20.11.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 303/19


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/2097

tas-26 ta' Ottubru 2015

dwar l-istabbiliment ta' Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta' Riċerka dwar Sistema Integrata għall-Osservazzjoni tal-Karbonju (ICOS ERIC)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 723/2009 tal-25 ta' Ġunju 2009 dwar il-qafas ġuridiku Komunitarju applikabbli għal Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta' Riċerka (ERIC) (1), u b'mod partikolari l-punt (a) tal-Artikolu 6(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju tal-Olanda, ir-Renju tan-Norveġja u r-Renju tal-Iżvezja, talbu lill-Kummissjoni tistabbilixxi Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta' Riċerka dwar Sistema Integrata għall-Osservazzjoni tal-Karbonju (ICOS ERIC). Il-Konfederazzjoni Żvizzera se tipparteċipa fl-ICOS ERIC bħala Osservatur.

(2)

Ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju tan-Netherlands, ir-Renju tan-Norveġja u r-Renju tal-Iżvezja, talbu lill-Kummissjoni tistabbilixxi Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta' Riċerka dwar Sistema Integrata għall-Osservazzjoni tal-Karbonju (ICOS ERIC).

(3)

Il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 723/2009, ivvalutat l-applikazzjoni u kkonkludiet li din tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament.

(4)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 723/2009,

ADDOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta' Riċerka dwar Sistema Integrata għall-Osservazzjoni tal-Karbonju msemmi ICOS ERIC huwa b'dan stabbilit.

2.   L-Istatuti ta' ICOS ERIC huma stabbiliti fl-Anness. L-Istatuti għandhom jinżammu aġġornati u għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit elettroniku ta' ICOS ERIC u fis-sede statutorja tiegħu.

3.   L-elementi essenzjali tal-Istatuti li l-emendi għalihom għandhom jeħtieġu l-approvazzjoni mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 723/2009 huma stipulati fl-Artikoli 1, 2, 16, 18, 19, 22, 23, u 24.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta' Ottubru 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 206, 8.8.2009, p. 1.


ANNESS

STATUTI TAL-KONSORZJU GĦAL INFRASTRUTTURA EWROPEA TA' RIĊERKA DWAR SISTEMA INTEGRATA GĦALL-OSSERVAZZJONI TAL-KARBONJU (ICOS ERIC)

IR-RENJU TAL-BELĠJU

IR-REPUBBLIKA FEDERALI TAL-ĠERMANJA

IR-REPUBBLIKA TA' FRANZA

IR-REPUBBLIKA TAL-ITALJA

IR-REPUBBLIKA TAL-FINLANDJA

IR-RENJU TAN-NETHERLANDS

IR-RENJU TAN-NORVEĠJA

IR-RENJU TAL-IŻVEZJA

Minn hawn 'il quddiem “Il-Membri”

kif ukoll

IL-KONFEDERAZZJONI ŻVIZZERA

Minn hawn 'il quddiem “L-Osservatur”

BILLI l-Membri huma konvinti li l-indirizzar tat-tibdil fil-klima li ġej minħabba emissjonijiet antropoġeniċi ta' gassijiet b'effett ta' serra (GHG) huwa sfida globali u li hemm il-ħtieġa ta' riċerka u ta' osservazzjonijiet kontinwi u fit-tul biex jitjieb l-għarfien dwar l-emissjonijiet (GHG), il-bjar tal-karbonju, l-impatti tagħhom fuq is-sistemi dinjija u l-għażliet ta' ġestjoni;

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li l-osservazzjoni ta' Parametri Essenzjali tal-Klima, fosthom tal-GHGs, hija meħtieġa sabiex tiġi appoġġjata l-ħidma tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC);

FILWAQT LI JENFASIZZAW li l-UNFCCC qiegħed isejjaħ lill-Partijiet tiegħu biex jippromwovu u jikkooperaw f'osservazzjoni sistematika ta' GHGs permezz tal-kooperazzjoni mas-Sistema Globali ta' Osservazzjoni tal-Klima (GCOS), il-komponent tas-Sistema tas-Sistemi għall-Osservazzjoni Globali tad-Dinja (GEOSS) għall-osservazzjoni tal-klima;

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW l-importanza tar-riċerka nazzjonali dwar il-GHGs u l-kapaċitajiet ta' osservazzjoni tagħha, u l-ħtieġa li tiġi stabbilita koordinazzjoni fil-livell Ewropew, bħala Infrastruttura tar-Riċerka dwar Sistema Integrata għall-Osservazzjoni tal-Karbonju (ICOS);

BILLI l-Membri jixtiequ li ssir riċerka biex jitjieb il-fehim tal-baġits reġjonali ta' sorsi ta' GHGs u ta' bjar, il-fatturi umani u naturali tagħhom u l-mekkaniżmi ta' kontroll, billi jiġu żviluppati osservazzjonijiet bi preċiżjoni għolja u fit-tul ta' GHGs;

BILLI l-Membri jixtiequ li komunitajiet wiesgħa ta' utenti jingħataw aċċess għad-dejta tal-ICOS, biex tinħoloq rabta bejn ir-riċerka, l-edukazzjoni u l-iżviluppi teknoloġiċi li jippromwovu l-innovazzjoni u biex tiġi provduta dejta indipendenti biex tikkontribwixxi għall-analiżi tal-inventarji tal-emissjonijiet;

FILWAQT LI JITOLBU lill-Kummissjoni Ewropea twaqqaf l-infrastruttura tal-ICOS bħala Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta' Riċerka (ICOS ERIC),

FTIEHMU KIF ĠEJ:

KAPITOLU 1

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Isem, sede statutorja u lingwa operattiva

1.   Ġie stabbilit Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta' Riċerka dwar Sistema Integrata għall-Osservazzjoni tal-Karbonju “ICOS ERIC”.

2.   L-ICOS ERIC sejjer ikollha s-sede statutorja tagħha f'Ħelsinki, il-Finlandja (l-“Istat ospitanti”).

3.   Il-lingwa operattiva tal-ICOS ERIC sejra tkun l-Ingliż.

Artikolu 2

Kompiti u attivitajiet

1.   Il-kompitu prinċipali tal-ICOS ERIC huwa li twaqqaf Infrastruttura distribwita tar-Riċerka dwar Sistema Integrata għall-Osservazzjoni tal-Karbonju (ICOS RI) u li tikkoordina l-operat tal-ICOS RI, tqassam l-informazzjoni mill-ICOS RI lil komunitajiet ta' utenti u li twaqqaf dejta u analiżi integrata minn sistemi ta' osservazzjoni ta' GHGs.

2.   L-ICOS ERIC għandha tipprovdi aċċess effettiv għal dejta koerenti u preċiża biex tiġi faċilitata r-riċerka dwar analiżi fuq diversi skali tal-emissjonijiet ta' GHGs, il-bjar u l-proċessi determinanti tagħhom billi tagħmel disponibbli protokolli tal-kejl, dejta fit-tul u prodotti tad-dejta. L-iżviluppi teknoloġiċi u ta' dimostrazzjoni, relatati mal-GHGs, sejrin jiġu promossi permezz tar-rabta bejn ir-riċerka, l-edukazzjoni u l-innovazzjoni. Għal dan il-għan l-ICOS ERIC sejra twettaq u tikkoordina attivitajiet, inklużi iżda mhux limitati għal:

(a)

kwantifikazzjoni tal-konċentrazzjonijiet atmosferiċi ta' GHGs u l-flussi terrestri u oċeaniċi fuq l-Ewropa u fuq ir-reġjuni ewlenin ta' interess Ewropew, inkluż l-Oċean Atlantiku tat-Tramuntana;

(b)

faċilitazzjoni ta' programmi u ta' proġetti ta' riċerka Ewropej;

(c)

kontribuzzjoni għall-mobilità tal-għarfien u/jew tar-riċerkaturi fiż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ERA) u żieda fl-użu tal-potenzjal intellettwali madwar l-Ewropa;

(d)

koordinazzjoni u appoġġ għall-iżvilupp tat-teknoloġija u tal-protokolli għal kejl effiċjenti u ta' kwalità għolja tal-konċentrazzjonijiet u tal-flussi tal-GHGs li għandu jiġi promoss ukoll lil hinn mill-Ewropa;

(e)

kontribuzzjoni ta' informazzjoni f'waqtha rilevanti għall-politika u għat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar il-GHGs;

(f)

faċilitazzjoni tal-analiżi tas-sekwestrar tal-karbonju u/jew tal-attivitajiet ta' tnaqqis fl-emissjonijiet tal-GHG fil-livelli globali tal-kompożizzjoni atmosferika, inkluż l-attribuzzjoni ta' sorsi u ta' bjar skont ir-reġjuni ġeografiċi u s-setturi ta' attività;

(g)

faċilitazzjoni tal-għanijiet tal-ICOS RI biex jiġi stabbilit mudell għall-iżvilupp futur ta' netwerks simili integrati u operattivi ta' osservazzjoni tal-GHGs lil hinn mill-Ewropa;

(h)

valutazzjoni xjentifika u tal-ġestjoni tal-attivitajiet, tal-orjentazzjoni strateġika u tal-operat tal-komponenti kollha tal-ICOS RI minn evalwaturi esterni.

3.   L-ICOS ERIC għandha tiġi operata fuq bażi mhux ekonomika. Sabiex tkompli tiġi promossal-innovazzjoni kif ukoll it-trasferiment tal-għarfien u tat-teknoloġija, jistgħu jitwettqu attivitajiet ekonomiċi limitati sakemm dawn ikunu relatati mill-qrib mal-kompitu prinċipali tagħha u li ma jipperikolawx il-kisba tiegħu.

KAPITOLU 2

MEMBRI U OSSERVATURI

Artikolu 3

Sħubija, Osservatur u Entità Rappreżentanti

1.   L-entitajiet li ġejjin jistgħu jsiru Membri jew Osservaturi tal-ICOS ERIC:

(a)

l-Istati Membri tal-Unjoni;

(b)

il-pajjiżi assoċjati;

(c)

pajjiżi terzi oħra li mhumiex pajjiżi assoċjati;

(d)

organizzazzjonijiet intergovernattivi.

2.   L-entitajiet imsemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jsiru Membri tal-ICOS ERIC jekk jikkontribwixxu għall-operat tal-ICOS ERIC u/jew jospitaw Faċilità Ċentrali tal-ICOS u/jew Netwerks Nazzjonali tal-ICOS.

3.   Il-membri tal-ICOS ERIC għandhom tal-inqas jinkludu Stat Membru u żewġ pajjiżi oħra li jew ikunu Stati Membri jew pajjiżi assoċjati.

4.   L-Istati Membri jew il-pajjiżi assoċjati għandu jkollhom il-maġġoranza tad-drittijiet tal-vot b'mod konġunt fl-Assemblea Ġenerali. L-Assemblea Ġenerali għandha tiddetermina kwalunkwe modifika għad-drittijiet tal-vot li huma meħtieġa biex jiġi żgurat li f'kull ħin l-ICOS ERIC tkun konformi ma' dak ir-rekwiżit.

5.   Membru jew Osservatur jista' jkun rappreżentat minn entità pubblika waħda jew iktar, inklużi reġjuni jew entitajiet privati b'missjoni ta' servizz pubbliku, tal-għażla tiegħu u maħtura skont ir-regoli u l-proċeduri tiegħu stess. Membru jew Osservatur għandu jinforma lill-President tal-Assemblea Ġenerali bil-miktub bi kwalunkwe bidla fir-rigward tal-entità rappreżentanti.

6.   Il-Membri u l-Osservaturi kif ukoll l-entitajiet rappreżentanti tagħhom huma elenkati fl-Anness 1. L-Anness 1 għandu jinżamm aġġornat mill-President tal-Assemblea Ġenerali jew minn kwalunkwe persuna awtorizzata minnu/minnha.

Artikolu 4

Dħul ta' Membri u ta' Osservaturi

1.   Id-dħul tal-Membri għandu jkun konformi mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

entità msemmija fl-Artikolu 3(2) għandha tippreżenta applikazzjoni bil-miktub lill-President tal-Assemblea Ġenerali;

(b)

l-applikazzjoni għandha tiddeskrivi l-mod kif l-applikant sejjer ikun involut fl-ICOS RI u kif sejjer jipparteċipa fit-twettiq tal-kompiti u tal-attivitajiet tal-ICOS ERIC deskritti fl-Artikolu 2 u kif sejjer jissodisfa l-obbligi msemmija fl-Artikolu 6(2);

(c)

id-dħul ta' Membri ġodda għandu jeħtieġ l-approvazzjoni tal-Assemblea Ġenerali.

2.   Id-dħul ta' Osservaturi għandu jkun konformi mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

entità msemmija fl-Artikolu 3(3) għandha tippreżenta applikazzjoni bil-miktub lill-President tal-Assemblea Ġenerali;

(b)

l-applikazzjoni għandha tiddeskrivi l-mod kif l-applikant sejjer ikun involut fl-ICOS RI, jekk hux sejjer ikun qiegħed jipparteċipa fit-twettiq tal-objettivi u tal-kompiti tal-ICOS ERIC deskritti fl-Artikolu 2 u kif sejjer jissodisfa l-obbligi ta' Osservatur imsemmija fl-Artikolu 6(4);

(c)

id-dħul ta' Osservatur għandu jeħtieġ l-approvazzjoni tal-Assemblea Ġenerali;

3.   Osservatur jista' jiġi ammess għal massimu ta' tliet snin. Fuq talba tal-Osservatur, l-Assemblea Ġenerali tista' testendi l-perjodu inizjali darba għall-istess tul ta' żmien. F'każijiet eċċezzjonali l-Assemblea Ġenerali tista' taċċetta iktar minn estensjoni waħda ta' status ta' Osservatur.

Artikolu 5

Irtirar ta' Membru jew ta' Osservatur/Terminazzjoni ta' Sħubija jew ta' status ta' Osservatur

1.   Fl-ewwel ħames snin mid-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li twaqqaf l-ICOS ERIC, l-ebda Membru ma jista' jirtira, sakemm l-Assemblea Ġenerali ma taċċettax it-talba tal-Membru li jirtira qabel iż-żmien.

2.   Wara l-perjodu msemmi fil-paragrafu 1 Membru jista' jirtira fl-aħħar ta' sena finanzjarja sakemm dan jinnotifika l-intenzjoni tiegħu li jirtira billi jibgħat talba uffiċjali tnax-il xahar bil-quddiem lill-President tal-Assemblea Ġenerali.

3.   Osservatur jista' jirtira fl-aħħar ta' sena finanzjarja sakemm dan jinnotifika l-intenzjoni tiegħu li jirtira billi jibgħat talba uffiċjali sitt xhur bil-quddiem lill-President tal-Assemblea Ġenerali.

4.   Membru jew Osservatur li jkun sejjer jirtira għandu jissodisfa l-obbligi kollha, inklużi l-obbligi finanzjarji, li jkun daħal għalihom qabel ma rtira.

5.   L-Assemblea Ġenerali tista' ttemm is-Sħubija jew l-istatus ta' Osservatur jekk ikunu sodisfatti l-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin:

(a)

il-Membru jew l-Osservatur jinsab li jkun wettaq ksur serju ta' obbligu wieħed jew iktar tiegħu taħt dawn l-Istatuti;

(b)

il-Membru jew l-Osservatur ikun naqas milli jirrettifika dan il-ksur fi żmien perjodu ta' sitt xhur wara li jkun irċieva notifika bil-miktub tal-ksur; u

(c)

il-Membru jew l-Osservatur ikun ingħata l-opportunità li jippreżenta l-pożizzjoni tiegħu fir-rigward ta' deċiżjoni pendenti ta' terminazzjoni lill-Assemblea Ġenerali.

Artikolu 6

Drittijiet u Obbligi tal-Membri u tal-Osservaturi

1.   Id-drittijiet tal-Membri għandhom jinkludu:

(a)

id-dritt li jaħtru entitajiet rappreżentanti;

(b)

id-dritt li jattendu u jivvotaw fl-Assemblea Ġenerali;

(c)

id-dritt għall-aċċess għas-servizzi u għall-attivitajiet koordinati mill-ICOS ERIC għall-komunità tar-riċerka tagħha.

2.   Kull Membru għandu:

(a)

iħallas il-kontribuzzjoni annwali tas-sħubija speċifikata fl-Anness 2;

(b)

jagħti awtorità sħiħa lir-rappreżentanti tiegħu li jkunu qegħdin jattendu għall-Assemblea Ġenerali biex jirrappreżentaw lill-Membru;

(c)

jiżgura l-adozzjoni ta' standards u ta' għodod rilevanti fl-operazzjonijiet tan-Netwerk Nazzjonali tal-ICOS;

(d)

jipprovdi l-infrastruttura u r-riżorsi meħtieġa għall-operazzjonijiet tan-Netwerk Nazzjonali tal-ICOS u tal-Faċilitajiet Ċentrali tal-ICOS li jkun qiegħed jospita;

(e)

jippromwovi l-użu ta' dejta u ta' servizzi koordinati tal-ICOS ERIC bejn ir-riċerkaturi f'pajjiżhom, u jiġbor rispons mingħand l-utenti kif ukoll il-ħtiġijiet tagħhom.

3.   Id-drittijiet tal-Osservaturi għandhom jinkludu:

(a)

id-dritt li jaħtru entitajiet rappreżentanti;

(b)

id-dritt li jattendu għall-Assemblea Ġenerali mingħajr dritt tal-vot.

Osservatur jista' jingħata drittijiet oħra mill-Assemblea Ġenerali skont il-proċedura stabbilita fir-regoli interni.

4.   Kull Osservatur għandu:

(a)

iħallas il-kontribuzzjoni annwali ta' Osservatur speċifikata fl-Anness 2;

(b)

iwettaq kull obbligu ieħor negozjat bejn l-Osservatur rispettiv u l-ICOS ERIC, u bi qbil mal-Assemblea Ġenerali.

KAPITOLU 3

GOVERNANZA U ĠESTJONI TAL-ICOS ERIC

Artikolu 7

Governanza

1.   L-ICOS ERIC għandha tinkludi l-korpi li ġejjin: l-Assemblea Ġenerali, il-Bord Xjentifiku Konsultattiv, il-Bord Konsultattiv dwar l-Etika, u d-Direttur Ġenerali appoġġjat mill-Kumitat dwar l-Infrastruttura tar-Riċerka tal-ICOS. L-Assemblea Ġenerali tista' twaqqaf korpi konsultattivi oħra li tqis xierqa.

2.   Għandhom jiġu konklużi ftehimiet speċifiċi li jiddeskrivu r-rwoli u r-responsabbiltajiet, inklużi l-obbligi finanzjarji bejn l-ICOS ERIC u l-entitajiet responsabbli għall-ġestjoni tal-Faċilitajiet Ċentrali tal-ICOS u tan-Netwerks Nazzjonali tal-ICOS.

Artikolu 8

Assemblea Ġenerali: Kompożizzjoni, Laqgħat u Proċeduri

1.   L-Assemblea Ġenerali għandha tkun il-korp governattiv tal-ICOS ERIC u għandha tkun magħmula minn rappreżentanti tal-Membri u tal-Osservaturi tal-ICOS ERIC. Kull Membru jista' jkollu sa tliet rappreżentanti. Osservatur jista' jkollu rappreżentant wieħed fl-Assemblea Ġenerali.

2.   L-Assemblea Ġenerali għandha teleġġi President u Viċi President minn bejn ir-rappreżentanti għal terminu ta' sentejn, li jista' jiġġedded darbtejn.

3.   L-Assemblea Ġenerali għandha titlaqqa' u tiġi preseduta mill-President. Fin-nuqqas tiegħu jew tagħha, l-Assemblea Ġenerali għandha tiġi preseduta mill-Viċi President.

4.   L-Assemblea Ġenerali għandha tiltaqa' tal-inqas darba fis-sena u tkun responsabbli għat-tmexxija ġenerali u s-superviżjoni tal-ICOS ERIC u tiddeċiedi dwar l-orjentazzjoni strateġika u l-istruttura tal-ICOS RI.

5.   Laqgħa straordinarja tal-Assemblea Ġenerali tista' tintalab minn tal-inqas terz tal-Membri.

6.   Membru jista' jkun rappreżentat minn Membru ieħor wara notifika bil-miktub lill-President tal-Assemblea Ġenerali. Membru ma jistax jirrappreżenta iktar minn Membru wieħed ieħor.

7.   Id-deċiżjonijiet tal-Assemblea Ġenerali jistgħu jittieħdu wkoll permezz ta' proċedura bil-miktub.

8.   L-Assemblea Ġenerali għandha tadotta r-regoli ta' proċedura tagħha.

Artikolu 9

Drittijiet tal-Vot

1.   Kull Membru għandu tal-inqas ikollu vot wieħed li għandu jiġi supplimentat b'vot addizzjonali għal Membru li jkun qiegħed jospita Faċilità Ċentrali tal-ICOS, il-Portal tal-Karbonju (Carbon Portal) jew l-Uffiċċju Prinċipali, u vot addizzjonali għal Membru li jkun qiegħed jospita erba' stazzjonijiet tal-Klassi-1 tal-ICOS ta' mill-inqas żewġ tipi differenti (stazzjon atmosferiku, tal-ekosistemi, oċeaniku). Kull Membru għandu jkollu massimu ta' tliet voti.

2.   Membri li jkollhom iktar minn vot wieħed ma jistgħux jaqsmu l-voti tagħhom.

3.   Il-President jew fin-nuqqas tiegħu/tagħha l-Viċi President, ma għandu jkollu ebda dritt tal-vot. Il-Membru minn fejn ikun oriġina l-President/Viċi President jista' jinnomina Membru rappreżentant ieħor.

Artikolu 10

Deċiżjonijiet

1.   Biex jintlaħaq kworum, għandu jkun hemm rappreżentanza ta' żewġ terzi tal-Membri kollha.

2.   L-Assemblea Ġenerali għandha tiddeċiedi b'unanimità tal-Membri rappreżentati fir-rigward tal-kwistjonijiet li ġejjin:

(a)

proposti għal emenda tal-Istatuti tal-ICOS ERIC;

(b)

likwidazzjoni u stralċ tal-ICOS ERIC.

3.   L-Assemblea Ġenerali għandha tiddeċiedi b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-voti tal-Membri rappreżentati dwar il-kwistjonijiet li ġejjin:

(a)

approvazzjoni tal-kontijiet annwali tal-ICOS ERIC;

(b)

aċċettazzjoni tar-rapport annwali ta' attività tal-ICOS RI;

(c)

approvazzjoni tal-pjanijiet annwali ta' ħidma u tieħu inkunsiderazzjoni l-baġits u l-pjanijiet finanzjarji indikattivi fuq ħames snin tal-Faċilitajiet Ċentrali tal-ICOS;

(d)

approvazzjoni tal-baġit annwali;

(e)

approvazzjoni tal-istrateġija tal-ICOS ERIC;

(f)

adozzjoni tar-regoli ta' proċedura tagħha stess;

(g)

adozzjoni tar-regoli interni;

(h)

il-ħatra u t-tkeċċija tad-Direttur Ġenerali, u l-ħatra u t-tkeċċija tal-Membri tal-Kumitat dwar l-Infrastruttura tar-Riċerka tal-ICOS;

(i)

il-ħatra u t-tkeċċija tal-Bord Xjentifiku Konsultattiv tal-ICOS ERIC;

(j)

approvazzjoni tal-Membri u tal-Osservaturi ġodda;

(k)

terminazzjoni ta' Sħubija jew ta' status ta' Osservatur;

(l)

approvazzjoni ta' kwalunkwe ftehim ewlieni li jkun ta' importanza sinifikanti għall-operazzjonijiet tal-ICOS RI;

(m)

twaqqif ta' korpi konsultattivi;

(n)

estensjoni tat-terminu tal-ICOS ERIC.

4.   Deċiżjonijiet tal-Assemblea Ġenerali dwar il-kwistjonijiet li ġejjin għandhom jeħtieġu (a) maġġoranza ta' żewġ terzi tal-voti tal-Membri rappreżentati u (b) maġġoranza ta' żewġ terzi tal-kontribuzzjonijiet annwali tas-sħubija mħallsa għall-iktar sena finanzjarja sħiħa reċenti:

(a)

il-livell tal-kontribuzzjonijiet annwali tas-sħubija. Kwalunkwe tibdil fl-istruttura tal-kontribuzzjonijiet li twassal għal kontribuzzjoni akbar b'appoġġ ta' xi wieħed mill-komponenti tal-ICOS RI (Uffiċċju Prinċipali, Portal tal-Karbonju jew Faċilità Ċentrali tal-ICOS) għandu jiġi approvat mill-Membru(i) li jkun/u qegħdin jospita/w il-faċilità affettwata;

(b)

id-deċiżjoni biex il-Faċilitajiet Ċentrali tal-ICOS jiġu rikonoxxuti bħala kruċjali għall-operazzjonijiet tal-ICOS RI;

(c)

l-approvazzjoni ta' rtirar bikri ta' Membru previst fl-Artikolu 5(1).

5.   Kwalunkwe deċiżjoni oħra mill-Assemblea Ġenerali għandha ssir b'maġġoranza sempliċi tal-voti tal-Membri rappreżentati.

Artikolu 11

Direttur Ġenerali

1.   Id-Direttur Ġenerali tal-ICOS ERIC għandu jinħatar mill-Assemblea Ġenerali skont proċedura stabbilita mill-Assemblea Ġenerali. It-terminu għad-Direttur Ġenerali għandu jkun ta' ħames snin, li jista' jiġġedded darbtejn.

2.   Id-Direttur Ġenerali għandu jkun ir-rappreżentant legali tal-ICOS ERIC.

3.   Id-Direttur Ġenerali għandu jwettaq il-ġestjoni ta' kuljum tal-ICOS ERIC u jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet mill-Assemblea Ġenerali, inkluż il-pjan annwali ta' ħidma u l-baġit annwali kif ukoll jissorvelja u jikkoordina l-attivitajiet tal-ICOS RI.

4.   Id-Direttur Ġenerali għandu jkun ibbażat fis-sede statutorja tal-ICOS ERIC u għandu jkun responsabbli għall-ġestjoni tal-persunal u tal-attivitajiet tal-Uffiċċju Prinċipali u tal-Portal tal-Karbonju skont il-baġit tal-ICOS ERIC.

Artikolu 12

Bord Xjentifiku Konsultattiv

1.   L-Assemblea Ġenerali għandha twaqqaf Bord Xjentifiku Konsultattiv independenti.

2.   Is-sħubija u r-regoli ta' proċedura tal-Bord Xjentifiku Konsultattiv għandhom jiġu deċiżi mill-Assemblea Ġenerali u jiġu inklużi fir-regoli interni.

3.   Il-Bord Xjentifiku Konsultattiv għandu:

(a)

jissorvelja l-kwalità xjentifika tal-attivitajiet tal-ICOS RI;

(b)

jagħti rispons u jagħmel rakkomandazzjonijiet għall-iżvilupp tal-attivitajiet tal-ICOS RI;

(c)

kull sena jippreżenta rakkomandazzjonijiet lill-Assemblea Ġenerali.

Artikolu 13

Bord Konsultattiv dwar l-Etika

1.   L-Assemblea Ġenerali għandha twaqqaf Bord Konsultattiv independenti dwar l-Etika biex jagħti pariri u jipprovdi rapporti perjodiċi dwar kwistjonijiet etiċi. Il-Bord Konsultattiv dwar l-Etika għandu jkun magħmul minn tlieta sa ħames persuni indipendenti.

2.   Is-sħubija u r-regoli ta' proċedura tal-Bord Konsultattiv dwar l-Etika għandhom jiġu deċiżi mill-Assemblea Ġenerali u jiġu inklużi fir-regoli interni.

Artikolu 14

Kumitat dwar l-Infrastruttura tar-Riċerka tal-ICOS

1.   Għandu jkun hemm Kumitat dwar l-Infrastruttura tar-Riċerka tal-ICOS (Kumitat tal-ICOS RI) għall-ICOS ERIC. Il-Kumitat tal-ICOS RI għandu jinkludi rappreżentant wieħed mill-Uffiċċju Prinċipali, mill-Portal tal-Karbonju, minn kull Faċilità Ċentrali tal-ICOS u minn kull assemblea tal-istazzjonijiet ta' monitoraġġ, li din tal-aħħar hija magħmula minn esperti xjentifiċi u tekniċi min-Netwerks Nazzjonali tal-ICOS.

2.   Il-Kumitat tal-ICOS RI għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu.

3.   Id-Direttur Ġenerali għandu jikkonsulta mal-Kumitat tal-ICOS RI dwar il-kwistjonijiet ġenerali kollha inkluż it-tfassil ta' proposti għall-Assemblea Ġenerali għat-twaqqif u għall-modifika ta' pjanijiet annwali ta' ħidma marbuta mal-ICOS RI biex tiġi żgurata konsistenza, koerenza u stabbiltà tas-servizzi tal-infrastruttura ta' riċerka.

4.   Il-laqgħat tal-Kumitat tal-ICOS RI għandhom jissejħu mid-Direttur Ġenerali.

KAPITOLU 4

KONTRIBUZZJONIJIET, RESPONSABBILTÀ, ASSIGURAZZJONI U RAPPURTAR

Artikolu 15

Kontribuzzjonijiet u Prinċipji tal-Finanzi

1.   Il-Membri u l-Osservaturi għandhom iħallsu kontribuzzjonijiet annwali kif deskritt fl-Anness 2.

2.   Il-kontribuzzjonijiet annwali tal-Membri u tal-Osservaturi huma kontribuzzjonijiet fi flus. Il-prinċipji għall-kontribuzzjonijiet huma stabbiliti fl-Anness 2 u sejrin ikomplu jiġu definiti fir-regoli interni.

3.   Kontribuzzjonijiet li mhumiex il-kontribuzzjoni annwali lill-ICOS ERIC jistgħu jingħataw minn Membri u minn Osservaturi b'mod individwali jew f'koperazzjoni ma' Membri, Osservaturi jew ma' partijiet terzi oħra.

4.   L-ICOS ERIC tista' wkoll tirċievi donazzjonijiet, għotjiet u kontribuzzjonijiet oħra bl-approvazzjoni tal-Assemblea Ġenerali.

5.   Ir-riżorsi tal-ICOS ERIC għandhom jintużaw għall-għanijiet kif stabbiliti f'dawn l-Istatuti.

6.   Is-sena finanzjarja tal-ICOS ERIC għandha tibda fl-1 ta' Jannar u tintemm fil-31 ta' Diċembru ta' kull sena.

7.   Il-kontijiet tal-ICOS ERIC għandhom ikunu akkumpanjati minn rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja tas-sena finanzjarja.

8.   L-ICOS ERIC għandha tkun soġġetta għar-rekwiżiti legali tal-liġi applikabbli dwar it-tħejjija, il-preżentata, il-verifika u l-pubblikazzjoni tal-kontijiet.

Artikolu 16

Responsabbiltà u Assigurazzjoni

1.   L-ICOS ERIC għandha tkun responsabbli għad-dejn tagħha.

2.   Ir-responsabbiltà finanzjarja tal-Membri lejn id-dejn tal-ICOS ERIC għandha tkun limitata għall-kontribuzzjoni finanzjarja annwali rispettiva tagħhom.

3.   L-ICOS ERIC għandha toħroġ assigurazzjoni adattata biex tkopri r-riskji tal-attivitajiet tagħha.

Artikolu 17

Rapportar

1.   L-ICOS ERIC għandha tipproduċi rapport annwali ta' attività, li b'mod partikolari għandu jinkludi l-aspetti xjentifiċi, operattivi u finanzjarji tal-attivitajiet tagħha. Ir-rapport għandu jiġi approvat mill-Assemblea Ġenerali u jiġi preżentat lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet pubbliċi rilevanti fi żmien sitt xhur mit-tmiem tas-sena finanzjarja korrispondenti. Ir-rapport għandu jkun disponibbli għall-pubbliku.

2.   L-ICOS ERIC għandha tinforma lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe ċirkostanza li thedded li tipperikola serjament il-kisba tal-kompiti tal-ICOS ERIC jew li tfixkel lill-ICOS ERIC milli tissodisfa r-rekwiżiti stipulati fir-Regolament (KE) Nru 723/2009.

KAPITOLU 5

POLITIKI

Artikolu 18

Politika dwar id-dejta u Politika dwar id-Drittijiet ta' Propjetà Intellettwali

1.   Id-dejta tal-ICOS RI kif ukoll id-drittijiet ta' propjetà intellettwali u għarfien ieħor relatat mad-dejta tal-ICOS RI li jiġi prodott u żviluppat fl-ICOS RI, għandu jappartjeni għall-entità jew għall-persuna li tkun iġġeneratu. Il-fornituri tad-dejta għandhom jagħtu lill-ICOS ERIC id-dritt li tuża d-dejta tal-ICOS RI skont il-kundizzjonijiet definiti fid-dokument ta' politika dwar id-dejta tal-ICOS.

2.   L-ICOS ERIC għandha tadotta prinċipji u regoli komuni sabiex jiġi żgurat aċċess għall-għarfien xjentifiku tal-ICOS RI. Il-fornituri tad-dejta u l-awturi għandhom jiġu rikonoxxuti b'mod xieraq.

Artikolu 19

Politika ta' aċċess għall-utenti u Politika ta' Disseminazzjoni

1.   L-ICOS ERIC għandha twaqqaf proċeduri siguri, ġusti u trasparenti sabiex l-utenti kollha tad-dejta jingħataw aċċess għad-dejta tal-ICOS.

2.   Jekk għal raġunijiet ta' kapaċità l-aċċess għar-riċerka għall-faċilitajiet u għas-servizzi tal-ICOS RI jkollu jiġi ristrett il-kriterji tal-għażla għandhom ikunu bbażati fuq l-eċċellenza xjentifika tal-proposti skont il-proċedura stabbilita fir-regoli interni.

3.   Il-fornituri tad-dejta u l-ICOS ERIC għandhom jinkoraġġixxu lir-riċerkaturi biex jagħmlu r-riżultati tar-riċerka tagħhom disponibbli għall-pubbliku u għandhom jitolbu lir-riċerkaturi tal-pajjiżi membri biex jagħmlu r-riżultati disponibbli permezz tal-ICOS ERIC.

4.   Sabiex tilħaq diversi udjenzi fil-mira l-ICOS ERIC għandha tuża diversi mezzi, bħal pereżempju portal tal-Internet, bulettini, sessjonijiet ta' ħidma, preżenza fil-konferenzi, artikli f'rivisti u f'gazzetti ta' kuljum.

Artikolu 20

Evalwazzjoni

1.   Kull 5 snin bord independenti ta' evalwaturi esterni internazzjonali tal-ogħla kwalità, maħtur mill-Assemblea Ġenerali, għandu jwettaq:

(a)

valutazzjonijiet xjentifiċi u tal-ġestjoni tal-attivitajiet tal-ICOS ERIC;

(b)

valutazzjoni tal-attivitajiet tal-ICOS RI, tal-orjentazzjoni xjentifika u strateġika u tal-operat tal-komponenti kollha tal-ICOS RI.

Il-bord għandu jagħti attenzjoni speċjali sabiex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti tal-utenti.

2.   Ir-riżultati tal-valutazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu rapportati lill-Assemblea Ġenerali.

Artikolu 21

Impjiegi

L-ICOS ERIC għandha tħaddan politika ta' opportunitajiet indaqs. Il-pożizzjonijiet vakanti kollha fl-ICOS ERIC għandhom jitħabbru pubblikament.

Artikolu 22

Politika dwar l-Akkwist u l-Eżenzjoni mit-Taxxa

1.   L-ICOS ERIC għandha tittratta l-kandidati u l-offerenti għall-akkwist pubbliku b'mod ugwali u b'mod mhux diskriminatorju, indipendentement minn jekk ikunux ibbażati fl-Unjoni Ewropea jew le. Il-politika dwar l-akkwist tal-ICOS ERIC għandha ssegwi l-prinċipji ta' trasparenza, nuqqas ta' diskriminazzjoni u kompetizzjoni.

2.   Id-Direttur Ġenerali għandu jkun responsabbli għall-akkwisti kollha tal-ICOS ERIC. L-offerti għandhom jiġu ppubblikati fuq is-sit web tal-ICOS ERIC u fit-territorji tal-Membri u tal-Osservaturi. Id-deċiżjoni li jingħata l-akkwist għandha tiġi mgħarrfa lill-pubbliku u tinkludi ġustifikazzjoni sħiħa. L-ICOS ERIC għandha twaqqaf il-politika tal-akkwist tagħha stess.

3.   L-akkwisti minn Membri u minn Osservaturi li jittrattaw l-attivitajiet tal-ICOS ERIC għandhom isiru b'tali mod li tingħata konsiderazzjoni dovuta lill-ħtiġijiet, lir-rekwiżiti u lill-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-ICOS ERIC maħruġa mill-korpi rilevanti.

4.   Il-politika dwar l-akkwist tal-ICOS ERIC għandha tintuża għall-ICOS RI kollha kull meta dan ikun fattibbli.

5.   L-eżenzjonijiet mit-taxxa bbażati fuq l-Artikolu 143(1)(g) u l-Artikolu 151(1)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (1) u skont l-Artikoli 50 u 51 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011 (2) għandhom ikunu limitati għat-taxxa fuq il-valur miżjud għal tali oġġetti u servizzi li huma għall-użu uffiċjali tal-ICOS ERIC, li jaqbżu l-valur ta' EUR 250, u li jkunu totalment imħallsa u akkwistati mill-ICOS ERIC. L-eżenzjonijiet mit-taxxa għandhom japplikaw għal attivitajiet mhux ekonomiċi. Ma għandhomx japplikaw għal attivitajiet ekonomiċi. L-akkwist li jsir mill-membri individwali ma għandux jibbenefika minn dawn l-eżenzjonijiet. Ma għandhomx japplikaw iktar limiti.

KAPITOLU 6

TERMINU, STRALĊ, TILWIM, U DISPOŻIZZJONIJIET DWAR L-ISTABBILIMENT

Artikolu 23

Terminu

L-ICOS ERIC għandha tiġi stabbilita għal perjodu inizjali ta' għoxrin sena li jista' jiġġedded permezz ta' deċiżjoni tal-Assemblea Ġenerali.

Artikolu 24

Stralċ u insolvenza

1.   L-istralċ tal-ICOS ERIC għandu jeħtieġ deċiżjoni tal-Assemblea Ġenerali skont l-Artikolu 10(2)(b) u l-Kummissjoni Ewropea għandha tiġi notifikata b'dan fi żmien għaxart ijiem mill-adozzjoni tiegħu.

2.   L-assi li jibqgħu wara l-ħlas tad-dejn tal-ICOS ERIC għandhom jitqassmu bejn il-Membri skont il-kontribuzzjoni kumulattiva tagħhom lill-ICOS ERIC li tkun saret matul il-ħames snin konsekuttivi qabel l-istralċ.

3.   Mingħajr dewmien bla bżonn u fi kwalunkwe każ fi żmien għaxart ijiem mill-għeluq tal-proċedura ta' stralċ, l-ICOS ERIC għandha tinnotifika lill-Kummissjoni dwar dan.

4.   L-ICOS ERIC għandha tieqaf teżisti fil-jum li fih il-Kummissjoni Ewropea tippubblika l-avviż xieraq f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

5.   Fi kwalunkwe ħin, fil-każ li l-ICOS ERIC ma tkunx tista' tħallas id-dejn tagħha, għandha tinnotifika minnufih lill-Kummissjoni dwar dan.

Artikolu 25

Regoli Interni

Dawn l-Istatuti għandhom jiġu implimentati permezz ta' regoli interni li għandhom jiġu adottati mill-Assemblea Ġenerali.

Artikolu 26

Emendi għall-Istatuti

1.   L-emendi jistgħu jiġu proposti lill-Assemblea Ġenerali minn kwalunkwe Membru jew mid-Direttur Ġenerali.

2.   Proposti għal emendi għal dawn l-Istatuti jistgħu jiġu adottati mill-Assemblea Ġenerali u jiġu preżentati lill-Kummissjoni Ewropea skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 723/2009.

Artikolu 27

Liġi Applikabbli

It-twaqqif u l-funzjonament intern tal-ICOS ERIC għandu jkun regolat:

(a)

mid-dritt tal-Unjoni, b'mod partikolari bir-Regolament (KE) Nru 723/2009;

(b)

mil-liġi tal-istat ospitanti fil-każ ta' materja li ma tkunx koperta (jew tkun parzjalment koperta biss) mid-dritt tal-Unjoni;

(c)

minn dawn l-Istatuti u r-regoli implimentattivi tagħhom.

Artikolu 28

Tilwim

1.   Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jkollha l-ġurisdizzjoni fuq il-litigazzjoni bejn il-Membri fir-rigward tal-ICOS ERIC, bejn il-Membri u l-ICOS ERIC u fuq kwalunkwe litigazzjoni li l-Unjoni hija parti tagħha.

2.   Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-ġurisdizzjoni għandha tapplika għal tilwim bejn l-ICOS ERIC u partijiet terzi. Fil-każijiet li ma jkunux koperti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, il-liġi tal-istat ospitanti għandha tiddetermina l-ġurisdizzjoni kompetenti għar-riżoluzzjoni ta' dan it-tilwim.

Artikolu 29

Disponibbiltà tal-Istatuti

L-Istatuti għandhom jinżammu aġġornati u jkunu disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit web tal-ICOS ERIC u fis-sede statutorja.

Artikolu 30

Dispożizzjonijiet dwar l-Istabbiliment

1.   Il-pajjiż ospitanti għandu jsejjaħ laqgħa kostituzzjonali tal-Assemblea Ġenerali kemm jista' jkun malajr wara d-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li twaqqaf l-ICOS ERIC.

2.   Il-pajjiż ospitanti għandu jinnotifika lill-Membri fundaturi u lill-Osservaturi bi kwalunkwe azzjoni legali urġenti speċifika li teħtieġ li tittieħed għan-nom tal-ICOS ERIC qabel ma ssir il-laqgħa kostituzzjonali u mhux iktar tard minn ħamsa u erbgħin jum kalendarju minn meta tidħol fis-seħħ id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li twaqqaf l-ICOS ERIC, kif elenkat fl-Anness 1. Sakemm Membru ma joġġezzjonax fi żmien ħamest ijiem ta' xogħol wara li jiġi notifikat, l-azzjoni legali għandha ssir minn persuna awtorizzata mill-istat ospitanti.


(1)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1).

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011 tal-15 ta' Marzu 2011 li jistabbilixxi miżuri ta' implimentazzjoni fir-rigward tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 77, 23.3.2011, p. 1).

ANNESS 1

IL-MEMBRI U L-OSSERVATURI U L-ENTITAJIET RAPPREŻENTANTI ATTWALI TAGĦHOM

Dan l-Anness jelenka l-Membri u l-Osservaturi, u l-entitajiet li jirrappreżentawhom.

IL-MEMBRI

Pajjiż jew Organizzazzjoni intergovernattiva

Entità rappreżentanti

IR-RENJU TAL-BELĠJU

L-UFFIĊĊJU TAL-POLITIKA XJENTIFIKA BELĠJANA (BELSPO)

IR-REPUBBLIKA TAL-FINLANDJA

MINISTERU TAL-EDUKAZZJONI U TAL-KULTURA;

MINISTERU TAT-TRASPORT U L-KOMUNIKAZZJONI

IR-REPUBBLIKA TA' FRANZA

IL-KUMMISSJONI FRANĊIŻA DWAR L-ENERĠIJI ALTERNATTIVI U L-ENERĠIJA ATOMIKA (CEA);

IĊ-ĊENTRU NAZZJONALI GĦAR-RIĊERKA XJENTIFIKA (CNRS);

L-ISTITUT NAZZJONALI FRANĊIŻ GĦAR-RIĊERKA DWAR L-AGRIKOLTURA (INRA)

IR-REPUBBLIKA FEDERALI TAL-ĠERMANJA

MINISTERU FEDERALI TAT-TRASPORT (BMVI)

IR-REPUBBLIKA TAL-ITALJA

CONSIGLIO NATIONALE DELLE RICERCHE — DIPARTIMENTO DI SCIENZE DEL SISTEMA TERRA E TECNOLOGIE AMBIENTALI (CNR-DTA);

CENTRO EURO-MEDITERRANEO SUI CAMBIAMENTI CLIMATICI (CMCC);

ICOS-IT, UNITÀ KONĠUNTA TAR-RIĊERKA

IR-RENJU TAN-NETHERLANDS

NEDERLANDSE ORGANISATIE VOOR WETENSCHAPPELIJK ONDERZOEK (NWO)

IR-RENJU TAN-NORVEĠJA

IL-KUNSILL TAR-RIĊERKA TAN-NORVEĠJA

IR-RENJU TAL-IŻVEZJA

KUNSILL ŻVEDIŻ TAR-RIĊERKA

L-OSSERVATURI

Pajjiż jew Organizzazzjoni intergovernattiva

Entità rappreżentanti

IL-KONFEDERAZZJONI ŻVIZZERA

ETH ZURICH

ANNESS 2

KONTRIBUZZJONIJIET ANNWALI

DAĦLA

L-iffinanzjar tan-Netwerks Nazzjonali tal-ICOS jiġi organizzat fuq livell nazzjonali, u l-finanzjament mhuwiex inkluż fil-kontribuzzjonijiet tal-pajjiżi ospitanti. Il-Faċilitajiet Ċentrali tal-ICOS, li jiġu operati barra mill-ICOS ERIC jew bħala konsorzji nazzjonali jew multi-nazzjonali, fil-parti kbira jiġu ffinanzjati mill-pajjiżi ospitanti u f'livell inqas mill-ICOS ERIC permezz ta' riallokazzjoni tal-kontribuzzjonijiet annwali. L-attivitajiet integrati tal-ICOS ERIC jiġu ffinanzjati permezz ta' kontribuzzjonijiet annwali u minn kontribuzzjonijiet primjum tal-pajjiżi ospitanti.

PRINĊIPJI

Il-kontribuzzjoni annwali tas-sħubija għall-ICOS ERIC hija bbażata fuq il-fatturi varjabbli li ġejjin:

—

Kontribuzzjoni komuni bażika (50 % tal-kontribuzzjonijiet komuni)

—

Kontribuzzjoni komuni abbażi tal-ING (50 % tal-kontribuzzjonijiet komuni)

—

Kontribuzzjonijiet abbażi tal-istazzjon

Il-pajjiżi ospitanti huma impenjati li jħallsu l-kontribuzzjoni primjum tal-pajjiż ospitanti lill-ICOS ERIC (HO, CP).

L-Osservatur sejjer iħallas kontribuzzjoni annwali tal-osservaturi bbażata fuq l-istess metodu ta' kalkolu tal-Membri.

Membru jew Osservatur li jissieħeb mal-ICOS ERIC sejjer iħallas il-kontribuzzjoni annwali sħiħa għas-sena tad-dħul.

Il-kontribuzzjonijiet annwali ta' Organizzazzjonijiet Intergovernattivi għandhom jiġu deċiżi mill-Assemblea Ġenerali.

Il-baġit u l-attivitajiet tal-ICOS ERIC sejrin jiġu aġġustati skont id-dħul.

Impenji inizjali

Qabel jintemm il-perjodu inizjali ta' 5 snin l-Assemblea Ġenerali sejra tiddeċiedi dwar il-metodu ta' kalkolu għall-perjodi sussegwenti.

(a)

L-impenn inizjali għall-Membri huwa ta' 5 snin (sakemm l-AĠ ma tiddeċidix mod ieħor). Ma hemm l-ebda impenn inizjali għall-Osservaturi;

(b)

L-istruttura indikattiva tad-dħul tal-ICOS ERIC għal ħames hija indikata hawn taħt (Tabella 1) u hija bbażata fuq parteċipazzjoni stmata tal-pajjiżi li ffirmaw l-Ittra ta' Intenzjoni;

(c)

Il-kontribuzzjoni primjum massima relattiva tal-pajjiż ospitanti għall-ewwel baġit ta' 5 snin tal-Uffiċċju Prinċipali jew tal-Portal tal-Karbonju ma tistax taqbeż it-80 % tal-baġit annwali ta' kull komponent;

(d)

Il-baġit totali inizjali ta' 5 snin tal-ICOS RI huwa deskritt fid-dettall fil-pjan finanzjarju (il-post għad irid jiġi speċifikat);

(e)

Il-kontribuzzjonijiet annwali huma elenkati fit-Tabella 2; Nota: il-baġit huwa stima bbażata fuq l-intenzjoni tal-pajjiżi li jsiru ICOS ERIC fl-2013. L-ewwel AĠ għandu jirrevedih abbażi tas-sħubija finali.

Tabella 1

Il-pjan għall-istruttura tad-dħul u tal-infiq għall-ICOS ERIC għall-ewwel ħames snin, ikkalkolat abbażi tal-istimi fit-Tabella 2

Dħul, kEUR

2015

2016

2017

2018

2019

Kontribuzzjoni komuni bażika

166

154

154

154

154

Kontribuzzjoni komuni abbażi tal-ING

176

171

171

171

171

Kontribuzzjoni abbażi tal-istazzjon

616

859

859

859

859

Kontribuzzjoni primjum tal-pajjiż ospitanti (HO)

950

950

950

950

950

Kontribuzzjoni primjum tal-pajjiż ospitanti (CP)

859

859

859

859

859

Total

2 767

2 993

2 993

2 993

2 993

 

 

 

 

 

 

Nefqa, kEUR

2015

2016

2017

2018

2019

Uffiċċju Prinċipali u attivitajiet komuni

1 135

1 126

1 126

1 126

1 126

Attivitajiet tal-Portal tal-Karbonju

1 016

1 008

1 008

1 008

1 008

Attivitajiet tal-Faċilitajiet Ċentrali

616

859

859

859

859

Total

2 767

2 993

2 993

2 993

2 993


Tabella 2

Stima tal-kontribuzzjonijiet annwali u tal-kontribuzzjonijiet primjum tal-pajjiż ospitanti lill-ICOS ERIC għall-ewwel ħames snin ta' operat

Pajjiż Membru/Osservatur*

Kontribuzzjoni annwali

2015

2016

2017

2018

2019

Il-Belġju

—

TOTAL

57 836

95 199

95 199

95 199

95 199

—

Kontr. komuni bażika

18 462

17 143

17 143

17 143

17 143

—

Kontr. komuni abbażi tal-ING

7 625

7 407

7 407

7 407

7 407

—

Kontribuzzjoni abbażi tal-istazzjon

31 750

70 650

70 650

70 650

70 650

Il-Finlandja

—

TOTAL

112 938

133 009

133 009

133 009

133 009

—

Kontr. komuni bażika

18 462

17 143

17 143

17 143

17 143

—

Kontr. komuni abbażi tal-ING

3 877

3 766

3 766

3 766

3 766

—

Kontribuzzjoni abbażi tal-istazzjon

90 600

112 100

112 100

112 100

112 100

—

Kontribuzzjoni primjum tal-pajjiż ospitanti

900 000

900 000

900 000

900 000

900 000

Franza

—

TOTAL

163 087

182 067

182 067

182 067

182 067

—

Kontr. komuni bażika

18 462

17 143

17 143

17 143

17 143

—

Kontr. komuni abbażi tal-ING

42 026

40 825

40 825

40 825

40 825

—

Kontribuzzjoni abbażi tal-istazzjon

102 600

124 100

124 100

124 100

124 100

—

Kontribuzzjoni primjum tal-pajjiż ospitanti

50 000

50 000

50 000

50 000

50 000

Il-Ġermanja

—

TOTAL

205 424

288 461

288 461

288 461

288 461

—

Kontr. komuni bażika

18 462

17 143

17 143

17 143

17 143

—

Kontr. komuni abbażi tal-ING

54 012

52 468

52 468

52 468

52 468

—

Kontribuzzjoni abbażi tal-istazzjon

132 950

218 850

218 850

218 850

218 850

L-Italja

—

TOTAL

95 052

92 796

92 796

92 796

92 796

—

Kontr. komuni bażika

18 462

17 143

17 143

17 143

17 143

—

Kontr. komuni abbażi tal-ING

32 790

31 853

31 853

31 853

31 853

—

Kontribuzzjoni abbażi tal-istazzjon

43 800

43 800

43 800

43 800

43 800

In-Netherlands

—

TOTAL

57 237

66 314

66 314

66 314

66 314

—

Kontr. komuni bażika

18 462

17 143

17 143

17 143

17 143

—

Kontr. komuni abbażi tal-ING

12 375

12 021

12 021

12 021

12 021

—

Kontribuzzjoni abbażi tal-istazzjon

26 400

37 150

37 150

37 150

37 150

—

Kontribuzzjoni primjum tal-pajjiż ospitanti

139 338

139 338

139 338

139 338

139 338

In-Norveġja

—

TOTAL

89 285

109 272

109 272

109 272

109 272

—

Kontr. komuni bażika

18 462

17 143

17 143

17 143

17 143

—

Kontr. komuni abbażi tal-ING

6 773

6 579

6 579

6 579

6 579

—

Kontribuzzjoni abbażi tal-istazzjon

64 050

85 550

85 550

85 550

85 550

L-Iżvezja (1)

—

TOTAL

123 133

153 851

153 851

153 851

153 851

—

Kontr. komuni bażika

18 462

17 143

17 143

17 143

17 143

—

Kontr. komuni abbażi tal-ING

7 472

7 258

7 258

7 258

7 258

—

Kontribuzzjoni abbażi tal-istazzjon

97 200

129 450

129 450

129 450

129 450

—

Kontribuzzjoni primjum tal-pajjiż ospitanti

719 259

719 259

719 259

719 259

719 259

L-Iżvizzera*

—

TOTAL

54 114

63 281

63 281

63 281

63 281

—

Kontr. komuni bażika

18 462

17 143

17 143

17 143

17 143

—

Kontr. komuni abbażi tal-ING

9 253

8 988

8 988

8 988

8 988

—

Kontribuzzjoni abbażi tal-istazzjon

26 400

37 150

37 150

37 150

37 150

TOTAL FINALI

2 766 703

2 992 848

2 992 848

2 992 848

2 992 848


(1)  Il-kontribuzzjoni annwali totali għall-Iżvezja ma għandhiex taqbeż 7 750 000 SEK.