|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/297 |
13.2.2025 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/297
tal-31 ta’ Ottubru 2024
li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2023/1114 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kundizzjonijiet għall-istabbiliment u l-funzjonament ta’ kulleġġi superviżorji konsultattivi
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2023/1114 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2023 dwar is-swieq fil-kriptoassi, u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 1095/2010 u d-Direttivi 2013/36/UE u (UE) 2019/1937 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 119(8), it-tielet subparagrafu, tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Skont l-Artikolu 119(1) tar-Regolament (UE) 2023/1114, l-Awtorità Bankarja Ewropea (“EBA”) għandha tistabbilixxi, timmaniġġja u tippresjedi kulleġġ superviżorju konsultattiv (“il-kulleġġ”) għal kull emittent ta’ token irreferenzjat ma’ assi sinifikanti jew ta’ token tal-flus elettroniċi sinifikanti, biex tiffaċilita t-twettiq ta’ kompiti superviżorji u tippermetti l-koordinazzjoni tal-attivitajiet superviżorji skont dak ir-Regolament. L-Artikolu 119(2) tiegħu jelenka l-entitajiet li jinkludu s-sħubija ewlenija tal-kulleġġi. |
|
(2) |
Sabiex jiġi żgurat funzjonament konsistenti u koerenti ta’ tali kulleġġi madwar l-Unjoni Ewropea, l-EBA għandha tiddetermina, skont l-Artikolu 119(8), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2023/1114, liema mill-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 119(2), il-punti (d), (e), (f), (h), ta’ dak ir-Regolament jitqiesu li huma l-aktar rilevanti u, skont l-Artikolu 119(2), il-punt (l), ta’ dak ir-Regolament, li fihom token irreferenzjat ma’ assi jew token tal-flus elettroniċi jitqies li jintuża fuq skala kbira. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-EBA tqis l-entitajiet li jikklassifikaw l-ogħla abbażi ta’ kriterji xierqa, il-partikolaritajiet ta’ kull każ u l-bilanċ bejn il-ħtieġa li tiġi żgurata rappreżentanza xierqa tal-awtoritajiet kompetenti rilevanti fil-kulleġġ u l-ħtieġa li jiġi żgurat il-funzjonament effettiv tal-kulleġġ. |
|
(3) |
Jenħtieġ ukoll li l-EBA tkun tista’ tiddeċiedi li tistieden biex isiru membru tal-kulleġġ lill-awtoritajiet kompetenti ta’ xi wħud biss mill-entitajiet meqjusa bħala l-aktar rilevanti skont l-Artikolu 119(2), il-punti (d), (e), (f) u (h), tar-Regolament (UE) 2023/1114, fejn l-EBA tkun tal-fehma li dawk l-entitajiet huma l-uniċi rilevanti fil-kategorija tagħhom għall-ħidma tal-kulleġġ. |
|
(4) |
Jenħtieġ li l-EBA tivvaluta mill-ġdid, mill-inqas kull sentejn, liema awtoritajiet jikkwalifikaw biex ikunu membri tal-kulleġġ skont l-Artikolu 119(2), il-punti (d), (e), (f), (h) u (l), tar-Regolament (UE) 2023/1114. Il-frekwenza tar-rivalutazzjoni jenħtieġ li tiġi ddeterminata filwaqt li titqies il-ħtieġa li tiġi żgurata rappreżentanza xierqa tal-awtoritajiet kompetenti rilevanti fil-kulleġġ, peress li dawn jistgħu jinbidlu maż-żmien, b’mod partikolari bħala riżultat tal-iżviluppi tas-suq li jaffettwaw it-token irreferenzjat ma’ assi jew it-token tal-flus elettroniċi, kif ukoll il-ħtieġa li tiġi żgurata l-istabbiltà tal-kulleġġ. |
|
(5) |
F’konformità mal-Artikolu 119(6) tar-Regolament (UE) 2023/1114, l-istabbiliment u l-funzjonament tal-kulleġġ jenħtieġ li jkunu bbażati fuq ftehim bil-miktub bejn il-membri tiegħu. Filwaqt li titqies l-iskeda ta’ żmien stabbilita fl-Artikolu 119(1) ta’ dak ir-Regolament għall-istabbiliment tal-kulleġġ, huwa xieraq li jiġu speċifikati f’dan ir-Regolament l-arranġamenti prattiċi għall-konklużjoni tal-ftehim bil-miktub. |
|
(6) |
Il-membri tal-kulleġġ jenħtieġ li jiddiskutu kwalunkwe inkarigu possibbli ta’ kompiti fost il-membri tal-kulleġġ skont l-Artikolu 119(5), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2023/1114. Meta kulleġġ ikun stabbilit għal istituzzjoni ta’ kreditu li toħroġ token tal-flus elettroniċi sinifikanti, li għaliha r-responsabbiltà superviżorja skont ir-Regolament (UE) 2023/1114 tibqa’ f’idejn l-awtorità superviżorja prudenzjali kompetenti u ma tiġix ittrasferita lill-EBA, jenħtieġ li din tal-aħħar tkun tista’ tafda l-kompiti tagħha bħala president tal-kulleġġ imsemmi fl-Artikolu 119(7), il-punti (b) sa (e), tar-Regolament (UE) 2023/1114 lil, jew tikkondividihom ma’, l-awtorità superviżorja prudenzjali kompetenti biex tissorvelja dik l-istituzzjoni tal-kreditu. Tali inkarigu jew kondiviżjoni tal-kompiti tista’ tkun meħtieġa biex tiġi żgurata koordinazzjoni aktar effiċjenti tal-kulleġġ, peress li dik l-awtorità tkun f’pożizzjoni aħjar biex tikkoordina u tikkomunika ma’ awtoritajiet oħra rilevanti għall-istituzzjoni ta’ kreditu inkwistjoni u jkollha għarfien aħjar tas-sitwazzjoni ta’ dik l-istituzzjoni ta’ kreditu. Madankollu, jenħtieġ li l-EBA tibqa’ inkarigata mill-istabbiliment ta’ arranġamenti u proċeduri bil-miktub għall-funzjonament tal-kulleġġ, wara li tikkonsulta lill-membri l-oħra tal-kulleġġ, kif meħtieġ mill-Artikolu 119(7), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2023/1114, biex tiżgura li żżomm is-sorveljanza tal-presidenza tal-kulleġġ. Il-ftehim bil-miktub imsemmi fl-Artikolu 119(6) ta’ dak ir-Regolament jenħtieġ li jiddeskrivi wkoll l-arranġamenti dwar l-inkarigu volontarju tal-kompiti fost il-membri tiegħu skont l-Artikolu 119(5), il-punt (c), ta’ dak ir-Regolament, fejn tali inkarigu jseħħ. |
|
(7) |
Il-president tal-kulleġġ jenħtieġ li jkollu l-possibbiltà li jistieden awtoritajiet oħra, li mhumiex membri tal-kulleġġ, biex jattendu laqgħa tal-kulleġġ, jew punt partikolari tal-aġenda. Dan jista’ jinkludi awtoritajiet relatati mal-emittent ta’ token irreferenzjat ma’ assi sinifikanti jew ma’ token tal-flus elettroniċi sinifikanti, jew mal-grupp li jappartjeni għalih, abbażi ta’ leġiżlazzjoni settorjali oħra, bħas-superviżur konsolidanti ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, kif definit fl-Artikolu 4(1), il-punt (41), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), jew is-superviżur ewlieni tal-kulleġġ superviżorju rilevanti kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, skont il-każ. Il-president tal-kulleġġ jenħtieġ li jiddeċiedi liema informazzjoni hija rilevanti għal dawk l-awtoritajiet u jinvolvihom fil-laqgħa jew l-attività rilevanti tal-kulleġġ kif xieraq. |
|
(8) |
Il-membri tal-kulleġġ li huma involuti f’laqgħa jew attività partikolari tal-kulleġġ jenħtieġ li jiskambjaw dokumenti u kontributi għad-dokumenti ta’ ħidma b’biżżejjed żmien minn qabel biex il-parteċipanti kollha fil-laqgħa tal-kulleġġ ikunu jistgħu jikkontribwixxu b’mod attiv għad-diskussjonijiet. Il-perjodi ta’ żmien minimi għall-valutazzjoni tad-dokumentazzjoni rilevanti mill-membri tal-kulleġġ jenħtieġ li jiġu speċifikati fil-ftehim bil-miktub imsemmi fl-Artikolu 119(6) tar-Regolament (UE) 2023/1114, filwaqt li jitqiesu l-kumplessità tal-ħidma u d-daqs tal-kulleġġ, is-suġġett inkwistjoni u kwalunkwe skeda ta’ żmien rilevanti stabbilita f’dak ir-Regolament. |
|
(9) |
Sabiex jiġu ffaċilitati l-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni fost il-membri tal-kulleġġ, huwa xieraq li jiġi speċifikat aktar il-qafas ġenerali għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-membri tal-kulleġġ. |
|
(10) |
Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentat lill-Kummissjoni mill-EBA. |
|
(11) |
L-EBA wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Determinazzjoni tal-entitajiet l-aktar rilevanti msemmija fl-Artikolu 119(2), il-punti (d), (e), (f) u (h) tar-Regolament (UE) 2023/1114
1. Għall-fini tad-determinazzjoni tal-entitajiet l-aktar rilevanti msemmija fl-Artikolu 119(2), il-punt (d) tar-Regolament (UE) 2023/1114, l-EBA għandha tqis, b’mod partikolari, dan kollu li ġej:
|
(a) |
meta jiġi stabbilit kulleġġ superviżorju konsultattiv (“kulleġġ”) għal emittent ta’ token irreferenzjat ma’ assi sinifikanti jew għal istituzzjoni tal-flus elettroniċi li toħroġ token tal-flus elettroniċi sinifikanti, it-tliet fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi, istituzzjonijiet ta’ kreditu jew ditti ta’ investiment li kellhom f’kustodja l-ogħla valur tal-assi ta’ riżerva msemmija fl-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) 2023/1114 matul il-perjodu referenzjarju, kif definit fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament; |
|
(b) |
meta jiġi stabbilit kulleġġ għal istituzzjoni ta’ kreditu li toħroġ token tal-flus elettroniċi sinifikanti, it-tliet fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi, istituzzjonijiet ta’ kreditu jew ditti ta’ investiment li kellhom f’kustodja l-ogħla perċentwal tal-fondi riċevuti bi skambju għat-tokens tal-flus elettroniċi, matul il-perjodu referenzjarju, kif definit fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament. |
2. Għall-fini tad-determinazzjoni tal-entitajiet l-aktar rilevanti msemmija fl-Artikolu 119(2), il-punt (e) tar-Regolament (UE) 2023/1114, l-EBA għandha tqis, b’mod partikolari, dan kollu li ġej:
|
(a) |
it-tliet fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi li jiżguraw l-operat ta’ pjattaforma ta’ negozjar għall-kriptoassi li jkunu eżegwew l-ogħla numru medju ta’ tranżazzjonijiet kuljum mat-token irreferenzjat ma’ assi sinifikanti jew mat-token tal-flus elettroniċi sinifikanti, matul il-perjodu ta’ referenza definit fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament; |
|
(b) |
it-tliet fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi li jiżguraw l-operat ta’ pjattaforma ta’ negozjar għall-kriptoassi li jkunu eżegwew l-ogħla valur aggregat medju ta’ tranżazzjonijiet kuljum mat-token irreferenzjat ma’ assi sinifikanti jew it-token tal-flus elettroniċi sinifikanti, matul il-perjodu ta’ referenza definit fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament. |
3. Għall-fini tad-determinazzjoni tal-entitajiet l-aktar rilevanti msemmija fl-Artikolu 119(2), il-punt (f) tar-Regolament (UE) 2023/1114, l-EBA għandha tqis, b’mod partikolari, dan kollu li ġej:
|
(a) |
it-tliet fornituri ta’ servizzi ta’ pagament li wettqu l-ogħla għadd medju ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagament, kif definit fl-Artikolu 4, il-punt (5) tad-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), fir-rigward tat-token tal-flus elettroniċi sinifikanti kuljum, matul il-perjodu ta’ referenza definit fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament; |
|
(b) |
it-tliet fornituri ta’ servizzi ta’ pagament li wettqu l-ogħla valur aggregat medju ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagament, kif definit fl-Artikolu 4, il-punt (5) tad-Direttiva (UE) 2015/2366, fir-rigward tat-token tal-flus elettroniċi sinifikanti kuljum, matul il-perjodu ta’ referenza definit fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament. |
4. Għall-fini tad-determinazzjoni tal-entitajiet l-aktar rilevanti msemmija fl-Artikolu 119(2), il-punt (h) tar-Regolament (UE) 2023/1114, l-EBA għandha tqis, b’mod partikolari, dan kollu li ġej:
|
(a) |
it-tliet fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi li jipprovdu l-kustodja u l-amministrazzjoni ta’ kriptoassi f’isem il-klijenti li jkunu eżegwew l-ogħla numru medju ta’ tranżazzjonijiet kuljum mat-token irreferenzjat ma’ assi sinifikanti jew mat-token tal-flus elettroniċi sinifikanti, matul il-perjodu ta’ referenza definit fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament; |
|
(b) |
it-tliet fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi li jipprovdu l-kustodja u l-amministrazzjoni ta’ kriptoassi f’isem il-klijenti li jkunu eżegwew l-ogħla valur aggregat medju ta’ tranżazzjonijiet kuljum mat-token irreferenzjat ma’ assi sinifikanti jew mat-token tal-flus elettroniċi sinifikanti, matul il-perjodu ta’ referenza definit fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament. |
5. L-EBA tista’ tiddeċiedi li tistieden lill-awtoritajiet kompetenti ta’ xi wħud biss mill-entitajiet imsemmija fil-paragrafi 1 sa 4 biex ikunu membri tal-kulleġġ meta l-EBA tkun tal-fehma li dawk l-entitajiet huma l-uniċi rilevanti fil-kategorija tagħhom għall-ħidma tal-kulleġġ.
Artikolu 2
Kundizzjonijiet li skonthom token irreferenzjat ma’ assi jew token tal-flus elettroniċi jitqies li jintuża fuq skala kbira kif imsemmi fl-Artikolu 119(2), il-punt (l) tar-Regolament (UE) 2023/1114
1. Għall-fini tal-Artikolu 119(2), il-punt (l) tar-Regolament (UE) 2023/1114, token irreferenzjat ma’ assi sinifikanti jew token tal-flus elettroniċi sinifikanti għandu jitqies li jintużaw fuq skala kbira fi Stat Membru, meta:
|
(a) |
in-numru ta’ detenturi tat-token irreferenzjat ma’ assi sinifikanti jew tat-token tal-flus elettroniċi sinifikanti li jinsabu f’dak l-Istat Membru, f’mill-inqas jum wieħed matul il-perjodu ta’ referenza applikabbli, ikun ta’ mill-inqas 20 % tal-popolazzjoni ta’ dak l-Istat Membru; jew |
|
(b) |
in-numru medju u l-valur aggregat medju tat-tranżazzjonijiet kuljum bit-token irreferenzjat ma’ assi sinifikanti jew it-token tal-flus elettroniċi sinifikanti matul il-perjodu ta’ referenza definit fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament, fejn mill-inqas parti waħda għat-tranżazzjonijiet tkun tinsab f’dak l-Istat Membru, ikunu ogħla minn 1 250 000 tranżazzjoni u EUR 250 000 000 rispettivament. |
2. Għall-fini tal-paragrafu 1, il-punt (a), id-detentur tat-token irreferenzjat ma’ assi sinifikanti jew tat-token tal-flus elettroniċi sinifikanti jfisser id-detentur ta’ dak it-token li jibbenefika minn dritt ta’ fidi skont ir-Regolament (UE) 2023/1114.
3. Għall-fini tal-paragrafu 1, il-post ta’ detentur tat-token irreferenzjat ma’ assi sinifikanti jew tat-token tal-flus elettroniċi sinifikanti, jew ta’ parti għal tranżazzjoni b’tali tokens, jirreferi għal kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:
|
(a) |
għall-persuni fiżiċi, ir-residenza abitwali tagħhom; |
|
(b) |
għall-persuni ġuridiċi, l-indirizz tal-uffiċċju rreġistrat. |
4. Awtorità kompetenti li titlob li ssir membru tal-kulleġġ abbażi tal-punt (l) tal-Artikolu 119(2) tar-Regolament (UE) 2023/1114 għandha tippreżenta talba motivata lill-EBA u tipprovdi data li turi li l-kriterji msemmija fil-paragrafu 1 huma ssodisfati.
Artikolu 3
Perjodu ta’ referenza u tranżazzjonijiet
1. Il-perjodu ta’ referenza msemmi fl-Artikoli 1 u 2 għandu jkun il-perjodu ta’ sitt xhur l-aktar reċenti kopert mill-obbligu ta’ rapportar imsemmi fl-Artikolu 22(1) tar-Regolament (UE) 2023/1114.
2. Għall-finijiet tal-Artikolu 1(2) u (4), u tal-Artikolu 2(1), il-punt (b), “tranżazzjoni” għandha tfisser kwalunkwe bidla tal-persuna fiżika jew ġuridika intitolata għal token irreferenzjat ma’ assi jew token tal-flus elettroniċi bħala riżultat tat-trasferiment ta’ dak it-token minn indirizz jew kont ta’ reġistru distribwit wieħed għal ieħor.
Artikolu 4
Rivalutazzjoni tal-kompożizzjoni tal-kulleġġ
1. L-EBA għandha tivvaluta mill-ġdid, mill-inqas kull sentejn, liema awtoritajiet kompetenti jikkwalifikaw biex ikunu membri tal-kulleġġ skont l-Artikolu 119(2), il-punti (d), (e), (f), (h) u (l) tar-Regolament (UE) 2023/1114.
2. Għall-fini tar-rivalutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, kull awtorità kompetenti li hija membru tal-kulleġġ skont l-Artikolu 119(2), il-punt (l) tar-Regolament (UE) 2023/1114 għandha tipprovdi lill-EBA, fuq talba u mingħajr dewmien żejjed, l-informazzjoni meħtieġa biex tivvaluta jekk dawk l-awtoritajiet għadhomx jikkwalifikaw biex ikunu membri tal-kulleġġ abbażi tal-kriterji speċifikati fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 5
Konklużjoni tal-ftehim bil-miktub imsemmi fl-Artikolu 119(6) tar-Regolament (UE) 2023/1114
1. L-EBA għandha tikkomunika l-proposta tagħha dwar il-ftehim bil-miktub imsemmi fl-Artikolu 119(6) tar-Regolament (UE) 2023/1114 lill-membri tal-kulleġġ determinati f’konformità mal-Artikolu 119(2) ta’ dak ir-Regolament, filwaqt li tistedinhom jipprovdu l-fehmiet tagħhom fi żmien 10 ijiem kalendarji.
2. Għall-finijiet tal-finalizzazzjoni tal-ftehim bil-miktub imsemmi fil-paragrafu 1, l-EBA għandha tqis kwalunkwe fehma u riżerva espressa mill-membri tal-kulleġġ. L-EBA għandha tipprovdi raġunijiet għaliex ma inkorporatx tali fehmiet jew riżervi fil-ftehim bil-miktub.
3. Malli tiffinalizza l-ftehim bil-miktub imsemmi fil-paragrafu 1, l-EBA għandha tikkomunika l-arranġamenti bil-miktub ta’ koordinazzjoni u kooperazzjoni lill-membri tal-kulleġġ.
Artikolu 6
Parteċipazzjoni fil-kulleġġ
1. Kull membru tal-kulleġġ għandu jaħtar parteċipant wieħed, magħżul bħala l-aktar xieraq b’kont meħud tas-suġġetti diskussi u l-objettivi segwiti, biex jattendi l-laqgħat jew l-attivitajiet tal-kulleġġ u biex jirrappreżenta lil dak il-membru tal-kulleġġ fil-laqgħat tal-kulleġġ. Kull membru tal-kulleġġ jista’ jaħtar sostitut wieħed, bl-eċċezzjoni tal-EBA, li għandha taħtar rappreżentant wieħed u tista’ titlob parteċipanti addizzjonali biex jattendu, mingħajr drittijiet tal-vot, fil-laqgħat jew l-attivitajiet tal-kulleġġ.
2. Meta awtorità kompetenti jkollha d-dritt li tkun membru tal-kulleġġ fi tnejn jew aktar mill-każijiet imsemmija fl-Artikolu 119(2), il-punti (c) sa (h), (j), u (l), tar-Regolament (UE) 2023/1114, jew meta diversi awtoritajiet mill-istess pajjiż terz ikollhom id-dritt li jkunu membri tal-kulleġġ skont l-Artikolu 119(2), il-punt (m), ta’ dak ir-Regolament, dawk l-awtoritajiet jistgħu jaħtru parteċipant addizzjonali wieħed biex jattendi, mingħajr drittijiet tal-vot, il-laqgħat jew l-attivitajiet tal-kulleġġ u jistgħu jaħtru sostitut wieħed għal dak il-parteċipant.
3. Meta jkun hemm diversi membri tal-kulleġġ għal kull Stat Membru, dawk il-membri tal-kulleġġ għandhom jinfurmaw lill-president tal-kulleġġ liema wieħed minnhom ikun il-membru bid-dritt tal-vot.
4. Abbażi tal-aġenda, jew punt partikolari tagħha, suġġetti u objettivi ta’ laqgħa jew attività tal-kulleġġ, il-president tal-kulleġġ jista’ jistieden awtoritajiet oħra li mhumiex membri tal-kulleġġ biex jattendu dik il-laqgħa jew l-attività. Il-president tal-kulleġġ għandu jiddeċiedi liema informazzjoni hija rilevanti għal dawk l-awtoritajiet u jinvolvihom fil-laqgħa jew l-attività tal-kulleġġ kif xieraq. Dawn l-awtoritajiet ma għandu jkollhom l-ebda dritt tal-vot. Il-president tal-kulleġġ għandu jinforma lill-membri kollha tal-kulleġġ kif xieraq, mingħajr dewmien żejjed.
5. Għall-adozzjoni ta’ opinjoni tal-kulleġġ jew ta’ rakkomandazzjoni inkluża f’opinjoni tal-kulleġġ f’konformità mal-Artikolu 120(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2023/1114, għandu jkun meħtieġ kworum ta’ nofs il-membri votanti tal-kulleġġ. Jekk tali kworum ma jintlaħaqx, il-president tal-kulleġġ jista’ jsejjaħ laqgħa straordinarja li fiha jistgħu jittieħdu deċiżjonijiet mingħajr kworum.
6. Il-maġġoranza msemmija fl-Artikolu 120(3) tar-Regolament (UE) 2023/1114 għandha tikkonsisti minn maġġoranza sempliċi tal-membri tal-kulleġġ li għandhom dritt tal-vot f’laqgħa ta’ dak il-kulleġġ. Maġġoranza sempliċi għandha titqies li tkun inkisbet ukoll meta aktar membri li jkollhom dritt tal-vot jivvotaw favur proposta minn dawk li jivvutaw kontriha. L-astensjonijiet ma għandhomx jingħaddu bħala approvazzjonijiet jew bħala oġġezzjonijiet, u ma għandhomx jitqiesu meta jiġi kkalkulat l-għadd ta’ voti mitfugħa.
Artikolu 7
Stabbiliment u aġġornament ta’ lista ta’ kuntatt
1. Il-president tal-kulleġġ għandu jżomm lista ta’ kuntatt tal-membri tal-kulleġġ, inklużi d-dettalji kollha ta’ kuntatt, u jikkomunikaha lill-membri tal-kulleġġ.
2. Il-membri tal-kulleġġ għandhom jipprovdu d-dettalji ta’ kuntatt tagħhom lill-president tal-kulleġġ u għandhom jinfurmaw lill-president bi kwalunkwe bidla f’dawk id-dettalji mingħajr dewmien żejjed.
3. Kwalunkwe verżjoni aġġornata tal-lista ta’ kuntatt għandha tiġi kkomunikata mill-president tal-kulleġġ lill-membri tal-kulleġġ mingħajr dewmien żejjed.
Artikolu 8
Aspetti operazzjonali tal-laqgħat tal-kulleġġ
1. Il-president tal-kulleġġ għandu jiddetermina l-frekwenza tal-laqgħat tal-kulleġġ wara li jqis il-kompiti tal-kulleġġ kif stabbilit fl-Artikolu 120 tar-Regolament (UE) 2023/1114, u t-talbiet potenzjali mill-membri tal-kulleġġ.
2. Il-president tal-kulleġġ għandu jsejjaħ mill-inqas laqgħa waħda tal-kulleġġ kull sena. Il-president tal-kulleġġ għandu jiddeċiedi jekk laqgħa tissejjaħx f’format fiżiku jew virtwali, abbażi tal-objettivi li l-president tal-kulleġġ jistabbilixxi għal dik il-laqgħa.
3. Il-membri tal-kulleġġ jistgħu jitolbu lill-president tal-kulleġġ biex jorganizza laqgħa tal-kulleġġ. Il-president tal-kulleġġ għandu jipprovdi r-raġunijiet għal kwalunkwe rifjut ta’ tali talba.
4. Il-president tal-kulleġġ għandu jibgħat l-aġenda proposta tal-laqgħa tal-kulleġġ lill-membri kollha tal-kulleġġ, u għandu jistedinhom jipproponu kwalunkwe punt addizzjonali fuq l-aġenda. Il-president tal-kulleġġ għandu jqis kwalunkwe proposta dwar punti tal-aġenda magħmula mill-membri u għandu jispjega, jekk mitlub, ir-raġuni għaliex ma jkunux inkorporati.
5. Il-membri tal-kulleġġ li huma involuti f’laqgħa jew attività partikolari tal-kulleġġ għandhom jiskambjaw dokumenti u kontributi għal dokumenti ta’ ħidma bi żmien biżżejjed minn qabel biex il-parteċipanti kollha f’dik il-laqgħa jew l-attività jkunu jistgħu jikkontribwixxu b’mod attiv għad-diskussjonijiet inkwistjoni.
Artikolu 9
Skambju ta’ informazzjoni bejn il-membri tal-kulleġġ
1. Kull membru ta’ kulleġġ għandu jipprovdi, fuq talba u mingħajr dewmien żejjed, lill-EBA u, fejn applikabbli, lill-awtorità kompetenti fdata bil-kompiti msemmija fl-Artikolu 119(7), il-punti (b) sa (e), tar-Regolament (UE) 2023/1114 f’konformità mal-Artikolu 10 ta’ dan ir-Regolament, kwalunkwe informazzjoni meħtieġa sabiex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju tas-setgħat superviżorji tal-EBA skont l-Artikolu 117 tar-Regolament (UE) 2023/1114 u jiskambja informazzjoni meta meħtieġ minn dak ir-Regolament.
2. L-EBA u, fejn applikabbli, l-awtorità kompetenti fdata bil-kompiti msemmija fl-Artikolu 119(7), il-punti (b) sa (e), tar-Regolament (UE) 2023/1114 f’konformità mal-Artikolu 10 ta’ dan ir-Regolament għandhom jirċievu l-iskambji ta’ informazzjoni kollha bejn il-membri tal-kulleġġ.
3. L-EBA u, fejn applikabbli, l-awtorità kompetenti fdata bil-kompiti msemmija fl-Artikolu 119(7), il-punti (b) sa (e), tar-Regolament (UE) 2023/1114 f’konformità mal-Artikolu 10 ta’ dan ir-Regolament jistgħu jiddeċiedu li jikkondividu l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ma’ membri oħra tal-kulleġġ meta jqisu li dik l-informazzjoni tkun rilevanti għal dawk il-membri.
4. Fejn emittent joffri aktar minn token wieħed irreferenzjat ma’ assi sinifikanti jew token wieħed tal-flus elettroniċi sinifikanti, l-EBA tista’ tiddeċiedi li torganizza diversi kulleġġi, wieħed għal kull token irreferenzjat ma’ assi sinifikanti jew kull token tal-flus elettroniċi sinifikanti, jew grupp ta’ tokens irreferenzjat ma’ assi sinifikanti jew tokens tal-flus elettroniċi sinifikanti.
5. Meta jiġu organizzati diversi kulleġġi skont il-paragrafu 4, il-president ta’ kull kulleġġ għandu jżomm lill-membri kollha tal-kulleġġ tiegħu infurmati bis-sħiħ, fil-ħin, dwar l-azzjonijiet meħuda jew il-miżuri mwettqa fil-kulleġġi l-oħra li jittrattaw ma’ tokens irreferenzjati ma’ assi sinifikanti jew tokens tal-flus elettroniċi sinifikanti oħrajn tal-istess emittent.
6. Il-membri tal-kulleġġ għandhom jaqblu dwar il-mezzi għall-iskambju ta’ informazzjoni bejniethom u għandhom jispeċifikaw tali mezzi fil-ftehim bil-miktub imsemmi fl-Artikolu 119(6) tar-Regolament (UE) 2023/1114.
7. It-trażmissjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali bejn il-membri tal-kulleġġ għandha ssir b’mezzi siguri ta’ komunikazzjoni.
Artikolu 10
Inkarigu tal-kompiti fost il-membri tal-kulleġġ
1. Il-membri tal-kulleġġ għandhom jiskambjaw fehmiet dwar inkarigu volontarju possibbli tal-kompiti bejniethom skont l-Artikolu 119(5), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2023/1114.
2. L-inkarigu tal-kompiti msemmija fil-paragrafu 1 jista’ jinkludi wkoll il-kompiti kollha jew uħud minnhom imsemmija fl-Artikolu 119(7), il-punti (b) sa (e), tar-Regolament (UE) 2023/1114.
3. Il-ftehim imsemmi fl-Artikolu 119(6) tar-Regolament (UE) 2023/1114 għandu jispeċifika deskrizzjoni tal-arranġamenti dwar l-inkarigu tal-kompiti msemmija fil-paragrafu 1, fejn rilevanti.
Artikolu 11
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Ottubru 2024.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 150, 9.6.2023, p. 40, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/1114/oj.
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1. ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/575/oj).
(3) Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/1093/oj).
(4) Id-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU L 337, 23.12.2015, p. 35, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2015/2366/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/297/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)