fattur “n” kemm bl-għan li tinżamm differenza raġonevoli tal-fatturi “n” tal-Istati Membri, meta mqabbla ma’ kalkolu bbażat biss fuq il-PDG tal-Istati Membri kif ukoll l-għan li tiġi żgurata ċerta stabbiltà fil-kalkolu tal-fattur “n”, peress li huwa improbabbli li l-popolazzjoni tvarja b’mod sinjifikattiv fuq bażi annwali (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
99 |
Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-determinazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru kkonċernat ma tistax tinkludi fil-metodu ta’ kalkolu tal-fattur “n” it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ kriterju demografiku skont il-modalitajiet previsti fil-punti 3.4 u 4.2 tal-Komunikazzjoni tal‑2023 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punti 84 sa 86). |
|
100 |
Għaldaqstant, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 96 ta’ din is-sentenza u fin-nuqqas ta’ kriterju rilevanti, imressaq mill-Kummissjoni sabiex tiggarantixxi stabbiltà fil-kalkolu u żżomm differenza raġonevoli fil-fatturi “n” tal-Istati Membri, huwa billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-medja tal-PGD tal-Ungerija tal-aħħar tliet snin li għandu jiġi ffissat l-ammont tas-somma f’daqqa. |
|
101 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet u fid-dawl tas-setgħa ta’ evalwazzjoni mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja fl-Artikolu 260(3) TFUE, li jipprevedi li din tal-aħħar ma tistax, fir-rigward tas-somma f’daqqa, tiffissa ammont li jeċċedi dak indikat mill-Kummissjoni, għandu jitqies li l-prevenzjoni effettiva tar-repetizzjoni futura ta’ ksur analogu għal dak li jirriżulta mill-ksur tal-Artikolu 26(1) u (3) tad-Direttiva 2019/1937 u li jippreġudika l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni tirrikjedi l-impożizzjoni ta’ ħlas ta’ somma f’daqqa li l-ammont tagħha għandu jiġi ffissat għal EUR 1750000. |
Fuq l-ispejjeż
|
102 |
Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni talbet li l-Ungerija tiġi kkundannata għall-ispejjeż u peress li din tilfet fir-rigward tal-motivi tagħha, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, għal dawk sostnuti mill-Kummissjoni. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.