SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

10 ta’ Lulju 2025 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Proprjetà intellettwali – Ġestjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati – Direttiva 2006/115/KE – Artikolu 8(2) – Xandir u komunikazzjoni lill-pubbliku – Direttiva 2014/26/UE – Artikolu 16(2), it-tieni subparagrafu – Ħruġ ta’ liċenzji – Xandir – Kunċetti ta’ ‘remunerazzjoni ekwa’ u ta’ ‘remunerazzjoni xierqa’ – Kriterji ta’ evalwazzjoni tan-natura ekwa jew xierqa – Artikolu 17(2) u l-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt fundamentali għall-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali – Portata u interpretazzjoni ta’ drittijiet u ta’ prinċipji – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tħassar sistema ta’ remunerazzjoni minima fissa”

Fil-Kawża C‑37/24,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Curtea de Apel Bucureşti (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Mejju 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Jannar 2024, fil‑proċedura

Uniunea Producătorilor de Fonograme din România (UPFR)

vs

DADA Music SRL,

fil-preżenza ta’:

Asociaţia Radiourilor Locale şi Regionale (ARLR),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn A. Kumin, President tal-Awla, I. Ziemele (Relatriċi) u S. Gervasoni, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: R. I. Şereş, amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Diċembru 2024,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għall-Uniunea Producătorilor de Fonograme din România (UPFR), minn G. Cracea u A. Strătulă, avocaţi,

–

għal DADA Music SRL, minn M.-C. Furtună, avocat,

–

għall-Gvern Rumen, minn E. Gane, L. Ghiţă u A. Rotăreanu, bħala aġenti,

–

għall-Gvern Daniż, minn D. Elkan, M. D. B. Jespersen u C. A.‑S. Maertens, bħala aġenti,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Biolan u J. Samnadda, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet ta’ l-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (ĠU 2006, L 376, p. 28) u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2014/26/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati u ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali ta’ drittijiet f’xogħlijiet mużikali għall-użu onlajn fis-suq intern (ĠU 2014, L 84, p. 72), moqrija flimkien mal-Artikoli 17 u 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il‑“Karta”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn l-Uniunea Producătorilor de Fonograme din România (UPFR) (l-Unjoni tal-produtturi ta’ fonogrammi tar-Rumanija (UPFR)), organizzazzjoni ta’ ġestjoni kollettiva tad-drittijiet relatati tal-produtturi ta’ fonogrammi, u DADA Music SRL, l-operatur ta’ stazzjon tar-radju lokali, dwar il-ħlas minn din tal-aħħar ta’ remunerazzjoni minima fissa.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

Il-Konvenzjoni ta’ Berna

3

Il-Konvenzjoni ta’ Berna għall-Protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi, iffirmata f’Berna fid-9 ta’ Settembru 1886 (Att ta’ Pariġi tal-24 ta’ Lulju 1971), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-emenda tat-28 ta’ Settembru 1979 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Berna”), li ġiet iffirmata mill-Istati Membri kollha, tipprovdi, fl-Artikolu 11a(1) u (2) tagħha:

“1)

L-awturi ta’ xogħlijiet letterarji jew artistiċi protetti minn din il-konvenzjoni jgawdu d-dritt esklużiv li jawtorizzaw:

1°

ix-xandir tax-xogħlijiet tagħhom jew il-komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ dawn ix-xogħlijiet b’kull mezz ieħor għax-xandir mingħajr fili tas-sinjali, tal-ħsejjes jew tal-immaġni;

[…]

2)

Huma l-leġiżlazzjonijiet tal-pajjiżi tal-Unjoni [stabbilita minn din il-konvenzjoni] li għandhom jirregolaw il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-drittijiet [tal-awturi ta’ xogħlijiet letterarji u artistiċi] […]. Huma fl-ebda każ ma jistgħu jippreġudikaw id-dritt […] tal-awtur li jikseb remunerazzjoni ekwa ffissata, fin-nuqqas ta’ ftehim bonarju, mill-awtorità kompetenti.”

Il-WPPT

4

L-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO) adottat, fl-20 ta’ Diċembru 1996, it-Trattat tal-WIPO dwar id-Drittijiet tal-Awtur u t-Trattat tal-WIPO dwar l-Interpretazzjonijiet, l-Eżekuzzjonijiet u l-Fonogrammi (iktar ’il quddiem il-“WPPT”). Dawn it-trattati ġew approvati f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/278/KE tas-16 ta’ Marzu 2000 dwar l-approvazzjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tat-Trattat WIPO dwar id-Dritt ta’ l-Awtur u tat-Trattat WIPO dwar il-Preżentazzjonijiet u l-Fonogrammi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 33, p. 208), u daħlu fis-seħħ, fir-rigward tal-Unjoni, fl-14 ta’ Marzu 2010.

5

L-Artikolu 15 tal-WPPT, intitolat “Id-Dritt ta’ ħlas għal xandir u komunikazzjoni lill-pubbliku”, jistipula, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1)

Prestaturi u produtturi ta’ fonogrammi għandhom id-dritt ta’ ħlas xieraq ta’ darba għall-użu dirett jew indirett ta’ fonogrammi ippubblikati għal skopijiet kummerċjali ta’ xandir jew kull komunikazzjoni lill-pubbliku.

2)

Partijiet kontraenti jistgħu jistabbilixxu fil-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom li l-ħlas xieraq ta’ darba se jintalab lill-utent mill-prestatur jew mill-produttur ta’ fonogramma jew mit-tnejn. Partijiet kontraenti jistgħu jgħaddu leġislazzjoni li, fin-nuqqas ta’ ftehim bejn il-prestatur u l-produttur ta’ fonogramma, tqiegħed termini dwar kif prestaturi u produtturi ta’ fonogrammi jaqsmu l-ħlas xieraq ta’ darba.”

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2006/115

6

Il-premessi 5, 7 u 12 tad-Direttiva 2006/115 jiddikjaraw:

“(5)

Ix-xogħol kreattiv u artistiku ta’ awturi u artisti jeħtieġ dħul adegwat bħala bażi għal aktar xogħol kreattiv u artistiku, u l-investimenti meħtieġa b’mod partikulari għall-produzzjoni ta’ fonogrammi u films huma għoljin u riskjużi. Il-possibbiltà li jiġi żgurat dak id-dħul u li jiġi rkuprat dak l-investiment tista’ tkun garantita b’mod effettiv biss permezz ta’ protezzjoni legali adegwata tad-detenturi tad-drittijiet relatati.

[…]

(7)

Il-leġislazzjoni ta’ l-Istati Membri għandha tiġi approssimata b’tali mod li ma tmurx kontra l-konvenzjonijiet internazzjonali li fuqhom huma bbażati d-drittijiet ta’ l-awtur u l-liġijiet tad-drittijiet relatati ta’ bosta Stati Membri.

[…]

(12)

Huwa meħtieġ l-introduzzjoni ta’ arranġamenti li jiżguraw li ħlas ekwu mhux rinunzjabbli jinkiseb mill-awturi u artisti li għandhom jibqgħu ikollhom il-fakultà li jafdaw l-amministrazzjoni ta’ dan id-dritt lil collecting societies li jirrappreżentawhom.”

7

L-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, intitolat “Xandir u komunikazzjoni lill-pubbliku”, jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu dritt biex jiżguraw li jitħallas ħlas uniku ekwu mill-utent, jekk jintuża fonogramm ippubblikat għall-finijiet kummerċjali, jew tintuża riproduzzjoni ta’ dan il-fonogramm, għax-xandir b’mezzi mingħajr fili jew għal kull komunikazzjoni lill pubbliku, u biex jiżguraw li dan il-ħlas jitqassam bejn l-artisti u l-produtturi tal-fonogramm relevanti. L-Istati Membri jistgħu, fin-nuqqas ta’ ftehim bejn l-artisti u l-produtturi tal-fonogramm, jistipulaw il-kondizzjonijiet għat-tqassim ta’ dan il-ħlas bejniethom.”

Id-Direttiva 2014/26

8

Il-premessi 2 u 31 tad-Direttiva 2014/26 jipprovdu:

“(2)

[…] Huwa normalment għad-detentur tad-drittijiet li jagħżel bejn l-immaniġġjar individwali jew kollettiv tad-drittijiet tiegħu, kemm-il darba l-Istat Membru ma jipprovdix mod ieħor, skont it-termini tad-dritt tal-Unjoni u l-obbligi internazzjonali tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha. […]

[…]

(31)

[…] Huwa xieraq li jiġi rekwiżit li t-tariffa tal-liċenzji jew ir-rimunerazzjoni determinati mill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv tkun raġonevoli f’relazzjoni, inter alia, mal-valur ekonomiku tal-użu tad-drittijiet f’kuntest partikolari. […]”

9

L-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva, intitolat “Tnaqqis”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta detentur tad-dritt jawtorizza organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv biex timmaniġġja d-drittijiet tiegħu, l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv hija mitluba tipprovdi lid-detentur tad-dritt b’informazzjoni dwar it-tariffi tal-immaniġġjar u tnaqqis ieħor mid-dħul mid-drittijiet u minn kwalunkwe introjtu li jirriżulta mill-investiment tad-dħul mid-drittijiet, qabel ma jinkiseb il-kunsens tiegħu għall-immaniġġjar tagħha tad-drittijiet tiegħu.”

10

L-Artikolu 16 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Ħruġ ta’ liċenzji”, jipprovdi, fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 tiegħu:

“Id-detenturi tad-drittijiet għandhom jirċievu remunerazzjoni xierqa għall-użu tad-drittijiet tagħhom. Tariffi għal drittijiet esklussivi u għal drittijiet ta’ rimunerazzjoni għandhom ikunu raġonevoli fir-rigward ta’, inter alia, il-valur ekonomiku tal-użu tad-drittijiet innegozjati b’kunsiderazzjoni tan-natura u tal-ambitu tal-użu tax-xogħol u ta’ suġġetti oħra, kif ukoll fir-rigward tal-valur ekonomiku tas-servizz provdut mill-organizzazzjoni tal-immaniġġjar kollettiv. L-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv għandhom jinformaw lill-utent ikkonċernat dwar il-kriterji użati għat-tfassil ta’ dawk it-tariffi.”

11

L-Artikolu 17 tal-istess direttiva, intitolat “Obbligi tal-utenti”, huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jadottaw dispożizzjonijiet li jipprovdu lil organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv, fi żmien miftiehem jew stabbilit minn qabel, u f’format miftiehem jew stabbilit minn qabel, b’tali informazzjoni rilevanti kollha disponibbli għalihom dwar l-użu tad-drittijiet rappreżentati mill-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv li hija meħtieġa għall-ġbir tad-dħul tad-drittijiet u għat-tqassim u l-ħlas tal-ammonti dovuti lid-detenturi tad-drittijiet. […]”

Id‑dritt Rumen

Il-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur

12

L-Artikolu 112 tal-Legea nr. 8/1996 privind dreptul de autor și drepturile conexe (il-Liġi Nru 8/1996 dwar id-Drittijiet tal-Awtur u d-Drittijiet Relatati), tal-14 ta’ Marzu 1996 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 60, tas-26 ta’ Marzu 1996, ippubblikata mill-ġdid fil-Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 489, tal-14 ta’ Ġunju 2018, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur”), jipprovdi:

“1)   L-artisti interpreti jew prestaturi u l-produtturi tal-fonogrammi għandhom dritt għal remunerazzjoni unika u ekwu għall-użu dirett jew indirett ta’ fonogrammi ppubblikati għal finijiet kummerċjali jew għar-riproduzzjoni tagħhom permezz tax-xandir jew b’kull mezz ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku.

2)   L-ammont ta’ din ir-remunerazzjoni għandu jiġi ddeterminat permezz ta’ metodoloġiji, skont il-proċedura prevista fl-Artikoli 163 sa 165.

[…]”

13

L-Artikolu 145 tal-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur jipprevedi:

“Il-ġestjoni kollettiva hija obbligatorja għall-eżerċizzju tad-drittijiet li ġejjin:

[…]

c)

id-dritt ta’ xandir ta’ xogħlijiet mużikali;

d)

id-dritt għal remunerazzjoni ekwa unika rrikonoxxut lill-artisti interpreti jew prestaturi u lill-produtturi ta’ fonogrammi għall-komunikazzjoni lill-pubbliku u għax-xandir ta’ fonogrammi ppubblikati għal finijiet kummerċjali jew ta’ riproduzzjonijiet ta’ dawn il-fonogrammi;

[…]”

14

L-Artikolu 164 ta’ din il-liġi jaqra kif ġej:

“1)   Il-metodoloġija għandha tiġi nnegozjata mill-organizzazzjonijiet ta’ mminaġġjar kollettiv flimkien mar-rappreżentanti msemmija fl-Artikolu 163(3)(b) u (c), filwaqt li jiġu osservati l-kriterji prinċipali li ġejjin:

a)

il-kategorija tad-detenturi tad-drittijiet, it-tipi ta’ xogħlijiet u oġġetti protetti oħra, kif ukoll il-qasam li fih isiru n-negozjati;

b)

il-kategorija tal-utenti rrappreżentati fin-negozjati mill-istrutturi assoċjattivi jew minn utenti oħra indikati sabiex jinnegozjaw;

c)

ir-repertorju ġestit mill-organizzazzjoni ta’ ġestjoni kollettiva, għall-membri tagħha stess kif ukoll għall-membri ta’ organizzazzjonijiet barranin simili oħra, abbażi ta’ kuntratti ta’ reċiproċità;

d)

il-proporzjon li fih jintuża r-repertorju ġestit minn organizzazzjoni ta’ ġestjoni kollettiva;

e)

il-proporzjon ta’ użu li għalih l-utent issodisfa l-obbligi tiegħu ta’ pagament permezz ta’ kuntratti konklużi direttament mad-detenturi tad-drittijiet;

f)

id-dħul miksub mill-utenti tal-attività li tuża r-repertorju li għall-użu tiegħu jiġu nnegozjati l-metodoloġiji;

g)

il-prattika Ewropea dwar ir-riżultati tan-negozjati bejn l-utenti u l-organizzazzjonijiet ta’ ġestjoni kollettiva.

2)   L-organizzazzjonijiet ta’ ġestjoni kollettiva jistgħu, fil-kuntest ta’ negozjati, jitolbu lill-istess kategorija ta’ utenti jew remunerazzjonijiet fissi jew remunerazzjonijiet f’perċentwal tad-dħul miksub minn kull utent tal-attività li fil-kuntest tagħha jintuża r-repertorju jew, fin-nuqqas ta’ dħul, tal-ispejjeż sostnuti fl-ambitu tal-użu tiegħu. Għall-attività tax-xandir, l-organizzazzjonijiet ta’ ġestjoni kollettiva jistgħu jitolbu biss remunerazzjonijiet f’perċentwali, iddifferenzjati b’mod direttament proporzjonali għall-parti tal-użu minn kull utent, organizzazzjoni tax-xandir televiżiv jew tax-xandir, tar-repertorju ġestit kollettivament fil-kuntest ta’ din l-attività.

3)   Ir-remunerazzjonijiet previsti fil-paragrafu 2 għandhom ikunu raġonevoli fid-dawl tal-valur ekonomiku u tal-parti mill-użu tad-drittijiet inkwistjoni, filwaqt li jitqiesu n-natura u l-ambitu tal-użu tax-xogħlijiet u ta’ oġġetti protetti oħra, kif ukoll fid-dawl tal-valur ekonomiku tas-servizz ipprovdut mill-organizzazzjoni ta’ ġestjoni kollettiva. L-organizzazzjonijiet ta’ ġestjoni kollettiva u l-utenti għandhom jimmotivaw il-mod li bih jiġu stabbiliti dawn ir-remunerazzjonijiet.”

15

Skont l-Artikolu 166 tal-imsemmija liġi:

“1)   L-organizzazzjonijiet ta’ ġestjoni kollettiva, l-utenti jew l-istrutturi assoċjattivi tal-utenti msemmija fl-Artikolu 163(3)(b) u (c), jistgħu jressqu talba ġdida għall-ftuħ tal-proċeduri ta’ negozjati tat-tariffi u tal-metodoloġiji biss tliet snin wara l-pubblikazzjoni tagħhom fil-verżjoni definittiva fil-Monitorul Oficial al României, Parti I.

2)   Fil-każ tan-negozjati previsti fl-Artikolu 114(4), waħda mill-partijiet tista’ tippreżenta talba ġdida għall-ftuħ ta’ proċeduri ta’ negozjati tal-metodoloġiji biss tliet snin wara l-pubblikazzjoni tagħhom fil-verżjoni finali fil-Monitorul Oficial al României, Parti I.

3)   Sakemm jiġu ppubblikati l-metodoloġiji l-ġodda, il-metodoloġiji l-qodma għandhom jibqgħu validi.”

Il-Liġi Nru 74/2018

16

L-Artikolu II tal-Legea nr. 74/2018 pentru modificarea si completarea legii nr. 8/1996 privind dreptul de autor și drepturile conexe (il-Liġi Nru 74/2018 li Temenda u Tissupplimenta l-Liġi Nru 8/1996 dwar id-Drittijiet tal-Awtur u d-Drittijiet Relatati), tat-22 ta’ Marzu 2018 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 268, tas-27 ta’ Marzu 2018), fis-seħħ mit-30 ta’ Marzu 2018, jipprevedi, fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu:

“2. Il-metodoloġiji previsti fl-Artikolu 131 tal-[Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur], kif emendata u ssupplimentata, għandhom jibqgħu fis-seħħ sal-iskadenza tal-perijodu li għalih ġew konklużi.

3. Id-dispożizzjonijiet tal-metodoloġiji redatti skont l-Artikoli 131 u 1311 tal-[Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur], kif emendata u ssupplimentata, li jipprevedu somom/remunerazzjonijiet fissi jew minimi applikabbli fil-każ tax-xandir, kuntrarji għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1311(2), kif emendati b’din il-liġi, ma għandhomx jibqgħu japplikaw wara l-iskadenza ta’ terminu ta’ 90 jum mill-pubblikazzjoni ta’ din il-liġi fil-Monitorul Oficial al României, Parti I.”

Il-metodoloġija dwar ir-remunerazzjoni

17

Il-metodologia privind remunerația datorata artiștilor interpreți sau executanți și producătorilor de fonografime pentru radidifuzarea fonogramelor publicate în scop comercial ori a reproducerilor acestora de către organismele de radiodifuziune (il-metodoloġija dwar ir-remunerazzjoni tal-artisti interpreti jew prestaturi, u l-produtturi ta’ fonogrammi għax-xandir ta’ fonogrammi ppubblikati għal finijiet kummerċjali jew tar-riproduzzjonijiet tagħhom mill-organizzazzjonijiet tax-xandir, iktar ’il quddiem il-“metodoloġija dwar ir-remunerazzjoni”) tipprovdi, fil-punti 4 sa 6 tagħha:

“4. L-organizzazzjonijiet tax-xandir, imsejħa “utenti” għall-finijiet ta’ din il-metodoloġija, huma obbligati jħallsu kull trimestru lill-organizzazzjonijiet ta’ ġestjoni kollettiva maħtura mill-[Oficiul Român pentru Drepturile de Autor (l-Uffiċċju Rumen tad-Drittijiet tal-Awtur)] bħala kolletturi f’isem l-artisti interpreti jew prestaturi u l-produtturi ta’ fonogrammi remunerazzjoni li tirrappreżenta drittijiet patrimonjali relatati għall-użu ta’ fonogrammi kummerċjali jew tar-riproduzzjonijiet tagħhom, stabbiliti bl-applikazzjoni ta’ perċentwal, skont it-tabella ta’ hawn taħt, fuq il-bażi ta’ kalkolu msemmija fil-punt 5 tal-metodoloġija, għal kull stazzjon tar-radju miżmum.

Is-sehem tal-użu ta’ fonogrammi kummerċjali fil-programmi

Artisti interpreti jew prestaturi u produtturi ta’ fonogrammi

Sa 35 % inklużivament

1.8 %

Minn 35 % sa 65 % inklużivament

2.4 %

’Il fuq minn 65 %

3 %

L-organizzazzjonijiet tax-xandir huma obbligati jħallsu kull trimestru lill-organizzazzjonijiet ta’ ġestjoni kollettiva maħtura mill-[Uffiċċju Rumen tad-Drittijiet tal-Awtur] bħala kolletturi għall-artisti u l-produtturi ta’ fonogrammi remunerazzjoni li tirrappreżenta drittijiet relatati patrimonjali għall-użu tal-fonogrammi ppubblikati għal finijiet kummerċjali jew tar-riproduzzjonijiet tagħhom, ikkalkolata billi jiġi applikat għad-dħul gross totali fix-xahar mill-attività ta’ xandir perċentwal ta’ 3 % fil-każ ta’ użu ta’ fonogrammi sa 100 % tal-ħin totali tax-xandir tal-programmi. Fil-każ ta’ użu inqas, il-perċentwali ta’ 3 % għandu jitnaqqas b’mod direttament proporzjonali għas-sehem tal-użu tal-fonogrammi mill-ħin totali tax-xandir tal-programmi.

[…]

5. Il-bażi ta’ kalkolu li għaliha japplikaw il-perċentwali indikati fil-punt 3 hija d-dħul gross totali fix-xahar, wara li titnaqqas it-taxxa fuq il-valur miżjud, li l-utenti jiksbu mill-attività ta’ xandir, inkluż, iżda mhux limitat għal, id-dħul mir-reklamar, mill-iskambju, mill-abbonamenti, mill-avviżi u l-informazzjoni, mit-telefonati u l-SMS bi ħlas addizzjonali, mill-isponsorizzazzjoni, mill-kompetizzjonijiet u mil-logħob imxandar, mill-kiri ta’ spazji ta’ xandir, mill-kontribuzzjonijiet finanzjarji l-oħra, mill-awtorizzazzjonijiet ta’ riċezzjoni, mid-dħul li ġej minn xandiriet ikkummissjonati, mid-dħul minn assoċjazzjonijiet jew minn attivitajiet oħra relatati max-xandir. Id-dħul tal-kumpanniji terzi, b’mod partikolari tal-kumpanniji ta’ produzzjoni u ta’ xiri ta’ reklamar, huwa inkluż ukoll fil-bażi ta’ kalkolu sa fejn dan huwa rċevut għall-attività ta’ xandir tal-utent li tikkorrispondi għall-fonogramma jew għall-fonogrammi ppubblikati għal finijiet kummerċjali, imxandra bir-radju, u sa fejn jeżisti trasferiment inġust, li jmur kontra l-prattiki onesti fir-relazzjonijiet kummerċjali, speċifiċi għall-qasam inkwistjoni.

Fl-assenza ta’ dħul, il-bażi ta’ kalkolu hija kkostitwita mill-ispejjeż kollha mġarrba mill-utent għall-attività ta’ xandir (bħall-ispejjeż tal-persunal, l-ispejjeż għal servizzi pprovduti minn terzi, ix-xiri ta’ kull tip, eċċ.) matul it-trimestru li għalih hija dovuta r-remunerazzjoni.

6. L-ammonti li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-perċentwali għall-bażi ta’ kalkolu ma jistgħux ikunu inqas mill-ammont ekwivalenti f’[lei Rumeni] (RON), ikkalkolat bir-rata tal-kambju tal-BNR [Banca Națională a României (il-Bank Nazzjonali tar-Rumanija)] fid-data tal-iskadenza, ta’ EUR 500/trimestru, li jirrappreżenta r-remunerazzjoni minima dovuta mill-utenti għal kull stazzjon tar-radju lokali miżmum, jew ta’ EUR 1 000/trimestru, li jirrappreżenta r-remunerazzjoni minima dovuta mill-utenti għal kull stazzjon tar-radju nazzjonali miżmum.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

18

Fl-20 ta’ Ottubru 2011, l-UPFR, organizzazzjoni ta’ ġestjoni kollettiva tad-drittijiet relatati tal-produtturi ta’ fonogrammi, ikkonkludiet ma’ DADA Music kuntratt ta’ liċenzja mhux esklużiva għax-xandir ta’ fonogrammi kummerċjali. Skont dan il-kuntratt, DADA Music kisbet id-dritt li xxandar tali fonogrammi permezz tal-istazzjon tar-radju tagħha, billi assumiet l-obbligu korrelattiv li tħallas ir-remunerazzjoni prevista mill-metodoloġija li tiffissa l-kalkolu tagħha.

19

L-imsemmi kuntratt kien jipprevedi li, skont il-parti tal-użu tal-fonogrammi fil-programmi radjofoniċi, DADA Music kellha tħallas lill-UPFR remunerazzjoni f’perċentwal, ikkalkolat fuq id-dħul kollu tagħha jew, fl-assenza ta’ dħul, fuq l-ispejjeż kollha tagħha għall-attività ta’ xandir.

20

Skont l-istess kuntratt, ir-remunerazzjoni hekk dovuta ma setgħetx tkun inqas minn ammont fiss li jikkorrispondi għall-ekwivalenti f’lei Rumeni ta’ EUR 250 kull trimestru, bħala remunerazzjoni minima dovuta mill-utenti għal kull stazzjon tar-radju lokali miżmum, jew ta’ EUR 500 għal kull trimestru, li tirrappreżenta r-remunerazzjoni minima fissa dovuta mill-utenti għal kull stazzjon tar-radju nazzjonali miżmum, konformement mal-metodoloġija dwar ir-remunerazzjoni.

21

Wara d-dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru 74/2018, li ħassret, b’effett minn 90 jum wara l-pubblikazzjoni tagħha, id-dispożizzjonijiet relatati mar-remunerazzjonijiet minimi applikabbli għax-xandir, DADA Music irrifjutat li tkompli tħallas ir-remunerazzjoni fissa, billi qieset li din il-liġi kienet immedjatament applikabbli u li hija kienet obbligata tħallas remunerazzjoni biss skont id-dħul effettivament irċevut.

22

L-UPFR, min-naħa tagħha, sostniet li r-remunerazzjoni minima fissa, ikkalkolata skont il-metodoloġija dwar ir-remunerazzjoni, baqgħet dovuta sakemm tiġi adottata metodoloġija ġdida.

23

Fl-24 ta’ Ġunju 2019, l-UPFR adixxiet lit-Tribunalul București (il-Qorti tal-Muniċipalità ta’ Bukarest, ir-Rumanija) b’rikors li permezz tiegħu talbet li DADA Music tiġi kkundannata tħallasha s-somom dovuti skont il-kuntratt ta’ liċenzja, konformement mal-metodoloġija dwar ir-remunerazzjoni.

24

Fit-28 ta’ Jannar 2022, din il-qorti laqgħet parzjalment dan ir-rikors u kkundannat lil DADA Music tħallas lill-UPFR somma ta’ RON 16.13 (madwar EUR 3) kif ukoll somma ta’ RON 70.68 (madwar EUR 14) bħala interessi moratorji. Essenzjalment, il-qorti ddeċidiet li kemm l‑Artikolu 164(2) tal-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur kif ukoll l‑Artikolu II tal-Liġi Nru 74/2018 kienu applikabbli għall-kawża prinċipali. Fid-dawl tal-fatt li d-dispożizzjonijiet dwar ir-remunerazzjoni minima fissa ma kinux għadhom fis-seħħ matul il-perijodu kkontestat, hija qieset li, għal dan il-perijodu, kienet dovuta biss remunerazzjoni f’perċentwal, relatata mad-dħul effettivament irċevut, bl-esklużjoni ta’ kull remunerazzjoni minima fissa.

25

L-UPFR u DADA Music appellaw minn din is-sentenza quddiem il‑Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija), li hija l-qorti tar-rinviju.

26

Insostenn tal-appell tagħha, l-UPFR sostniet, essenzjalment, li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu II tal-Liġi Nru 74/2018 kienu applikabbli biss fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ metodoloġija ġdida. Sal-adozzjoni ta’ tali metodoloġija, il-metodoloġija dwar ir-remunerazzjoni tibqa’ kompletament applikabbli. Skont l-UPFR, jekk dawn id-dispożizzjonijiet kellhom jiġu interpretati bħala direttament applikabbli f’dan il-każ, dawn imorru kontra l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 u l-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2014/26.

27

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, f’dan il-każ, tqum il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2014/26, moqrija flimkien mal-Artikoli 17 u 52 tal-Karta, jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tiżgurax remunerazzjoni minima fissa lid-detenturi tad-drittijiet irrappreżentati mill-organizzazzjonijiet ta’ ġestjoni kollettiva, indipendentement mid-dħul miksub jew mill-ispejjeż sostnuti mill-organizzazzjonijiet tax-xandir u tat-televiżjoni.

28

F’dan ir-rigward, din il-qorti tosserva, l-ewwel nett, li xejn fid-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq ma jidher li jiġġustifika interpretazzjoni li tipprovdi li huwa obbligatorju li tiġi prevista remunerazzjoni minima fissa.

29

It-tieni nett, l-imsemmija qorti tenfasizza li l-Artikolu II tal-Liġi Nru 74/2018 iħassar b’effett immedjat, għall-benefiċċju tax-xandara, komponent tas-sistema ta’ remunerazzjoni applikabbli, mingħajr ma jbiddel il-kriterji ta’ kalkolu tar-remunerazzjoni u mingħajr ma jipprevedi terminu massimu għall-konklużjoni ta’ ftehimiet ġodda bl-għan li jiġi ddeterminat l-ammont tar-remunerazzjoni ekwa, peress li s-sitwazzjoni eżistenti hija mibdula favur ix-xandara, mingħajr ma hija prevista sistema li tiżgura li r-remunerazzjonijiet dovuti lill-produttur ta’ fonogrammi jkunu raġonevoli.

30

It-tielet nett, fir-rigward tan-natura ekwa u raġonevoli tar-remunerazzjoni, l-istess qorti tistaqsi dwar il-kriterji li jistgħu jintużaw għall-finijiet ta’ tali evalwazzjoni, li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni. B’mod partikolari, hija tixtieq tkun taf jekk, fil-każ li hija tikkonstata li r-remunerazzjoni dovuta skont il-kriterji stabbiliti fil-leġiżlazzjoni hija ta’ natura żgħira, hija tistax jew għandhiex tapplika kriterji alternattivi sabiex tiggarantixxi li d-detenturi tad-drittijiet jirċievu remunerazzjoni adegwata.

31

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 8(2) tad-Direttiva [2006/115] kif ukoll it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(2) tad-Direttiva [2014/26], ikkunsidrati flimkien mal-Artikoli 17 u 52 tal-[Karta], għandhom jiġu interpretati fis-sens li […] [j]ipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tiżgurax remunerazzjoni minima xierqa (rata fissa) tad-detenturi tad-drittijiet (produtturi tal-fonogrammi), irrappreżentati minn organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġar kollettiv, irrispettivament mid-dħul miksub jew mill-ispejjeż imġarrba mill-organizzazzjonijiet tax-xandir?

2)

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li telimina, b’effett immedjat, ir-remunerazzjonijiet minimi (rata fissa) stabbiliti permezz ta’ metodoloġija nnegozjata minn qabel bejn l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġar kollettiv u l-utenti, mingħajr ma jinbidlu l-kriterji għall-kalkolu tar-remunerazzjoni u mingħajr ma jiġi pprovdut tul massimu ta’ żmien għan-negozjar ta’ ftehimiet ġodda (metodoloġiji) għall-kwantifikazzjoni ta’ remunerazzjoni xierqa?

3)

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel żewġ domandi, il-qorti tar-rinviju hija intitolata u, skont il-każ, obbligata li tivverifika jekk il-perċentwali ta’ remunerazzjoni kkalkolata b’riferiment għad-dħul konkret iddikjarat mill-organizzazzjonijiet tax-xandir humiex xierqa u raġonevoli għad-detenturi tad-drittijiet, minn naħa, u għall-utenti, min-naħa l-oħra, jew, għall-kuntrarju, jekk dawn għandhomx karattru manifestament mhux negliġibbli jew, skont il-każ, manifestament eċċessiv u liema huma l-kriterji li jistgħu jintużaw għall-finijiet ta’ tali evalwazzjoni?

4)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tielet domanda, jekk tikkonstata li r-remunerazzjoni dovuta skont il-metodoloġija modifikata mil-leġiżlazzjoni nazzjonali l-ġdida hija negliġibbli, il-qorti nazzjonali hija intitolata jew obbligata li tapplika kriterji alternattivi għal dawk tad-dħul iddikjarat – bħad-determinazzjoni tar-remunerazzjoni abbażi tal-ispejjeż imġarrba mix-xandara għall-attività tax-xandir, ir-remunerazzjoni mħallsa minn xandara simili jew kriterji oħra simili – sabiex jiġi żgurat li d-detenturi tad-drittijiet jirċievu remunerazzjoni xierqa, mingħajr ma jkunu ta’ ħsara għall-interessi leġittimi tal-utenti, jiġifieri mingħajr ma jkunu negliġibbli iżda lanqas manifestament eċċessivi għall-organizzazzjonijiet tax-xandir?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

32

Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2014/26 kif ukoll l-Artikolu 17(2) tal-Karta, moqri fid-dawl tal-Artikolu 52(1) ta’ din tal-aħħar, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tiggarantixxix remunerazzjoni minima fissa lill-produtturi ta’ fonogrammi għax-xandir ta’ fonogrammi ppubblikati għal finijiet kummerċjali u li tħassar, b’effett minn 90 jum wara l-pubblikazzjoni tagħha, id-dispożizzjonijiet dwar ir-remunerazzjonijiet minimi fissi applikabbli għax-xandir stabbiliti permezz ta’ metodoloġija preċedentement applikabbli, mingħajr madankollu ma temenda l-kriterji ta’ kalkolu tar-remunerazzjoni u mingħajr ma tipprevedi tul massimu għall-adozzjoni ta’ metodoloġija ġdida intiża sabiex tiddetermina l-ammont tagħha.

33

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li la l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 u lanqas it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2014/26 ma jirreferu għad-dritt tal-Istati Membri dwar is-sens li għandu jingħata lill-kunċetti li jinsabu fihom.

34

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li t-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tinkludi ebda riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati t-tifsira u l-portata tagħha għandhom normalment jingħataw, fl-Unjoni Ewropea kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tiġi mfittxija billi jitqies il-kuntest tad-dispożizzjoni u l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (sentenzi tat-18 ta’ Jannar 1984, Ekro, 327/82, EU:C:1984:11, punt 11, kif ukoll tat-8 ta’ Settembru 2020, Recorded Artists Actors Performers, C‑265/19, EU:C:2020:677, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kliem tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni, l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jipprovdu dritt sabiex jiżguraw li titħallas remunerazzjoni ekwa u unika mill-utent meta fonogramm ippubblikat għal finijiet kummerċjali, jew riproduzzjoni ta’ dan il-fonogramm, jintuża għal xandir b’mezzi mingħajr fili jew għal kull komunikazzjoni lill-pubbliku, u sabiex jiżguraw li din ir-remunerazzjoni tinqasam bejn l-artisti interpreti jew prestaturi u l-produtturi tal-fonogrammi kkonċernati. L-Istati Membri jistgħu, fin-nuqqas ta’ ftehim bejn l-artisti interpreti jew prestaturi u l-produtturi ta’ fonogrammi, jistipulaw il-kundizzjonijiet għat-tqassim ta’ din ir-remunerazzjoni bejniethom.

36

Skont il-kliem tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2014/26, id-detenturi tad-drittijiet għandhom jirċievu remunerazzjoni xierqa għall-użu tad-drittijiet tagħhom. It-tariffi applikati għad-drittijiet esklużivi u d-drittijiet għal remunerazzjoni għandhom ikunu raġonevoli, fid-dawl, inter alia, tal-valur ekonomiku tal-użu tad-drittijiet innegozjati, filwaqt li jitqiesu n-natura u l-ambitu tal-użu tax-xogħol u ta’ suġġetti oħra, kif ukoll fid-dawl tal-valur ekonomiku tas-servizz ipprovdut mill-organizzazzjoni ta’ ġestjoni kollettiva. L-organizzazzjonijiet ta’ ġestjoni kollettiva għandhom jagħtu informazzjoni lill-utent ikkonċernat dwar il-kriterji użati għat-tfassil ta’ dawn it-tariffi.

37

Għalhekk, la mill-kliem tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 u lanqas minn dak tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2014/26 ma jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu lid-detenturi tad-drittijiet remunerazzjoni minima fissa għax-xandir ta’ fonogramma ppubblikata għal finijiet kummerċjali, peress li dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedu, rispettivament, li r-remunerazzjoni għandha tkun “ekwa” jew “xierqa”. Fil-fatt, it-termini “remunerazzjoni minima fissa” jimplikaw, skont is-sens abitwali tagħhom fil-lingwaġġ ta’ kuljum, remunerazzjoni li tista’ tkun nieqsa minn kull rabta mal-valur ekonomiku tas-servizz irremunerat, mingħajr kunsiderazzjoni tan-natura ekwa jew xierqa tagħha.

38

F’dan ir-rigward, minn naħa, għalkemm, ċertament, l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 jirreferi għall-kunċett ta’ “remunerazzjoni ekwa”, filwaqt li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2014/26 jinkludi l-kliem “remunerazzjoni xierqa”, għandu jiġi kkonstatat li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom, it-tnejn li huma, l-għan li jiggarantixxu l-ħlas lid-detenturi tad-drittijiet ta’ remunerazzjoni li tinkludi rabta mal-valur ekonomiku tas-servizz ipprovdut. Min-naħa l-oħra, kif qieset il-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl tar-rekwiżiti tal-unità u tal-koerenza tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, il-kunċetti użati mid-Direttivi 2006/29 u 2014/26 għandu jkollhom l-istess tifsira, sakemm il-leġiżlatur tal-Unjoni ma esprimiex intenzjoni differenti f’kuntest leġiżlattiv speċifiku. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-31 ta’ Mejju 2016, Reha Training, C‑117/15, EU:C:2016:379, punt 28), b’tali mod li l-kunċetti ta’ “remunerazzjoni ekwa” u ta’ “remunerazzjoni xierqa”, previsti f’dawn id-direttivi, għandhom jingħataw interpretazzjoni uniformi.

39

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kuntest tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2014/26, għandu jitfakkar li d-dispożizzjonijiet ta’ dawn id-direttivi għandhom jiġu interpretati fid-dawl tad-dritt internazzjonali, u b’mod partikolari tad-dritt konvenzjonali li l-imsemmija direttivi huma intiżi preċiżament li jimplimentaw, kif tfakkar il-premessa 7 ta’ din l-ewwel direttiva u, essenzjalment, il-premessa 2 tad-Direttiva 2014/26 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2020, Atresmedia Corporación de Medios de Comunicación, (C‑147/19, EU:C:2020:935, punt 34).

40

F’dan il-kuntest, minn naħa, l-Artikolu 15(1) tal-WPPT jipprovdi speċifikament li l-produtturi ta’ fonogrammi għandhom id-dritt għal remunerazzjoni ekwa u unika meta l-fonogrammi ppubblikati għal finijiet kummerċjali jintużaw għax-xandir jew għal kull komunikazzjoni lill-pubbliku. Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li t-traspożizzjoni ta’ dan l-obbligu fid-dritt tal-Unjoni kienet, meta daħal fis-seħħ il-WPPT għall-Unjoni, jiġifieri fl-14 ta’ Marzu 2010, diġà żgurata mill-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 (sentenza tat-8 ta’ Settembru 2020, Recorded Artists Actors Performers, C‑265/19, EU:C:2020:677, punt 63).

41

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2014/26 jikkoinċidu essenzjalment mal-Artikolu 11a(2) tal-Konvenzjoni ta’ Berna, li jipprevedi speċifikament, fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, ix-xandir ta’ xogħlijiet letterarji u artistiċi. Fil-fatt, l-Artikolu 11a(2) ta’ din il-konvenzjoni jipprevedi, essenzjalment, li l-awturi ta’ xogħlijiet letterarji u artistiċi għandhom id-dritt li jiksbu, fil-każ ta’ xandir ta’ dawn ix-xogħlijiet, “remunerazzjoni ekwa”. Issa, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, din l-interpretazzjoni ssir b’mod konformi mal-imsemmija dispożizzjoni konvenzjonali skont ġurisprudenza stabbilita (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Marzu 2017, AKM, (C‑138/16, EU:C:2017:218, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42

F’dan ir-rigward, mill-“Gwida tat-Trattati dwar id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet konnessi ġestita mill-WIPO”, dokument interpretattiv imfassal mill-WIPO li, mingħajr ma għandu saħħa vinkolanti ta’ dritt, jikkontribwixxi madankollu għall-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Berna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et, C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631, punt 201 u kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), li r-remunerazzjoni tista’ titqies li hija ekwa biss jekk tikkorrispondi bejn wieħed u ieħor għall-ammont tal-ħlas li l-awtur tiegħu seta’ jaċċetta, wara negozjati, fl-assenza ta’ liċenzja obbligatorja.

43

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-għanijiet imfittxija mid-Direttivi 2006/115 u 2014/26, minn naħa, il-premessi 5 u 12 tad-Direttiva 2006/115 jippreċiżaw, essenzjalment, li protezzjoni legali xierqa tad-detenturi tad-drittijiet għandha tiggarantixxi lil dawn id-detenturi l-possibbiltà kemm li jirċievu remunerazzjoni ekwa, li ma jistax jiġi rrinunzjat, kif ukoll li jirkupraw l-investimenti relatati b’mod partikolari mal-produzzjoni ta’ fonogrammi u ta’ films. Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-premessa 31 tad-Direttiva 2014/26, ir-remunerazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet, meta tiġi ddeterminata minn organizzazzjoni ta’ ġestjoni kollettiva, għandha tkun raġonevoli, meta mqabbla, fost l-oħrajn, mal-valur ekonomiku tal-użu tad-drittijiet f’kuntest partikolari.

44

Fid-dawl ta’ dawn l-għanijiet, il-kunċetti ta’ “remunenazzjoni ekwa” jew ta’ “remunerazzjoni xierqa” għandhom jiġu analizzati bħala li huma intiżi li jippermettu li jintlaħaq bilanċ adegwat bejn l-interess tal-produtturi ta’ fonogrammi li jirċievu remunerazzjoni għax-xandir ta’ fonogramma speċifika u l-interess ta’ terzi li jkunu jistgħu jxandru din il-fonogramma taħt kundizzjonijiet raġonevoli (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-6 ta’ Frar 2003, SENA, (C‑245/00, EU:C:2003:68, punt 36).

45

Din ir-remunerazzjoni, li tirrappreżenta l-korrispettiv għall-użu ta’ fonogramma kummerċjali, partikolarment għal finijiet ta’ xandir, timplika li n-natura ekwa tagħha tkun, b’mod partikolari, evalwata fid-dawl tal-valur ta’ dan l-użu fl-iskambji ekonomiċi (sentenza tas-6 ta’ Frar 2003, SENA, C‑245/00, EU:C:2003:68, punt 37).

46

Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma hijiex madankollu din tal-aħħar li għandha tissostitwixxi lill-Istati Membri, li għandhom marġni ta’ evalwazzjoni sabiex jiffissaw il-kriterji ta’ remunerazzjoni ekwa jew li jistabbilixxu limiti ġenerali u stabbiliti minn qabel għall-iffissar ta’ tali kriterji. Min-naħa l-oħra, hija tista’ tipprovdi lill-qorti tar-rinviju l-elementi li jippermettulha tevalwa jekk il-kriterji nazzjonali li jservu sabiex tiġi ffissata ir-remunerazzjoni tal-produtturi ta’ fonogrammi humiex ta’ natura li jiżguraw ir-remunerazzjoni ekwa tagħhom fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Frar 2003, SENA, (C‑245/00, EU:C:2023:68, punt 40).

47

Huwa għalhekk li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 ma jipprekludix mudell ta’ kalkolu tar-remunerazzjoni ekwa tal-artisti interpreti jew prestaturi u tal-produtturi ta’ fonogrammi sakemm, b’mod partikolari, ma jkun kuntrarju għal ebda prinċipju tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tas-6 ta’ Frar 2003, SENA, C‑245/00, EU:C:2003:68, punt 46).

48

Għaldaqstant, id-definizzjoni tal-kriterji li abbażi tagħhom hija ffissata r-remunerazzjoni ekwa jew xierqa għandha ssir fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni. B’mod partikolari, l-Istati Membri ma jistgħux jiksru, b’dan il-mod, id-dispożizzjonijiet tal-Karta.

49

Issa, skont l-ewwel u t-tieni domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi espliċitament dwar il-kompatibbiltà tal-modalitajiet ta’ determinazzjoni tar-remunerazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet stabbiliti mil-Liġi Nru 74/2018, li ħassret, b’effett minn 90 jum wara l-pubblikazzjoni tagħha, id-dispożizzjonijiet relatati mar-remunerazzjonijiet minimi fissi applikabbli għax-xandir, mal‑Artikolu 17(2) tal-Karta. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 51(1) tagħha, id-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar huma indirizzati lill-Istati Membri biss fil-każ li jkunu qed jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni.

50

Sabiex jiġi ddeterminat jekk miżura nazzjonali taqax taħt l-“implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni”, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, għandu jiġi vverifikat, fost elementi oħra, jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhiex l-għan li timplimenta dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal-5 ta’ Mejju 2022, BPC Lux 2 et, C‑83/20, EU:C:2022:346, punt 27 u kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

51

F’dan il-każ, meta d-detenturi tad-drittijiet u l-utenti ma jaslux għal ftehim dwar il-modalitajiet ta’ determinazzjoni tar-remunerazzjoni ta’ dawn id-detenturi, dawn huma stabbiliti mil-Liġi Nru 74/2018 skont kriterji li r-Rumanija ddefinixxiet fl-eżerċizzju tal-marġni ta’ evalwazzjoni li hija għandha f’dan ir-rigward. Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jidher li jirriżulta li d-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi jikkostitwixxu implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2014/26, fatt li madankollu għandu jiġi kkonfermat mill-qorti tar-rinviju.

52

F’tali ċirkustanzi, huwa l-Istat Membru li għandu josserva d-dispożizzjonijiet tal-Karta u, b’mod partikolari, l-Artikolu 17 tagħha, fl-implimentazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

53

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 17 tal-Karta, li huwa ispirat mill-Artikolu 1 tal-Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li kull persuna għandha d-dritt li tgawdi mill-proprjetà tal-beni tagħha li tkun akkwistat legalment, u li ħadd ma jista’ jiġi mċaħħad mill-proprjetà tiegħu, ħlief fl-interess pubbliku u fil-każijiet u skont il-kundizzjonijiet previsti mil-liġi, bi ħlas ta’ kumpens xieraq fi żmien utli għal dak li jkun tilef. Il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali hija espliċitament imsemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, minħabba l-importanza tagħha, u l-garanziji previsti fil-paragrafu 1 japplikaw, jekk ikun il-każ, għall-proprjetà intellettwali.

54

Mill-ġurisprudenza jirriżulta li d-dritt għal remunerazzjoni ekwa jikkostitwixxi, fl-Unjoni, dritt relatat mad-drittijiet tal-awtur u għalhekk jagħmel parti integrali mill-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali stabbilita fl-Artikolu 17(2) tal-Karta (sentenza tat-8 ta’ Settembru 2020, Recorded Artists Actors Performers, C‑265/19, EU:C:2020:677, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55

Peress li l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2014/26 jiggarantixxu d-dritt għal remunerazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet fil-każ ta’ użu tad-drittijiet tagħhom, leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ħassret, b’effett minn 90 jum wara l-pubblikazzjoni tagħha, id-dispożizzjonijiet dwar ir-remunerazzjonijiet minimi fissi applikabbli għax-xandir tista’, għaldaqstant, tikkostitwixxi limitazzjoni tal-protezzjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali, stabbilita fl-Artikolu 17(2) tal-Karta.

56

B’dan premess, ma jirriżultax minn din id-dispożizzjoni u lanqas mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li d-dritt ta’ proprjetà intellettwali, stabbilit fl-imsemmija dispożizzjoni, huwa intanġibbli u li l-protezzjoni tiegħu għandha għalhekk tiġi żgurata b’mod assolut (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ April 2022, Il-Polonja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑401/19, EU:C:2022:297, punt 92 u kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

57

F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 52(1) tal-Karta jirriżulta li jistgħu jsiru limitazzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ drittijiet bħal dawk stabbiliti minnha, sakemm dawn il-limitazzjonijiet ikunu previsti mil-liġi, jirrispettaw il-kontenut essenzjali tal-imsemmija drittijiet u, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ikunu neċessarji u jissodisfaw effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor (sentenzi tad-9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke u Eifert, C‑92/09 u C‑93/09, EU:C:2010:662, punt 50, u tal-5 ta’ Mejju 2022, BPC Lux 2 et, C‑83/20, EU:C:2022:346, punt 51 u kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

58

Għalkemm, fl-aħħar mill-aħħar, hija il-qorti nazzjonali, li teżerċita ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tevalwa l-fatti u sabiex tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali, li għandha tiddetermina jekk ir-rekwiżiti previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali jissodisfawx il-kundizzjonijiet magħmula mid-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, għandha ġurisdizzjoni, fuq il-bażi tal-proċess tal-kawża prinċipali kif ukoll tal-osservazzjonijiet bil-miktub u orali li jkunu ġew sottomessi lilha, sabiex tipprovdi lill-qorti tar-rinviju indikazzjonijiet utli, ta’ natura li jippermettulha tiddeċiedi l-kawża adita biha (sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2024, Tecno*37, C‑242/23, EU:C:2024:831, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59

L-ewwel nett, huwa stabbilit li l-limitazzjonijiet għall-eżerċizzju tad-drittijiet imsemmija fl-Artikolu 17(2) tal-Karta li s-sistema inkwistjoni tinvolvi fil-kawża prinċipali huma previsti mil-Liġi Nru 74/2018.

60

It-tieni nett, sa fejn leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tiggarantixxix remunerazzjoni minima fissa għall-produtturi ta’ fonogrammi, billi din ħassret, b’effett minn 90 jum wara l-pubblikazzjoni tagħha, id-dispożizzjonijiet dwar tali remunerazzjoni applikabbli għax-xandir, ma twassalx għal ċaħda tal-proprjetà, hija ma tistax tippreġudika s-sustanza stess tad-dritt għall-proprjetà (ara b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ Mejju 2022, BPC Lux 2 et (C‑83/20, EU:C:2022:346, punt 53 u kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-modalitajiet previsti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali sabiex jiġu ffissati r-remunerazzjonijiet tad-detenturi tad-drittijiet wasslu għall-ħlas lil dawn tal-aħħar ta’ remunerazzjonijiet proporzjonali għad-dħul effettivament irċevut mill-istazzjonijiet tar-radju lokali.

61

It-tielet nett, minn dan il-proċess jirriżulta li l-għan tal-Liġi Nru 74/2018 huwa li tiġi stabbilita sistema li tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ekonomika tal-istazzjonijiet tar-radju lokali li, minħabba l-udjenza ristretta tagħhom u d-dħul tagħhom ta’ spiss limitat, ma humiex f’pożizzjoni li jsostnu spejjeż eċċessivi meta mqabbla mad-dħul tagħhom. Bla ħsara għall-verifiki li l-qorti tar-rinviju għandha twettaq, tali għan jidher leġittimu, peress li huwa intiż li jiżgura l-vijabbiltà ekonomika ta’ dawn l-istazzjonijiet.

62

Ir-raba’ nett, fir-rigward tan-natura proporzjonata tal-limitazzjoni għad-dritt stabbilit fl-Artikolu 17(2) tal-Karta meta mqabbla mal-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jidher, qabelxejn, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, li d-determinazzjoni tar-remunerazzjoni dovuta lid-detenturi tad-drittijiet abbażi tad-dħul tax-xandara biss hija xierqa sabiex jintlaħaq l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li tippermetti li tittieħed inkunsiderazzjoni l-kapaċità ekonomika tal-istazzjonijiet lokali.

63

Sussegwentement, fir-rigward tan-neċessità tal-miżura prevista minn din il-leġiżlazzjoni, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-marġni ta’ evalwazzjoni li għandha r-Rumanija mfakkra fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, jekk jidhirx b’mod ċar li jeżistu miżuri inqas restrittivi li jippermettu t-twettiq tal-għan imfittex mill-imsemmija leġiżlazzjoni.

64

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-proporzjonalità fis-sens strett tal-istess leġiżlazzjoni, sabiex il-qorti tar-rinviju tingħata elementi li jippermettulha twettaq tali eżami, għandu jiġi enfasizzat li d-determinazzjoni tar-remunerazzjoni ekwa jew xierqa li għandha titħallas lid-detenturi tad-drittijiet għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-valur ekonomiku tal-użu tax-xogħlijiet fil-kuntest tax-xandir. Fil-fatt, huwa biss taħt din il-kundizzjoni li bilanċ ġust bejn, minn naħa, l-interess tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati mal-protezzjoni tad-dritt għall-proprjetà intellettwali tagħhom, stabbilit fl-Artikolu 17(2) tal-Karta, u, min-naħa l-oħra, il-protezzjoni tal-interessi tal-utenti ta’ fonogrammi jista’ jiġi ggarantit (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Pelham et, C‑476/17, EU:C:2019:624, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65

B’mod partikolari, remunerazzjoni li l-ammont tagħha jkun ferm inqas minn dan il-valur ma tistax titqies li hija ekwa jew xierqa fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

66

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2014/26, kif ukoll l-Artikolu 17(2) tal-Karta, moqri fid-dawl tal-Artikolu 52(1) ta’ din tal-aħħar, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tiggarantixxix remunerazzjoni minima fissa lill-produtturi ta’ fonogrammi għax-xandir ta’ fonogrammi ppubblikati għal finijiet kummerċjali u li tħassar, b’effett minn 90 jum wara l-pubblikazzjoni tagħha, id-dispożizzjonijiet relatati mar-remunerazzjonijiet minimi fissi applikabbli għax-xandir stabbiliti permezz ta’ metodoloġija preċedentement applikabbli, mingħajr madankollu ma temenda l-kriterji ta’ kalkolu tar-remunerazzjoni u mingħajr ma tipprevedi tul massimu għall-adozzjoni ta’ metodoloġija ġdida intiża sabiex tiddetermina l-ammont tagħha, sakemm din il-leġiżlazzjoni tiggarantixxi n-natura ekwa jew xierqa tar-remunerazzjoni mħallsa lid-detenturi tad-drittijiet u tkun konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

Fuq it-tielet u r-raba’ domanda

Fuq l-ammissibbiltà

67

DADA Music issostni li t-tielet u r-raba’ domanda huma inammissibbli, minħabba li dawn id-domandi ma għandhomx rabta mas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, l-UPFR ma talbitx lill-qorti nazzjonali tivverifika jekk ir-remunerazzjonijiet f’perċentwali kkalkolati fir-rigward tad-dħul effettiv iddikjarat mill-organizzazzjonijiet tax-xandir u tat-televiżjoni humiex ta’ natura ekwa u raġonevoli.

68

Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għalihom sabiex jiddeċiedu l-kawżi mressqa quddiemhom (sentenzi tal-20 ta’ Ġunju 2013, Impacto Azul, C‑186/12, EU:C:2013:412, punt 26, u tal-1 ta’ Awwissu 2022, Vyriausioji tarnybinės etikos komisija, C‑184/20, EU:C:2022:601, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, hija biss il-qorti nazzjonali, li hija adita bit-tilwima fil-kawża prinċipali u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja mistennija, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari ta’ kull kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha u kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, sakemm id-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi. Minn dan isegwi li d-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiċħad li tagħti risposta għal domanda magħmula minn qorti nazzjonali biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tat-3 ta’ Ġunju 2021, BalevBio, C‑76/20, EU:C:2021:441, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

70

Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li n-neċessità li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali teżiġi li dik il-qorti tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv li fl-ambitu tiegħu jkunu jaqgħu d-domandi magħmula minnha jew, tal-inqas, tispjega l-ipoteżijiet fattwali li fuqhom dawn id-domandi jkunu bbażati. Id-deċiżjoni tar-rinviju għandha, barra minn hekk, tindika r-raġunijiet preċiżi li jkunu wasslu li l-qorti nazzjonali jkollha dubji dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u li tqis neċessarju li tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal-1 ta’ Awwissu 2022, Roma Multiservizi u Rekeep, C‑332/20, EU:C:2022:610, punt 43 u kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

71

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju esponiet b’mod suffiċjentement ċar ir-raġunijiet li għalihom hija tqis li risposta għat-tielet u għar-raba’ domanda preliminari hija neċessarja sabiex tkun tista’ tiddeċiedi t-tilwima fil-kawża prinċipali. B’mod partikolari, kif ġie rrilevat fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, din il-qorti indikat li hija kellha dubji dwar il-kriterji li jistgħu jintużaw għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura ekwa u raġonevoli tar-remunerazzjoni li għandha titħallas lid-detenturi tad-drittijiet u dwar jekk, fil-każ li hija tikkonstata li r-remunerazzjoni dovuta skont il-kriterji stabbiliti fil-leġiżlazzjoni hija ta’ natura żgħira, hija tistax jew għandhiex tapplika kriterji alternattivi sabiex tiggarantixxi li d-detenturi tad-drittijiet jirċievu remunerazzjoni adegwata.

72

Minn dan isegwi li t-tielet u r-raba’ domanda huma ammissibbli.

Fuq il-mertu

73

Permezz tat-tielet u r-raba’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, u taħt liema kundizzjonijiet, hija għandha tivverifika jekk l-ammont tar-remunerazzjoni mħallas lid-detenturi tad-drittijiet, ikkalkolat skont il-modalitajiet iddefiniti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, jiggarantixxix bilanċ adegwat bejn l-interess tad-detenturi tad-drittijiet u dak tal-utenti ta’ fonogrammi u, fl-affermattiv, jekk, adita b’kawża bejn individwi, hija tistax tapplika direttament id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/115 u tad-Direttiva 2014/26 sabiex twarrab leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tiggarantixxix tali bilanċ.

74

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imfakkra fil-punti 45 u 46 ta’ din is-sentenza, hija għalhekk il-qorti nazzjonali adita b’tilwima dwar in-natura ekwa jew xierqa tar-remunerazzjoni dovuta lid-detenturi tad-drittijiet li għandha twettaq il-verifiki f’dan is-sens, billi tieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari, kif jirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2014/26, il-valur ekonomiku tal-użu tad-drittijiet innegozjati, fid-dawl tan-natura u tal-portata tal-użu tax-xogħlijiet u ta’ oġġetti oħra, kif ukoll tal-valur tas-servizz ipprovdut mill-organizzazzjoni ta’ ġestjoni.

75

F’dan il-kuntest, hija, b’mod partikolari, il-qorti nazzjonali li għandha tieħu inkunsiderazzjoni n-natura partikolari tad-drittijiet tal-awtur kif ukoll li tfittex bilanċ adegwat bejn l-interess tad-detenturi tad-drittijiet li jirċievu remunerazzjoni għall-użu tad-drittijiet tagħhom u dak tal-utenti tal-fonogrammi li jkunu jistgħu jużaw ix-xogħlijiet u l-oġġetti l-oħra inkwistjoni taħt kundizzjonijiet raġonevoli (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-25 ta’ Novembru 2020, SABAM, C‑372/19, EU:C:2020:959, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

76

F’dan ir-rigward, il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jistabbilixxi l-preeminenza tad-dritt tal-Unjoni fuq id-dritt tal-Istati Membri u jimponi fuq il-qrati kollha tal-Istati Membri li jagħtu effett sħiħ lid-diversi normi tal-Unjoni Ewropea, peress li d-dritt tal-Istati Membri ma jistax jippreġudika l-effett irrikonoxxut lil dawn id-diversi normi fit-territorju tal-imsemmija Stati (sentenza tat-18 ta’ Jannar 2022, Thelen Technopark Berlin, C‑261/20, EU:C:2022:33, punt 25 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

77

B’mod partikolari, dan il-prinċipju jimponi fuq il-qrati nazzjonali, sabiex tiġi ggarantita l-effettività tad-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni, l-obbligu li jinterpretaw, sa fejn ikun possibbli, id-dritt intern tagħhom b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni u li jirrikonoxxu lill-individwi l-possibbiltà li jiksbu kumpens meta d-drittijiet tagħhom ikunu nkisru bi ksur tad-dritt tal-Unjoni imputabbli lil Stat Membru (sentenza tat-18 ta’ Jannar 2022, Thelen Technopark Berlin, C‑261/20, EU:C:2022:33, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

78

B’mod iktar speċifiku, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset ripetutament li qorti nazzjonali, meta tkun adita b’kawża esklużivament bejn individwi, hija marbuta, fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt intern adottati sabiex jiġu trasposti l-obbligi previsti minn direttiva, li tieħu inkunsiderazzjoni r-regoli kollha tad-dritt nazzjonali u li tinterpretahom, sa fejn ikun possibbli, fid-dawl tat-test kif ukoll fid-dawl tal-għan finali ta’ din id-direttiva sabiex twassal għal soluzzjoni konformi mal-għan tagħha (sentenza tat-18 ta’ Jannar 2022, Thelen Technopark Berlin, C‑261/20, EU:C:2022:33, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

79

Madankollu, il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali huwa suġġett għal ċerti limiti. B’hekk, l-obbligu għall-qorti nazzjonali li tirreferi għall-kontenut ta’ direttiva meta tinterpreta u tapplika r-regoli rilevanti tad-dritt intern huwa limitat mill-prinċipji ġenerali tad-dritt u ma jistax iservi ta’ bażi għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali (sentenza tat-18 ta’ Jannar 2022, Thelen Technopark Berlin, C‑261/20, EU:C:2022:33, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

80

Barra minn hekk, huwa wkoll bis-saħħa tal-prinċipju ta’ supremazija li, fil-każ li jkun impossibbli li tingħata interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tkun konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, il-qorti nazzjonali li jkollha tapplika, fil-kuntest tal-kompetenza tagħha, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandha l-obbligu li tiżgura l-effett sħiħ ta’ dawn id-dispożizzjonijiet billi, jekk ikun meħtieġ, tħalli mhux applikata, fuq il-bażi tal-awtorità tagħha stess, kwalunkwe dispożizzjoni kuntrarja tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, anki jekk tkun ġiet adottata iktar tard, mingħajr ma jkollha għalfejn titlob jew tistenna t-tħassir minn qabel ta’ din id-dispożizzjoni permezz tal-proċess leġiżlattiv jew ta’ kwalunkwe proċess kostituzzjonali ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Jannar 2022, Thelen Technopark Berlin, C‑261/20, EU:C:2022:33, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

81

Madankollu, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll karatteristiċi essenzjali oħra tad-dritt tal-Unjoni, u, b’mod partikolari, in-natura u l-effetti ġuridiċi tad-direttivi (sentenza tat-18 ta’ Jannar 2022, Thelen Technopark Berlin, C‑261/20, EU:C:2022:33, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

82

B’hekk, direttiva ma tistax, minnha nnifisha, toħloq obbligi fil-konfront ta’ individwu, u għalhekk ma tistax tiġi invokata bħala tali kontrih quddiem qorti nazzjonali. Fil-fatt, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, in-natura vinkolanti ta’ direttiva, li fuqha hija bbażata l-possibbiltà li din tiġi invokata, teżisti biss fil-konfront ta’ “kull Stat Membru destinatarju” peress li l-Unjoni għandha s-setgħa li tistabbilixxi, b’mod ġenerali u astratt, b’effett immedjat obbligi għal individwi fil-każijiet biss fejn għandha s-setgħa tadotta regolamenti. Għaldaqstant, anki jekk tkun ċara, preċiża u inkundizzjonata, dispożizzjoni ta’ direttiva ma tippermettix lill-qorti nazzjonali li twarrab dispożizzjoni tad-dritt intern tagħha li tmur kontriha, jekk, b’dan il-mod, ikun hemm obbligu addizzjonali li jiġi impost fuq individwu (sentenza tat-18 ta’ Jannar 2022, Thelen Technopark Berlin, C‑261/20, EU:C:2022:33, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

83

Minn dan isegwi li qorti nazzjonali ma hijiex obbligata, abbażi biss tad-dritt tal-Unjoni, li ma tapplikax dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali tagħha li tmur kontra dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jekk din id-dispożizzjoni tal-aħħar ma jkollhiex effett dirett, bla ħsara madankollu għall-possibbiltà, għal dik il-qorti, kif ukoll għal kull awtorità amministrattiva nazzjonali kompetenti, li teskludi, abbażi tad-dritt intern, kull dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tmur kontra dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun nieqsa minn tali effett (sentenza tat-18 ta’ Jannar 2022, Thelen Technopark Berlin, C‑261/20, EU:C:2022:33, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

84

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, ir-risposta għat-tielet u għar-raba’ domanda għandha tkun li hija l-qorti nazzjonali, adita b’kawża bejn individwi dwar in-natura ekwa jew xierqa tar-remunerazzjoni mħallsa lid-detenturi tad-drittijiet għax-xandir ta’ fonogrammi ppubblikati għal finijiet kummerċjali, ikkalkolata skont il-modalitajiet iddefiniti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, li għandha tivverifika jekk din ir-remunerazzjoni hijiex ekwa jew xierqa, fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2014/26, jiġifieri li din tiggarantixxi l-bilanċ bejn l-interessi tad-detenturi tad-drittijiet u dawk tal-utenti ta’ dawn il-fonogrammi. Jekk l-applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni ma tippermettix l-iffissar ta’ tali remunerazzjoni, id-dispożizzjonijiet ta’ dawn id-direttivi ma jistgħux jiġu invokati sabiex tiġi eskluża l-imsemmija leġiżlazzjoni, ħlief jekk id-dritt intern jipprovdi mod ieħor.

Fuq l-ispejjeż

85

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet ta’ l-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2014/26/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati u ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali ta’ drittijiet f’xogħlijiet mużikali għall-użu onlajn fis-suq intern, u kif ukoll l-Artikoli 17(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, moqri fid-dawl tal-Artikolu 53(1) ta’ din tal-aħħar,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tiggarantixxix remunerazzjoni minima fissa lill-produtturi ta’ fonogrammi għax-xandir ta’ fonogrammi ppubblikati għal finijiet kummerċjali u li tħassar, b’effett minn 90 jum wara l-pubblikazzjoni tagħha, id-dispożizzjonijiet relatati mar-remunerazzjonijiet minimi fissi applikabbli għax-xandir stabbiliti permezz ta’ metodoloġija preċedentement applikabbli, mingħajr madankollu ma temenda l-kriterji ta’ kalkolu tar-remunerazzjoni u mingħajr ma tipprevedi tul massimu għall-adozzjoni ta’ metodoloġija ġdida intiża sabiex tiddetermina l-ammont tagħha, sakemm din il-leġiżlazzjoni tiggarantixxi n-natura ekwa jew xierqa tar-remunerazzjoni mħallsa lid-detenturi tad-drittijiet u tkun konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

 

2)

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tielet u għar-raba’ domanda għandha tkun li hija l-qorti nazzjonali, adita b’kawża bejn individwi dwar in-natura ekwa jew xierqa tar-remunerazzjoni mħallsa lid-detenturi tad-drittijiet għax-xandir ta’ fonogrammi ppubblikati għal finijiet kummerċjali, ikkalkolata skont il-modalitajiet iddefiniti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, li għandha tivverifika jekk din ir-remunerazzjoni hijiex ekwa jew xierqa, fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2014/26, jiġifieri li din tiggarantixxi l-bilanċ bejn l-interessi tad-detenturi tad-drittijiet u dawk tal-utenti ta’ dawn il-fonogrammi. Jekk l-applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni ma tippermettix l-iffissar ta’ tali remunerazzjoni, id-dispożizzjonijiet ta’ dawn id-direttivi ma jistgħux jiġu invokati sabiex tiġi eskluża l-imsemmija leġiżlazzjoni, ħlief jekk id-dritt intern jipprovdi mod ieħor.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.