7.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 119/117


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/563

tal-31 ta’ Marzu 2021

dwar il-validità ta’ ċerti deċiżjonijiet relatati ma’ informazzjoni vinkolanti dwar l-oriġini

(notifikata bid-dokument C(2021) 2072)

(It-testi bil-Franċiż u d-Daniż biss huma awtentiċi)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (minn hawn’ il quddiem “il-Kodiċi”) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 34(11) u l-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 37(2) tiegħu,

Wara li kkonsultat lill-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

Billi:

(1)

L-Artikolu 33(1) tal-Kodiċi jipprevedi li l-awtoritajiet doganali għandhom, wara applikazzjoni, jieħdu deċiżjonijiet relatati ma’ informazzjoni vinkolanti dwar l-oriġini (deċiżjonijiet BOI). L-Artikolu 19(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 (2) jistipula li l-awtoritajiet doganali għandhom jittrażmettu lill-Kummissjoni d-dettalji rilevanti tad-deċiżjonijiet BOI meħuda, fuq bażi trimestrali.

(2)

Id-deċiżjonijiet BOI msemmija fl-Anness fihom determinazzjoni tal-oriġini mhux preferenzjali tal-merkanzija, inkompatibbli mal-Artikolu 60(2) tal-Kodiċi. B’mod partikolari, dawk id-deċiżjonijiet BOI huma inkompatibbli mar-regoli dwar l-akkwist tal-oriġini stabbiliti f’dak l-Artikolu, peress li l-operazzjonijiet ta’ pproċessar jew ta’ ħidma mwettqa fl-aħħar pajjiż tal-produzzjoni mhumiex ekonomikament ġustifikati skont it-tifsira tal-Artikolu 33 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 (3).

(3)

L-Artikolu 60(2) tal-Kodiċi jistipula li merkanzija li l-produzzjoni tagħha tinvolvi aktar minn pajjiż jew territorju wieħed għandha titqies li toriġina fil-pajjiż jew territorju fejn tkun għaddiet mill-aħħar proċessar jew xogħol sostanzjali, ekonomikament ġustifikat, f’impriża mgħammra għal dak l-għan, u li jirriżulta fil-manifattura ta’ prodott ġdid jew li jirrappreżenta stadju importanti tal-manifattura.

(4)

L-Artikolu 33 tar-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 jistipula li kwalunkwe operazzjoni ta’ pproċessar jew ħidma mwettqa f’pajjiż jew territorju ieħor għandha titqies li ma tkunx ekonomikament ġustifikata jekk jiġi stabbilit abbażi tal-fatti disponibbli li l-għan ta’ dik l-operazzjoni kien li tiġi evitata l-applikazzjoni tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 59 tal-Kodiċi.

(5)

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/886 (4) dwar ċerti miżuri ta’ politika kummerċjali li jikkonċernaw ċerti prodotti li joriġinaw fl-Istati Uniti tal-Amerka Il-prodotti li għalihom japplikaw dawn il-miżuri ta’ politika kummerċjali huma elenkati fl-Anness I ta’ dak ir-regolament. Muturi b’magna b’pistuni b’kombustjoni interna bil-moviment alternat b’ċilindrata akbar minn 800 cm3 li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 8711 50 00 huma fost il-prodotti elenkati f’dak l-Anness. Il-miżuri stabbiliti bir-Regolament (UE) 2018/886 huma miżuri msemmija fl-Artikolu 59 tal-Kodiċi.

(6)

Wara l-pubblikazzjoni tal-miżuri ta’ politika kummerċjali tal-Unjoni Ewropea, il-produttur tal-muturi li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 8711 50 00 u koperti mid-deċiżjonijiet BOI msemmija fl-Anness, irrapporta b’rapport attwali tal-Formola 8-K (5) sottomess lill-Kummissjoni dwar it-Titoli u l-Kambju tal-Istati Uniti fil-25 ta’ Ġunju 2018, il-pjan tiegħu li jċaqlaq il-produzzjoni ta’ ċerti muturi destinati għas-suq tal-Unjoni Ewropea mill-Istati Uniti tal-Amerika għall-faċilitajiet internazzjonali tiegħu f’pajjiż ieħor biex jiġu evitati l-miżuri tal-politika kummerċjali tal-Unjoni Ewropea.

(7)

Anki jekk l-evitar tal-miżuri ta’ politika kummerċjali mhux bilfors ikun l-uniku skop taċ-ċaqliq tal-produzzjoni, il-kundizzjonijiet imsemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 33 tar-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 jiġu ssodisfati abbażi tal-fatti disponibbli. L-operazzjonijiet ta’ pproċessar jew ta’ ħidma mwettqa fl-aħħar pajjiż ta’ produzzjoni għandhom għalhekk jitqiesu li mhumiex ekonomikament ġustifikati. B’riżultat ta’ dan, id-determinazzjoni tal-oriġini mhux preferenzjali tal-muturi għandha tkun ibbażata fuq it-tielet paragrafu tal-istess Artikolu 33.

(8)

Skont din id-dispożizzjoni, fejn l-aħħar operat ta’ pproċessar jew ħidma ma jitqiesx iġġustifikat ekonomikament, għandu jitqies li l-oġġetti jkun sarilhom l-aħħar operat sostanzjali ġġustifikat ekonomikament ta’ pproċessar jew ta’ ħidma, li jirriżulta fil-manifattura ta’ prodott ġdid jew li jirrappreżenta stadju importanti tal-manifattura, fil-pajjiż jew territorju fejn oriġinat il-parti l-kbira tas-sehem tal-materjali, kif stabbilit fuq il-bażi tal-valur tal-materjali.

(9)

Peress li d-determinazzjoni tal-oriġini mhux preferenzjali tal-muturi koperti mid-deċiżjonijiet BOI msemmija fl-Anness mhijiex ibbażata fuq ir-regola stabbilita fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 33 tar-Regolament Delegat (UE) 2015/2446, il-Kummissjoni tqis li din id-determinazzjoni tal-oriġini mhux preferenzjali hija inkompatibbli mal-Artikolu 60(2) tal-Kodiċi, flimkien mal-Artikolu 33 tar-Regolament Delegat (UE) 2015/2446.

(10)

Skont l-Artikolu 23(3) tal-Kodiċi, l-awtoritajiet doganali, li ħadu deċiżjoni, jistgħu fi kwalunkwe ħin jannullawha, jemendawha jew jirrevokawha meta ma tkunx konformi mal-leġiżlazzjoni doganali. Madankollu, l-awtoritajiet doganali, li ħadu d-deċiżjonijiet BOI msemmija fl-Anness, ma rrevokawhomx.

(11)

Għalhekk, sabiex tiġi żgurata determinazzjoni korretta u uniformi tal-oriġini mhux preferenzjali tal-merkanzija, id-deċiżjonijiet BOI kkonċernati għandhom jiġu revokati. Għalhekk, l-awtorità doganali li ħadet id-deċiżjonijiet BOI għandha għalhekk tirrevokahom mill-aktar fis possibbli wara n-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, u għandha tinnotifika lill-Kummissjoni dwar dan,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1   Id-deċiżjonijiet BOI msemmija fil-kolonna 1 tat-tabella stabbilita fl-Anness meħuda mill-awtorità doganali speċifikata fil-kolonna 2 ta’ dik it-tabella għall-prodott speċifikat fil-kolonna 3 ta’ dik it-tabella għandhom jiġu revokati skont il-paragrafu 2.

2.   L-awtorità doganali speċifikata fil-kolonna 2 tat-tabella stabbilita fl-Anness għandha tirrevoka d-deċiżjonijiet BOI imsemmija fil-kolonna 1 ta’ dik it-tabella u tinnotifika lid-detentur tagħha fl-aktar data kmieni possibbli u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn għaxart (10) ijiem min-notifika ta’ din id-Deċiżjoni.

3.   Meta l-awtorità doganali tirrevoka d-deċiżjonijiet BOI u tagħmel in-notifika skont il-paragrafu 2, għandha tinnotifika lill-Kummissjoni b’dan.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Marzu 2021.

Għall-Kummissjoni

Paolo GENTILONI

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 tat-28 ta’ Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 1).

(4)  Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/886 tal-20 ta’ Ġunju 2018 dwar ċerti miżuri ta’ politika kummerċjali rigward ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/724 (ĠU L 158, 21.6.2018, p. 5)

(5)  https://sec.report/Document/0000793952-18-000038


ANNESS

Informazzjoni vinkolanti dwar l-oriġini - nru ta’ referenza

Awtorità doganali

Kodiċi NM tal-prodott

1

2

3

BE-20192406001

Direction générale Analyses Economiques et Economie internationale

Service Commerce et Investissements internationaux

bâtiment Atrium C

Rue du Progrès 50

1210 Bruxelles

Belgique

Federale Overheidsdienst Economie, KMO, Middenstand en Energie

Algemene Directie Economische Analyses en Internationale Economie

Dienst internationale handel en investeringen

City Atrium C

Vooruitgangsstraat 50

1210 Brussel

België

8711 50 00

BE-20192406002

Direction générale Analyses Economiques et Economie internationale

Service Commerce et Investissements internationaux

bâtiment Atrium C

Rue du Progrès 50

1210 Bruxelles

Belgique

Federale Overheidsdienst Economie, KMO, Middenstand en Energie

Algemene Directie Economische Analyses en Internationale Economie

Dienst internationale handel en investeringen

City Atrium C

Vooruitgangsstraat 50

1210 Brussel

België

8711 50 00