Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
EMILIOU
ippreżentati fl‑1 ta’ Awwissu 2025 (1)
Kawża C‑748/23 [Gekus] (i)
C. Limited
vs
M. S.
(Talba għal deċiżjoni preliminari mis-Sąd Najwyższy, il-Qorti Suprema, il-Polonja))
“Talba għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 267 TFUE – Artikolu 19(1) TUE – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Proċedura għall-ħatra ta’ mħallef nazzjonali – Indipendenza u imparzjalità ġudizzjarja – Nemo iudex in causa sua”
I. Introduzzjoni
1. L-oriġini tal-massima Latina magħrufa “nemo iudex in causa sua” (ħadd ma hu mħallef fil-kawża tiegħu stess) ġeneralment hija attribwita lil Edward Coke, barrister Brittaniku mill-bidu tas-seklu 17 (2), u ġiet ispirata, fost oħrajn, minn silta mill-Corpus Juris Civilis tal-Imperatur Ġustinjanu, li tmur lura għas-sena 529 AD (3). L-oriġini antiki ta’ din il-massima ma humiex sorprendenti, peress li r-rekwiżit li l-imħallfin ikunu imparzjali huwa wieħed mill-pilastri fundamentali ta’ kwalunkwe sistema ġudizzjarja (4).
2. Sal-lum, ir-rekwiżit ta’ imparzjalità huwa wieħed mill-komponenti ewlenin tad-“dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali” stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u tad-“dritt għal smigħ xieraq” stabbilit fl-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), li t-tnejn jagħmlu riferiment għal “qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita [minn qabel] bil-liġi” (5). Huwa enunzjat ukoll f’bosta kostituzzjonijiet nazzjonali (6) u strumenti internazzjonali (7).
3. Is-sinjifikat u l-portata tal-prinċipju ta’ imparzjalità huma enfasizzati minn din it-talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja). Din il-kawża qamet fil-kuntest tar-riforma tas-sistema ġudizzjarja Pollakka, li bdiet fl‑2017 u li kienet is-suġġett ta’ għadd ta’ sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja (8) u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB” (9)). Dawn is-sentenzi identifikaw numru ta’ nuqqasijiet fir-riforma, li jdgħajfu l-indipendenza tal-ġudikatura.
4. Dawn is-sentenzi wasslu lil-leġiżlatura Pollakka sabiex tintroduċi, fl‑2022, mekkaniżmu speċifiku – test tal-indipendenza u tal-imparzjalità tal-imħallfin (iktar ’il quddiem it-“test tal-indipendenza u tal-imparzjalità”) – sabiex tittratta kwistjonijiet bħal dawn, fejn ikun meħtieġ. It-test jiġi applikat minn kulleġġ ġudikanti speċifiku fi stadju ad hoc tal-proċedura. L-għan ta’ dan it-test huwa, essenzjalment, li jiġi ddeterminat jekk l-allegati irregolaritajiet fil-ħatra tal-imħallfin setgħux kellhom impatt fuq il-legalità tal-kompożizzjoni tal-qorti nazzjonali fil-kawżi inkwistjoni. Id-domandi magħmula mis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) jikkonċernaw il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali jew prattika ġudizzjarja dwar l-implimentazzjoni ta’ dan it-test.
II. Id‑dritt nazzjonali
5. L-Artikolu 29 tal-ustawa o Sądzie Najwyższym (il-Liġi dwar il-Qorti Suprema) tat‑8 ta’ Diċembru 2017 (10), kif emendat mill-ustawa o zmianie ustawy o Sądzie Najwyższym oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar il-Qorti Suprema u Ċerti Liġijiet Oħra), tad‑9 ta’ Ġunju 2022 (11) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Qorti Suprema”), jipprovdi li:
“[…]
2. Fl-ambitu tal-attivitajiet tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] jew tal-korpi tagħha, ma huwiex permess li tiġi kkontestata l-leġittimità tal-[qrati], korpi statali kostituzzjonali jew korpi għas-superviżjoni u għall-protezzjoni tal-liġi.
3. Is-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] jew organu ieħor tal-poter ma tistax tivverifika jew tevalwa l-legalità tal-ħatra ta’ mħallef jew tas-setgħa li jwettaq dmirijiet fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja li tirriżulta minn tali ħatra.
4. Iċ-ċirkustanzi tal-ħatra ta’ mħallef tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] ma jistgħux jikkostitwixxu raġunijiet esklużivi biex tiġi kkontestata deċiżjoni meħuda bil-parteċipazzjoni ta’ dak l-imħallef jew biex tiġi kkontestata l-indipendenza u l-imparzjalità tiegħu.
5. Il-konformità mar-rekwiżiti ta’ indipendenza u imparzjalità minn imħallef tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] jew imħallef issekondat tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] tista’ tiġi eżaminata, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkustanzi tal-ħatra tiegħu u l-imġiba tiegħu wara l-ħatra, fuq talba tal-parti fil-kawża msemmija fil-paragrafu 7, jekk fiċ-ċirkustanzi ta’ każ partikolari dan jista’ jwassal għal ksur tal-prinċipju ta’ indipendenza jew ta’ imparzjalità li jaffettwa l-eżitu tal-kawża, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkustanzi tal-parti fil-kawża u n-natura tal-kawża.
6. Talba għal dikjarazzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 5 tista’ ssir kontra mħallef tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] jew imħallef issekondat lil dik il-qorti u assenjat għal kulleġġ ġudikanti adit:
(1) b’appell;
[…]
7. Kull parti fil-kawża quddiem is-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 6 għandha d-dritt li tagħmel tali talba.
[…]
15. Is-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] għandha tikkunsidra t-talba in camera f’kulleġġ ta’ ħames imħallfin magħżula bil-polza minn fost il-membri kollha tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], wara li tisma’ lill-imħallef li fil-konfront tiegħu tkun ġiet magħmula t-talba, sakemm seduta ma tkunx impossibbli jew diffiċli ħafna li tinżamm. L-imħallef jista’ jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu bil-miktub. L-imħallef ikkonċernat huwa eskluż mit-tlugħ bil-polza.
[…]
21. Jista’ jiġi ppreżentat appell quddiem is-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] mid-digriet mogħti wara l-eżami tat-talba, f’kulleġġ ta’ seba’ mħallfin magħżula bil-polza minn fost il-membri kollha tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)]. L-imħallef ikkonċernat u l-imħallef li pparteċipa fid-digriet ikkontestat għandhom jiġu esklużi mit-tlugħ bil-polza.”
III. Il-fatti, il-proċeduri nazzjonali u d-domandi preliminari
6. It-tilwima fil-kawża prinċipali hija bejn C. Limited, kumpannija stabbilita fl-Irlanda (iktar ’il quddiem l-“appellanti”), u individwu Irlandiż, M.S. (iktar ’il quddiem l-“appellat”). Din tikkonċerna l-obbligi tal-partijiet u r-responsabbiltà tagħhom għal ċerti azzjonijiet imwettqa minnhom fit-territorju tal-Polonja.
7. Fl‑10 ta’ Ġunju 2021, is-Sąd Apelacyjny w Warszawie (il-Qorti tal-Appell ta’ Varsavja, il-Polonja) ordnat lill-appellat iħallas ammont ta’ flus lill-appellanti.
8. Fid‑29 ta’ Lulju 2021, l-appellat talab lill-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda), skont l-Artikolu 46, flimkien mal-Artikolu 45(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (12), biex tirrifjuta li tirrikonoxxi u teżegwixxi s-sentenza mogħtija mis-Sąd Apelacyjny w Warszawie (il-Qorti tal-Appell ta’ Varsavja). L-appellat argumenta li d-dritt tiegħu għal qorti stabbilita mil-liġi kien ġie miksur minħabba l-preżenza, fil-kulleġġ ġudikanti li ta dik is-sentenza, ta’ mħallef li kien ġie ssekondat illegalment mill-Ministru Sprawiedliwosci (il-Ministru tal-Ġustizzja, il-Polonja).
9. Fl-istess ħin, l-appellat ippreżenta wkoll appell fil-kassazzjoni quddiem is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) mis-sentenza tas-Sąd Apelacyjny w Warszawie (il-Qorti tal-Appell ta’ Varsavja). Ġie maħtur kulleġġ ta’ tliet imħallfin, inkluż l-Imħallef JG, biex jisma’ l-appell.
10. Fis‑27 ta’ Settembru 2023, l-appellanti għamlet talba sabiex jitwettaq test tal-indipendenza u tal-imparzjalità tal-Imħallef JG, skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 29 tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema. F’dan ir-rigward, l-appellanti bbażat ruħha, b’mod partikolari, fuq iċ-ċirkustanzi tal-ħatra tiegħu. L-Imħallef JG inħatar – kif irrimarkat l-appellanti – bħala mħallef tal-Izba Cywilna Sądu Najwyższego (id-Diviżjoni Ċivili tal-Qorti Suprema) abbażi ta’ riżoluzzjoni tal-Krajowa Rada Sądownictwa (il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura, il-Polonja; iktar ’il quddiem il-“KRS”). Madankollu, l-implimentazzjoni ta’ din ir-riżoluzzjoni – minħabba l-kompożizzjoni l-ġdida tal-KRS – kienet ġiet sospiża, b’ordni tan-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Polonja). Din il-qorti eventwalment annullat ir-riżoluzzjoni. Barra minn hekk, l-appellanti bbażat ruħha wkoll fuq il-kondotta tal-Imħallef JG wara l-ħatra tiegħu bħala mħallef.
11. Ħames imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) ġew magħżula bil-polza biex jiffurmaw il-kulleġġ ta’ ħames imħallfin adit bit-talba għal test ta’ imparzjalità u indipendenza. Dan il-kulleġġ jinkludi żewġ imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) maħtura qabel l‑2018 u tliet imħallfin maħtura fuq proposta tal-KRS fil-kompożizzjoni l-ġdida tiegħu.
12. Matul l-eżami formali tal-ammissibbiltà ta’ din it-talba, il-qorti tar-rinviju – f’kulleġġ ta’ mħallef wieħed magħmul mill-imħallef relatur, li huwa wkoll il-President ta’ dan il-kulleġġ ta’ ħames imħallfin – esprimiet dubji dwar kif l-Artikolu 29(5) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema għandu jiġi interpretat u applikat biex tiġi żgurata l-kompatibbiltà tiegħu mal-Artikolu 19(1) TUE u mal-Artikolu 47 tal-Karta.
13. B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji dwar jekk ir-rekwiżit ta’ qorti indipendenti u imparzjali stabbilita bil-liġi huwiex issodisfatt minn tliet membri tal-kulleġġ ta’ ħames imħallfin magħżula bil-polza biex jikkunsidraw it-talba tal-appellanti, safejn dawn ikunu f’pożizzjoni simili ħafna għal dik tal-imħallef li jkun qiegħed jiġi mistħarreġ, minħabba l-mod kif inħatru.
14. F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), sedenti b’imħallef wieħed, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“(1) It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, ikkunsidrat fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-[Karta], għandu jiġi interpretat fis-sens li ċ-ċirkustanzi tal-ħatra ta’ mħallef jistgħu minnhom infushom jikkonfermaw li dan l-imħallef ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ indipendenza u imparzjalità, meta dawn iwasslu għall-kostituzzjoni ta’ qorti li tikser id-dritt tal-parti fil-kawża għal qorti, jew, sussidjarjament, fis-sens li l-aċċettazzjoni passiva minn dan l-imħallef (li jimmanifesta bil-fatt li jibqa’ jagħti deċiżjonijiet) tal-irregolaritajiet li jivvizzjaw il-proċedura tal-ħatra tiegħu għall-pożizzjoni ta’ imħallef, u li twassal għall-kostituzzjoni ta’ qorti li tikser id-dritt tal-parti fil-kawża għal qorti, jikkonferma li dawn il-kundizzjonijiet ma jintlaħqux?
(2) It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, ikkunsidrat fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jistgħux jiddeċiedu f’kawża relatata mal-kriterju hekk imsejjaħ ta’ imparzjalità ta’ mħallef tas-Sąd. Najwyższy (il-Qorti Suprema) ta’ mħallfin li l-parteċipazzjoni tagħhom tikser id-dritt tal-parti fil-kawża għal qorti, peress li l-ħatra tagħhom għall-kariga ta’ imħallef tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) saret fuq proposta tal-Krajowa Rada Sądownictwa (il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura) ikkostitwita skont il-proċedura prevista fid-dispożizzjonijiet tal-ustawa o zmianie ustawy o Krajowej Radzie Sądownictwa oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi li temenda l-Liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura u Ċerti Liġijiet Oħra), tat‑8 ta’ Diċembru 2017 (Dz. U. tal‑2018, pożizzjoni 3)?
(3) Jekk it-tieni domanda tingħata risposta fl-affermattiv, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, ikkunsidrat fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li s-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) hija obbligata li tiddetermina l-kulleġġ ġudikanti li jeżamina każ relatat mal-kriterju hekk imsejjaħ ta’ imparzjalità billi tiżgura li tali mħallfin ma jipparteċipawx fih, u, fl-aħħar mill-aħħar, minn naħa, tinjora d-dispożizzjoni nazzjonali li tipprevedi kulleġġ ta’ ħames imħallfin f’tali kawżi, u, min-naħa l-oħra, li teżamina t-talba mingħajr il-parteċipazzjoni ta’ dawn l-imħallfin, f’kulleġġ ieħor previst mid-dritt nazzjonali?”
15. Osservazzjonijiet bil-miktub fil-proċeduri preżenti ġew ippreżentati mill-appellanti, mill-appellat, mill-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, Belġjan u Pollakk kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. L-appellat, il-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni ppreżentaw ukoll sottomissjonijiet orali fis-seduta tal‑4 ta’ Ġunju 2025.
IV. Analiżi
16. Fit-taqsimiet ta’ hawn taħt, l-ewwel ser neżamina l-ammissibbiltà tad-domandi (A) u mbagħad il-merti tagħhom (B). Madankollu, skont it-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-analiżi tiegħi ser tkun iffukata prinċipalment fuq żewġ aspetti: (i) l-ammissibbiltà tat-tieni u tat-tielet domanda preliminari, u (ii) il-mertu tat-tieni domanda.
A. Fuq l-ammissibbiltà
17. Qabelxejn, għandi nfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, bħala prinċipju, hija l-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq it-tilwima, u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja (13).
18. Minn dan isegwi li d-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza: il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandiex il-punti ta’ fatti u ta’ liġi neċessarji sabiex tagħti risposta b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (14). B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li qorti nazzjonali ma hijiex awtorizzata tressaq kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, sakemm ma tkunx pendenti quddiemha kawża li fiha tkun mitluba tagħti deċiżjoni li tista’ tieħu inkunsiderazzjoni s-sentenza dwar id-deċiżjoni preliminari (15).
19. Huwa fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza li issa ser neżamina l-ammissibbiltà tat-tliet domandi mressqa f’din il-kawża.
20. L-appellanti qajmet oġġezzjoni fir-rigward tal-ammissibbiltà tal-ewwel domanda, billi tqis li risposta għal tali domanda ma hijiex rilevanti għall-eżami tat-talba tagħha għat-test tal-indipendenza u tal-imparzjalità. Hija tenfasizza li t-talba tagħha ma hijiex ibbażata biss fuq iċ-ċirkustanzi tal-ħatra ġudizzjarja tal-imħallef inkwistjoni, iżda wkoll fuq elementi oħra, bħall-imġiba ta’ dan l-imħallef wara l-ħatra.
21. Ma iniex konvint b’din l-oġġezzjoni. Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 19(1) TUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li ċ-ċirkustanzi ta’ ħatra ġudizzjarja jistgħu, fihom innifishom, jindikaw li mħallef jonqos milli jissodisfa r-rekwiżiti ta’ indipendenza u imparzjalità sanċiti f’dawn id-dispożizzjonijiet.
22. Kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tirrispondi għal din id-domanda fl-affermattiv, il-qorti tar-rinviju tista’, jekk il-kundizzjonijiet rilevanti jkunu ssodisfatti, taċċetta t-talba tal-appellanti mingħajr ma jkollha tikkunsidra jekk l-elementi l-oħra mressqa minnha humiex sinjifikattivi. Għaldaqstant, l-ewwel domanda preliminari tidher rilevanti għar-riżoluzzjoni tat-tilwima pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju.
23. Fis-seduta, il-partijiet iddiskutew ukoll l-ammissibbiltà tat-tieni u tat-tielet domanda preliminari. Il-kwistjoni ewlenija li indirizzaw kienet jekk il-qorti tar-rinviju tkunx tista’ tieħu inkunsiderazzjoni r-risposti mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja. Tabilħaqq, jistgħu jinqalgħu xi dubji f’dan ir-rigward mill-fatt li l-qorti tar-rinviju, f’dan il-każ, hija sedenti f’kulleġġ ta’ mħallef wieħed magħmul mill-imħallef relatur, li huwa wkoll il-President ta’ kulleġġ b’ħames imħallfin kompetenti biex jeżamina t-talba magħmula mill-appellanti. Barra minn hekk, il-Liġi dwar il-Qorti Suprema ma tinkludix regoli speċifiċi dwar l-astensjoni u r-rikuża tal-imħallfin li, wara t-tlugħ bil-polza, jintgħażlu biex jiffurmaw parti mill-kulleġġ li jistħarreġ it-talba għat-test tal-indipendenza u tal-imparzjalità. Essenzjalment, il-kwistjoni fiċ-ċentru tad-diskussjoni kienet jekk il-qorti tar-rinviju tkunx kapaċi tirrimedja kwalunkwe kwistjoni potenzjali li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tidentifika fir-risposta tagħha għad-domandi preliminari.
24. F’dan ir-rigward, il-partijiet kollha li intervjenew fis-seduta argumentaw favur l-ammissibbiltà tat-tieni u tat-tielet domanda. B’mod partikolari, huma enfasizzaw li r-regoli u l-prinċipji tad-dritt nazzjonali li jeħtieġu r-rispett tad-dritt għal smigħ xieraq japplikaw fi kwalunkwe stadju tal-proċeduri nazzjonali, inkluż fl-istadju preliminari u inċidentali inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi li jippermettu lill-qorti tar-rinviju tirrimedja kwalunkwe ksur possibbli ta’ dan id-dritt, dik il-qorti tista’ u għandha – isostnu dawn il-partijiet – tirrikorri għall-prinċipji u għar-regoli ġenerali tad-dritt nazzjonali. Dawn il-prinċipji u regoli, iżjed u iżjed meta interpretati fid-dawl tal-Artikolu 19(1) FUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta, kif ukoll tal-Artikolu 6(1) KEDB, iwasslu għall-esklużjoni mill-kulleġġ ta’ kwalunkwe mħallef li l-indipendenza jew l-imparzjalità tiegħu tista’ tiġi ddubitata f’għajnejn il-pubbliku.
25. Jiena wkoll tal-fehma li t-tieni u t-tielet domanda huma ammissibbli.
26. F’dan il-punt, għandi nfakkar li, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat b’mod konsistenti, irid ikun hemm element ta’ rabta bejn it-tilwima inkwistjoni fil-kawża prinċipali u d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li qiegħda tintalab l-interpretazzjoni tagħhom, li permezz tagħha din l-interpretazzjoni tissodisfa bżonn oġġettiv għad-deċiżjoni li l-qorti tar-rinviju għandha tieħu (16).
27. Għalkemm il-kwistjoni mqajma mill-qorti tar-rinviju ma tikkonċernax xi dispożizzjoni sostantiva tad-dritt tal-Unjoni li tista’ tkun applikabbli fir-relazzjoni bejn l-appellanti u l-appellat, hemm element ċar ta’ rabta bejn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li għalihom jirrelataw id-domandi preliminari u t-tilwima fil-kawża prinċipali (17). Ma huwiex ikkontestat li bħalissa hemm tilwima pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, fejn in limine litis qamet kwistjoni ġenwina ta’ natura proċedurali, dwar il-kompożizzjoni xierqa ta’ dik il-qorti biex tisma’ u tiddeċiedi dwar talba speċifika magħmula minn waħda mill-partijiet.
28. Il-Qorti tal-Ġustizzja konsistentement aċċettat li twieġeb domandi magħmula f’dawn iċ-ċirkustanzi, safejn l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba mill-qorti tar-rinviju tista’ tikkontribwixxi sabiex tinstab soluzzjoni għall-problemi proċedurali li jitqajmu quddiemha, qabel ma tkun tista’ tiddeċiedi dwar il-mertu tat-tilwima (18).
29. Dan l-approċċ huwa iżjed u iżjed xieraq fil-kawża preżenti, peress li t-talba tal-appellanti li l-qorti tar-rinviju trid teżamina tikkonċerna l-indipendenza jew l-imparzjalità ta’ mħallef li ser jisma’ l-kawża fl-appell. Fil-prattika, ir-rifjut li tiddeċiedi dwar it-tieni u t-tielet domanda magħmula jkun ifisser li l-qorti tar-rinviju jkollha tindirizza kwistjoni potenzjali ta’ indipendenza ġudizzjarja jew ta’ imparzjalità ta’ kulleġġ ġudikanti partikolari, filwaqt li potenzjalment tkun hija stess milquta mill-istess problema. Approċċ bħal dan mill-Qorti tal-Ġustizzja jkun paradossali.
30. Għalhekk, il-kawża preżenti hija differenti minn dawk fejn il-qrati nazzjonali ressqu talba għal deċiżjoni preliminari f’kawżi li manifestament ma kellhomx ġurisdizzjoni biex jisimgħu (19), li ma kinux għadhom pendenti quddiemhom, jew li kienu tilfu kull għan (20). Għandu jiġi distint ukoll mill-kawżi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-domandi preliminari jikkonċernaw kwistjonijiet li kienu diġà ġew deċiżi b’mod definittiv, jew kienu jappartjenu għal stadju tal-proċeduri li kien ingħalaq b’mod definittiv (21). Bl-istess mod, il-kawża preżenti hija differenti minn dawk fejn id-domandi preliminari kienu jikkonċernaw dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li ma kinux applikabbli fil-kawża prinċipali, għalkemm rilevanti fi proċeduri ġudizzjarji simili pendenti f’dak iż-żmien (22), jew fi proċeduri ġudizzjarji futuri ipotetiċi konnessi mal-kawża prinċipali (23).
31. B’mod iktar ġenerali, il-kawża preżenti ma hijiex waħda fejn qorti nazzjonali taħtaf l-opportunità offruta minn kawża – fejn, bħala prinċipju, ma tqum l-ebda kwistjoni ġenwina tad-dritt tal-Unjoni – biex tagħmel domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar aspetti tas-sistema ġudizzjarja nazzjonali ta’ natura ġenerali jew strutturali. Il-kwistjonijiet imqajma mill-qorti tar-rinviju huma kompletament rilevanti għall-kawża preżenti u jistgħu jiddeterminaw l-eżitu tat-tilwima, li mbagħad għandha impatt dirett fuq il-proċedura għar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni mibdija fl-Irlanda abbażi tar-Regolament Nru 1215/2012. Dan tal-aħħar huwa wkoll element li ma jistax jiġi injorat (24).
32. Is-sejba ta’ rilevanza msemmija hawn fuq ma tistax tiġi kkontestata mill-argumenti diskussi fis-seduta.
33. L-ewwel, il-fatt li l-qorti tar-rinviju hija, in casu, sedenti b’kulleġġ ta’ mħallef wieħed magħmul mill-imħallef relatur, li huwa wkoll il-President ta’ kulleġġ b’ħames imħallfin kompetenti biex jeżamina t-talba magħmula mill-appellanti huwa irrilevanti. Fis-sentenza tagħha fil-kawża Prokuratura Rejonowa, il-Qorti tal-Ġustizzja affaċċjat sitwazzjoni simili ħafna, u ma kkunsidratx li dan l-aspett jipprekludi l-ammissibbiltà tar-rinviju (25).
34. Ovvjament, l-ammissibbiltà tar-rinviju f’kawżi bħal dawn hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-kulleġġ ġudikanti li jressaq talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE jaġixxi bħala “qorti jew tribunal ta’ Stat Membru”. Imħallef wieħed jew iktar, li jaġixxu b’mod individwali jew konġunt, ma jikkwalifikawx bħala tali. Iridu jkunu formalment inkarigati bil-kompitu li jisimgħu tilwima speċifika, li tkun attwalment pendenti, u li dwarha jkollhom ġurisdizzjoni biex jieħdu deċiżjoni. Għalhekk, imħallef wieħed jista’ jkun jew ma jkunx “qorti jew tribunal” skont it-tifsira tal-Artikolu 267 TFUE, skont iċ-ċirkustanzi tal-kawża u r-regoli nazzjonali rilevanti.
35. Dan ġie kkonfermat reċentement fis-sentenza fil-kawża G. et: is-sempliċi fatt li mħallef individwali kien qiegħed jaġixxi bħala mħallef relatur f’kawża ma jimplikax li, waħdu, kellu s-setgħa li jadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE. Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, dak l-imħallef ma setax, “waħdu, jieħu inkunsiderazzjoni r-risposti eventwali tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi preliminari tiegħu” (26).
36. Madankollu, is-sitwazzjoni fil-kawża preżenti hija differenti minn dik inkwistjoni fil-kawża G. et. Huwa l-president tal-kulleġġ ġudikanti li għandu ġurisdizzjoni fil-kawża li, fi stadju preliminari tal-proċedura, jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar kwistjoni li qamet in limine litis, li potenzjalment taffettwa l-istabbiliment korrett tal-kulleġġ ġudikanti u, konsegwentement, il-legalità tal-attivitajiet futuri tiegħu. Fil-fatt, skont ma fhimt jien, il-qorti tar-rinviju bħalissa tinsab fl-istadju tal-proċedura fejn qiegħda tiġi evalwata biss l-ammissibbiltà tat-talba tal-appellanti biex tuża l-mekkaniżmu għall-indipendenza u għall-imparzjalità.
37. Fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Prokuratura Rejonowa, l-Avukat Ġenerali Bobek irrimarka li l-presidenti tal-korpi ġudizzjarji u, safejn huma kkonċernati proċeduri speċifiċi, il-presidenti tal-kulleġġi ġudikanti, ġeneralment mhux biss huma mogħnija b’poteri addizzjonali iżda huma wkoll fdati b’iktar responsabbiltajiet. Fost affarijiet oħra, huma jridu jissorveljaw il-proċedura u d-deliberazzjonijiet interni tal-kulleġġi li fuqhom jippresjedu. Għaldaqstant, huwa kkonkluda li huwa raġonevoli li president ta’ kulleġġ ġudikanti jqis li hu meħtieġ li jiżgura, bħala kwistjoni preliminari, il-kompożizzjoni korretta tiegħu (27).
38. Meta mistoqsi fis-seduta dwar jekk dawn il-kunsiderazzjonijiet humiex applikabbli fir-rigward ta’ proċeduri nazzjonali bħal dik inkwistjoni, il-Gvern Pollakk wieġeb fl-affermattiv. Dan il-gvern ikkonferma wkoll li, skont id-dritt nazzjonali, il-president tal-kulleġġ ġudikanti jista’ jieħu azzjonijiet differenti sabiex jevita kompożizzjoni illegali tal-kulleġġ li huwa meħtieġ li jippresjedi. Pereżempju, jista’ jitlob lill-President tal-Qorti Suprema biex jerġa’ jtella’ l-polza biex jissostitwixxi l-imħallfin li ma jistgħux jiffurmaw parti mill-kulleġġ.
39. Dan iwassalni għall-punt li jmiss.
40. Is-sejba ta’ rilevanza msemmija hawn fuq lanqas ma tista’ tiġi kkontestata mill-fatt li l-ebda dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali (jew prattika ġudizzjarja nazzjonali) ma tippermetti espressament lill-qorti tar-rinviju tieħu miżuri mmirati biex jirrimedjaw sitwazzjoni potenzjali ta’ inkompatibbiltà bejn ir-regoli proċedurali nazzjonali rilevanti u d-dritt tal-Unjoni li s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tivverifika.
41. L-ammissibbiltà tad-domandi magħmula skont l-Artikolu 267 TFUE ġiet evalwata b’mod konsistenti mill-Qorti tal-Ġustizzja irrispettivament mill-possibbiltajiet legali ta’ dritt nazzjonali disponibbli biex tiġi rrimedjata l-inkompatibbiltà potenzjali bejn id-dritt nazzjonali u d-dritt tal-Unjoni (28). Huwa stabbilit sew li “hija inkompatibbli mar-rekwiżiti inerenti għan-natura stess tad-dritt tal-Unjoni kull dispożizzjoni ta’ sistema legali nazzjonali jew kull prassi leġiżlattiva, amministrattiva jew ġudizzjarja, li għandha l-effett li tnaqqas l-effettività tad-dritt tal-Unjoni minħabba l-fatt li tirrifjuta lill‑qorti kompetenti mill-applikazzjoni ta’ dan id-dritt is-setgħa li tagħmel, fil-mument stess ta’ din l-applikazzjoni, dak kollu li huwa neċessarju sabiex twarrab id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali li eventwalment jifformaw ostakolu għall-effettività sħiħa ta’ dawn ir-regoli direttament applikabbli tad-dritt tal-Unjoni” (29).
42. Tabilħaqq, is-suġġett tat-tielet domanda preliminari jikkonċerna preċiżament din il-kwistjoni. Fil-qosor, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja x’għandha tagħmel biex tirrimedja sitwazzjoni potenzjali ta’ inkompatibbiltà bejn id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 29 tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema u l-Artikolu 19(1) FUE. L-argumenti dwar l-allegata inkapaċità tal-qorti tar-rinviju, kif inhi l-liġi nazzjonali attwali, li tadotta miżuri korrettivi jappartjenu, għalhekk, għall-effetti li jistgħu jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li għalihom tirrelata t-tielet domanda preliminari, fid-dawl, b’mod partikolari, tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni. Tali argumenti huma kjarament relatati mas-sustanza tad-domanda preliminari u, għalhekk, ma jistgħux iwasslu għall-inammissibbiltà tad-domandi (30).
43. F’dan il-kuntest, inżid li, waqt is-seduta, il-Gvern Pollakk enfasizza wkoll li xejn ma jipprekludi, de jure, lil parti milli tirrekuża wieħed jew iktar mill-imħallfin ta’ dan il-kulleġġ, li jiskatta l-proċediment rilevanti għat-trattament ta’ tali talba. Barra minn hekk, nissoponi li r-regoli nazzjonali dwar l-astensjoni huma wkoll applikabbli bis-sħiħ f’dan l-istadju tal-proċedura. Dan għandu jwassal lil kwalunkwe mħallef li, fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża preżenti, jista’ jqis lilu nnifsu milqut bi problema ta’ imparzjalità, biex volontarjament jastjeni milli jifforma parti mill-kulleġġ.
44. Bħala konklużjoni, ma nara l-ebda element fil-proċess tal-kawża li jista’ jikkonfuta l-preżunzjoni ta’ rilevanza msemmija fil-punt 18 hawn fuq. Konsegwentement, jiena tal-fehma li t-tieni u t-tielet domanda preliminari huma wkoll ammissibbli.
B. Fuq il-mertu
1. L‑ewwel domanda
45. Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 19(1) TUE, flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li ċ-ċirkustanzi tal-ħatra ta’ mħallef jistgħu minnhom innifishom jikkonfermaw li dan l-imħallef ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità, u b’hekk iwassal għal ksur tad-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti stabbilita minn qabel bil-liġi.
46. Il-qorti tar-rinviju tindika li, fil-livell nazzjonali, hemm żewġ linji ta’ ġurisprudenza rigward l-ammissibbiltà tat-talba għat-test tal-indipendenza u tal-imparzjalità fi ħdan is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema). Skont interpretazzjoni waħda tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni (jiġifieri l-Artikolu 29 tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema), talba għal tali test trid tindika (u tipprova) mhux biss iċ-ċirkustanzi illegali madwar il-ħatra ta’ imħallef, iżda għandha tikkunsidra wkoll l-imġiba tiegħu wara l-ħatra, u l-impatt li n-nuqqas li jintlaħaq l-istandard ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità kellu fuq l-eżitu tal-kawża inkwistjoni. Skont interpretazzjoni oħra tad-dispożizzjoni nazzjonali, iċ-ċirkustanzi tal-ħatra ta’ imħallef waħedhom jistgħu jkunu biżżejjed biex jixħtu dubju fuq l-imparzjalità jew l-indipendenza ta’ imħallef, u għalhekk ir-rikorrent ma huwiex meħtieġ li jinvoka iktar elementi għal dan il-għan.
47. Fil-fehma tiegħi, tweġiba għall-kwistjoni mqajma mill-qorti tar-rinviju tista’ tinstab fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.
48. Fis-sentenza fil-kawża Simpson, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li irregolarità mwettqa fil-ħatra tal-imħallfin tista’, fiha nnifisha, tinvolvi ksur tad-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi. Dan huwa l-każ meta “din l-irregolarità hija ta’ natura u ta’ gravità tali li toħloq riskju reali li partijiet oħra tal-poter, b’mod partikolari l-eżekuttiv, jistgħu jeżerċitaw setgħa diskrezzjonali indebita li tipperikola l-integrità tar-riżultat li jwassal għaliha l-proċess ta’ ħatra u b’hekk toħloq dubju leġittimu, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, fir-rigward tal-indipendenza u tal-imparzjalità tal-Imħallef jew tal-Imħallfin ikkonċernati, li jkun il-każ meta r-regoli fundamentali li jagħmlu parti integrali tal-istabbiliment u tal-funzjonament ta’ din is-sistema ġudizzjarja jkunu inkwistjoni” (31).
49. Fis-sentenza fil-kawża Ástráðsson, l-Awla Manja tal-Qorti EDB waslet għal konklużjonijiet simili ħafna. Hija applikat test bi tliet aspetti biex tiddetermina jekk ħatra ġudizzjarja illegali tagħtix lok, minnha nnifisha, għal ksur tad-dritt għal “qorti stabbilita bil-liġi” previst fl-Artikolu 6(1) tal‑KEDB. Essenzjalment, il-Qorti EDB ivverifikat jekk: (i) kienx hemm ksur manifest tar-regoli domestiċi dwar il-ħatriet ġudizzjarji; (ii) il-ksur kienx fir-rigward ta’ regola ta’ importanza fundamentali għall-ħatra tal-imħallfin; u (iii) il-ksur kienx ġie mistħarreġ u rrimedjat b’mod effettiv mill-qrati nazzjonali. B’mod partikolari, il-Qorti EDB enfasizzat il-ħtieġa li l-ksur jiġi evalwat “fid-dawl tal-għan u tal-iskop tar-rekwiżit ta’ ‘qorti stabbilita bil-liġi’, jiġifieri li tiġi żgurata l-kapaċità tal-ġudikatura li twettaq dmirijietha ħielsa minn indħil żejjed u b’hekk tippreżerva l-istat tad-dritt u s-separazzjoni tal-poteri”. Għaldaqstant, il-Qorti EDB iddeċidiet li “ksur ta’ natura purament teknika li ma għandu l-ebda effett fuq il-leġittimità tal-proċess tal-ħatra għandu jitqies li jaqa’ taħt il-limitu rilevanti” (32).
50. Il-prinċipji msemmija hawn fuq ġew ikkonfermati b’mod konsistenti fil-ġurisprudenza sussegwenti tal-Qorti tal-Ġustizzja (33), u ġew applikati fis-sentenza fil-kawża Krajowa Rada Sądownictwa. F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat inammissibbli talba għal deċiżjoni preliminari mis-Sąd Najwyższy (Izba Kontroli Nadzwyczajnej i Spraw Publicznych) (il-Qorti Suprema (Awla ta’ Kontroll Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi), il-Polonja). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, minħabba l-modalitajiet li rregolaw il-ħatra tal-imħallfin li jikkomponuh, il-kulleġġ ta’ mħallfin inkwistjoni ma kellux l-istatus ta’ qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi, bir-riżultat li ma kienx jikkostitwixxi “qorti jew tribunal” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE (34).
51. F’dan il-kuntest, jaf ikun utli li jitfakkar li, fil-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat b’mod konsistenti l-importanza tal-proċedura għal ħatra ġudizzjarja. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li, fid-dawl tal-konsegwenzi fundamentali tagħha għall-funzjonament tajjeb u għal-leġittimità tal-poter ġudizzjarju fi Stat demokratiku rregolat mis-supremazija tad-dritt, il-proċedura għall-ħatra tal-imħallfin jikkostitwixxi neċessarjament element inerenti għall-kunċett ta’ “qorti stabbilit minn qabel bil-liġi” (35).
52. Fid-dawl ta’ dan kollu, jiena tal-fehma li ċerti nuqqasijiet fil-proċedura għall-ħatra tal-imħallfin jistgħu, fihom innifishom, jindikaw li l-imħallfin inkwistjoni ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità. F’każijiet bħal dawn, il-parti li tqajjem kwistjoni f’dan ir-rigward ma tistax tkun meħtieġa li tressaq elementi addizzjonali biex tikkorrobora dan in-nuqqas. F’dan ir-rigward, ninnota li l-partijiet kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet fil-proċeduri preżenti – b’xi sfumaturi – jaqblu ma’ dik il-konklużjoni.
53. Madankollu, fis-seduta, il-Kummissjoni dehret li biddlet xi ftit il-pożizzjoni li kienet ħadet fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha. F’dan ir-rigward, enfasizzat l-importanza li jiġi kkunsidrat l-impatt li ħatra illegali jista’ jkollha fuq tilwima speċifika, b’riferiment għas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi Openbaar Ministerie msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Għandu jitfakkar li dawn il-kawżi kienu jikkonċernaw l-eżekuzzjoni ta’ Mandat ta’ Arrest Ewropew (iktar ’il quddiem il-“MAE”) skont id-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI (36). Fis-sentenzi tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment iddeċidiet li, meta awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni jkollha evidenza ta’ nuqqasijiet sistemiċi jew iġġeneralizzati li jikkonċernaw l-indipendenza tal-ġudikatura fl-Istat Membru emittenti, inkluż il-proċediment għall-ħatra tal-membri tal-ġudikatura, tista’ tirrifjuta l-eżekuzzjoni biss jekk issib li, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, hemm raġunijiet serji u ppruvati sabiex wieħed jemmen li tali nuqqasijiet jistgħu jwasslu għal riskju reali ta’ ksur tad-dritt tal-persuna kkonċernata għal smigħ xieraq quddiem qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi (37).
54. Għandi diffikultà biex nifhem il-bażi li fuqha l-Kummissjoni qiegħda tagħmel paralleliżmu ma’ din il-kawża.
55. It-test f’żewġ stadji ġie oriġinarjament maħluq f’sitwazzjonijiet li jinvolvu l-protezzjoni ta’ persuni li jistgħu jkunu esposti għal ksur tal-projbizzjoni assoluta ta’ trattament inuman jew degradanti (38), u mbagħad ġie estiż għal sitwazzjonijiet fejn id-dritt fundamentali għal rimedju effettiv u għal smigħ xieraq jista’ jkun mhedded (39). Dan it-test ġie żviluppat u applikat f’qasam tal-liġi ddefinit sew, u armonizzat fil-livell tal-Unjoni. B’din il-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ntroduċiet, permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, raġuni mhux miktuba biex b’mod eċċezzjonali tiġi rrifjutata l-eżekuzzjoni ta’ MAE (40).
56. Madankollu, kif iċċarat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tagħha fil-kawżi Openbaar Ministerie, awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li għandha evidenza ta’ nuqqasijiet sistemiċi jew iġġeneralizzati f’dak li jikkonċerna l-indipendenza tal-ġudikatura tal-Istat Membru emittenti ma tistax tiċħad l-istatus ta’ “awtorità ġudizzjarja emittenti”, fis-sens tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, fir-rigward tal-imħallfin kollha jew tal-qrati kollha ta’ dak l-Istat Membru li jaġixxu min-natura tagħhom b’mod kompletament indipendenti mill-eżekuttiv. Tabilħaqq, l-eżistenza ta’ tali nuqqasijiet mhux neċessarjament taffettwa kull deċiżjoni li l-qrati ta’ dak l-Istat Membru jistgħu jadottaw f’kull każ partikolari. Interpretazzjoni kuntrarja – spjegat il-Qorti tal-Ġustizzja – tkun tammonta għal estensjoni tal-limitazzjonijiet li jistgħu jitqiegħdu fuq il-prinċipji ta’ fiduċja u ta’ rikonoxximent reċiproċi lil hinn minn “ċirkustanzi eċċezzjonali”, billi twassal għal esklużjoni ġenerali tal-applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji fir-rigward ta’ Stat Membru sħiħ. Dan, fost affarijiet oħra, idgħajjef il-kisba tal-għan tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u jqajjem dubji dwar il-prinċipji ta’ fiduċja u rikonoxximent reċiproċi li fuqhom hija bbażata din id-deċiżjoni qafas (41).
57. Għalhekk huwa ċar li, f’sitwazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi Openbaar Ministerie, in-nuqqas sistemiku fis-sistema ġudizzjarja ta’ Stat Membru partikolari jista’ jkollu jew ma jkollux riperkussjonijiet fuq il-mod kif tiġi riżolta t-tilwima inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Għall-kuntrarju, fil-kawża preżenti dawn ir-riperkussjonijiet jistgħu jkunu inerenti għas-sitwazzjoni inkwistjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. Kif ser jiġi spjegat fit-taqsima li jmiss ta’ dawn il-konklużjonijiet, xi mħallfin li jifformaw il-kulleġġ jistgħu jintalbu jiddeċiedu dwar kwistjoni ta’ dritt li fiha potenzjalment ikollhom interess personali, għaliex id-deċiżjoni tagħhom tista’ taffettwa l-pożizzjoni legali tagħhom stess. Għalhekk, anki kieku kellna napplikaw il-loġika li fuqha huma bbażati s-sentenzi fil-kawżi Openbaar Ministerie, ir-riskju ta’ impatt negattiv potenzjali tal-allegat nuqqas ta’ imparzjalità tal-imħallfin inkwistjoni fuq tilwim bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa in re ipsa.
58. Fid-dawl ta’ dan kollu, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha, fil-fehma tiegħi, tkun li l-Artikolu 19(1) TUE, flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, irid jiġi interpretat fis-sens li ċ-ċirkustanzi tal-ħatra ta’ mħallef jistgħu, minnhom innifishom, jindikaw li mħallef ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità, jekk dawn iċ-ċirkustanzi jinvolvu irregolarità ta’ tali tip u ta’ tali gravità li tagħti lok biex jitnissel dubju leġittimu, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, fir-rigward tal-indipendenza u tal-imparzjalità tal-imħallef ikkonċernat.
2. It‑tieni domanda
59. Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 19(1) TUE, interpretat fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandux jinftiehem fis-sens li jipprekludi li l-eżami dwar jekk imħallef nazzjonali jissodisfax ir-rekwiżit ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità jitwettaq minn kulleġġ ġudikanti li jinkludi mħallfin li, minħabba l-mod kif inħatru, jistgħu jkunu f’pożizzjoni simili għal dik tal-imħallef li jkun qiegħed jiġi mistħarreġ.
60. Jiena tal-fehma li r-risposta għal din id-domanda għandha tkun fl-affermattiv.
61. Bilkemm hemm bżonn nenfasizza, mill-bidu nett, li – skont l-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta – kwalunkwe kulleġġ ġudikanti li għandu ġurisdizzjoni f’oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, li jaġixxi fi kwalunkwe stadju tal-proċedimenti, fi kwalunkwe tilwima legali partikolari għandu jissodisfa r-rekwiżit ta’ indipendenza ġudizzjarja.
62. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat b’mod konsistenti li l-Artikolu 19 TUE jikkonkretizza l-valur tal-Istat tad-dritt affermat fl-Artikolu 2 TUE (42). Id-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv minn qorti indipendenti – li issa huwa minqux fl-Artikolu 47 tal-Karta – ġie deskritt mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala “inerenti għall-eżistenza tal-Istat tad-dritt ” (43). Il-garanziji ta’ aċċess għal qorti indipendenti u imparzjali, min-naħa tagħhom, jirrappreżentaw il-bażi tad-dritt għal smigħ xieraq (44).
63. Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ “indipendenza ġudizzjarja” fid-dritt tal-Unjoni fih żewġ aspetti. L-ewwel aspett, ta’ natura esterna, jirrikjedi li l-qorti kkonċernata teżerċita l-funzjonijiet tagħha b’awtonomija sħiħa, mingħajr ma tkun suġġetta għal ebda rabta ġerarkika jew issuġġettar għal kwalunkwe organu ieħor u mingħajr ma tirċievi ordnijiet jew struzzjonijiet minn kwalunkwe sors, b’tali mod li b’hekk tkun protetta kontra interventi jew pressjonijiet esterni li jistgħu jippreġudikaw l-indipendenza ta’ ġudizzju tal-membri tagħha u jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tagħhom (45).
64. It-tieni aspett – li huwa dak rilevanti f’dawn il-proċeduri – huwa ta’ natura interna u huwa marbut mal-kunċett ta’ “imparzjalità”. Dan ifittex li jiżgura li tinżamm distanza ugwali mill-partijiet fit-tilwima u l-interessi rispettivi tagħhom fir-rigward tas-suġġett tat-tilwima. Dan l-aspett jeżiġi l-osservanza tal-oġġettività u l-assenza ta’ kull interess fis-soluzzjoni tat-tilwima lil hinn mill-applikazzjoni stretta tad-dispożizzjoni legali (46).
65. Kif enfasizza l-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża De Coster, l-imparzjalità teħtieġ mill-imħallfin “attitudni psikoloġika inizjali ta’ indifferenza” fir-rigward tat-tilwimiet, sabiex ikunu (u jidhru) ekwidistanti mill-partijiet (47). B’mod iktar ġenerali, ngħid li l-imparzjalità teħtieġ li l-imħallfin ma jkollhom l-ebda interess personali, parzjalità jew preġudizzju fit-tilwim li jisimgħu, u jittrattaw lill-partijiet kollha b’mod ugwali u ġust. Dawn il-prinċipji huma riflessi fil-massima Latina, li ssemmiet fl-introduzzjoni ta’ dawn il-konklużjonijiet, nemo iudex in causa sua – li sar riferiment għaliha f’għadd ta’ konklużjonijiet tal-Avukati Ġenerali (48) u mill-Qorti EDB (49).
66. Fil-fehma tiegħi huwa ovvju li, f’kawża fejn kwistjonijiet ta’ indipendenza ġudizzjarja ta’ mħallef partikolari qegħdin jiġu mistħarrġa minn kulleġġ ġudikanti, il-membri ta’ dan il-kulleġġ ma jistgħux huma stess ikunu affettwati mill-istess kwistjonijiet. Dan ifisser li, fejn l-indipendenza ta’ mħallef tkun qiegħda tiġi kkontestata minħabba proċedura ta’ ħatra allegatament illegali, l-imħallfin li jkunu qegħdin jistħarrġu l-kawża ma jistgħux ikunu nħatru permezz tal-istess proċedura (jew proċedura ekwivalenti).
67. Jekk jiġri hekk, jistgħu ma jkunux – jew, tabilħaqq, jistgħu ma jidhrux li huma – indifferenti għall-kwistjonijiet legali involuti, peress li jkunu qegħdin jiddeċiedu dwar kwistjoni li taffettwahom b’mod dirett. L-istatus tagħhom stess bħala mħallfin indipendenti jista’, fil-fatt, jiġi kkontestat kieku kellhom jilqgħu t-talbiet magħmula minn parti. Konsegwentement, ħafna individwi probabbilment ikunu tal-fehma li dawn l-imħallfin għandhom interess personali fl-eżitu tal-proċeduri u, bħala tali, ma jistgħux ikunu kompletament imparzjali.
68. Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni domanda għandha, fil-fehma tiegħi, tkun li l-Artikolu 19(1) TUE, flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li fejn l-indipendenza jew l-imparzjalità ta’ mħallef tkun qiegħda tiġi mistħarrġa minn kulleġġ ġudikanti, minħabba proċedura ta’ ħatra allegatament illegali, l-imħallfin li jkunu qegħdin jistħarrġu l-kawża ma jistgħux ikunu nħatru permezz tal-istess proċedura jew proċedura ekwivalenti.
3. It‑tielet domanda
69. Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 19(1) TUE, ikkunsidrat fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li qorti nazzjonali li tistħarreġ l-indipendenza ta’ xi mħallfin hija obbligata li teskludi mill-kulleġġ ġudikanti li jistħarreġ il-kawża mħallfin li jistgħu ma jkunux, jew jidhru li ma jkunux, imparzjali u, fl-affermattiv, liema miżuri għandhom jiġu adottati għal dan il-għan.
70. Kif iddikjarat b’mod konsistenti l-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 19(1) TUE, interpretat fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, igawdi minn effett dirett (50).
71. Għaldaqstant, jekk liġi jew prattika nazzjonali tkun inkonsistenti mar-rekwiżiti tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta, il-qorti tar-rinviju hija obbligata tagħmel dak kollu li hu possibbli biex telimina l-inkompatibbiltà sabiex tiżgura li jingħata effett sħiħ tar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni fil-kawża li tkun adita biha, u b’hekk tiggarantixxi d-dritt għal smigħ xieraq tal-partijiet ikkonċernati (51).
72. Liema miżura speċifika l-qorti tar-rinviju tista’ (jew għandha) fil-fatt tadotta, f’din il-kawża, tiddependi l-iktar fuq id-dritt nazzjonali. Tabilħaqq, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni tal-proċeduri nazzjonali, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jinnomina l-qrati u t-tribunali li għandhom ġurisdizzjoni u li jistabbilixxi r-regoli proċedurali ddettaljati li jirregolaw l-azzjonijiet għas-salvagwardja tad-drittijiet li l-individwi jiksbu skont id-dritt tal-Unjoni. Dan huwa l-każ sakemm, madankollu, dawn ir-regoli nazzjonali ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma jirrendux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (52).
73. Għalhekk, jekk il-qorti tar-rinviju ssib li l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti – kif inhi, jew sempliċement kif interpretata fil-preżent – twassal għal ksur tad-dritt ta’ individwu għal rimedju effettiv u għal smigħ xieraq, dik il-qorti tista’ tinterpreta r-regoli nazzjonali b’konformità mad-dritt tal-Unjoni (53) jew, fejn xieraq, ma tapplikax id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni (54), sabiex teskludi l-imħallfin li jistgħu jkunu, jew jidhru li huma, nieqsa mill-imparzjalità meħtieġa fil-kawża inkwistjoni.
74. Dan jista’ jfisser, pereżempju, li t-talba inkwistjoni fil-kawża prinċipali tinstema’ minn kulleġġ iffurmat minn numru iżgħar ta’ mħallfin jew li, wara estrazzjoni ġdida bil-polza, imħallfin oħra jistgħu jintgħażlu biex jikkompletaw il-kulleġġ ta’ ħames imħallfin. Naturalment, hemm miżuri oħra li jistgħu jiġu previsti. Bħala prinċipju, ma hemm l-ebda miżura speċifika li hija meħtieġa mid-dritt tal-Unjoni, sakemm dik prevista mid-dritt nazzjonali tiżgura l-effettività tal-prinċipji li jirriżultaw mill-Artikolu 19(1) TFUE u mill-Artikolu 47 tal-Karta.
75. Kif issemma’ fil-punti 24, 38 u 43 hawn fuq, jidher li hemm prinċipji u regoli ġenerali tad-dritt nazzjonali li jistgħu jimlew il-vojt potenzjali maħluq mill-assenza ta’ regoli speċifiċi, fil-Liġi dwar il-Qorti Suprema, biex jittrattaw sitwazzjonijiet bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
76. Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-risposta għat-tielet domanda għandha, fil-fehma tiegħi, tkun li l-Artikolu 19(1) TUE, flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, irid jiġi interpretat fis-sens li l-imħallfin li jistgħu jkunu, jew jidhru li huma, nieqsa mill-imparzjalità meħtieġa fl-istħarriġ ta’ kawża li tikkonċerna l-indipendenza ġudizzjarja għandhom jiġu esklużi mill-kulleġġ ġudikanti li jisma’ l-kawża. Huwa l-ordinament ġuridiku intern tal-Istat Membru kkonċernat li għandu jistabbilixxi r-regoli proċedurali ddettaljati biex jiżgura li tali kawża tinstema’ minn kulleġġ ġudikanti li jikkonforma mar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt fundamentali għal rimedju effettiv u għal smigħ xieraq.
V. Konklużjoni
77. Bħala konklużjoni, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari mressqa mis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja) kif ġej:
L-Artikolu 19(1) TUE, interpretat fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
għandu jinftiehem fis-sens li:
1) Iċ-ċirkustanzi tal-ħatra ta’ mħallef jistgħu, minnhom innifishom, jindikaw li mħallef ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità, jekk dawn iċ-ċirkustanzi jinvolvu irregolarità ta’ tali tip u ta’ tali gravità li tagħti lok biex jitnissel dubju leġittimu, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, fir-rigward tal-indipendenza u tal-imparzjalità tal-imħallef ikkonċernat.
2) Fejn l-indipendenza jew l-imparzjalità ta’ mħallef tkun qiegħda tiġi mistħarrġa minn kulleġġ ġudikanti, minħabba proċedura ta’ ħatra allegatament illegali, l-imħallfin li jkunu qegħdin jistħarrġu l-kawża ma jistgħux ikunu nħatru permezz tal-istess proċedura jew proċedura ekwivalenti.
3) L-imħallfin li jistgħu jkunu, jew jidhru li huma, nieqsa mill-imparzjalità meħtieġa fl-istħarriġ ta’ kawża li tikkonċerna l-indipendenza ġudizzjarja għandhom jiġu esklużi mill-kulleġġ ġudikanti li jisma’ l-kawża. Huwa l-ordinament ġuridiku intern tal-Istat Membru kkonċernat li għandu jistabbilixxi r-regoli proċedurali ddettaljati biex jiżgura li tali kawża tinstema’ minn kulleġġ ġudikanti li jikkonforma mar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt fundamentali għal rimedju effettiv u għal smigħ xieraq.
1 Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
i L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.
2 Ara, fost oħrajn, Yale, D.E.C., “Iudex in Propria Causa: An historical excursus”, The Cambridge Law Journal, Vol. 33, Ħarġa 1, 1974, p. 80 sa 96; u Neudorf, L., “Judicial Independence: The judge as a third party to the dispute”, Oxford University Comparative Law Forum 2, 2015.
3 Kodiċi 3.5.1: “neminem sibi esse iudicem vel ius sibi dicere debere” (ħadd ma għandu jiddeċiedi l-każ tiegħu stess jew jinterpreta l-liġi għalih innifsu).
4 Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ćapeta fil-kawża Vivacom Bulgaria (C‑369/23, EU:C:2024:612, punt 1).
5 It-terminu “minn qabel” jidher biss fl-Artikolu 47 tal-Karta.
6 Pereżempju, fl-Artikolu 30(2) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika ta’ Ċipru.
7 Pereżempju, fil-Prinċipju 2 tal-Prinċipji Bażiċi tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Indipendenza tal-Ġudikatura, adottati fis‑6 ta’ Settembru 1985 mis-Seba’ Kungress tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Prevenzjoni tal-Kriminalità u għat-Trattament tad-Delinkwenti li nżamm f’Milano mis‑26 ta’ Awwissu 1985 sas‑6 ta’ Settembru 1985.
8 Ara, fost oħrajn, is-sentenzi tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema) (C‑619/18, EU:C:2019:531); tal‑5 ta’ Novembru 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-qrati ordinarji) (C‑192/18, EU:C:2019:924); u tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982).
9 Ara, fost oħrajn, Qorti EDB, 22 ta’ Lulju 2021, Reczkowicz vs Il‑Polonja (CE:ECHR:2021:0722JUD004344719); Qorti EDB, 8 ta’ Novembru 2021, Dolińska-Ficek u Ozimek vs Il‑Polonja (CE:ECHR:2021:1108JUD004986819); u Qorti EDB, 15 ta’ Marzu 2022, Grzęda vs Il‑Polonja (CE:ECHR:2022:0315JUD004357218).
10 Dz. U. tal-2018, pożizzjoni 5.
11 Dz. U. tal‑2022, pożizzjoni 1259.
12 ĠU 2012, L 351, p. 1.
13 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2025, Sąd Rejonowy w Białymstoku u Adoreikė (C‑146/23 u C‑374/23, EU:C:2025:109, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).
14 Ibid.
15 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Jannar 2024, G et (Ħatra tal-imħallfin tal-qrati ordinarji fil-Polonja) (C‑181/21 u C‑269/21, EU:C:2024:1, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata) (iktar ’il quddiem is-“sentenza fil-kawża G. et”).
16 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny (C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata) (iktar ’il quddiem is-“sentenza fil-kawża Miasto Łowicz”).
17 Dwar din il-kwistjoni, ara s-sentenza fil-kawża Miasto Łowicz, punti 49 sa 52.
18 Ara, pereżempju, is-sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punti 99 u 100); tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema, il-Polonja) (C‑487/19, EU:C:2021:798, punti 93 u 94); u tas‑16 ta’ Novembru 2021, Prokuratura Rejonowa w Mińsku Mazowieckim et (C‑748/19 sa C‑754/19, EU:C:2021:931, punti 48 u 49) (iktar ’il quddiem is-“sentenza fil-kawża Prokuratura Rejonowa”).
19 Ara, pereżempju, id-digrieti tas‑6 ta’ Settembru 2018, Di Girolamo (C‑472/17, EU:C:2018:684), u tas‑17 ta’ Diċembru 2019, Di Girolamo (C‑618/18, EU:C:2019:1090).
20 Ara, inter alia, is-sentenza tat‑12 ta’ Marzu 1998, Djabali (C‑314/96, EU:C:1998:104, punti 21 u 22).
21 Ara, b’mod partikolari, is-sentenza fil-kawża G. et, punti 74 sa 80.
22 Ara, pereżempju, id-digrieti tal‑5 ta’ Ġunju 2014, Antonio Gramsci Shipping et (C‑350/13, EU:C:2014:1516, punti 11 u 12); u tal‑10 ta’ Frar 2015, Liivimaa Lihaveis (C‑175/13, EU:C:2015:80, punt 20).
23 Ara, pereżempju, id-digriet tas‑16 ta’ Mejju 1994, Monin Automobiles (C‑428/93, EU:C:1994:192, punti 12 sa 15), u s-sentenza fil-kawża Prokuratura Rejonowa, punti 93 u 94.
24 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza fil-kawża Miasto Łowicz, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata.
25 Ara l-punti 40 sa 50 tas-sentenza fil-kawża Prokuratura Rejonowa. Ara wkoll, fid-dettall, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fl-istess kawżi (EU:C:2021:403, punti 48 sa 66 u 73 sa 129) (iktar ’il quddiem il-“konklużjonijiet fil-kawża Prokuratura Rejonowa”).
26 Punti 69 sa 72 tas-sentenza fil-kawża G. et.
27 Konklużjonijiet fil-kawżi magħquda Prokuratura Rejonowa w Mińsku Mazowieckim et (C‑748/19 sa C‑754/19, EU:C:2021:403, punti 63 sa 66).
28 Ara l-konklużjonijiet fil-kawża Prokuratura Rejonowa, punt 90.
29 Ara, pereżempju, is-sentenzi tad‑9 ta’ Marzu 1978, Simmenthal (106/77, EU:C:1978:49, punti 22 u 23), u tat‑8 ta’ Settembru 2010, Winner Wetten (C‑409/06, EU:C:2010:503, punti 56 u 57).
30 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema, il-Polonja) (C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata).
31 Sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Review Simpson vs Il‑Kunsill u HG vs Il‑Kummissjoni (C‑542/18 RX‑II u C‑543/18 RX‑II, EU:C:2020:232, punt 75).
32 Qorti EDB, 1 ta’ Diċembru 2020, Guðmundur Andri Ástráðsson vs L‑Islanda (CE:ECHR:2020:1201JUD002637418, punti 244 sa 252).
33 Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Kamra tal-Kontroll Straordinarju u l-Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra) (C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 130), u tad‑29 ta’ Marzu 2022, Getin Noble Bank (C‑132/20, EU:C:2022:235, punt 122).
34 Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Krajowa Rada Sądownictwa (Żamma kontinwa ta’ kariga ta’ imħallef) (C‑718/21, EU:C:2023:1015, punti 30 sa 78).
35 Ibid., punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata.
36 Deċiżjoni kwadru tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45), kif emendata.
37 Sentenzi tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Openbaar Ministerie (Indipendenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti) (C‑354/20 PPU u C‑412/20 PPU, EU:C:2020:1033), u tat‑22 ta’ Frar 2022, Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita bil-liġi fl-Istat Membru emittenti) (C‑562/21 PPU u C‑563/21 PPU, EU:C:2022:100).
38 Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198).
39 Ara s-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet fis-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586).
40 Ara, dwar din il-kwistjoni, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża M.D. (C‑819/21, EU:C:2023:386, punti 30 sa 34).
41 Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Openbaar Ministerie (Indipendenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti) (C‑354/20 PPU u C‑412/20 PPU, EU:C:2020:1033, punti 41 sa 43), u tat‑22 ta’ Frar 2022, Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita bil-liġi fl-Istat Membru emittenti) (C‑562/21 PPU u C‑563/21 PPU, EU:C:2022:100, punti 63 u 82 sa 102).
42 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin) (C‑204/21, EU:C:2023:442, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).
43 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).
44 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin) (C‑204/21, EU:C:2023:442, punt 71).
45 Ara, reċentement, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2024, Vivacom Bulgaria (C‑369/23, EU:C:2024:1043, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).
46 Ibid., punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata.
47 C‑17/00, EU:C:2001:366, punt 93, b’riferimenti għall-kitbiet tal-ġurista P. Calamandrei.
48 Ara, b’mod partikolari, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Hogan fil-kawża Banco de Santander (C‑274/14, EU:C:2019:802, punt 31); il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Adler Real Estate et (C‑546/18, EU:C:2021:219, punt 64); il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tanchev fil-kawża A.B. et (Ħatra ta’ mħallfin għall-Qorti Suprema – Azzjonijiet) (C‑824/18, EU:C:2020:1053, punt 134); u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ćapeta fil-kawża Vivacom Bulgaria (C‑369/23, EU:C:2024:612, punt 28).
49 Ara, b’mod partikolari, Qorti EDB, 23 ta’ Novembru 2023, Wałęsa vs Il‑Polonja (CE:ECHR:2023:1123JUD005084921, punt 180).
50 Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin) (C‑204/21, EU:C:2023:442, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).
51 Ibid., punt 228 u l-ġurisprudenza ċċitata.
52 Ara, reċentement, is-sentenza tat‑3 ta’ April 2025, Kypriaki Dimokratia (C‑283/24, EU:C:2025:236, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).
53 F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja konsistentement sostniet li l-obbligu li l-liġi nazzjonali tiġi interpretata b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni jeżiġi li l-qrati nazzjonali, inkluż dawk li jiddeċiedu fl-aħħar istanza, jemendaw, jekk ikun il-każ, ġurisprudenza nazzjonali stabbilita jekk din tkun ibbażata fuq interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali inkompatibbli mal-għanijiet tad-dritt tal-Unjoni. Konsegwentement, qorti nazzjonali ma tistax, b’mod partikolari, validament tqis li jkun impossibbli għaliha li tinterpreta dispożizzjoni nazzjonali b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni sempliċement għaliex din id-dispożizzjoni tkun ġiet kontinwament interpretata f’sens li ma jkunx kompatibbli ma’ dan id-dritt. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ April 2025, CT (C‑370/24, EU:C:2025:300, punti 44 u 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).
54 Ara, b’iktar riferimenti, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski (C‑573/17, EU:C:2019:530, punt 58).