Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
19 ta’ Novembru 2026 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2002/58/KE – Artikolu 13(3) u (5) – Protezzjoni tal-ħajja privata u tad-data personali – Telefonati mhux mitluba għal finijiet kummerċjali lil abbonati li huma persuni fiżiċi li jaġixxu bħala imprendituri – Prattika msejħa ‘cold calling’ – Direttorju ta’ impriżi – Reġistrazzjoni bi ħlas – Effett fuq il-validità tal-kuntratt – Dannu li jista’ jiġi kkumpensat”
Fil-Kawża C‑528/25,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landgericht Saarbrücken (il-Qorti Reġjonali ta’ Saarbrücken, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Ġunju 2025, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Awwissu 2025, fil-proċedura
LK
vs
Firmenauskunft P.U.R. GmbH,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn I. Jarukaitis, President tal-Awla, R. Frendo, N. Jääskinen, M. Condinanzi (Relatur) u A. Kornezov, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: R. Norkus,
Reġistratur: V. Di Bucci,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal LK, minn J. J. Krone, Rechtsanwalt,
– għal Firmenauskunft P.U.R. GmbH, minn P. Morsch, Rechtsanwalt,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Kranenborg u G. Meeßen, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13(3) u (5) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514), kif emendata bid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2009, L 337, p. 11) (iktar ’il quddiem id‑“Direttiva 2002/58”).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn LK, traduttriċi indipendenti li taġixxi bħala imprenditur, u Firmenauskunft P.U.R. GmbH, kumpannija li topera direttorju professjonali online, fir-rigward ta’ telefonati kummerċjali mhux mitluba.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Il-Karta
3 L-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), intitolat “Ir-rispett għall-ħajja privata u tal-familja”, jipprovdi:
“Kull persuna għandha d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħha, ta’ darha u tal-kommunikazzjonijiet tagħha.”
4 L-Artikolu 8 tal-Karta, intitolat “Il-protezzjoni tad-data personali”, jipprevedi:
“1. Kull persuna għandha d-dritt għall-protezzjoni ta’ data personali li tirrigwardaha.
2. Din id-data għandha tiġi trattata b’mod ġust għal finijiet determinati u abbażi tal-kunsens tal-persuna kkonċernata jew fuq bażi oħra leġittima stabbilita mil-liġi. Kull persuna għandha d-dritt ta’ aċċess għad-data miġbura li għandha x’taqsam magħha u d-dritt li tikseb ir‑rettifika tagħha.
[...]”
Id-Direttiva 2002/58
5 Il-premessi 2, 40, 40 u 47 tad-Direttiva 2002/58 jipprovdu:
“(2) Din id-Direttiva tfittex li tirrispetta d-drittijiet fondamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-[Karta]. B’mod partikolari, din id-Direttiva tfittex li tiżgura r-rispett sħiħ tad-drittijiet stipulati fl-Artikoli 7 u 8 ta’ dik il-Karta.
[...]
(40) Għandhom jingħataw salvagwardji għall-abbonati kontra l-intrużjoni tal-privatezza tagħhom permezz ta’ komunikazzjonijiet mhux soleċitati għal skopijiet ta’ marketing dirett partikolarment permezz ta’ magni li jsejħu awtomatikament, telefaxes u posta elettronika, inklużi messaġġi bl-SMS. Dawn il-forom ta’ komunikazzjoni kummerċjali mhux soliċitati jistgħu minn banda jkunu relativament faċli u rħas biex jintbagħtu u mill-oħra jistgħu jimponu piż u/jew spiża fuq ir-riċevent. Minbarra hekk, f’xi każijiet il-volum tagħhom jista’ wkoll jikkawża diffikultajiet għal networks ta’ komunikazzjoni elettronika u tagħmir terminali. Għal tali forma ta’ komunikazzjonijiet mhux soliċitati għal skopijiet ta’ marketing dirett huwa ġustifikat li jenħtieġ li jiġi akkwistat il-kunsens minn qabel espliċitu tar-riċeventi qabel ma jiġu indirizzati lilhom tali komunikazzjonijiet. Is-suq wieħed jeħtieġ pożizzjoni armonizzata biex jiġu żgurati regoli sempliċi fil-Komunità kollha għan-negozji u għall-utenti.
[...]
(42) Forom oħrajn ta’ marketing dirett li huma akter għaljin għal min jibgħathom u ma jimponu l-ebda spiża finanzjarja fuq l-abbonati u l-utenti, bħal telefonija bil-leħen minn persuna għal oħra, jistgħu jiġġustifikaw l-manteniment ta’ sistema li tagħti lill-abbonati u ’l-utenti l-possibilità li jindikaw li ma jixtiequx li jirċievu tali telefonati. Madankollu, sabiex ma jonqsux il-livelli eżistenti tal-ħarsien tal-privatezza, l-Istati Membri għandhom ikunu intitolati li jżommu sistemi nazzjonali, li jippermettu biss tali sejħiet lil abbonati u utenti li jkunu taw il-kunsens tagħhom minn qabel.
[...]
(47) Fejn id-drittjiet ta’ l-utenti u l-abbonati ma jiġux rispettati, il-leġislazzjoni nazzjonali għandha tipprovdi għal rimedji ġudizzjarji. Il-pieni għandhom jiġu imposti fuq kull persuna, kemm jekk regolati mid-dritt privat jew pubbliku, li ma tikkonformax mal-miżuri nazzjonali meħuda taħt din id‑Direttiva.”
6 L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni u mira”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:
“Din id-Direttiva tipprevedi l-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Istati Membri meħtieġa biex jiġi żgurat livell ekwivalenti ta’ protezzjoni ta’ drittijiet u libertajiet fundamentali, partikolarment id-dritt għall-privatezza u l-kunfidenzjalità, fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika u sabiex jiġi żgurat il-moviment liberu ta’ tali data u tat-tagħmir u s-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika fil-Komunità.”
7 L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi:
“Ħlief kif provdut mod ieħor, għandhom jgħoddu d-definizzjonijiet fid-Direttiva 95/46/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355),] u fid-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349)].
Għandhom jgħoddu wkoll dawn id-definizzjonijiet li ġejjin:
(a) ‘utent’ tfisser kull persuna naturali li tuża servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament, għal skopijiet privati jew ta’ negozju, mingħajr ma tkun neċessarjament abbonat għal dan is-servizz;
[...]”
8 L-Artikolu 13 tal-istess direttiva, intitolat “Komunikazzjoni mhux mitluba”, huwa fformulat kif ġej:
“1. L-użu ta’ sistemi ta’ sejħiet awtomatizzati u ta’ komunikazzjoni, mingħajr l-intervent uman (magni ta’ sejħiet awtomatiċi), magni tal-facsimile (fax) jew posta elettronika għal finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta jista’ jkun permess biss fir-rigward ta’ abbonati jew utenti li jkunu taw il-kunsens tagħhom minn qabel.
2. Minkejja l-paragrafu 1, fejn persuna naturali jew legali tikseb mill-klijenti tagħha d-dettalji ta’ kuntatt elettroniċi għall-posta elettronika, fil-kuntest ta’ bejgħ ta’ prodott jew servizz, skont id-Direttiva [95/46], l-istess persuna naturali jew legali tista’ tuża dawn id-dettalji ta’ kuntatt elettroniċi għall-kummerċjalizzazzjoni diretta tal-prodotti jew servizzi simili tagħha stess, dment li l-klijenti jingħataw b’mod ċar u distint l-opportunità li joġġezzjonaw, mingħajr ħlas u b’mod faċli, għal tali użu ta’ dettalji ta’ kuntatt elettroniku fil-ħin tal-ġbir tagħhom u fl-okkażjoni ta’ kull messaġġ fil-każ fejn il-klijent ma jkunx irrifjuta inizjalment tali użu.
3. L-Istati Membri għandhom miżuri xierqa biex jiżguraw illi, il-komunikazzjonijiet mhux mitluba għall-iskopijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta, minbarra f’każijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, ma jkunux permessi mingħajr il-kunsens tal-abbonati jew l-utenti konċernati jew fir-rigward ta’ abbonati jew utenti li ma jixtiqux jirċievu dawn il-komunikazzjonijiet, bl-għażla bejn dawn it-tnejn tiġi determinata mil-leġislazzjoni nazzjonali, b’kont meħud li ż-żewġ għażliet għandhom ikunu mingħajr ħlas għall-abbonat jew l-utent.
[...]
5. Il-paragrafi 1 u 3 għandhom jgħoddu għal abbonati li huma persuni naturali. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll, fil-qafas tal-liġi Komunitarja u l-leġislazzjoni nazzjonali applikabbli, li l-interessi leġittimi ta’ l-abbonati minbarra persuni naturali rigward komunikazzjonijiet mhux mitluba huma protetti b’mod suffiċjenti.”
9 L-Artikolu 15a tad-Direttiva 2002/58, intitolat “Implimentazzjoni u infurzar”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:
“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli tal-penali, inklużi sanzjonijiet kriminali fejn xieraq, applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn ir-regoli jkunu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effikaċi, proporzjonati u diswassivi u jistgħu jkunu applikati biex ikopru l-perijodu ta’ kwalunkwe ksur, anke fejn sussegwentement il-ksur ikun ġie rettiffikat. [...]”
Id-Direttiva 95/46
10 L-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46 kien jiddefinixxi d-“data personali” bħala “kull data li jkollha x’taqsam ma’ persuna naturali identifikata jew identifikabbli (‘suġġett tad-data’); persuna identifikabbli huwa min jista’ jkun identifikat, direttament jew indirettament, partikolarment b’referenza għal numru ta’ identità jew għal fattur wieħed speċifiku jew aktar dwar l-identità fiżika, fiżjoloġika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali tiegħu”.
Il-GDPR
11 Il-punt 1 tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, iktar ’il quddiem il-“GDPR”), li ħassar id-Direttiva 95/46 b’effett mill-25 ta’ Mejju 2018, jiddefinixxi l-kunċett ta’ “data personali” f’termini sostanzjalment identiċi għal dawk tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46.
12 Skont l-Artikolu 94(2) tal-GDPR, ir-riferimenti magħmula għal dik id-direttiva għandhom jinftiehmu bħala riferimenti għal dan ir-regolament.
Id-dritt Ġermaniż
13 L-Artikolu 7 tal-Gesetz gegen den unlauteren Wettbewerb (il-Liġi Kontra l-Kompetizzjoni Żleali, iktar ’il quddiem l-“UWG”) huwa fformulat kif ġej:
“(1) Il-prattiki kummerċjali li jikkawżaw inkonvenjenza inaċċettabbli għal partiċipant fis-suq huma illegali. Dan japplika b’mod partikolari għar-reklamar li jsir minkejja li jkun manifest li l-partiċipant fis-suq imsemmi ma jkunx jixtiequ.
(2) Inkonvenjenza inaċċettabbli għandha dejjem tkun preżunta:
1. fil-każ ta’ reklamar bit-telefon lil konsumatur mingħajr il-kunsens espliċitu minn qabel tiegħu, jew lil partiċipant ieħor fis-suq mingħajr ma jkun jista’ jiġi preżunt tal-inqas li dan ikun ta l-kunsens tiegħu,
[...]”
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
14 Fit-3 ta’ Marzu 2021, impjegat ta’ Firmenauskunft P.U.R., kumpannija li topera direttorju professjonali online, ikkuntattja bit-telefon lil LK, traduttriċi indipendenti li teżerċita l-attivitajiet tagħha taħt l-isem “SN Translations”, għal finijiet kummerċjali u mingħajr il-kunsens minn qabel ta’ din tal-aħħar. L-aħħar parti tal-konverżazzjoni ġiet irreġistrata minn dan l-impjegat bil-kunsens ta’ LK. Fl-aħħar parti rreġistrata tal-konverżazzjoni, l-imsemmi impjegat staqsa lil LK jekk kienx eżatt li hija kienet għadha kif inkarigatu sabiex jinkludi l-informazzjoni dwar l-impriża “SN Translations” fid-direttorju professjonali tal-kumpannija Firmenauskunft P.U.R. għal perijodu ta’ tliet snin għal tariffa mnaqqsa li tammonta, għal dan il-perijodu, għal ammont totali ta’ EUR 3 000 netti. LK wieġbet fl-affermattiv. L-istess impjegat ġibed l-attenzjoni ta’ LK għall-kundizzjonijiet ġenerali tal-kumpannija Firmenauskunft P.U.R. kif ukoll għal informazzjoni oħra dwar din tal-aħħar li tinsab fis-sit internet fa-24.com.
15 Fil-5 ta’ Marzu 2021, LK irċeviet fattura mingħand din il-kumpannija, bid-data tat-3 ta’ Marzu 2021 u li tistabbilixxi ammont finali gross fl-ammont ta’ EUR 3 570.
16 Permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Marzu 2021, LK, permezz tal-avukat tagħha, indikat lill-imsemmija kumpannija li hija kienet qiegħda terġa’ lura mid-dikjarazzjoni ta’ volontà tagħha minħabba qerq u żball f’din id-dikjarazzjoni. Hija talbet ukoll lill-istess kumpannija tneħħi mid-direttorju tagħha l-iskrizzjoni li tikkonċernaha.
17 Fil-kuntest ta’ azzjoni għal ħlas imressqa minn Firmenauskunft P.U.R. quddiem l-Amtsgericht Saarbrücken (il-Qorti Distrettwali ta’ Saarbrücken, il-Ġermanja), LK invokat it-tpaċija bejn is-somom li ntalbu mingħandha u d-danni dovuti lilha skont id-dispożizzjonijiet tal-UWG. Din il-qorti kkundannat lil LK tħallas lil din il-kumpannija, abbażi tal-kuntratt konkluż bit-telefon, somma li tammonta għal EUR 2 380, flimkien mal-interessi bir-rata bażika miżjuda b’disa’ punti perċentwali dekorribbli mill-5 ta’ April 2021.
18 LK ressqet appell minn din id-deċiżjoni quddiem il-Landgericht Saarbrücken (il-Qorti Reġjonali ta’ Saarbrücken, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju. Hija ssostni li l-ftehim ġie konkluż bi ksur tal-prinċipju ta’ bona fide u li għalhekk huwa null skont id-dispożizzjonijiet tal-Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili). Barra minn hekk, Firmenauskunft P.U.R. ma pprovditilhiex informazzjoni fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali.
19 Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) iddeċidiet li l-protezzjoni kontra l-prattiki kummerċjali li jostakolaw b’mod inaċċettabbli partiċipant fis-suq, prevista fl-Artikolu 7 tal-UWG, għandha, ċertament, l-għan li tipprekludi lil min jirreklama milli jinterferixxi fil-ħajja privata tal-konsumatur u fl-isfera kummerċjali ta’ partiċipanti oħra fis-suq, billi jimponilhom kampanji ta’ reklamar bi ksur tal-volontà manifesta jew preżunta tagħhom. Madankollu, din il-protezzjoni ma tistax tiġi estiża sabiex tipproteġi l-libertà ta’ deċiżjoni tal-persuna mitluba. Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, il-qorti tar-rinviju tqis li l-fatt li l-konsumatur jew partiċipant ieħor fis-suq ikun responsabbli għar-remunerazzjoni li tirriżulta minn kuntratt li dan tal-aħħar ikun ikkonkluda waqt telefonata li seħħet mingħajr il-kunsens tiegħu, u, għaldaqstant, bi ksur tal-Artikolu 7(2) tal-UWG, ma jikkostitwixxix dannu li jista’ jiġi kkumpensat.
20 Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, din il-qorti tistaqsi jekk persuni fiżiċi li, bħal LK, ma humiex konsumaturi, fis-sens tal-Artikolu 7(2) tal-UWG, humiex suffiċjentement protetti fid-dawl tar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni.
21 B’mod iktar preċiż, hija tistaqsi jekk id-dritt nazzjonali jistax jikkomprometti l-effett utli tad-Direttiva 2002/58. Għalhekk, minn naħa, hija tistaqsi jekk din id-direttiva għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-protezzjoni li hija tiggarantixxi kontra t-telefonati mhux mitluba testendi għall-persuni fiżiċi fil-kuntest tal-attività professjonali indipendenti tagħhom. Min-naħa l-oħra u fil-każ affermattiv, hija tistaqsi jekk interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li tgħid li l-persuna hija protetta biss min-natura intrużiva ta’ telefonata kummerċjali mhux mitluba, li tikkostitwixxi att illegali, u mhux mill-konklużjoni ta’ kuntratt b’effett ta’ sorpriża li jirriżulta minnha, tippermettix li jiġi ggarantit l-effett utli tal-Artikolu 13 tal-imsemmija direttiva.
22 F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tosserva, essenzjalment, li, jekk tiġi aċċettata l-validità ta’ tali kuntratt mingħajr ma jitqies li jikkawża dannu li jirriżulta minn att illegali, l-effettività tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2002/58 ma tkunx iggarantita. Fil-fatt, tali interpretazzjoni tinkoraġġixxi lill-impriżi jirrikorru għall-prattika msejħa “cold calling”, sa fejn dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jżommu l-frott tal-atti illegali tagħhom. Barra minn hekk, din il-qorti tenfasizza li l-fatt li l-kumpannija Firmenauskunft P.U.R. tkompli tuża l-“cold calling” bħala mudell kummerċjali, meta taf li hija qiegħda tesponi lilha nnifisha għal sanzjonijiet amministrattivi li jistgħu jiġu imposti, juri li s-sanzjonijiet previsti sa issa mid-dritt nazzjonali ma humiex dissważivi biżżejjed sabiex jiggarantixxu l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu 13.
23 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landgericht Saarbrücken (il-Qorti Reġjonali ta’ Saarbrücken) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 13(3) u t-tieni sentenza tal-Artikolu 13(5) tad-Direttiva [2002/58] għandu jiġi interpretat fis-sens li: l-effett utli ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jirrikjedi, fil-kuntest tal-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali – b’mod partikolari tad-dispożizzjonijiet ġenerali tad-dritt ċivili –
a) anki l-protezzjoni tal-abbonati minn telefonati mhux mitluba għal finijiet ta’ reklamar (cold calling) lil persuni fiżiċi li jaġixxu bħala imprendituri,
b) li fid-dritt nazzjonali dawn it-telefonati jitqiesu bħala atti illegali,
c) li jitqies li l-kamp ta’ protezzjoni mogħti minn tali dispożizzjonijiet ġenerali jinkludi l-protezzjoni tal-persuni li jirċievu dawn it-telefonati kontra l-effett ta’ sorpriża, u
d) kuntratti mhux mixtieqa konklużi abbażi ta’ tali telefonati għandhom jitqiesu bħala dannu?”
Fuq id-domanda preliminari
24 B’mod preliminari, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha tiddeċiedi t-tilwima adita biha. Minn din il-perspettiva, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha, fejn meħtieġ, tifformula mill-ġdid id-domandi mressqa quddiemha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2026, Inter IKEA Systems, C‑298/23, EU:C:2026:721, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).
25 F’dan il-każ, skont il-formulazzjoni tad-domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju titlob, b’mod partikolari, l-interpretazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 13(5) tad-Direttiva 2002/58, li hija intiża għall-protezzjoni tal-interessi leġittimi tal-abbonati minbarra l-persuni fiżiċi f’dak li jirrigwarda l-komunikazzjonijiet mhux mitluba. Madankollu, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, din il-qorti stabbilixxiet li LK hija persuna fiżika, li teżerċita attività ta’ traduttriċi indipendenti f’isimha stess, b’tali mod li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 13(5) ta’ din id-direttiva.
26 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 13(3) u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 13(5) tad-Direttiva 2002/58 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-protezzjoni tal-ħajja privata mill-komunikazzjonijiet mhux mitluba li jsiru għal finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta, fil-każijiet li ma jinkludux dawk imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-artikolu,
– testendi għall-utenti u l-abbonati kollha għal servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi aċċessibbli għall-pubbliku li huma persuni fiżiċi li jaġixxu għal finijiet professjonali,
– tipprekludi li tali komunikazzjonijiet mhux mitluba jsiru fir-rigward ta’ persuni fiżiċi li jaġixxu għal finijiet professjonali, meta l-abbonat jew l-utent ma jkunx ta l-kunsens minn qabel tiegħu jew meta l-abbonat jew l-utent ikun esprima r-rifjut tiegħu li jirċievi tali komunikazzjonijiet, skont l-għażla tal-leġiżlatur nazzjonali, u
– teħtieġ li l-Istati Membri, sabiex jiggarantixxu l-effett utli tal-Artikolu 13(3) u tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 13(5) ta’ din id-direttiva, jiżguraw li l-persuna fiżika li tkun irċeviet komunikazzjoni mhux mitluba tkun f’pożizzjoni li tinvoka l-invalidità tal-kuntratt konkluż b’“effett ta’ sorpriża” wara tali komunikazzjoni jew li tikseb kumpens għad-dannu kkawżat mill-eżekuzzjoni ta’ tali kuntratt.
27 Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 13(3) u mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 13(5) tad-Direttiva 2002/58 tapplikax għall-persuni fiżiċi li jaġixxu għal finijiet professjonali, għandu jiġi rrilevat li din id-direttiva, konformement mal-Artikolu 1(1) tagħha, tipprevedi l-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali neċessarji sabiex jiġi żgurat livell ekwivalenti ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet fundamentali, b’mod partikolari tad-dritt għall-ħajja privata u għall-kunfidenzjalità f’dak li jirrigwarda l-ipproċessar tad-data personali fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi. Kif tiddikjara l-premessa 2 tal-imsemmija direttiva, din hija intiża li tiggarantixxi r-rispett sħiħ tad-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta.
28 F’dan ir-rigward, l-Artikolu 13(3) tad-Direttiva 2002/58 jobbliga lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri xierqa sabiex il-komunikazzjonijiet mhux mitluba u li jsiru għal finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta, fil-każijiet li ma jinkludux dawk imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-artikolu, ma jkunux permessi, mingħajr il-kunsens tal-abbonati jew l-utenti kkonċernati jew fir-rigward ta’ abbonati jew utenti li ma jixtiqux jirċievu dawn il-komunikazzjonijiet, bl-għażla bejn dawn iż-żewġ soluzzjonijiet, li għandhom ikunu mingħajr ħlas għall-abbonat jew għall-utent, irregolata mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. L-ewwel sentenza tal-Artikolu 13(5) ta’ din id-direttiva tippreċiża, barra minn hekk, li l-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu japplika “għal abbonati li huma persuni naturali”.
29 Huwa minnu, f’dan il-każ, li l-qorti tar-rinviju ma ppreċiżatx jekk LK kinitx qiegħda taġixxi fil-kwalità ta’ “abbonata” jew ta’ “utenti”, fis-sens tal-Artikolu 13(3) tal-imsemmija direttiva.
30 Madankollu, il-portata ta’ din id-dispożizzjoni ma tistax tvarja skont jekk il-persuna fiżika kkonċernata tkunx abbonata jew biss utent ta’ servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi aċċessibbli għall-pubbliku.
31 F’dan ir-rigward, għalkemm il-kunċett ta’ “abbonat” ma huwiex iddefinit fid-Direttiva 2002/58, fi kliem il-punt (a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, il-kunċett ta’ “utent” jirreferi għal “kull persuna naturali” li tagħmel użu minn tali servizz “għal skopijiet privati jew ta’ negozju, mingħajr ma tkun neċessarjament abbonat għal dan is-servizz”. Issa, din id-definizzjoni tal-aħħar ma tistax isservi bħala bażi għal interpretazzjoni restrittiva tal-kunċett ta’ “abbonat”, li tkopri biss il-persuni fiżiċi li jaġixxu fil-kwalità ta’ konsumaturi, u għalhekk għal finijiet privati.
32 Fil-fatt, billi jippreċiża li “utent” ma huwiex “neċessarjament” abbonat għal dan is-servizz, il-punt (a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/58 jirrikonoxxi li persuna fiżika tista’ taqa’ kemm taħt il-kunċett ta’ “utent” kif ukoll taħt dak ta’ “abbonat”. Għaldaqstant ikun kontradittorju li l-protezzjoni prevista fl-Artikolu 13(3) ta’ din id-direttiva tiġi ristretta biss għall-abbonati li jaġixxu fil-kwalità ta’ konsumaturi.
33 Għalhekk, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 13(3) u tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 13(5) tal-imsemmija direttiva jirriżulta li l-protezzjoni mogħtija lill-abbonati jew lill-utenti ta’ servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi aċċessibbli għall-pubbliku, li huma persuni fiżiċi, tapplika mingħajr distinzjoni għal dawn il-persuni, kemm jekk dawn jaġixxu għal finijiet privati, b’mod partikolari fil-kwalità tagħhom ta’ konsumaturi, kif ukoll għal finijiet professjonali.
34 Din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mill-kuntest li fih jaqa’ l-Artikolu 13(3) tad-Direttiva 2002/58. Għalhekk, għandu jitfakkar li d-Direttiva 95/46, li d-definizzjonijiet tagħha, kif jindika l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/58, japplikaw bħala prinċipju wkoll għall-finijiet ta’ din tal-aħħar, kienet tiddefinixxi, fl-Artikolu 2(a) tagħha, id-“data personali” bħala “kull data li jkollha x’taqsam ma’ persuna naturali identifikata jew identifikabbli (‘suġġett tad-data’)”. Issa, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatt li din l-informazzjoni taqa’ fil-kuntest ta’ attività professjonali ma huwiex ta’ natura li jċaħħadha mill-klassifikazzjoni ta’ data personali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 2017, Manni, C‑398/15, EU:C:2017:197, punt 34, u tal-1 ta’ Awwissu 2022, Vyriausioji tarnybinės etikos komisija, C‑184/20, EU:C:2022:601, punt 65). Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mid-definizzjoni sostanzjalment identika tal-kunċett ta’ “data personali”, prevista fil-punt 1 tal-Artikolu 4 tal-GDPR, li ħassar id-Direttiva 95/46 b’effett mill-25 ta’ Mejju 2018 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-1 ta’ Awwissu 2022, Vyriausioji tarnybinės etikos komisija, C‑184/20, EU:C:2022:601, punt 65, u tat-3 ta’ April 2025, Ministerstvo zdravotnictví (Data dwar ir-rappreżentant ta’ persuna ġuridika), C‑710/23, EU:C:2025:231, punt 22).
35 Barra minn hekk, il-fatt li ssir distinzjoni bejn l-abbonati li huma persuni fiżiċi, skont jekk dawn jaġixxux bħala konsumaturi jew fl-eżerċizzju tal-attività professjonali tagħhom, ma jsib ebda sostenn fl-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2002/58. Fil-fatt, kif tfakkar fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, sa fejn din id-direttiva hija intiża li tiggarantixxi r-rispett sħiħ tad-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, din ma tistax tiġi interpretata bħala li hija intiża li tiżgura r-rispett tal-ħajja privata kif ukoll il-protezzjoni tad-data personali tal-persuni fiżiċi biss li jaġixxu fil-kwalità ta’ konsumaturi.
36 Għaldaqstant, hemm lok li jitqies li l-Artikolu 13(3) u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 13(5) tad-Direttiva 2002/58 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-protezzjoni tal-ħajja privata mill-komunikazzjonijiet mhux mitluba għal finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta testendi għall-utenti u għall-abbonati kollha ta’ servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi aċċessibbli għall-pubbliku li huma persuni fiżiċi li jaġixxu għal finijiet professjonali.
37 Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk il-komunikazzjonijiet mhux mitluba humiex ipprojbiti fir-rigward ta’ persuni fiżiċi li jaġixxu għal finijiet professjonali, meta l-abbonat jew l-utent ma jkunx ta l-kunsens minn qabel tiegħu jew meta l-abbonat jew l-utent ikun esprima r-rifjut tiegħu li jirċievi tali komunikazzjonijiet, skont l-għażla tal-leġiżlatur nazzjonali. Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, din id-domanda titnissel mid-distinzjoni, li tinsab fl-Artikolu 7 tal-UWG, bejn il-konsumaturi u l-“partiċipanti fis-suq” l-oħra. Fil-fatt, il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu tal-UWG jistabbilixxi l-illegalità tal-prattiki kummerċjali li jikkawżaw “inkonvenjenza inaċċettabbli” lil “partiċipant fis-suq”, u l-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu jistabbilixxi li tali “inkonvenjenza inaċċettabbli” hija dejjem preżunta fil-każ ta’ reklamar telefoniku ma’ konsumatur mingħajr il-kunsens espliċitu minn qabel tiegħu. Min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ “partiċipanti oħra fis-suq”, inklużi, għaldaqstant, persuni fiżiċi li jaġixxu għal skopijiet professjonali, huwa biżżejjed li l-kunsens tagħhom ikun jista’, tal-inqas, jiġi preżunt.
38 Għalhekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 13(3) u tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 13(5) tad-Direttiva 2002/58, tistax tiġi stabbilita distinzjoni, fid-dritt nazzjonali, bejn persuni fiżiċi, skont jekk dawn humiex “konsumaturi” jew “partiċipanti oħra fis-suq”.
39 F’dan ir-rigward, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 13(3) tad-Direttiva 2002/58 jirriżulta b’mod ċar li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa sabiex jiżguraw li l-komunikazzjonijiet mhux mitluba għall-finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta, fil-każijiet li ma jinkludux dawk imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-artikolu, “ma jkunux permessi”, “mingħajr il-kunsens tal-abbonati jew tal-utenti konċernati jew fir-rigward ta’ abbonati jew utenti li ma jixtiqux jirċievu dawn il-komunikazzjonijiet”. L-Artikolu 13(3) ta’ din id-direttiva jipprevedi għalhekk, fir-rigward tal-ewwel waħda minn dawn is-soluzzjonijiet, il-projbizzjoni li jiġu indirizzati komunikazzjonijiet mhux mitluba għal finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta, fil-każijiet li ma jinkludux dawk imsemmija f’dawn il-paragrafi 1 u 2, sakemm dawn ma jkunux bil-kunsens tal-abbonat jew tal-utent ikkonċernat.
40 Konsegwentement, fil-kuntest ta’ din is-soluzzjoni, l-Artikolu 13(3) tad-Direttiva 2002/58 ma jawtorizzax lill-Istati Membri jipprevedu, fid-dritt nazzjonali, li l-utenti jew l-abbonati, persuni fiżiċi li jaġixxu għal finijiet professjonali, jistgħu jiġu preżunti li taw il-kunsens tagħhom sabiex jirċievu tali komunikazzjonijiet.
41 Minn dan isegwi li l-Artikolu 13(3) tad-Direttiva 2002/58 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-protezzjoni tal-ħajja privata kontra l-komunikazzjonijiet mhux mitluba għal finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta, fil-każijiet li ma jinkludux dawk imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-artikolu, tipprekludi li tali komunikazzjonijiet mhux mitluba jsiru fir-rigward ta’ persuni fiżiċi li jaġixxu għal finijiet professjonali, meta l-abbonat jew l-utent ma jkunx ta l-kunsens minn qabel tiegħu jew meta l-abbonat jew l-utent ikun esprima r-rifjut tiegħu li jirċievi tali komunikazzjonijiet, skont l-għażla tal-leġiżlatur nazzjonali.
42 Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 13(3) u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 13(5) tad-Direttiva 2002/58 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li r-rekwiżit li jiġi ggarantit l-effett utli ta’ din id-dispożizzjoni jeżiġi li tiġi kkonstatata l-invalidità ta’ kuntratt konkluż b’“effett ta’ sorpriża” wara komunikazzjoni mhux mitluba jew li jingħata kumpens għad-dannu kkawżat mill-eżekuzzjoni ta’ tali kuntratt.
43 Kif ipprovdut fil-premessa 40 ta’ din id-direttiva, din hija intiża, b’mod partikolari, sabiex tipproteġi lill-abbonati minn kull ksur tal-ħajja privata tagħhom permezz ta’ komunikazzjonijiet mhux mitluba li jsiru għal finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta.
44 Barra minn hekk, mill-premessa 42 tal-imsemmija direttiva jirriżulta li n-neċessità, fil-kuntest tal-ewwel waħda mis-soluzzjonijiet previsti fl-Artikolu 13(3) tagħha, li jinkiseb il-kunsens minn qabel tal-persuni fiżiċi qabel kull komunikazzjoni mhux mitluba magħmula għal finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta hija intiża sabiex tiżgura li l-livelli eżistenti ta’ protezzjoni tal-ħajja privata fis-seħħ fis-sistemi nazzjonali ma jitnaqqsux.
45 Għandu jiġi enfasizzat ukoll li, skont l-Artikolu 15a(1) tad-Direttiva 2002/58, l-Istati Membri għandhom b’mod partikolari jiddeterminaw is-sistema ta’ sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-direttiva, sanzjonijiet li għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi u li, kif tenfasizza l-premessa 47 ta’ din id-direttiva, għandhom jiġu imposti fuq kull persuna, kemm jekk taqa’ taħt id-dritt privat kif ukoll taħt id-dritt pubbliku, li ma tosservax l-imsemmija dispożizzjonijiet.
46 Kif il-Kummissjoni Ewropea enfasizzat, ir-rekwiżit li jiġi żgurat, fid-dritt nazzjonali, l-effett utli tal-Artikolu 13(3) u tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 13(5) tad-Direttiva 2002/58, b’mod partikolari permezz tal-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi, għandu l-għan li jipproteġi lill-persuni fiżiċi mid-danni li jirriżultaw minn preġudizzju għall-ħajja privata tagħhom u għad-data personali tagħhom wara komunikazzjonijiet mhux mitluba.
47 Min-naħa l-oħra, id-Direttiva 2002/58, u, b’mod partikolari, l-Artikolu 13(3) u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 13(5) tagħha, ma humiex intiżi li jipproteġu l-libertà ta’ deċiżjoni mill-“effett ta’ sorpriża” fil-qasam kuntrattwali. Għaldaqstant, din id-direttiva ma tistax tiġi interpretata fis-sens li teżiġi li l-Istati Membri għandhom jipprevedu l-invalidità ta’ kuntratt konkluż b’“effett ta’ sorpriża” wara komunikazzjoni mhux mitluba jew il-kumpens għad-dannu kkawżat mill-eżekuzzjoni ta’ tali kuntratt. Fil-fatt, sakemm is-sanzjonijiet tal-preġudizzju għall-ħajja privata u għad-data personali tal-persuni fiżiċi wara komunikazzjoni mhux mitluba jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi, huma l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw is-sistema tas-sanzjonijiet applikabbli.
48 Minn dan isegwi li l-Artikolu 13(3) u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 13(5) tad-Direttiva 2002/58 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-protezzjoni tal-ħajja privata mill-komunikazzjonijiet mhux mitluba għal finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta, imsemmija f’din id-dispożizzjoni, ma teħtieġx li l-Istati Membri, sabiex jiggarantixxu l-effett utli ta’ din id-dispożizzjoni, jiżguraw li l-persuna fiżika li tkun irċeviet komunikazzjoni mhux mitluba titqiegħed f’pożizzjoni li tinvoka l-invalidità ta’ kuntratt konkluż b’“effett ta’ sorpriża” wara tali komunikazzjoni jew li tikseb kumpens għad-dannu kkawżat mill-eżekuzzjoni ta’ tali kuntratt.
49 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha premessi, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 13(3) u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 13(5) tad-Direttiva 2002/58 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-protezzjoni tal-ħajja privata mill-komunikazzjonijiet mhux mitluba li jsiru għal finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta, fil-każijiet li ma jinkludux dawk imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu 13,
– testendi għall-utenti u l-abbonati kollha għal servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi aċċessibbli għall-pubbliku li huma persuni fiżiċi li jaġixxu għal finijiet professjonali,
– tipprekludi li tali komunikazzjonijiet mhux mitluba jsiru fir-rigward ta’ persuni fiżiċi li jaġixxu għal finijiet professjonali, meta l-abbonat jew l-utent ma jkunx ta l-kunsens minn qabel tiegħu jew meta l-abbonat jew l-utent ikun esprima r-rifjut tiegħu li jirċievi tali komunikazzjonijiet, skont l-għażla tal-leġiżlatur nazzjonali, u
– ma teżiġix li l-Istati Membri, sabiex jiggarantixxu l-effett utli tal-Artikolu 13(3) u tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 13(5) ta’ din id-direttiva, jiżguraw li l-persuna fiżika li tkun irċeviet komunikazzjoni mhux mitluba tkun f’pożizzjoni li tinvoka l-invalidità tal-kuntratt konkluż b’“effett ta’ sorpriża” wara tali komunikazzjoni jew li tikseb kumpens għad-dannu kkawżat mill-eżekuzzjoni ta’ tali kuntratt.
Fuq l-ispejjeż
50 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikolu 13(3) u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 13(5) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika), kif emendata bid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009,
għandhom jiġu interpretati fis-sens li:
il-protezzjoni tal-privatezza mill-komunikazzjonijiet mhux mitluba li jsiru għal finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta, fil-każijiet li ma jinkludux dawk imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu 13,
– testendi għall-utenti u l-abbonati kollha għal servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi aċċessibbli għall-pubbliku li huma persuni fiżiċi li jaġixxu għal finijiet professjonali,
– tipprekludi li tali komunikazzjonijiet mhux mitluba jsiru fir-rigward ta’ persuni fiżiċi li jaġixxu għal finijiet professjonali, meta l-abbonat jew l-utent ma jkunx ta l-kunsens minn qabel tiegħu jew meta l-abbonat jew l-utent ikun esprima r-rifjut tiegħu li jirċievi tali komunikazzjonijiet, skont l-għażla tal-leġiżlatur nazzjonali, u
– ma teżiġix li l-Istati Membri, sabiex jiggarantixxu l-effett utli tal-Artikolu 13(3) u tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 13(5), jiżguraw li l-persuna fiżika li tkun irċeviet komunikazzjoni mhux mitluba tkun f’pożizzjoni li tinvoka l-invalidità tal-kuntratt konkluż b’“effett ta’ sorpriża” wara tali komunikazzjoni jew li tikseb kumpens għad-dannu kkawżat mill-eżekuzzjoni ta’ tali kuntratt.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.