19.6.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 196/8


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2020/849

tat-18 ta’ Ġunju 2020

li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis-26 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/413/PESK (1) dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran

(2)

F’konformità mal-Artikolu 26(3) tad-Deċiżjoni 2010/413/PESK, il-Kunsill għamel rieżami tal-lista tal-persuni u l-entitajiet indikati li tinsab fl-Anness II għal dik id-Deċiżjoni.

(3)

Il-Kunsill ikkonkluda li għandhom jinżammu l-miżuri restrittivi kontra l-persuni u l-entitajiet kollha fil-lista li tinsab fl-Anness II għad-Deċiżjoni 2010/413/PESK, sa fejn l-ismijiet tagħhom ma jissemmewx fl-Anness VI għal dik id-Deċiżjoni, u li għaxar entrati inklużi fl-Anness II għandhom jiġu aġġornati.

(4)

Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2010/413/PESK tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness II għad-Deċiżjoni 2010/413/PESK huwa emendat kif jidher fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Ġunju 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

A. METELKO-ZGOMBIĆ


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK tas-26 ta’ Lulju 2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU L 195, 27.7.2010, p. 39).


ANNESS

L-Anness II għad-Deċiżjoni 2010/413/PESK huwa emendat kif ġej:

(1)

taħt l-intestatura “I. Persuni u entitajiet involuti f’attivitajiet fir-rigward ta’ missili nukleari jew ballistiċi u persuni u entitajiet li jagħtu appoġġ lill-Gvern tal-Iran.”, l-entrati li ġejjin jissostitwixxu l-entrati korrispondenti fil-lista stabbilita taħt is-sottointestatura “A. Persuni”:

 

Isem

Informazzjoni identifikattiva

Raġunijiet

Data tal-elenkar

“8.

Ebrahim MAHMUDZADEH

 

Eks Direttur Maniġerjali ta’ Iran Electronic Industries (ara Parti B, Nru 20) Attwalment id-direttur ġenerali tal-Organizzazzjoni tas-Sigurtà Soċjali tal-Forzi Armati.

23.6.2008

12.

Mohammad Reza MOVASAGHNIA

 

Eks kap tal-Grupp Industrijali Samen Al A’Emmeh (SAIG), magħruf ukoll bħala Cruise Missile Industry Group. Din l-organizzazzjoni ġiet indikata taħt il-UNSCR 1747 u elenkata fl-Anness I għall-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK.

26.7.2010

25.

Sayed Shamsuddin BORBORUDI

(magħruf bħala Seyed Shamseddin BORBOROUDI)

Data tat-Twelid: 21.9.1969

Eks Viċi Kap tal-Organizzazzjoni Iranjana tal-Enerġija Atomika indikata min-NU, fejn kien subordinat ta’ Feridun Abbasi Davani, indikat min-NU. Ilu involut fil-programm nukleari Iranjan mill-inqas sa mill-2002, inkluż bħala l-eks Kap tal-akkwisti u l-loġistika f’AMAD, fejn kien responsabbli għall-użu ta’ kumpanniji li jservu ta’ paraventu bħal Kimia Madan biex jinkiseb tagħmir u materjal għall-programm ta’ armi nukleari tal-Iran.

1.12.2011”;

(2)

taħt l-intestatura “I. Persuni u entitajiet involuti f’attivitajiet fir-rigward ta’ missili nukleari jew ballistiċi u persuni u entitajiet li jagħtu appoġġ lill-Gvern tal-Iran.”, l-entrati li ġejjin jissostitwixxu l-entrati korrispondenti fil-lista stabbilita taħt is-sottointestatura “B. Entitajiet”:

 

Isem

Informazzjoni identifikattiva

Raġunijiet

Data tal-elenkar

“87.

Khala Afarin Pars (magħrufa wkoll bħala PISHRO KHALA AFARIN COMPANY)

L-aħħar indirizz magħruf: Unit 5, 2nd Floor, No 75, Mehran Afrand St, Sattarkhan St, Tehran.

Parteċipazzjoni fix-xiri ta’ tagħmir u ta’ materjali li għandhom applikazzjoni diretta fil-programm nukleari Iranjan.

1.12.2011

161.

Sharif University of Technology

L-aħħar indirizz magħruf: Azadi Ave/Street, PO Box 11365-11155, Tehran, Iran, Tel. +98 2166161 posta elettronika: info@sharif.ir

Sharif University of Technology (SUT) għandha għadd ta’ ftehimiet ta’ kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet tal-Gvern Iranjan li huma indikati min-NU u/jew l-UE u li joperaw f’oqsma militari jew marbutin mas-settur militari, b’mod partikolari fil-qasam tal-produzzjoni u l-akkwist ta’ missili ballistiċi. Dan jinkludi: ftehim mal-Aerospace Industries Organisation, li ġiet indikata mill-UE, fost l-oħrajn għall-produzzjoni ta’ satelliti; kooperazzjoni mal-Ministeru Iranjan għad-Difiża u l-Iranian Revolutionary Guards Corps (IRGC) fil-kompetizzjonijiet marbuta mad-dgħajjes intelliġenti (smart boat competitions); ftehim aktar ġenerali mal-Forza tal-Ajru tal-IRGC li jkopri l-iżvilupp u t-tisħiħ tar-relazzjonijiet, il-kooperazzjoni organizzattiva u strateġika tal-Università; SUT hi parti minn ftehim bejn sitt universitajiet li jappoġġa lill-Gvern tal-Iran permezz ta’ riċerka marbuta mad-difiża.

Meħuda flimkien, dawn juru li hemm rekord sinifikanti ta’ involviment mal-Gvern tal-Iran f’oqsma militari jew marbuta mas-settur militari li jikkostitwixxi appoġġ lill-Gvern tal-Iran

8.11.2014”;

(3)

taħt l-intestatura “II. Islamic Revolutionary Guard Corps”, l-entrati li ġejjin jissostitwixxu l-entrati korrispondenti fil-lista stabbilita taħt is-sottointestatura “A. Persuni”:

 

Isem

Informazzjoni identifikattiva

Raġunijiet

Data tal-elenkar

“6.

Mohammad Ali JAFARI, IRGC

 

Eks Kmandant tal-IRGC.

23.6.2008

7.

Brigadier Ġenerali tal-IRGC Mostafa Mohammad NAJJAR

 

Eks Ministru għall-Intern u eks Ministru tal-MODAFL, responsabbli għall-programmi militari kollha, inkluż il-programmi tal-missili ballistiċi. Attwalment, konsulent għoli tal-Kap tal-Persunal Ġenerali tal-Forzi Armati.

23.6.2008

8.

Brigadier Ġenerali tal-IRGC Mohammad Reza NAQDI

Post tat-Twelid: Nadjaf, Iraq

Data tat-Twelid: 1953

Deputat Koordinatur tal-IRGC. Eks Viċi Kmandant tal-IRGC għall-Affarijiet Kulturali u Soċjali. Eks Kmandant tal-Basij Resistance Force.

26.7.2010

11.

Brigadier Ġenerali tal-IRGC Hossein SALAMI

 

Kmandant tal-IRGC.

26.7.2010

13.

Brigadier Ġenerali tal-IRGC Ahmad VAHIDI

 

President tal-Università tad-Difiża Nazzjonali Suprema u eks Ministru tal-MODAFL.

23.6.2008”.