21.12.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 342/10


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/2409

tat-18 ta' Diċembru 2017

li tawtorizza lill-Iżvezja tapplika rata mnaqqsa tad-dazju tas-sisa fuq l-elettriku kkonsmat minn familji u kumpaniji fis-settur tas-servizzi li jinsabu f'ċerti żoni fit-Tramuntana tal-Iżvezja b'konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta' Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta' enerġija u elettriku (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 19 tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2012/47/UE (2) tawtorizza lill-Iżvezja biex, sal-31 ta' Diċembru 2017, tapplika rata mnaqqsa tad-dazju tas-sisa għall-elettriku kkonsmat minn familji u kumpaniji fis-settur tas-servizzi f'ċerti żoni fit-tramuntana tal-Iżvezja (“il-benefiċjarji”) skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE.

(2)

Permezz tal-ittra tal-10 ta' Mejju 2017, l-Iżvezja talbet awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika rata mnaqqsa tad-dazju tas-sisa għall-elettriku kkonsmat mill-benefiċjarji għal perijodu ulterjuri ta' sitt snin oħra, sal-31 ta' Diċembru 2023. Jenħtieġ li t-tnaqqis ikun limitat għal SEK 96 għal kull MWh. Permezz tal-ittra tal-1 ta' Settembru 2017, l-Iżvezja bagħtet informazzjoni addizzjonali u kjarifiki.

(3)

Fiż-żoni ġeografiċi kkonċernati, l-ispejjeż tat-tisħin huma, bħala medja, 30 % ogħla milli huma fil-bqija tal-pajjiż, minħabba l-perijodu ta' tisħin itwal. Għalhekk, it-tnaqqis tal-ispejjeż tal-elettriku għall-benefiċjarji jnaqqas id-distakk bejn l-ispejjeż globali tat-tisħin għall-konsumaturi fit-tramuntana tal-Iżvezja u dawk imġarrba mill-konsumaturi fil-bqija tal-pajjiż. Għalhekk, il-miżura tikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-għanijiet reġjonali u tal-politika ta' koeżjoni. Jenħtieġ li t-tnaqqis tat-taxxa ma jaqbiżx dak li huwa meħtieġ sabiex jikkumpensa għall-ispejjeż addizzjonali tat-tisħin għal kull unità mġarrba mill-konsumaturi fiż-żoni ġeografiċi kkonċernati.

(4)

Ir-rati mnaqqsa tad-dazju tas-sisa jenħtieġ li jkunu ogħla mir-rati minimi stabbiliti fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/96/KE.

(5)

Il-miżura mhijiex mistennija li twassal għal distorsjonijiet sinifikanti tal-kompetizzjoni jew għal bidliet fil-kummerċ bejn l-Istati Membri minħabba: in-natura remota taż-żoni li għalihom tapplika; il-fatt li t-tnaqqis ma jenħtieġx jaqbeż l-ispejjeż addizzjonali tat-tisħin fit-tramuntana tal-Iżvezja; u l-limitazzjoni tal-miżura għal familji u kumpaniji fis-settur tas-servizzi.

(6)

Għalhekk, il-miżura hija aċċettabbli mill-aspett tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern u tal-ħtieġa biex tkun żgurata kompetizzjoni ġusta. Hija kompatibbli wkoll mal-politiki tal-Unjoni fl-oqsma tas-saħħa, l-ambjent, l-enerġija u t-trasport.

(7)

Fid-dawl tal-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 2003/96/KE, kull awtorizzazzjoni mogħtija taħt dan l-Artikolu għandu jkollha żmien strettament limitat. Sabiex tipprovdi lill-benefiċjarji b'livell suffiċjenti ta' ċertezza, jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni tingħata għal perijodu ta' sitt snin. Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar l-Għajnuna mill-Istat.

(8)

Jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni mogħtija skont id-Deċiżjoni 2012/47/UE tibqa' tapplika sabiex jiġi evitat li jinħoloq vojt bejn l-iskadenza ta' dik id-Deċiżjoni u d-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-Iżvezja hija b'dan awtorizzata li tapplika rata mnaqqsa tad-dazju tas-sisa fuq l-elettriku kkonsmat minn familji u kumpaniji fis-settur tas-servizzi li jinsabu fil-muniċipalitajiet elenkati fl-Anness.

Dan it-tnaqqis mir-rata nazzjonali standard tad-dazju tas-sisa għall-elettriku ma għandux jaqbeż dak li huwa meħtieġ sabiex jikkumpensa għall-ispejjeż addizzjonali għat-tisħin fiż-żona tat-tramuntana, meta mqabbel mal-bqija tal-Iżvezja, u ma għandux jaqbeż is-SEK 96 għal kull MWh.

2.   Ir-rati mnaqqsa għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2003/96/KE, u b'mod partikolari mar-rati minimi stabbiliti fl-Artikolu 10 tagħha.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tan-notifika tagħha.

Hija għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2018 sal-31 ta' Diċembru 2023.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Iżvezja.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Diċembru 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

K. SIMSON


(1)   ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51.

(2)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2012/47/UE tal-24 ta' Jannar 2012 li tawtorizza lill-Isvezja biex tapplika rata mnaqqsa ta' tassazzjoni fuq l-elettriku kkonsmat minn familji u kumpaniji fis-settur tas-servizzi li jinsabu f'ċerti żoni fit-tramuntana tal-Isvezja b'konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE (ĠU L 26, 28.1.2012, p. 33).


ANNESS

Reġjuni

Muniċipalitajiet

Norrbottens län

Il-muniċipalitajiet kollha

Västerbottens län

Il-muniċipalitajiet kollha

Jämtlands län

Il-muniċipalitajiet kollha

Västernorrlands län

Sollefteå, Ånge, Örnsköldsvik

Gävleborgs län

Ljusdal

Dalarnas län

Malung-Sälen, Mora, Orsa, Älvdalen

Värmlands län

Torsby