|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/2687 |
14.10.2024 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/2687
tat-8 ta’ Ottubru 2024
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Ewropew għat-tfassil ta’ Standards fin-Navigazzjoni Interna u fi ħdan il-Kummissjoni Ċentrali għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu fir-rigward tal-adozzjoni ta’ standards tekniċi fin-navigazzjoni interna
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-Konvenzjoni riveduta għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu tas-17 ta’ Ottubru 1868, kif emendata bil-Konvenzjoni li temenda l-Konvenzjoni Riveduta għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu, iffirmata fi Strażburgu fl-20 ta’ Novembru 1963 (il-“Konvenzjoni”), daħlet fis-seħħ fl-14 ta’ April 1967. Il-Konvenzjoni żżomm lill-Kummissjoni Ċentrali għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu (“CCNR”) u r-reġim għan-navigazzjoni interna tar-Renu stabbiliti fl-1815. Fil-qafas tas-CCNR, il-Kumitat Ewropew għat-tfassil ta’ standards fin-navigazzjoni interna (“CESNI”) twaqqaf fit-3 ta’ Ġunju 2015 sabiex jiżviluppa standards tekniċi għall-passaġġi fuq l-ilma interni f’diversi oqsma, b’mod partikolari fir-rigward tal-bastimenti, it-teknoloġija tal-informazzjoni u l-ekwipaġġ. |
|
(2) |
Id-Direttiva (UE) 2016/1629 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) tirreferi għall-aktar standards reċenti tas-CESNI li jistabbilixxu r-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni, jiġifieri l-Istandard Ewropew li jistabbilixxi Rekwiżiti Tekniċi għall-bastimenti tan-Navigazzjoni Interna (“ES-TRIN”). Is-CCNR tirreferi wkoll għall-istandards l-aktar reċenti fir-Regolamenti tagħha dwar ir-Renu. Skont l-Artikoli 22 u 23 tal-Konvenzjoni, is-CCNR tista’ tadotta riżoluzzjonijiet vinkolanti li jistabbilixxu rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni fin-navigazzjoni interna tar-Renu. L-istandards tekniċi li għandhom jiġu adottati mis-CESNI għalhekk ser ikunu vinkolanti ladarba r-riżoluzzjonijiet vinkolanti rilevanti tas-CCNR jagħmlu referenza għal dawk l-istandards tekniċi. |
|
(3) |
Skont il-Konvenzjoni, is-CCNR tista’ timmodifika l-qafas regolatorju tagħha relatat mas-servizzi tal-informazzjoni tax-xmajjar (“RIS”) billi tirreferi għall-istandards tekniċi adottati mis-CESNI u tagħmel dawk l-istandards tekniċi obbligatorji fil-qafas tal-applikazzjoni tal-Konvenzjoni. |
|
(4) |
Is-CESNI għandu jadotta Standard Ewropew aġġornat li jistabbilixxi r-Rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tan-Navigazzjoni Interna 2025/1 (“ES-TRIN 2025/1”) u l-Istandard Ewropew għas-Servizzi tal-Informazzjoni tax-Xmajjar 2025/1 (“ES-RIS 2025/1”) matul is-sessjoni tiegħu tas-17 ta’ Ottubru 2024. Wara l-adozzjoni ta’ dawk l-istandards, is-CCNR biħsiebha tadotta riżoluzzjoni li temenda r-Regolamenti dwar ir-Renu biex jirreferu għal ES-TRIN 2025/1 u ES-RIS 2025/1 waqt is-sessjoni plenarja tagħha tal-5 ta’ Diċembru 2024. ES-TRIN 2025/1 u ES-RIS 2025/1 jissostitwixxu ES-TRIN 2023/1 u ES-RIS 2023/1 rispettivament. |
|
(5) |
L-ES-TRIN 2025/1 jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi uniformi meħtieġa biex tiġi żgurata s-sikurezza tal-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni. Dan jinkludi dispożizzjonijiet dwar il-bini tal-bastimenti, l-armar u t-tagħmir għal bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni, dispożizzjonijiet speċjali fir-rigward ta’ kategoriji speċifiċi ta’ bastimenti bħal bastimenti tal-passiġġieri, konvojs imbuttati u bastimenti tal-kontejners, dispożizzjonijiet dwar it-tagħmir tas-sistema ta’ identifikazzjoni awtomatika, dispożizzjonijiet dwar l-identifikazzjoni tal-bastimenti, mudell ta’ ċertifikati u reġistru, dispożizzjonijiet tranżizzjonali, kif ukoll struzzjonijiet għall-applikazzjoni tal-istandard tekniku. |
|
(6) |
Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan is-CESNI u fi ħdan is-CCNR, billi ES-TRIN 2025/1 ser ikun kapaċi jinfluwenza b’mod deċiżiv il-kontenut tal-liġi tal-Unjoni. L-Artikoli 31 u 32 tad-Direttiva (UE) 2016/1629 jirrikjedu li l-Kummissjoni tadotta atti delegati li jirreferu għall-aktar verżjoni reċenti tal-istandard ES-TRIN u li tistabbilixxi d-data tal-applikazzjoni tiegħu, dment li l-interessi tal-Unjoni ma jiġux kompromessi minn bidliet fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tas-CESNI. |
|
(7) |
ES-RIS 2025/1 jistabbilixxi speċifikazzjonijiet u standards tekniċi uniformi sabiex jappoġġa l-RIS u jiżgura l-interoperabbiltà tagħhom. L-ispeċifikazzjonijiet u l-istandards tekniċi stabbiliti f’ES-RIS 2025/1 jikkorrispondu għall-ispeċifikazzjonijiet u l-istandards tekniċi li għalihom l-adozzjoni hija meħtieġa mid-Direttiva 2005/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), b’mod partikolari fl-oqsma li ġejjin: sistema elettronika ta’ viżwalizzazzjoni ta’ mapep u ta’ informazzjoni għan-navigazzjoni interna, rapportaġġ elettroniku tal-bastimenti, avviżi lill-kaptani, sistemi ta’ trekkjar u traċċar tal-bastimenti u l-kompatibbiltà tat-tagħmir meħtieġ għall-użu tal-RIS. |
|
(8) |
L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-RIS huma bbażati fuq il-prinċipji tekniċi stipulati fl-Anness II tad-Direttiva 2005/44/KE, u jieħdu kont tal-ħidma mwettqa f’dan il-qasam mill-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti. |
|
(9) |
Jixraq għalhekk li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan is-CESNI, peress li ES-RIS 2025/1 ser ikun jista’ jinfluwenza b’mod determinanti l-kontenut tal-liġi tal-Unjoni, jiġifieri l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi vinkolanti adottati fil-qafas tad-Direttiva 2005/44/KE. |
|
(10) |
Is-CCNR, waqt sessjoni plenarja li ġejja, mistennija tadotta riżoluzzjonijiet li ser jemendaw ir-Regolamenti tagħha dwar ir-Renu sabiex jinkludu referenzi għal ES-TRIN 2025/1 u ES-RIS 2025/1. Tali emenda ser tkun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikoli 1 u 22 tal-Konvenzjoni. Għalhekk, jixraq ukoll li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan is-CCNR. |
|
(11) |
Sabiex jiġi ffaċilitat l-ogħla livell ta’ sikurezza fin-navigazzjoni interna, sabiex tiġi segwita l-evoluzzjoni teknika f’dak is-settur, u sabiex jiġu żgurati l-kompatibbiltà tar-rekwiżiti għall-bastimenti u l-kompatibbiltà tas-servizzi tal-informazzjoni tax-xmajjar fl-Ewropa, huwa importanti li r-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti u għas-servizzi tal-informazzjoni tax-xmajjar ikunu armonizzati kemm jista’ jkun taħt id-diversi reġimi legali fl-Ewropa. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-Istati Membri li huma wkoll membri tas-CCNR ikunu awtorizzati jappoġġaw deċiżjonijiet li jarmonizzaw ir-regoli tas-CCNR mar-regoli applikati fl-Unjoni. |
|
(12) |
L-Unjoni la hija membru tas-CCNR u lanqas tas-CESNI. Għalhekk, jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni tiġi espressa mill-Istati Membri li huma membri ta’ dawk il-korpi, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Ewropew għat-tfassil ta’ standards fin-navigazzjoni interna (“CESNI”) fir-rigward tal-adozzjoni ta’ ES-TRIN 2025/1 u ES-RIS 2025/1 għandha tkun li taqbel mal-adozzjoni tagħhom.
2. Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kummissjoni Ċentrali għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu (“CCNR”) għandha tkun li jiġu appoġġati l-proposti kollha li jallinjaw ir-Regolamenti dwar ir-Renu ma’ ES-TRIN 2025/1 u ES-RIS 2025/1.
Artikolu 2
1. Il-pożizzjoni stipulata fl-Artikolu 1(1) għandha tiġi espressa mill-Istati Membri li huma membri tas-CESNI, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.
2. Il-pożizzjoni stipulata fl-Artikolu 1(2) għandha tiġi espressa mill-Istati Membri li huma membri tas-CCNR, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.
Artikolu 3
Bidliet tekniċi minuri fil-pożizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 1 jistgħu jiġu miftiehma mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fil-Lussemburgu, it-8 ta’ Ottubru 2024.
Għall-Kunsill
Il-President
VARGA M.
(1) Id-Direttiva (UE) 2016/1629 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2016 li tistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni, li temenda d-Direttiva 2009/100/KE u li tħassar id-Direttiva 2006/87/KE (ĠU L 252, 16.9.2016, p. 118).
(2) Id-Direttiva 2005/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar is-Servizzi Armonizzati ta’ Informazzjoni tax-Xmajjar (RIS) f’passaġġi fuq l-ilma interni fil-Komunità (ĠU L 255, 30.9.2005, p. 152).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2687/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)