European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2024/4914

30.8.2024

SEJĦA GĦAL NOMINI BIL-ĦSIEB LI JIĠI ELETT L-OMBUDSMAN EWROPEW

(C/2024/4914)

Wara li kkunsidra l-Artikoli 24 u 228 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

Wara li kkunsidra r-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tad-dmirijiet tal-Ombudsman adottati mill-Parlament Ewropew fl-24 ta’ Ġunju 2021 (1) u, b’mod partikolari, l-Artikoli 11 u 12,

Wara li kkunsidra l-Artikolu 237 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew dwar l-Elezzjoni tal-Ombudsman,

Billi din l-elezzjoni tal-Ombudsman Ewropew mill-Parlament Ewropew se tkun għat-tul tal-leġiżlatura 2024-2029,

Billi l-Ombudsman Ewropew huwa eliġibbli għal ħatra mill-ġdid,

Billi l-Ombudsman Ewropew jintgħażel minn fost persuni li jkunu ċittadini tal-Unjoni, li jkollhom id-drittijiet ċivili u politiċi kollha, joffru kull garanzija ta’ indipendenza, jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-eżerċizzju tal-ogħla kariga ġudizzjarja f’pajjiżhom jew ikollhom il-kompetenza u l-kwalifiki rikonoxxuti biex iwettqu d-dmirijiet tal-Ombudsman, u ma kinux membri ta’ gvernijiet nazzjonali jew membri tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill Ewropew jew tal-Kummissjoni Ewropea fis-sentejn li jippreċedu d-data tal-pubblikazzjoni tas-sejħa għal nomini.

1.   

Qed issir stedina għal nomini bil-ħsieb li jiġi elett l-Ombudsman Ewropew mill-Parlament Ewropew.

2.   

L-applikanti jrid ikollhom l-appoġġ ta’ minimu 39 Membru tal-Parlament Ewropew li jkunu ċittadini ta’ mill-inqas żewġ Stati Membri u jridu jipprovdu d-dokumenti ta’ sostenn kollha meħtieġa biex juru b’mod konklużiv li jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa mir-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tad-dmirijiet tal-Ombudsman, kif ukoll impenn solenni min-naħa tagħhom li, jekk jiġu eletti, ma jinvolvu ruħhom fl-ebda okkupazzjoni oħra, kemm bi qligħ kif ukoll mingħajr qligħ, matul il-mandat tagħhom.

3.   

In-nomini jridu jiġu sottomessi lill-President tal-Parlament Ewropew mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru 2024 (2).

4.   

L-ipproċessar tad-data personali kollha matul il-valutazzjoni u l-proċedura tal-elezzjoni se jkun konformi mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Id-dettalji kollha dwar l-attivitajiet tal-ipproċessar huma disponibbli fuq https://www.europarl.europa.eu/ombudsmanelection/mt/home.

Roberta METSOLA

President tal-Parlament Ewropew


(1)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2021/1163 tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi r-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tad-dmirijiet tal-Ombudsman (Statut tal-Ombudsman Ewropew) u li jħassar id-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom (ĠU L 253, 16.7.2021, p. 1).

(2)   2 In-nomini għandhom jintbagħtu lil:

Il-President tal-Parlament Ewropew

(Nomini għall-kariga ta’ Ombudsman Ewropew)

ARENDT 01T072

Indirizz postali:

Allée du Printemps

B.P. 1024/F

67070 Strasbourg

FRANCE

jew

60 rue Wiertz / Wiertzstraat 60

1047 Bruxelles/Brussels

BELGIQUE/BELGIË

In-nomini għandhom jinkludu d-dettalji tal-kuntatt rilevanti, inkluż indirizz elettroniku.

(3)  Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4914/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)