Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

16 ta’ Lulju 2026 (*)

Werrej


I. Il-kuntest ġuridiku

A. Id-dritt internazzjonali

B. Id-dritt tal-Unjoni

1. Il-Konvenzjoni PIF

2. Id-Deċiżjoni 2008/40/ĠAI

3. Id-Direttiva (UE) 2017/1371

4. Ir-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89

5. Id-Deċiżjonijiet 2007/436/KE u 2014/335/UE, Euratom

C. Id-dritt Rumen

1. Il-Kostituzzjoni Rumena

2. Il-Kodiċi Kriminali tal1968

3. Il-Kodiċi Kriminali tal2009

4. Il-ġurisprudenza tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali)

5. L-OUG Nru 71/2022

6. Id-Deċiżjoni Nru 67/2022 tal-QGħKĠ

7. Il-Liġi Nru 241/2005

II. Il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

IV. Fuq id-domandi preliminari

A. Fuq l-ewwel domanda

B. Fuq it-tieni domanda

1. Fuq l-ammissibbiltà

2. Fuq il-mertu

a) Fuq is-sentenza Lin

1) L-evalwazzjoni, fis-sentenza Lin, tal-istandard nazzjonali ta’ protezzjoni stabbilit fis-sentenzi tal-Qorti Kostituzzjonali tal2018 u tal2022

2) L-evalwazzjoni, fis-sentenza Lin, tal-istandard nazzjonali ta’ protezzjoni stabbilit fid-Deċiżjoni Nru 67/2022 tal-QGħKĠ

i) Fuq il-klassifikazzjoni tal-istandard nazzjonali ta’ protezzjoni stabbilit fid-Deċiżjoni Nru 67/2022 tal-QGħKĠ fid-dawl tal-Artikolu 49 tal-Karta

ii) Fuq l-evalwazzjoni tar-riskju sistemiku li jirriżulta mill-istandard nazzjonali ta’ protezzjoni stabbilit fid-Deċiżjoni Nru 67/2022 tal-QGħKĠ

b) Fuq l-applikazzjoni tas-sentenza Lin fir-rigward tal-prinċipju kostituzzjonali li jipprojbixxi l-applikazzjoni ta’ lex tertia fid-dritt kriminali

c) Fuq l-applikazzjoni, fis-sentenza Lin, tal-kundizzjoni dwar ir-riskju sistemiku ta’ impunità

d) Fuq l-applikazzjoni tas-sentenza Lin għal fatti preskritti b’mod definittiv skont l-istandard nazzjonali ta’ protezzjoni stabbilit fid-Deċiżjoni Nru 67/2022 tal-QGħKĠ

1) Fuq l-applikazzjoni tas-sentenza Lin għal kawża li fiha deċiżjoni ġudizzjarja tkun ikkonstatat b’mod definittiv l-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali

2) Fuq l-applikazzjoni tas-sentenza Lin għal proċeduri kriminali li għalihom l-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni ma ġietx ikkonstatata permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja definittiva

i) Fuq id-data tad-dħul fis-seħħ tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 325(1) TFUE u mill-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF

ii) Fuq iċ-ċarezza u l-prevedibbiltà tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 325(1) TFUE u mill-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF

e) Fuq l-Artikolu 7 tal-KEDB

V. Fuq l-ispejjeż


“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 325(1) TFUE – Konvenzjoni mfassla abbażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej – Artikolu 2(1) – Obbligu ta’ ġlieda, permezz ta’ miżuri dissważivi u effettivi, kontra l-frodi li tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Unjoni – Obbligu li jiġu previsti sanzjonijiet kriminali – Frodi gravi li tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Unjoni – Kunċett – Terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali – Standard nazzjonali ta’ protezzjoni dwar il-prinċipju tal-applikazzjoni retroattiva tal-liġi kriminali l-iżjed favorevoli (prinċipju ta’ lex mitior) – Obbligu għall-qrati ta’ Stat Membru li ma japplikawx il-ġurisprudenza tal-qorti suprema ta’ dan l-Istat Membru li ma hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni – Applikazzjoni tas-sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2023, Lin (C‑107/23 PPU, EU:C:2023:606) – Projbizzjoni kostituzzjonali tal-applikazzjoni ta’ lex tertia – Preskrizzjoni li tkun diġà skadiet – Prevedibbiltà tal-kundizzjonijiet previsti minn dik is-sentenza – Kompatibbiltà tal-imsemmija sentenza mal-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950”

Fil-Kawża C‑280/25 [Lin II] (i),

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Înalta Curte de Casaţie şi Justiţie (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Marzu 2025, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑10 ta’ April 2025, fil-proċeduri kriminali kontra

M.G.D.,

fil-preżenza ta’:

Parchetul de pe lângă Curtea de Apel Oradea,

Statul român - Agenţia Naţională de Administrare Fiscală prin Direcţia Generală Regională a Finanţelor Publice Cluj-Napoca, prin Administraţia Judeţeană a Finanţelor Publice Satu Mare,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, T. von Danwitz, Viċi President, C. Lycourgos (Relatur), I. Jarukaitis, M. L. Arastey Sahún, I. Ziemele, J. Passer u M. Condinanzi, Presidenti ta’ Awla, N. Piçarra, A. Kumin, N. Jääskinen, D. Gratsias, B. Smulders, S. Gervasoni u N. Fenger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑7 ta’ Ottubru 2025,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Rumen, minn M. Chicu, E. Gane, L. Ghiță u L. Liţu, bħala aġenti, u G. Rădășanu, bħala espert,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Blanc, I. V. Rogalski, C. Valero u P. J. O. Van Nuffel, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑18 ta’ Diċembru 2025,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2 TUE u tal-Artikolu 4(2) u (3) TUE, tal-Artikolu 2(2) TFUE u tal-Artikolu 325(1) TFUE, tal-Artikolu 49, tal-Artikolu 52(3) u tal-Artikolu 53 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), kif ukoll tal-Artikolu 1(1)(a) u tal-Artikoli 2 u 9 tal-Konvenzjoni mfassla abbażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej, iffirmata fi Brussell fis‑26 ta’ Lulju 1995 u annessa mal-Att tal-Kunsill tas‑26 ta’ Lulju 1995 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 9, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni PIF”).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ appell ta’ kassazzjoni ppreżentat quddiem l-Înalta Curte de Casaţie şi Justiţie (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, ir-Rumanija) (iktar ’il quddiem il-“QGħKĠ”) mill-Parchetul de pe lângă Curtea de Apel Oradea (l-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Qorti tal-Appell ta’ Oradea, ir-Rumanija) mis-sentenza mogħtija, fil‑21 ta’ Marzu 2024, mill-Curtea de Appel Oradea (il-Qorti tal-Appell ta’ Oradea, ir-Rumanija) u li ordna l-għeluq tal-proċeduri kriminali kontra M.G.D. minħabba li t-terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali għar-reat ta’ kompliċità fi frodi fiskali allegat fil-konfront tal-persuna kkonċernata kien skada.

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt internazzjonali

3        L-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), jipprovdi:

“(1)      Ħadd ma għandu jitqies li jkun ħati ta’ reat kriminali minħabba f’xi att jew ommissjoni li ma kinux jikkostitwixxu reat kriminali skond liġi nazzjonali jew internazzjonali fil-ħin meta jkun sar. Lanqas ma għandha tingħata piena akbar minn dik li kienet applikabbli fiż-żmien meta r-reat kriminali jkun sar.

(2)      Dan l-Artikolu ma għandux jippreġudika l-proċeduri u l-applikazzjoni tal-piena ta’ xi persuna għal xi att jew ommissjoni li, fiż-żmien meta jkun sar, kien kriminali skond il-prinċipji ġenerali tal-liġi rikonoxxuti min-nazzjonijiet ċivilizzati.”

B.      Id-dritt tal-Unjoni

1.      Il-Konvenzjoni PIF

4        L-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni PIF, intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali”, jipprevedi:

“1.      Għall-għanijiet ta’ din il-Konvenzjoni, frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej tikkonsisti fir-:

[…]

(b)      rigward dħul, kwalunkwe att jew omissjoni intenzjonali dwar:

–        l-użu jew preżentazzjoni ta’ stqarrijiet jew dokumenti foloz, mhux korretti jew mhux kompluti, li għandhom bħala effett it-tnaqqis illegali ta’ fondi mill-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej jew baġits mħaddma minn, jew f’isem, il-Komunitajiet Ewropej,

[…]

2.      Soġġett għall-Artikolu 2 (2), kull Stat Membru jieħu l-miżuri meħtieġa u xierqa biex jittrasponu minn paragrafu fil-liġi kriminali tagħhom b’dak il-mod li l-kondotta msemmija hemm tikkostitiwxxi reati kriminali.

3.      Bla ħsara għall-Artikolu 2 (2), kull Stat Membru jieħu l-miżuri meħtieġa biex jassigura li l-preparazzjoni maħsuba jew forniment ta’ stqarrijiet u dokumenti foloz, mhux korretti jew mhux kompluti li għandhom l-effett deskritt f’paragrafu 1 tikkostitiwxxi reat kriminali jekk mhux diġal punit bħala reat prinċipali jew bħala parteċipazzjoni f’instigazzjoni ta’, jew attentat biex twettaq, frodi kif definit f’paragrafu 1.

[…]”

5        L-Artikolu 2 ta’ din il-konvenzjoni, intitolat “Penalitajiet”, jipprovdi:

“1.      Kull Stat Membru jieħu l-miżuri meħtieġa biex jassigura li l-kondotta msemmija fl-Artikolu 1, u parteċipazzjoni f’instigazzjoni jew attentat tal-kondotta msemmija fl-Artikolu 1(1), huma puniti b’penalitajiet kriminali effettivi, proporzjonati u disważivi, inklużi, għal inqas f’każi ta’ frodi serja, penalitajiet li jinvolvu depravazzjoni ta’ libertà li tista’ tagħti lok għal estradizzjoni, u jinftiehem li frodi serja titqies frodi li tinvolvi ammont minimu li għandu jkun stabbilit f’kull Stat Membru. Dan l-ammont minimu ma jistax ikun stabbilit għas-somma li taqbeż [EUR] 50 000[.]

2.      Madankollu, f’każijiet ta’ frodi minima li tinvolvi ammont totali ta’ inqas minn [EUR] 4 000 […] u tinvolvi ċirkostanzi partikolarment serji taħt il-liġijiet tagħhom, Stat Membru jista’ jipprovdi penalitajiet ta’ tip differenti minn dawk stabbiliti f’paragrafu 1.

[…]”

6        L-Artikolu 9 tal-imsemmija konvenzjoni, intitolat “Dispożizzjonijiet interni”, jipprevedi:

“L-ebda disposizzjoni f’din il-Konvenzjoni ma għandha tipprevjeni l-Istati Membri milli jaddottaw dispożizzjonijiet interni li jmorru lil hinn mill-obbligi ġejjin minn din il-Konvenzjoni.”

2.      Id-Deċiżjoni 2008/40/ĠAI

7        L-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/40/ĠAI tas‑6 ta’ Diċembru 2007 dwar l-adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija mal-Konvenzjoni, imfassla abbażi ta’ l-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej, mal-Protokoll tas‑27 ta’ Settembru 1996, mal-Protokoll tad‑29 ta’ Novembru 1996 u mat-Tieni Protokoll tad‑19 ta’ Ġunju 1997 (ĠU 2008, L 9, p. 23), jipprovdi:

“Il-[Konvenzjoni PIF], [l-Att tal-Kunsill tas‑27 ta’ Settembru 1996 li jfassal l-Protokoll dwar l-Konvenzjoni fuq il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 19),] u [l-Att tal-Kunsill tad‑29 ta’ Novembru 1996 li jfassal, fuq il-bażi ta’ l-Artikolu K.3 tat-Trattat ta’ l-Unoni Ewropea, il-Protokoll dwar l-interpretazzjoni, permezz ta’ deċiżjonijiet preliminarji, mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tal-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 51),] għandhom jidħlu fis-seħħ fir-rigward tal-Bulgarija u tar-Rumanija fl-ewwel ġurnata ta’ l-ewwel xahar wara d-data ta’ l-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, sakemm ma jkunux laħqu daħlu fis-seħħ għall-Bulgarija u r-Rumanija qabel dik id-data.”

3.      Id-Direttiva (UE) 2017/1371

8        L-Artikolu 16 tad-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (ĠU 2017, L 198, p. 29), intitolat “Sostituzzjoni tal-[Konvenzjoni PIF]”, jippreċiża:

“Il-[Konvenzjoni PIF], inklużi l-protokolli tagħha tas‑27 ta’ Settembru 1996 [u] tad‑29 ta’ Novembru 1996 [kif ukoll it-Tieni Protokoll [stabbilit bl-Att tal-Kunsill tad‑19 ta’ Ġunju 1997] stabbilit abbażi ta’ l-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, għall-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 8, p. 156)] hija sostitwita b’din id-Direttiva għall-Istati Membri marbutin biha, b’effett mis‑6 ta’ Lulju 2019.

Għall-Istati Membri marbutin b’din id-Direttiva, ir-referenzi għall-Konvenzjoni għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal din id-Direttiva.”

4.      Ir-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89

9        L-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89 tad‑29 ta’ Mejju 1989 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta’ riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa tal-valur miżjud (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 197), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1553/89”, jipprovdi:

“Għal sena kalendarja partikolari, u mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 5 u 6, il-bażi tar-riżorsi [tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT)] għandha tkun ikkalkolata billi jkun diviż l-dħul nett totali tal-VAT miġbur minn Stat Membru matul dik is-sena bir-rata li biha l-VAT tkun applikata matul l-istess sena.

Jekk aktar minn rata waħda ta’ VAT tkun applikata fi Stat Membru, il-bażi tar-riżorsi tal-VAT għandha tkun ikkalkolata billi jkun diviż l-dħul nett totali tal-VAT miġbur bir-rata tal-medja peżata tal-VAT. F’dan il-każ l-Istat Membru għandu jikkalkula r-rata tal-medja peżata, sa erba’ punti deċimali, bil-metodu komuni definit fl-Artikolu 4. Din il-medja ta’ rata peżata għandha tkun espressa bħala persentaġġ.”

5.      Id-Deċiżjonijiet 2007/436/KE u 2014/335/UE, Euratom

10      L-Artikolu 2(1) u (4) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE tas‑7 ta’ Ġunju 2007 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU 2007, L 163, p. 17), kien jipprovdi:

“1.      Id-dħul minn dan li ġej għandu jkun jikkostitwixxi r-riżorsi proprji mdaħħla fil-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea:

[…]

(b)      mingħajr preġudizzju għat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 4, l-applikazzjoni ta’ rata uniformi valida għall-Istati Membri kollha għall-bażijiet ta’ valutazzjoni tal-VAT armonizzati ddeterminati skond ir-regoli [tal-Komunità Ewropea]. Il-bażi ta’ valutazzjoni li għandha titqies għal dan l-għan m’għandhiex taqbeż il‑50 % [tal-introjtu nazzjonali gross (ING)] għal kull Stat Membru, kif definit fil-paragrafu 7;

[…]

4.      Ir-rata uniformi msemmija fil-paragrafu 1(b) għandha tkun iffissata għal 0,30 %.

[…]”

11      L-Artikolu 2(1) u (4) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/335/UE, Euratom tas‑26 ta’ Mejju 2014 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2014, L 168, p. 105), applikabbli mill‑1 ta’ Jannar 2014, konformement mal-Artikolu 11 tagħha, kien jipprovdi:

“1.      Id-dħul minn dawn li ġejjin għandu jikkostitwixxi riżorsi proprji mdaħħla fil-baġit tal-Unjoni:

[…]

(b)      mingħajr preġudizzju għat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 4, l-applikazzjoni ta’ rata uniformi valida għall-Istati Membri kollha għall-bażijiet ta’ valutazzjoni tal-VAT armonizzati ddeterminati skont ir-regoli tal-Unjoni. Għal kull Stat Membru, il-bażi ta’ valutazzjoni li għandha titqies għal dan l-għan m’għandhiex taqbeż il‑50 % tal-[ING], kif definit fil-paragrafu 7.

[…]

4.      Ir-rata uniformi msemmija fil-paragrafu 1(b) għandha tkun iffissata bħala 0,30 %

[…]”

12      Din id-deċiżjoni tħassret permezz tal-Artikolu 11(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, EURATOM) 2020/2053 tal‑14 ta’ Diċembru 2020 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea u li tħassar id-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom (ĠU 2020, L 424, p. 1), bla ħsara għal dak li jipprevedi l-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu.

C.      Id-dritt Rumen

1.      Il-Kostituzzjoni Rumena

13      Il-prinċipju tal-applikazzjoni retroattiva tal-liġi kriminali l-iżjed favorevoli (iktar’ il quddiem il-“prinċipju ta’ lex mitior”) huwa stabbilit fid-dritt Rumen fl-Artikolu 15(2) tal-Constituția României (il-Kostituzzjoni Rumena), li jipprovdi li “[i]l-liġi għandha tapplika biss għall-futur, bl-eċċezzjoni tal-liġi kriminali jew penali l-iktar favorevoli”.

14      L-Artikolu 147(1) u (4) tal-Kostituzzjoni Rumena jipprovdi:

“1.      Id-dispożizzjonijiet tal-liġijiet u tad-digrieti fis-seħħ, kif ukoll dawk tar-regolamenti, li huma kkunsidrati antikostituzzjonali ma jibqgħux jipproduċu l-effetti legali tagħhom 45 jum wara l-pubblikazzjoni tas-sentenza tal-Curtea Constituțională [(il-Qorti Kostituzzjonali, ir-Rumanija)], sakemm, matul dan il-perjodu, il-Parlament jew il-Gvern, skont il-każ, ma jarmonizzax id-dispożizzjonijiet antikostituzzjonali ma’ dawk tal-Kostituzzjoni. Matul dan il-perijodu, id-dispożizzjonijiet meqjusa bħala antikostituzzjonali huma awtomatikament sospiżi.

[…]

4.      Id-deċiżjonijiet tal-Curtea Constituțională [(il-Qorti Kostituzzjonali)] għandhom jiġu ppubblikati fil-Monitorul Oficial al României. Ġeneralment ikunu obbligatorji b’mod ġenerali mid-data tal-pubblikazzjoni tagħhom u jkollhom biss effetti ex nunc.”

2.      Il-Kodiċi Kriminali tal‑1968

15      Qabel ma ġie ssostitwit bil-Legea nr. 286/2009, privind Codul penal (il-Liġi Nru 286/2009 dwar il-Kodiċi Kriminali), tas‑17 ta’ Lulju 2009 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 510 tal‑24 ta’ Lulju 2009), fis-seħħ mill‑1 ta’ Frar 2014 (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Kriminali tal‑2009”), il-Kodiċi Kriminali kien il-Kodiċi Kriminali inizjalment ippubblikat fil-Buletinul Oficial al României nr. 79 – 79 bis tal‑21 ta’ Ġunju 1968, fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 1969, u ppubblikat mill-ġdid fil-Monitorul Oficial al României nr. 65 tas‑16 ta’ April 1997 (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Kriminali tal‑1968”). Għalhekk, sal‑1 ta’ Frar 2014, l-Artikolu 42 tal-Kodiċi Kriminali tal‑1968, moqri flimkien mal-Artikolu 34(1)(b) tiegħu, kien jipprevedi li l-piena ta’ priġunerija prevista għal reat partikolari setgħet tiżdied b’ħames snin priġunerija meta dan ir-reat kien kontinwu.

16      Matul dan il-perijodu, l-Artikolu 122(1) tal-Kodiċi Kriminali tal‑1968 kien jipprevedi:

“It-termini ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali għall-persuni fiżiċi huma dawn li ġejjin:

(a)      ħmistax-il sena, meta r-reat imwettaq jinvolvi piena ta’ għomor priġunerija jew ta’ ħabs għal perijodu ta’ iktar minn ħmistax-il sena;

(b)      għaxar snin, meta r-reat imwettaq jinvolvi piena ta’ ħabs għal perijodu ta’ iktar minn għaxar snin iżda mhux iktar minn ħmistax-il sena;

(c)      tmien snin, meta r-reat imwettaq jinvolvi piena ta’ ħabs għal perijodu ta’ iktar minn ħames snin iżda mhux iktar minn għaxar snin;

(d)      ħames snin, meta r-reat imwettaq jinvolvi piena ta’ ħabs għal perijodu ta’ iktar minn sena iżda mhux iktar minn ħames snin;

(e)      tliet snin, meta r-reat imwettaq jinvolvi piena ta’ ħabs għal perijodu ta’ mhux iktar minn sena jew multa.”

17      Matul il-perijodu mill‑1 ta’ Jannar 1969 sal‑1 ta’ Frar 2014, l-Artikolu 123 tal-Kodiċi Kriminali tal‑1968 kien jipprevedi li t-terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali kien interrott minn kull att li, skont il-liġi, kellu jiġi kkomunikat lill-imputat jew lill-persuna mixlija matul il-proċeduri kriminali.

3.      Il-Kodiċi Kriminali tal-2009

18      L-Artikolu 5 tal-Kodiċi Kriminali tal‑2009 jipprovdi:

“1.      F’każ li mit-twettiq tal-att kriminali sakemm tingħata s-sentenza finali jkun hemm fis-seħħ liġi kriminali waħda jew iktar, għandha tapplika l-iktar liġi favorevoli.

2.      Il-paragrafu 1 għandu japplika wkoll għal dispożizzjonijiet legali ddikjarati antikostituzzjonali kif ukoll għal digrieti ta’ emerġenza approvati mill-Parlament b’emendi jew b’żidiet jew miċħuda jekk, matul il-perjodu li fih kienu fis-seħħ, kien fihom dispożizzjonijiet kriminali iktar favorevoli.”

19      L-Artikolu 36(1) ta’ dan il-kodiċi jipprevedi:

“Il-ksur kontinwu huwa punibbli bil-piena prevista mil-liġi għar-reat imwettaq, li l-quantum massimu tiegħu jista’ jiżdied rispettivament b’mhux iktar minn tliet snin fil-każ tal-piena ta’ priġunerija u sa terz fil-każ tal-piena ta’ multa.”

20      L-Artikolu 154(1) tal-imsemmi kodiċi jipprevedi:

“It-termini ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali huma:

(a)      ħmistax-il sena, meta r-reat imwettaq jinvolvi piena ta’ għomor priġunerija jew ta’ ħabs għal perijodu ta’ iktar minn għoxrin sena;

(b)      għaxar snin, meta r-reat imwettaq jinvolvi piena ta’ ħabs għal perijodu ta’ iktar minn għaxar snin iżda mhux iktar minn għoxrin sena;

(c)      tmien snin, meta r-reat imwettaq jinvolvi piena ta’ ħabs għal perijodu ta’ iktar minn ħames snin iżda mhux iktar minn għaxar snin;

(d)      ħames snin, meta r-reat imwettaq jinvolvi piena ta’ ħabs għal perijodu ta’ iktar minn sena iżda mhux iktar minn ħames snin;

(e)      tliet snin, meta r-reat imwettaq jinvolvi piena ta’ ħabs għal perijodu ta’ mhux iktar minn sena jew multa.”

21      Fil-verżjoni inizjali tiegħu, l-Artikolu 155(1) tal-istess kodiċi kien jipprovdi:

“Kwalunkwe att ta’ proċedura mwettaq f’kawża jinterrompi t-terminu tal-preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali.”

4.      Il-ġurisprudenza tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali)

22      Permezz ta’ sentenza Nru 297/2018 tas‑26 ta’ April 2018, ippubblikata fil‑25 ta’ Ġunju 2018 fil-Monitorul Oficial al Românei, il-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali) laqgħet eċċezzjoni ta’ antikostituzzjonalità li tirrigwarda l-Artikolu 155(1) tal-Kodiċi Kriminali tal‑2009, sa fejn din id-dispożizzjoni kienet tikser il-prinċipju kostituzzjonali ta’ preċiżjoni u ta’ prevedibbiltà tal-liġi kriminali billi ppermettiet li atti proċedurali jinterrompu t-terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali anki jekk dawn l-atti ma kinux ġew ikkomunikati lill-persuna ssuspettata jew lill-imputat.

23      Permezz ta’ sentenza Nru 358/2022 tas‑26 ta’ Mejju 2022, ippubblikata fid‑9 ta’ Ġunju 2022 fil-Monitorul Oficial al României, il-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali) laqgħet eċċezzjoni ġdida ta’ antikostituzzjonalità fir-rigward tal-Artikolu 155(1) tal-Kodiċi Kriminali tal‑2009, billi ddeċidiet li l-assenza ta’ intervent tal-leġiżlatur Rumen sabiex jissostitwixxi dan l-Artikolu 155(1), iddikjarat antikostituzzjonali, kienet tat lok għal sitwazzjoni ġdida nieqsa minn ċarezza u prevedibbiltà. Dik il-qorti ppreċiżat li, bejn id-data tal-pubblikazzjoni tas-sentenza tagħha Nru 297/2018 tas‑26 ta’ April 2018 u d-dħul fis-seħħ ta’ att normattiv li jiddetermina r-regola applikabbli, “id-dritt pożittiv [Rumen] ma [kien jinkludi] l-ebda każ li jippermetti l-interruzzjoni tat-terminu tal-preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali”.

5.      L-OUG Nru 71/2022

24      Wara li s-sentenza Nru 358/2022 tas‑26 ta’ Mejju 2022 ingħatat mill-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali), iżda qabel ma ġiet ippubblikata, il-Gvern Rumen, bħala leġiżlatur delegat, adotta l-Ordonanța de urgență a Guvernului nr. 71/2022, pentru modificarea articolului 155 alineatul (1) din Legea nr. 286/2009 privind Codul penal (id-Digriet ta’ Urġenza tal-Gvern Nru 71/2022, li jemenda l-Artikolu 155(1) tal-Liġi Nru 286/2009 dwar il-Kodiċi Kriminali) tat‑30 ta’ Mejju 2022 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 531 tat‑30 ta’ Mejju 2022, iktar ’il quddiem l-“OUG Nru 71/2022”), li daħal fis-seħħ fl-istess data.

25      Kif ġie miżjud bl-OUG Nru 71/2022, dan l-Artikolu 155(1) jipprevedi, mit‑30 ta’ Mejju 2022:

“Kwalunkwe att ta’ proċedura mwettaq f’kawża li, konformement mal-liġi, għandu jiġi kkomunikat lill-persuna ssuspettata jew lill-persuna akkużata jinterrompi t-terminu tal-preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali.”

6.      Id-Deċiżjoni Nru 67/2022 tal-QGħKĠ

26      Fil‑25 ta’ Ottubru 2022, il-kulleġġ ġudikanti kompetenti sabiex jiddeċiedi dwar kwistjonijiet ta’ liġi kriminali tal-QGħKĠ iddeċieda, permezz tad-Deċiżjoni Nru 67/2022, ippubblikata fit‑28 ta’ Novembru 2022 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Nru 67/2022 tal-QGħKĠ”) li, fid-dritt Rumen, ir-regoli dwar l-interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali kienu jaqgħu taħt id-dritt kriminali sostantiv u li, konsegwentement, dawn kienu suġġetti għall-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività tal-liġi kriminali, bla ħsara għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ lex mitior, kif iggarantit, b’mod partikolari, fl-Artikolu 15(2) tal-Kostituzzjoni Rumena.

27      Konsegwentement, dan il-kulleġġ ġudikanti tal-QGħKĠ iddeċieda li kundanna definittiva setgħet, bħala prinċipju, tkun is-suġġett ta’ appell straordinarju għal annullament ibbażat fuq l-effetti tas-sentenzi Nri 297/2018 u 358/2022 tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali), tas‑26 ta’ April 2018 u tas‑26 ta’ Mejju 2022 rispettivament (iktar ’il quddiem is-“sentenzi tal-Qorti Kostituzzjonali tal‑2018 u tal‑2022”), bħala l-liġi kriminali l-iżjed favorevoli.

7.      Il-Liġi Nru 241/2005

28      Kif kien fis-seħħ fit‑23 ta’ Jannar 2014, l-Artikolu 9 tal-Legea nr. 241/2005 pentru prevenirea și combaterea evaziunii fiscale (il-Liġi Nru 241/2005, intiża għall-prevenzjoni u għall-ġlieda kontra l-frodi fiskali) tal‑15 ta’ Lulju 2005 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 672 tas‑27 ta’ Lulju 2005) kien jipprovdi:

“1.      Jikkostitwixxu r-reat ta’ frodi fiskali u huma ssanzjonati b’piena ta’ bejn sentejn u tmien snin ta’ priġunerija u bi projbizzjoni ta’ drittijiet jew ta’ multa l-fatti li ġejjin imwettqa bl-għan li wieħed jevadi obbligi fiskali:

[…]

(c)      l-inklużjoni, fil-kontijiet jew f’dokumenti legali oħrajn, ta’ spejjeż li ma jikkorrispondux ma’ tranżazzjonijiet reali jew l-inklużjoni ta’ tranżazzjonijiet fittizji oħrajn;

[…]

2.      Jekk il-fatti previsti fil-paragrafu 1 jiġġeneraw dannu ta’ iżjed minn EUR 100 000, fil-valur tal-kambju fil-munita nazzjonali, il-piena minima u l-piena massima jiżdiedu b’ħames snin.

3.      Jekk il-fatti previsti fil-paragrafu 1 jiġġeneraw dannu superjuri għal EUR 500 000 fil-valur tal-kambju fil-munita nazzjonali, il-piena minima u l-piena massima jiżdiedu b’seba’ snin.”

29      Kif inhu attwalment fis-seħħ, dan l-Artikolu 9 jipprevedi:

“1.      Jikkostitwixxu r-reat ta’ frodi fiskali u huma ssanzjonati b’piena ta’ bejn tliet u għaxar snin ta’ priġunerija u bi projbizzjoni ta’ drittijiet jew ta’ multa l-fatti li ġejjin imwettqa bl-għan li wieħed jevadi obbligi fiskali:

[…]

(c)      l-inklużjoni, fil-kontijiet, f’fattura elettronika jew f’dokumenti legali oħrajn, ta’ spejjeż li ma jikkorrispondux ma’ tranżazzjonijiet reali jew l-inklużjoni ta’ tranżazzjonijiet fittizji oħrajn;

[…]

2.      Jekk il-fatti previsti fil-paragrafu 1 jiġġeneraw dannu superjuri għal EUR 500 000 fil-valur tal-kambju fil-munita nazzjonali, il-piena minima u l-piena massima jiżdiedu bi tliet snin.

3.      Jekk il-fatti previsti fil-paragrafu 1 jiġġeneraw dannu ta’ iżjed minn EUR 1 000 000, fil-valur tal-kambju fil-munita nazzjonali, il-piena minima u l-piena massima jiżdiedu b’ħames snin.”

II.    Il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

30      M.G.D. huwa akkużat kriminalment talli, fil-kwalità tiegħu ta’ amministratur ta’ żewġ kumpanniji kummerċjali, ipprovda b’mod intenzjonat lil B.V. tnax-il fattura fiskali relatati ma’ xiri fittizju matul il-perijodu ta’ bejn it‑3 ta’ Mejju 2012 u t‑3 ta’ Jannar 2014. Id-dannu kkawżat lill-baġit tal-Istat kien ta’ 268 536 leu Rumen (RON) (madwar EUR 59 304) u l-ammont tal-VAT evaż kien ta’ RON 163 656 (madwar EUR 36 142).

31      Permezz ta’ sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2024, meqjusa bħala definittiva fid-dritt Rumen, il-Curtea de Apel Oradea (il-Qorti tal-Appell ta’ Oradea, ir-Rumanija) iddeċidiet, billi bbażat ruħha fuq id-Deċiżjoni Nru 67/2022 tal-QGħKĠ, li t-terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali ta’ M.G.D. kien skada.

32      Fid‑9 ta’ April 2024, l-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Curtea de Apel Oradea (il-Qorti tal-Appell ta’ Oradea) ippreżenta appell ta’ kassazzjoni kontra dik is-sentenza quddiem il-QGħKĠ, li hija l-qorti tar-rinviju.

33      Dan l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku jirrileva li mis-sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2023, Lin (C‑107/23 PPU, iktar ’il quddiem is-“sentenza Lin”, EU:C:2023:606), jirriżulta li l-Artikolu 325(1) TFUE u l-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF kellhom jiġu interpretati fis-sens li l-qrati Rumeni kellhom l-obbligu li ma japplikawx l-istandard nazzjonali ta’ protezzjoni relatat mal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ lex mitior, kif stabbilit fid-Deċiżjoni Nru 67/2022 tal-QGħKĠ.

34      Minn dan isegwi li l-Curtea de Apel Oradea (il-Qorti tal-Appell ta’ Oradea) ordnat, b’mod żbaljat, l-għeluq tal-proċeduri kriminali kontra M.G.D., filwaqt li, skont is-sentenza Lin, it-terminu ta’ preskrizzjoni ma setax jitqies li skada. Fil-fatt, atti proċedurali li interrompew dan it-terminu twettqu kemm qabel il‑25 ta’ Ġunju 2018 kif ukoll wara t‑30 ta’ Mejju 2022.

35      Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-Artikolu 325(1) TFUE jobbliga lill-Istati Membri jiġġieldu, permezz ta’ miżuri effettivi u dissważivi, kontra l-frodi u kull attività illegali oħra li tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Barra minn hekk, każijiet ta’ frodi gravi jew attività illegali gravi oħra li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jridu jkunu punibbli b’sanzjonijiet kriminali ta’ natura effettiva u dissważiva.

36      Minbarra dan, l-Artikoli 1 u 2 tal-Konvenzjoni PIF jobbligaw lill-Istati Membri, minn naħa, li jikkriminalizzaw l-aġir li jikkostitwixxi frodi li tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jiżguraw li dan l-aġir, inkluż il-frodi tal-VAT, ikun punibbli b’sanzjonijiet kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi, li jinkludu, tal-inqas fil-każijiet ta’ frodi gravi, jiġifieri dawk li jirrigwardaw ammont minimu li ma jistax jiġi stabbilit mill-Istati Membri għal iktar minn EUR 50 000, pieni li jċaħħdu l-libertà.

37      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi madankollu jekk l-Artikolu 325(1) TFUE, kif ukoll l-Artikolu 1(1), l-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni PIF għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, fl-assenza ta’ dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali li tistabbilixxi ammont minimu sabiex frodi li tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Unjoni titqies li hija gravi, frodi tal-VAT, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, imwettqa biċ-ċirkustanzi aggravanti speċifiċi għal ksur kontinwu, iżda li tirrigwarda ammont ta’ VAT ta’ RON 163 656 (madwar EUR 36 142), ma tistax titqies li hija gravi minħabba li dan l-ammont ma jaqbiżx EUR 50 000.

38      Skont il-qorti tar-rinviju, id-dritt tal-Unjoni jipprekludi tali interpretazzjoni. Fil-fatt, fl-assenza ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tistabbilixxi ammont minimu sabiex frodi tkun tista’ titqies bħala “gravi”, għandhom ikunu jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi oħra li, konformement ma’ dan id-dritt, jistgħu jikkostitwixxu ċirkustanzi aggravanti, bħan-natura kontinwa tar-reat.

39      Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tenfasizza, preliminarjament, li, minkejja li ngħatat wara s-sentenza Lin, is-sentenza definittiva tal-Curtea de Apel Oradea (il-Qorti tal-Appell ta’ Oradea) implimentat l-istandard nazzjonali ta’ protezzjoni dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ lex mitior, kif stabbilit fid-Deċiżjoni Nru 67/2022 tal-QGħKĠ.

40      Il-qorti tar-rinviju tirrileva wkoll li, permezz ta’ żewġ deċiżjonijiet mogħtija wara din is-sentenza tal-Curtea de Apel Oradea (il-Qorti tal-Appell ta’ Oradea), kulleġġi ġudikanti oħra tal-QGħKĠ, minn naħa, qiesu li l-informazzjoni pprovduta lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-kawża li tat lok għas-sentenza Lin kienet tirrifletti, b’mod insuffiċjenti jew żbaljat, kemm il-portata tal-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege, kif jidher fid-dritt Rumen, kif ukoll l-effetti tas-sentenzi tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali) u, min-naħa l-oħra, iddeċidew li s-sentenza Lin setgħet tiġi applikata biss parzjalment fid-dritt Rumen.

41      Għalhekk, fid-Deċiżjoni Nru 37/2024 tas‑17 ta’ Ġunju 2024 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Nru 37/2024 tal-QGħKĠ”), il-kulleġġ ġudikanti tal-QGħKĠ kompetenti sabiex jiddeċiedi dwar kwistjonijiet ta’ liġi kriminali ddeċida li l-projbizzjoni imposta, mis-sentenza Lin, fuq il-qrati Rumeni milli japplikaw id-Deċiżjoni Nru 67/2022 tal-QGħKĠ kienet twassal sabiex jiġi ggarantit livell ta’ protezzjoni li ma kienx ekwivalenti jew paragunabbli għal-livell ta’ protezzjoni żgurat mill-Artikolu 7 tal-KEDB, u kienet tikser kemm il-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege, kif inhu mifhum fid-dritt Rumen, kif ukoll il-prinċipju ta’ ċertezza legali, billi ppermettiet applikazzjoni ddifferenzjata tar-regoli ta’ kompetizzjoni tal-liġijiet ratione temporis, skont in-natura tar-reat. Barra minn hekk, peress li l-qrati kriminali Rumeni ma għandhomx kriterji ddefiniti mil-leġiżlatur nazzjonali sabiex jevalwaw l-eżistenza ta’ riskju sistemiku ta’ impunità, kif previst fis-sentenza Lin, l-evalwazzjoni minn dawn il-qrati tal-eżistenza ta’ tali riskju tippreġudika l-prinċipju ta’ separazzjoni tal-poteri.

42      Minbarra dan, fid-Deċiżjoni Nru 16/2024 tas‑16 ta’ Settembru 2024 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Nru 16/2024 tal-QGħKĠ”), il-kulleġġ ġudikanti tal-QGħKĠ kompetenti sabiex jieħu konjizzjoni tar-rikorsi ppreżentati fl-interess tal-liġi ddeċida li, skont is-sentenza Nru 265/2014 tas‑6 ta’ Mejju 2014 tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali), il-qrati Rumeni kienu obbligati jevalwaw, b’mod globali, il-liġi kriminali l-iżjed favorevoli. Fil-fatt, skont dik is-sentenza, il-prinċipju kostituzzjonali li jipprojbixxi l-applikazzjoni ta’ lex tertia jipprojbixxi lill-qrati kriminali milli jgħaqqdu dispożizzjonijiet differenti ta’ diversi liġijiet kriminali suċċessivi u jimponilhom li jiddeterminaw, abbażi ta’ evalwazzjoni in concreto, l-unika liġi kriminali li għandha titqies li hija l-iżjed favorevoli fost il-liġijiet kriminali kollha li ġew wara. Tali obbligu jevita l-ħolqien kemm ta’ differenza fit-trattament fil-każ ta’ konkordanza ta’ reati, skont jekk ir-reat inkwistjoni jippreġudikax jew le l-baġit tal-Unjoni, kif ukoll ta’ standard doppju ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, li jwassal għall-iffissar ta’ piena illegali.

43      Abbażi ta’ din il-ġurisprudenza kostituzzjonali, il-kulleġġ ġudikanti tal-QGħKĠ kompetenti sabiex jieħu konjizzjoni tar-rikorsi ppreżentati fl-interess tal-liġi stabbilixxa, qabelxejn, li l-atti proċedurali mwettqa qabel il‑25 ta’ Ġunju 2018 kienu jinterrompu l-preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali, fil-kawżi relatati ma’ frodi li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, biss jekk il-leġiżlazzjoni kriminali, fis-seħħ matul il-perijodu mill‑1 ta’ Frar 2014 sal‑25 ta’ Ġunju 2018, tista’ titqies li tikkostitwixxi, b’mod globali, il-liġi kriminali l-iżjed favorevoli.

44      Sussegwentement, mid-Deċiżjoni Nru 16/2024 tal-QGħKĠ jirriżulta li l-atti proċedurali li għandhom, konformement mal-liġi, jiġu kkomunikati lill-persuna ssuspettata jew lill-imputat wara t‑30 ta’ Mejju 2022, id-data tad-dħul fis-seħħ tal-OUG Nru 71/2022, jinterrompu t-terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali, fir-rigward tal-fatti mwettqa qabel dik id-data, biss bil-kundizzjoni li l-leġiżlazzjoni kriminali, fis-seħħ mit‑30 ta’ Mejju 2022, tkun tista’ titqies, b’mod globali, bħala l-liġi kriminali l-iżjed favorevoli.

45      Fl-aħħar nett, id-Deċiżjoni Nru 16/2024 tal-QGħKĠ tippreċiża li, peress li, matul il-perijodu mill‑25 ta’ Ġunju 2018 sat‑30 ta’ Mejju 2022, it-termini ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali ddekorrew mingħajr possibbiltà ta’ interruzzjoni, il-fatt li ma tiġix applikata s-sentenza Nru 265/2014 tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali) ikollu l-effett li “jerġa’ jattiva”, wara l-iskadenza tat-termini ta’ preskrizzjoni applikabbli, ir-responsabbiltà kriminali, taħt liġi kriminali sussegwenti iktar severa, li jmur kontra l-Artikolu 7 tal-KEDB.

46      Il-qorti tar-rinviju tirrileva madankollu li, billi rrikonoxxiet li l-atti proċedurali mwettqa qabel il‑25 ta’ Ġunju 2018 għandhom effett ta’ interruzzjoni tal-preskrizzjoni biss bil-kundizzjoni li l-liġi kriminali applikabbli matul dan il-perijodu tkun tista’ titqies bħala lex mitior, id-Deċiżjoni Nru 16/2024, tal-QGħKĠ tissuġġetta l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, kif interpretat fis-sentenza Lin, għal rekwiżit addizzjonali, li ma ġiex eżaminat f’dik is-sentenza u li jirriskja li jirrendi, fil-fatt, inapplikabbli l-interpretazzjoni mogħtija lid-dritt tal-Unjoni fl-imsemmija sentenza. Fil-fatt, huwa ferm improbabbli li l-liġi kriminali ta’ qabel il‑25 ta’ Ġunju 2018 tista’ titqies, fl-intier tagħha, bħala leġiżlazzjoni iżjed favorevoli għall-imputat mis-sistema legali fis-seħħ, matul il-perijodu ta’ bejn il‑25 ta’ Ġunju 2018 u t‑30 ta’ Mejju 2022 u li tirriżulta mis-sentenzi tal-Qorti Kostituzzjonali tal‑2018 u tal‑2022.

47      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li d-Deċiżjonijiet Nri 37/2024 u 16/2024 tal-QGħKĠ huma vinkolanti fuq il-qrati Rumeni kollha.

48      F’dawn iċ-ċirkustanzi, dik il-qorti tistaqsi dwar iż-żamma tal-obbligu, li jirriżulta mis-sentenza Lin, għall-qrati Rumeni li jħallu mhux applikat l-istandard nazzjonali ta’ protezzjoni relatat mal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ lex mitior, kif stabbilit fid-Deċiżjoni Nru 67/2022 tal-QGħKĠ.

49      B’mod iktar partikolari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, l-ewwel nett, jekk hija tibqax obbligata tirrifjuta li tapplika tali standard, inkluż meta, skont id-Deċiżjonijiet Nri 37/2024 u 16/2024 tal-QGħKĠ, tali rifjut imur kontra prinċipju kostituzzjonali li jipprojbixxi lill-qrati nazzjonali milli japplikaw lex tertia u jkollu l-konsegwenza li jiggarantixxi livell ta’ protezzjoni li ma huwiex ekwivalenti jew paragunabbli mal-protezzjoni ggarantita fl-Artikolu 7 tal-KEDB.

50      F’dan ir-rigward, dik il-qorti tqis li, fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali dwar frodi gravi tal-VAT, il-qrati Rumeni għandhom ikunu awtorizzati, skont id-dritt tal-Unjoni, jeskludu l-obbligu li jirriżulta minn dan il-prinċipju kostituzzjonali u li bis-saħħa tiegħu huma jistgħu jirrikonoxxu effett ta’ interruzzjoni tal-preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali lill-atti proċedurali mwettqa qabel il‑25 ta’ Ġunju 2018 biss jekk il-leġiżlazzjoni kriminali li taħtha twettqu dawn l-atti proċedurali tista’ titqies, fl-intier tagħha, bħala lex mitior.

51      L-imsemmija qorti tqis, fil-fatt, li, skont il-prinċipju ta’ lex mitior, il-qrati nazzjonali huma liberi li jiddeterminaw jekk il-liġi kriminali l-iżjed favorevoli hijiex il-liġi fis-seħħ sal‑25 ta’ Ġunju 2018 jew, għall-kuntrarju, il-liġi sussegwenti għal dik id-data. Madankollu, meta jeżerċitaw din il-prerogattiva, dawn il-qrati huma obbligati jagħtu lis-sistema legali applikabbli matul il-perijodu mill‑25 ta’ Ġunju 2018 sat‑30 ta’ Mejju 2022 interpretazzjoni konformi mad-dritt tal-Unjoni, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex l-unità u l-effikaċja ta’ dan id-dritt ikunu ggarantiti, li ma jwassalx, fih innifsu, għall-ħolqien ta’ lex tertia.

52      Barra minn hekk, l-applikazzjoni tas-sentenza Lin għal każ ta’ konkordanza bejn reati, li wħud minnhom biss jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, tqajjem biss kwistjonijiet ta’ applikazzjoni tad-dritt nazzjonali u tista’ tiġi eżaminata biss in concreto mill-qrati nazzjonali. Tali sitwazzjoni ipotetika ma għandhiex tippreġudika s-supremazija tad-dritt tal-Unjoni li ma tistax tiddependi mill-interpretazzjoni mogħtija lil-leġiżlazzjoni nazzjonali f’oqsma li ma jaqgħux taħt dan id-dritt.

53      Fi kwalunkwe każ, il-qorti tar-rinviju tqis li l-leġiżlazzjoni Rumena dwar ir-raġunijiet għall-interruzzjoni tal-preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali, interpretata b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni, ma tistax titqies li tikkostitwixxi standard ta’ protezzjoni relatat mal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ lex mitior li ma huwiex ekwivalenti jew paragunabbli mal-istandard stabbilit fl-Artikolu 7 tal-KEDB.

54      It-tieni nett, dik il-qorti tistaqsi wkoll jekk hija tibqax obbligata tirrifjuta li tapplika l-istandard nazzjonali ta’ protezzjoni relatat mal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ lex mitior, kif stabbilit fid-Deċiżjoni Nru 67/2022 tal-QGħKĠ, f’każ fejn, bħal f’dan il-każ, l-applikazzjoni tat-terminu ġenerali ta’ preskrizzjoni konformement ma’ dan l-istandard nazzjonali ta’ protezzjoni kienet tfisser li jiġi kkonstatat li r-responsabbiltà kriminali ta’ M.G.D. kienet intemmet qabel l-għoti tas-sentenza Lin.

55      Skont il-qorti tar-rinviju, ir-risposta għal din id-domanda teħtieġ evalwazzjoni tal-prevedibbiltà u tal-aċċessibbiltà tal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ngħatat fis-sentenza Lin.

56      Madankollu, il-qorti tar-rinviju tfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”), ir-regoli fil-qasam tal-preskrizzjoni huma, bħala prinċipju, liġijiet proċedurali, b’tali mod li l-Artikolu 7 tal-KEDB ma jipprekludix l-applikazzjoni immedjata, għall-proċeduri pendenti, tal-liġijiet li jestendu t-termini ta’ preskrizzjoni meta l-fatti allegati qatt ma jkunu ġew preskritti.

57      Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni Rumena ma tinkludix dispożizzjonijiet espressi li abbażi tagħhom jista’ jiġi konkluż li, għal reati tan-natura ta’ dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, it-terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali kien skada qabel l-għoti tas-sentenza Lin. Tali konklużjoni tkun possibbli biss jekk jiġi aċċettat, b’kontradizzjoni ma’ dik is-sentenza, li l-atti proċedurali mwettqa qabel il‑25 ta’ Ġunju 2018 ma għandhomx effett ta’ interruzzjoni.

58      It-tielet nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-obbligu tagħha li tħalli mhux applikat l-istandard nazzjonali ta’ protezzjoni dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ lex mitior, kif stabbilit fid-Deċiżjoni Nru 67/2022 tal-QGħKĠ, minkejja li l-leġiżlatur Rumen ma stabbilixxiex kriterji li abbażi tagħhom il-qrati tal-Istat Membru kkonċernat jistgħu jevalwaw l-eżistenza ta’ riskju sistemiku ta’ impunità f’numru sinjifikattiv ta’ kawżi, li jista’ jwassal għal ksur tal-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege ggarantit fl-Artikolu 7 tal-KEDB.

59      F’dan ir-rigward, dik il-qorti tirrileva li, fil-punt 91 tas-sentenza Lin, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li d-Deċiżjoni Nru 67/2022 tal-QGħKĠ kienet tinvolvi tali riskju sistemiku ta’ impunità. Għaldaqstant, l-imsemmija qorti tqis li l-obbligu tagħha li tagħti effett sħiħ lid-dritt tal-Unjoni, kif ġie interpretat f’dik is-sentenza, ma jistax ikun suġġett għal evalwazzjoni minn qabel u distinta tal-eżistenza ta’ riskju sistemiku ta’ impunità għal frodi gravi tal-VAT.

60      Fl-aħħar nett, l-istess qorti tenfasizza li, għalkemm ir-regoli dwar il-preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali ġew tradizzjonalment ikkunsidrati bħala li jaqgħu taħt id-dritt kriminali sostantiv, u, konsegwentement, bħala li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-prinċipji ta’ legalità, ta’ nuqqas ta’ retroattività u ta’ retroattività in mitius, il-leġiżlatur Rumen madankollu introduċa progressivament sensiela ta’ eċċezzjonijiet għall-projbizzjoni li jiġu applikati b’mod retroattiv regoli ta’ preskrizzjoni iktar severi għal ċerti reati gravi, mingħajr ma dawn l-eċċezzjonijiet ġew iddikjarati antikostituzzjonali mill-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali).

61      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-QGħKĠ iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-Artikolu 325 TFUE, tal-Artikolu 1(1)(a), tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 9 tal-[Konvenzjoni PIF] u tal-Artikolu 49 tal-[Karta], fl-assenza ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tiffissa ammont minimu sabiex frodi li tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea titqies bħala gravi, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-frodi titqies bħala gravi biss meta tinvolvi ammont li jaqbeż EUR 50 000?

2)      Fil-każ li r-risposta għad-domanda preċedenti tkun fin-negattiv, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2 TUE, tal-Artikolu 4(2) u (3) TUE, tal-Artikolu 2(2) TFUE, tal-Artikolu 325(1) TFUE u tal-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF, kif interpretati [mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Lin], [kif ukoll] tal-Artikoli 49(1), 52(3) u 53 tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali li jikkonċernaw reati relatati mat-[taxxa fuq il-valur miżjud (VAT)], il-qorti nazzjonali għandha ma tapplikax l-istandard nazzjonali ta’ protezzjoni relatat mal-prinċipju ta’ lex mitior kif jirriżulta mill-ġurisprudenza vinkolanti tal-qorti suprema ta’ dan l-Istat Membru, standard li jgħid li l-atti proċedurali li seħħew qabel l-invalidazzjoni tad-dispożizzjoni leġiżlattiva nazzjonali li tirregola r-raġunijiet għall-interruzzjoni tat-termini ta’ preskrizzjoni għar-responsabbiltà kriminali ma għandhomx effett li jinterrompu l-preskrizzjoni, meta:

a.      in-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ dan l-istandard nazzjonali jkun inkompatibbli mal-projbizzjoni tal-applikazzjoni tal-lex tertia, prinċipju ta’ natura kostituzzjonali;

b.      fl-applikazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza nazzjonali, jista’ jiġi kkunsidrat li t-terminu ġenerali ta’ preskrizzjoni għar-responsabbiltà kriminali kien skada qabel ma ngħatat is-sentenza Lin;

c.      in-nuqqas ta’ applikazzjoni, bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni, ta’ dan l-istandard nazzjonali jkollu l-konsegwenza li jiżgura livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali stabbiliti fil-Karta li ma huwiex ekwivalenti jew komparabbli mal-protezzjoni ggarantita mill-Artikolu 7 tal-[KEDB];

(d)      il-liġi nazzjonali ma tipprevedix kriterji speċifiċi li abbażi tagħhom il-qorti tal-Istat Membru tista’ tevalwa, minn qabel, ir-riskju sistemiku ta’ impunità li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ dan l-istandard nazzjonali fil-każ ta’ reati gravi ta’ frodi li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni?”

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

62      Permezz tad-digriet tas‑17 ta’ Ġunju 2025, Lin II (C‑280/25, EU:C:2025:499), il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda li jissuġġetta t-talba għal deċiżjoni preliminari għall-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

63      Fis‑6 ta’ Awwissu 2025, il-Qorti tal-Ġustizzja bagħtet talba għal informazzjoni lill-qorti tar-rinviju fir-rigward tal-kuntest ġuridiku tal-kawża prinċipali. Fit‑2 ta’ Settembru 2025, il-qorti tar-rinviju wieġbet għal din it-talba.

64      Fit‑12 ta’ Settembru 2025, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet talba għal kjarifiki lill-qorti tar-rinviju. Fil‑15 ta’ Settembru 2025, il-qorti tar-rinviju wieġbet għal din it-talba.

IV.    Fuq id-domandi preliminari

A.      Fuq l-ewwel domanda

65      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 325(1) TFUE, l-Artikolu 1(1)(a) kif ukoll l-Artikoli 2 u 9 tal-Konvenzjoni PIF, moqrija flimkien mal-Artikolu 49 tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, meta l-ebda dispożizzjoni nazzjonali ma tiffissa ammont li minnu frodi li tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Unjoni għandha titqies li hija “gravi”, tali frodi tista’ tiġi kklassifikata b’dan il-mod biss bil-kundizzjoni li tinvolvi ammont ogħla minn EUR 50 000.

66      Id-dubju tal-qorti tar-rinviju li ta lok għal din id-domanda jirriżulta mill-fatt li, skont l-ispjegazzjonijiet ipprovduti minnha, l-attivitajiet illegali inkwistjoni fil-kawża prinċipali kkawżaw lill-baġit tal-Istat Rumen dannu ta’ ammont totali ta’ RON 268 536 (madwar EUR 59 304), filwaqt li l-ammont tal-VAT evaż huwa ta’ RON 163 656 (madwar EUR 36 142), kif indikat fil-punt 30 ta’ din is-sentenza.

67      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-Konvenzjoni PIF, għandu jiġi enfasizzat, l-ewwel nett, li peress li l-fatti li taw lok għall-kawża prinċipali twettqu matul l‑2012 sal‑2014, din il-konvenzjoni kienet applikabbli għalihom ratione temporis.

68      Fil-fatt, minn naħa, mill-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2008/40 jirriżulta li l-imsemmija konvenzjoni, l-iktar tard, daħlet fis-seħħ fir-Rumanija fl‑1 ta’ Jannar 2008. Min-naħa l-oħra, l-istess konvenzjoni waqfet milli jkollha effett biss mis‑6 ta’ Lulju 2019, li hija d-data li fiha hija ġiet issostitwita bid-Direttiva 2017/1371, kif jippreċiża l-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva (sentenza Lin, punt 64).

69      F’dak li jirrigwarda, it-tieni nett, il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-Konvenzjoni PIF, għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest tal-preġudizzju għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni, l-Artikolu 1 tagħha jiddefinixxi l-kunċett ta’ “frodi” bħala, b’mod partikolari, “rigward dħul, kwalunkwe att jew omissjoni intenzjonali dwar […] l-użu jew preżentazzjoni ta’ stqarrijiet jew dokumenti foloz, mhux korretti jew mhux kompluti, li għandhom bħala effett it-tnaqqis illegali ta’ fondi mill-baġit ġenerali tal-[Unjoni] jew baġits mħaddma minn, jew f’isem, [l-Unjoni]”. Dan it-tnaqqis jinkludi, konsegwentement, it-telf tad-dħul li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ rata uniformi għall-bażi armonizzata tal-VAT iddeterminata skont ir-regoli tal-Unjoni. Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkonfutata mill-fatt li l-VAT ma hijiex direttament miġbura f’isem l-Unjoni, preċiżament peress li l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni PIF ma jipprevedix tali kundizzjoni li hija kuntrarja għall-għan ta’ din il-konvenzjoni li huwa l-ġlieda bl-iktar determinazzjoni kontra l-frodi li tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2015, Taricco et, C‑105/14, EU:C:2015:555, punt 41).

70      Bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, jidher għalhekk li r-reat inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-Konvenzjoni PIF, kif stabbilit f’dan l-Artikolu 1, sa fejn jirrigwarda, b’mod partikolari, il-ħruġ intenzjonali ta’ fatturi foloz intiżi sabiex tiġi evaża l-VAT.

71      It-tielet nett, l-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex l-aġir li jikkostitwixxi frodi li tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jkun punibbli b’sanzjonijiet kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi li jinkludu, tal-inqas fil-każijiet ta’ frodi gravi, jiġifieri dawk li jirrigwardaw ammont minimu li ma jistax jiġi ffissat mill-Istati Membri għal iktar minn EUR 50 000, pieni li jċaħħdu l-libertà li jistgħu jwasslu għall-estradizzjoni, peress li, konformement mal-Artikolu 9 ta’ din il-konvenzjoni, l-Istati Membri huma liberi li jadottaw regoli li jmorru lil hinn minn dawn ir-rekwiżiti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑2 ta’ Mejju 2018, Scialdone, C‑574/15, EU:C:2018:295, punt 36, u Lin, punt 85).

72      Għalhekk, mill-Artikolu 1(1) u mill-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF, li baqgħu l-istess wara l-adozzjoni ta’ din il-konvenzjoni, jirriżulta li għandhom jiġu adottati sanzjonijiet kriminali sabiex jiġu miġġielda b’mod effettiv u dissważiv, inter alia, il-każijiet ta’ frodi gravi li tippreġudika l-ġbir korrett, mill-baġit tal-Unjoni, tal-parti tad-dħul mill-VAT dovut lilu.

73      Minn dan l-Artikolu 2(1) jirriżulta espressament li kull frodi li l-ammont tagħha jaqbeż EUR 50 000 tikkostitwixxi neċessarjament “frodi gravi”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

74      Għaldaqstant, għalkemm mill-formulazzjoni tal-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni PIF jirriżulta li frodi li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni li l-ammont tagħhom ma jaqbiżx tali limitu jistgħu jiġu kklassifikati bħala “gravi” mid-dritt tal-Istati Membri, kull frodi li tirrigwarda ammont ogħla minn tali limitu tikkostitwixxi neċessarjament “frodi gravi”, fis-sens tal-Artikolu 2(1) ta’ din il-konvenzjoni.

75      Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li l-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF għandu effett dirett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Lin, punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata).

76      Minn dan isegwi li, fin-nuqqas ta’ interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali konformi ma’ din id-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, kull qorti nazzjonali inkarigata li tapplika, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħha, l-imsemmija dispożizzjoni għandha tiżgura l-effett sħiħ tar-rekwiżiti ta’ dan id-dritt fil-proċedura li jkollha quddiemha billi jekk ikun meħtieġ ma tapplikax, ex officio, kull leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali, anki sussegwenti, li tmur kontra l-istess dispożizzjoni, mingħajr ma jkollha titlob jew tistenna t-tħassir minn qabel ta’ din il-leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali permezz ta’ leġiżlazzjoni jew permezz ta’ kwalunkwe proċedura kostituzzjonali oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Marzu 1978, Simmenthal, 106/77, EU:C:1978:49, punt 24, u tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tad-deċiżjonijiet ta’ qorti kostituzzjonali), C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 53 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

77      Għaldaqstant, fin-nuqqas li jkunu jistgħu jinterpretaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom b’mod konformi mal-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF, il-qrati tal-Istati Membri huma obbligati jħallu mhux applikata kull dispożizzjoni nazzjonali li tipprekludi li frodi li tirrigwarda ammont ogħla minn EUR 50 000 u li tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Unjoni tiġi kklassifikata bħala “gravi”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

78      Għalhekk, bla ħsara għall-possibbiltà prevista fl-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni PIF u sa fejn id-dritt nazzjonali ma jispeċifikax il-kunċett ta’ “frodi gravi li tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Unjoni”, il-qrati tal-Istat Membru kkonċernat huma obbligati jikklassifikaw frodi li l-ammont tagħha jaqbeż EUR 50 000 u li tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Unjoni bħala “frodi gravi”.

79      Fit-tielet lok, għandu jiġi enfasizzat li tali limitu għandu jitqies li nqabeż hekk kif l-ammont totali tad-dannu kkawżat mill-frodi jew mill-attività illegali jkun ogħla minn dan l-ammont, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk id-dannu kkawżat lill-baġit tal-Unjoni, li jirriżulta minn dan ir-reat, jilħaqx tali ammont.

80      Tali interpretazzjoni tirriżulta, l-ewwel nett, mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 2(1) u (2) tal-Konvenzjoni PIF.

81      Fil-fatt, minn naħa, l-Artikolu 2(1) ta’ din il-konvenzjoni sempliċement jistabbilixxi li għandha titqies bħala frodi gravi kull frodi “li tinvolvi ammont minimu li għandu jkun stabbilit f’kull Stat Membru”, filwaqt li huwa mifhum li “[d]an l-ammont minimu ma jistax ikun stabbilit għas-somma li taqbeż [EUR] 50 000”, mingħajr ma jeskludi mill-kalkolu ta’ tali ammont id-dannu kkawżat minn din il-frodi għad-detriment ta’ vittmi oħra minbarra l-Unjoni u, b’mod partikolari, għad-detriment tal-baġit tal-Istati Membri.

82      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 2(2) tal-imsemmija konvenzjoni jippermetti lill-Istati Membri, b’deroga, li ma jissanzjonawx kriminalment każijiet ta’ frodi minuri, li jinvolvu, inter alia, li dawn jirrigwardaw “ammont totali” ta’ inqas minn EUR 4 000. Għaldaqstant, mill-formulazzjoni stess ta’ dan il-paragrafu 2 jirriżulta li huwa d-dannu kollu kkawżat mill-frodi li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk din il-frodi tistax tiġi kklassifikata bħala “minuri”.

83      Fid-dawl tar-rabtiet li jeżistu bejn, minn naħa, il-limitu ta’ EUR 50 000, li lil hinn minnu frodi li tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Unjoni għandha tiġi kklassifikata bħala “gravi” u, min-naħa l-oħra, il-limitu ta’ EUR 4 000 li taħtu tali frodi tista’ tiġi kklassifikata bħala “minuri”, ikun inkoerenti li l-metodu ta’ kalkolu ta’ dan il-limitu ta’ EUR 50 000 ma jippermettix li jittieħdu inkunsiderazzjoni danni oħra minbarra dak ikkawżat lill-baġit tal-Unjoni, meta l-metodu ta’ kalkolu ta’ dan il-limitu massimu ta’ EUR 4 000 jimponi li jittieħdu inkunsiderazzjoni dawn id-danni l-oħra.

84      It-tieni nett, kif ġie enfasizzat fil-punt 69 ta’ din is-sentenza, il-Konvenzjoni PIF hija intiża li tiġġieled bl-iktar determinazzjoni kontra l-frodi li tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Tali għan jimmilita, għalhekk, favur interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF li tippermetti lill-awtoritajiet kriminali tal-Istati Membri jiddeterminaw faċilment jekk każ ta’ frodi li tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jirrigwardax ammont ogħla minn EUR 50 000.

85      Madankollu, fil-prattika, jista’ jkun partikolarment kumpless li jiġi stabbilit preċiżament, fi stadju suffiċjentement bikri ta’ proċeduri kriminali, l-ammont eżatt tad-dannu mġarrab mill-Unjoni minħabba aġir frawdolenti li, bħal f’dan il-każ, ikun ippermetta lill-awtur tiegħu jevadi diversi taxxi, diretti u indiretti, li wħud minnhom biss, bħall-VAT, jiġġeneraw dħul intiż li jiġi allokat parzjalment għall-baġit tal-Unjoni.

86      Dan japplika b’mod partikolari għal frodi li, bħal f’dan il-każ, tirrigwarda, inter alia, il-VAT peress li t-tnaqqis tar-riżorsi proprji tal-Unjoni, li jista’ jiġi kkawżat minn tali frodi, huwa diffiċli li jiġi kkwantifikat.

87      Fil-fatt, ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jirriżultaw mill-ġbir tal-VAT ma jikkonsistux sempliċement f’perċentwali tad-dħul ta’ din it-taxxa effettivament miġbura, iżda jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ rata uniformi applikata għal bażi armonizzata tal-VAT tal-Istati Membri, li min-naħa tagħha hija kkalkolata konformement mal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1553/89 u suġġetta għal diversi aġġustamenti previsti mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2023, Napfény-Toll, C‑615/21, EU:C:2023:573, punt 32).

88      Għalhekk, fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-perijodu li matulu l-frodi tal-VAT twettqet f’dan il-każ, minn naħa, mill-Artikolu 2(1)(b) u (4) tad-Deċiżjonijiet 2007/436 u 2014/335 jirriżulta li d-dħul proprju mdaħħal fil-baġit tal-Unjoni kien ikkostitwit, inter alia, mill-applikazzjoni ta’ rata uniformi ta’ 0.3 % għall-bażi armonizzata tal-VAT, iddeterminata skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1553/89, fejn kien mifhum li din il-bażi ma setgħetx teċċedi 50 % tal-ING ta’ kull Stat Membru. Min-naħa l-oħra, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, dan l-Artikolu 3 kien jipprevedi, bla ħsara għal diversi aġġustamenti previsti minn dispożizzjonijiet oħra ta’ dan ir-regolament, li din il-bażi armonizzata kienet tinkiseb billi jiġi diviż id-dħul nett totali tal-VAT irċevut mill-Istat Membru matul is-sena bir-rata li biha din it-taxxa kienet tinġabar matul din l-istess sena, fejn tintuża rata medja ponderata tal-VAT għall-finijiet ta’ tali diviżjoni meta diversi rati tal-VAT kienu applikati fi Stat Membru (sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2022, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (Ġlieda kontra l-frodi tas-sottovalutazzjoni), C‑213/19, EU:C:2022:167, punt 567).

89      Minn dan isegwi li ma teżistix korrelazzjoni faċilment kwantifikabbli bejn l-ammont tal-VAT evaż minn operatur ekonomiku, minn naħa, u t-telf ta’ dħul imġarrab mill-baġit tal-Unjoni minħabba din il-frodi, min-naħa l-oħra.

90      It-tielet nett, sa fejn l-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF jeħtieġ li jiġu imposti pieni iktar severi fil-każ ta’ frodi gravi li tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, għandu jitfakkar li l-Artikolu 49(1) tal-Karta jeżiġi li r-reati u l-pieni jiġu stabbiliti b’mod ċar, preċiż u prevedibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Lin, punti 104 u 105 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Minn dan isegwi li l-kriterji li skonthom il-qrati tal-Istati Membri għandhom neċessarjament, jekk ikun il-każ abbażi biss ta’ dan l-Artikolu 2(1), jikklassifikaw frodi li tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Unjoni bħala “frodi gravi”, għandhom ikunu suffiċjentement ċari, preċiżi u prevedibbli fid-data li fiha twettqet din il-frodi.

91      Jekk ikunu biss il-frodi li jikkawżaw dannu għall-baġit tal-Unjoni ta’ ammont ogħla minn EUR 50 000 li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “frodi gravi”, f’numru kunsiderevoli ta’ każijiet ikun impossibbli għall-awturi ta’ tali reati li jiddeterminaw, bi preċiżjoni suffiċjenti, fid-data li fiha jwettqu dawn ir-reati, jekk humiex suġġetti għal piena aggravata, skont l-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF.

92      Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 88 ta’ din is-sentenza, il-parti tad-dħul miġbur kull sena minn Stat Membru, minħabba l-VAT, li taqa’ taħt il-baġit tal-Unjoni tvarja skont diversi kriterji li wħud minnhom, bħall-ING, ma humiex prevedibbli fid-data li fiha tali taxxa tinġabar jew tiġi evaża.

93      Ir-raba’ nett, l-interpretazzjoni adottata fil-punt 79 ta’ din is-sentenza hija kkorroborata wkoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, meta ntalbet tikklassifika frodi bħala “gravi” għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet inkunsiderazzjoni d-dannu kollu kkawżat minn din il-frodi, mingħajr ma identifikat il-parti ta’ dan id-dannu li affettwat esklużivament il-baġit tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Settembru 2015, Taricco et, C‑105/14, EU:C:2015:555, punt 42, u Lin, punti 22 u 79).

94      F’dan il-każ, għandu għalhekk jittieħed inkunsiderazzjoni l-ammont totali tad-dannu, jiġifieri RON 268 536 (madwar EUR 59 304), u mhux l-uniku ammont tal-VAT evaża, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tal-frodi li wasslet għal dan id-dannu.

95      Fir-raba’ u l-aħħar lok, għandu jingħad ukoll li, kif jirriżulta mill-Artikolu 1(3) u mill-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF, it-tentattiv li titwettaq frodi li tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Unjoni għandu jiġi assimilat ma’ frodi li tippreġudika dawn l-interessi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 187). Għaldaqstant, tali tentattiv għandu neċessarjament jitqies bħala frodi gravi meta jista’ jiġi stabbilit li l-ammont totali tad-dannu, li din il-frodi kienet tikkawża li kieku twettqet, kien jaqbeż EUR 50 000.

96      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF, moqri fid-dawl tal-Artikolu 49 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-ebda dispożizzjoni nazzjonali ma tiffissa ammont li minnu frodi li tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Unjoni għandha titqies li hija “gravi”, tali frodi għandha neċessarjament tiġi kklassifikata b’dan il-mod meta tinvolvi ammont totali ta’ iktar minn EUR 50 000, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk id-dannu mġarrab mill-baġit tal-Unjoni minħabba din il-frodi jaqbiżx, huwa wkoll, tali ammont.

97      Peress li din l-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni PIF hija suffiċjenti sabiex il-qorti tar-rinviju tingħata risposta utli għall-ewwel domanda, ma huwiex neċessarju li jiġi interpretat, barra minn hekk, fil-kuntest tal-eżami ta’ din id-domanda, il-kunċett ta’ “frodi” kif jinsab fl-Artikolu 325(1) TFUE.

B.      Fuq it-tieni domanda

1.      Fuq l-ammissibbiltà

98      Skont ġurisprudenza stabbilita, li issa hija riflessa fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura, id-deċiżjoni tar-rinviju għandha tindika r-raġunijiet preċiżi li wasslu lill-qorti nazzjonali tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u tqis li huwa neċessarju li tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2024, LivaNova, C‑713/22, EU:C:2024:642, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

99      F’dan il-każ, fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju esponiet b’mod ċar, fid-deċiżjoni tar-rinviju, ir-raġunijiet li għalihom hija tqis li huwa neċessarju li tikseb kjarifiki mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 325(1) TFUE, tal-Artikolu 49(1) tal-Karta u tal-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF.

100    Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li dik il-qorti ssemmi wkoll l-Artikolu 2, l-Artikolu 4(2) u (3) TUE, kif ukoll l-Artikolu 2(2) TFUE. Dawn id-dispożizzjonijiet jikkonċernaw, rispettivament, il-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, l-osservanza mill-Unjoni tal-identità nazzjonali tal-Istati Membri inerenti fl-istrutturi fundamentali politiċi u kostituzzjonali tagħhom, il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, kif ukoll il-kompetenzi kondiviżi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha.

101    Madankollu, il-qorti tar-rinviju ma spjegatx, anki fil-qosor, ir-raġunijiet li wassluha sabiex tistaqsi dwar l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u sabiex tqis li huwa neċessarju li tagħmel domanda preliminari f’dan ir-rigward lill-Qorti tal-Ġustizzja. Dik il-qorti, b’mod partikolari, ma ppreċiżatx liema dispożizzjoni tad-dritt intern, applikabbli għall-kawża prinċipali, taqa’ taħt l-identità nazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 4(2) TUE.

102    Minn dan isegwi li t-tieni domanda għandha tiġi ddikjarata inammissibbli sa fejn tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 4(2) u (3) TUE kif ukoll tal-Artikolu 2(2) TFUE.

103    Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-Artikolu 52(3) u tal-Artikolu 53 tal-Karta, imsemmija wkoll fit-tieni domanda, għandu, l-ewwel nett, jitfakkar li dan l-Artikolu 52(3) jipprovdi li d-drittijiet stabbiliti fil-Karta li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-KEDB għandhom l-istess sens u l-istess portata bħal dawk li tagħtihom din il-konvenzjoni.

104    Għaldaqstant, għalkemm din tal-aħħar ma tikkostitwixxix, sakemm l-Unjoni ma tkunx aderixxiet għaliha, strument legali formalment integrat fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni b’tali mod li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll l-eżami tal-validità tal-atti tal-Unjoni għandhom isiru fid-dawl tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta, xorta jibqa’ l-fatt li l-Artikolu 7 tal-KEDB għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, bħala limitu ta’ protezzjoni minima, fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 49(1) tal-Karta, peress li dan tal-aħħar jinkludi, tal-inqas, l-istess garanziji bħal dawk previsti f’dan l-Artikolu 7 (sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2020, Facebook Ireland u Schrems, C‑311/18, EU:C:2020:559, punti 98 u 99, kif ukoll tad‑29 ta’ Lulju 2024, Alchaster, C‑202/24, EU:C:2024:649, punt 92 u l-ġurisprudenza ċċitata).

105    It-tieni nett, l-Artikolu 53 tal-Karta jikkonferma li, f’sitwazzjoni fejn l-azzjoni tal-Istati Membri ma hijiex iddeterminata kompletament mid-dritt tal-Unjoni, bħalma huwa l-każ fil-kawża prinċipali, l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali jibqgħu liberi li japplikaw standards nazzjonali ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, sakemm din l-applikazzjoni ma tikkomprometti la l-livell ta’ protezzjoni previst mill-Karta, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, u lanqas is-supremazija, l-unità u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 211, u Lin, punt 110).

106    It-tielet nett, kif imsemmi fil-punti 39 sa 45 ta’ din is-sentenza, it-tħassib li huwa rifless fit-tieni domanda, magħmula mill-qorti tar-rinviju, huwa, fil-parti l-kbira, imqajjem mid-dubji espressi minn kulleġġi ġudikanti oħra tal-QGħKĠ dwar il-possibbiltà li tiġi rrikonċiljata l-interpretazzjoni tal-Artikolu 325(1) TFUE u tal-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF, adottata fis-sentenza Lin, kemm mal-Artikolu 7 tal-KEDB kif ukoll ma’ ċerti rekwiżiti kostituzzjonali Rumeni. Għaldaqstant, għandu jitqies li l-qorti tar-rinviju wriet b’mod suffiċjenti r-raġunijiet li għalihom hija qieset li huwa neċessarju li tikseb kjarifiki mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 52(3) u tal-Artikolu 53 tal-Karta.

107    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tieni domanda hija ammissibbli sa fejn hija intiża li tinterpreta l-Artikolu 325(1) TFUE, l-Artikolu 49(1), l-Artikolu 52(3) u l-Artikolu 53 tal-Karta, kif ukoll l-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF.

2.      Fuq il-mertu

108    Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex, essenzjalment, li tikseb preċiżazzjonijiet dwar il-mod li bih il-qrati Rumeni għandhom japplikaw il-parti tad-dispożittiv tas-sentenza Lin li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 325(1) TFUE u l-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-qrati Rumeni huma obbligati jirrifjutaw li japplikaw l-istandard nazzjonali ta’ protezzjoni relatat mal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ lex mitior, kif stabbilit mid-Deċiżjoni Nru 67/2022 tal-QGħKĠ.

109    Preliminarjament, għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 325(1) TFUE jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiġġieldu, permezz ta’ miżuri dissważivi u effettivi, kontra l-frodi u kull attività illegali oħra li tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Għalkemm għandhom libertà ta’ għażla fir-rigward tas-sanzjonijiet applikabbli, li jistgħu jieħdu l-forma ta’ sanzjonijiet amministrattivi, ta’ sanzjonijiet kriminali jew ta’ taħlita tat-tnejn, l-Istati Membri għandhom madankollu jiżguraw, skont din id-dispożizzjoni, li l-każijiet ta’ frodi gravi jew ta’ attività illegali gravi oħra li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jkunu punibbli b’sanzjonijiet kriminali ta’ natura effettiva u dissważiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punti 26 u 34, tat‑8 ta’ Settembru 2015, Taricco et, C‑105/14, EU:C:2015:555, punti 39, 42 u 43, tal‑5 ta’ Diċembru 2017, M.A.S. u M.B., C‑42/17, EU:C:2017:936, punt 35, tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Kolev et, C‑612/15, EU:C:2018:392, punt 54, tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punti 181 u 191, u Lin, punti 83 u 84).

a)      Fuq is-sentenza Lin

110    Adita b’talba għal deċiżjoni preliminari tal-Curtea de Apel Brașov (il-Qorti tal-Appell ta’ Brașov, ir-Rumanija), il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet, fil-kawża li tat lok għas-sentenza Lin, teżamina jekk id-dritt tal-Unjoni kienx jipprekludi l-applikazzjoni, mill-qrati Rumeni, kemm tas-sentenzi tal-Qorti Kostituzzjonali tal‑2018 u tal‑2022 kif ukoll tad-Deċiżjoni Nru 67/2022 tal-QGħKĠ.

111    F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat, preliminarjament, li, kif jirriżulta mill-punti 33 u 37 tas-sentenza Lin, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx mitluba, fil-kuntest tal-kawża li tat lok għal dik is-sentenza, tiddeċiedi dwar l-obbligi li l-Artikolu 325(1) TFUE u l-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF jimponu fuq qorti Rumena mitluba tieħu konjizzjoni ta’ kawża li fiha, permezz ta’ deċiżjoni li għandha l-awtorità ta’ res judicata, kien ġie preċedentement ikkonstatat, b’applikazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 67/2022 tal-QGħKĠ, li t-terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali tal-imputat kien skada.

1)      L-evalwazzjoni, fis-sentenza Lin, tal-istandard nazzjonali ta’ protezzjoni stabbilit fis-sentenzi tal-Qorti Kostituzzjonali tal-2018 u tal-2022

112    Mill-ewwel parti tal-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza Lin jirriżulta li l-Artikolu 325(1) TFUE u l-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-qrati Rumeni ma humiex obbligati li ma japplikawx is-sentenzi tal-Qorti Kostituzzjonali tal‑2018 u tal‑2022 meta jintalbu jiddeċiedu dwar proċeduri kriminali relatati ma’ każijiet ta’ frodi gravi li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

113    Sabiex tasal għal tali konklużjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, fl-ewwel lok, li dawn is-sentenzi kienu joħolqu riskju sistemiku li reati ta’ frodi gravi li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jibqgħu kriminalment mhux issanzjonati, li jikkostitwixxi każ ta’ inkompatibbiltà mar-rekwiżiti tal-Artikolu 325(1) TFUE u tal-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF. Fil-fatt, kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 91, 92, 98 u 122 tas-sentenza Lin, l-imsemmija sentenzi kellhom il-konsegwenza li jinnewtralizzaw l-effett ta’ interruzzjoni tal-preskrizzjoni tal-atti proċedurali li seħħew matul il-perijodu mill‑25 ta’ Ġunju 2018 sat‑30 ta’ Mejju 2022 f’numru kbir ta’ każijiet ta’ frodi gravi li tippreġudika dawn l-interessi, u b’hekk jipprekludu li t-terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali tal-awturi ta’ dawn ir-reati seta’ jiġi estiż minħabba atti proċedurali li seħħew fil-konfront tagħhom matul dan il-perijodu.

114    Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu fakkret, fil-punt 101 tas-sentenza Lin, li l-ebda qorti nazzjonali ma tista’ tkun obbligata, skont l-Artikolu 325(1) TFUE u l-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF, li teskludi l-applikazzjoni ta’ regola nazzjonali dwar il-kalkolu tat-termini ta’ preskrizzjoni li tinvolvi riskju sistemiku li frodi gravi jew attivitajiet illegali gravi oħra li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jibqgħu kriminalment mhux issanzjonati, meta r-rifjut li tiġi applikata din ir-regola nazzjonali jwassal għal ksur tal-Artikolu 49(1) tal-Karta.

115    Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punti 109 u 111 tas-sentenza Lin, li s-sentenzi tal-Qorti Kostituzzjonali tal‑2018 u tal‑2022 jistabbilixxu standard nazzjonali ta’ protezzjoni dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege li jmur lil hinn mill-garanziji previsti fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta.

116    Fil-fatt, hija fakkret, fil-punti 104, 105 u 108 tas-sentenza Lin, li din l-ewwel sentenza tal-Artikolu 49(1) tiggarantixxi l-aċċessibbiltà, il-prevedibbiltà u l-preċiżjoni tad-dispożizzjonijiet li jiddefinixxu r-reati u l-pieni li jakkumpanjawhom, u mhux dawk tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali. Madankollu, kif enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 111 ta’ dik is-sentenza, is-sentenzi tal-Qorti Kostituzzjonali tal‑2018 u tal‑2022 huma bbażati fuq il-premessa li, fid-dritt Rumen, ir-regoli dwar l-interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali jaqgħu taħt id-dritt kriminali sostantiv, li jiġġustifika li dawn ir-rekwiżiti ta’ prevedibbiltà u ta’ preċiżjoni jiġu applikati għal dispożizzjoni li, bħall-Artikolu 155(1) tal-Kodiċi Kriminali tal‑2009, tirregola r-raġunijiet għall-interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali.

117    Fit-tielet lok, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, minkejja r-riskju sistemiku ta’ impunità tal-istandard nazzjonali ta’ protezzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege stabbilit fis-sentenzi tal-Qorti Kostituzzjonali tal‑2018 u tal‑2022, kif imfakkar fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, il-qrati Rumeni madankollu ma kinux obbligati jħallu mhux applikat tali standard, fid-dawl tal-importanza li għandu dan l-istandard.

118    Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat, fil-punti 113 sa 118 tas-sentenza Lin, li, sa fejn jiggarantixxi l-prevedibbiltà u l-preċiżjoni tal-liġi kriminali, inklużi r-regoli ta’ preskrizzjoni dwar ir-reati kriminali, dan l-istandard nazzjonali jikkompleta l-protezzjoni kontra l-arbitrarjetà fil-qasam kriminali li hija offruta mid-dritt tal-Unjoni skont il-prinċipju fundamentali ta’ ċertezza legali, li jikkostitwixxi element essenzjali tal-Istat tad-dritt u, għaldaqstant, valur fundamentali tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 2 TUE. Fil-fatt, tali prinċipju jeżiġi, minn naħa, li r-regoli tad-dritt ikunu ċari u preċiżi u, min-naħa l-oħra, li l-applikazzjoni tagħhom tkun prevedibbli għall-partijiet f’kawża, b’mod partikolari meta jista’ jkollhom konsegwenzi sfavorevoli. Din il-protezzjoni kontra l-arbitrarjetà għandha tant importanza li ma setax jiġi meħtieġ, skont l-Artikolu 325 TFUE u l-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF, li l-qrati Rumeni jwarrbu l-imsemmi standard nazzjonali.

2)      L-evalwazzjoni, fis-sentenza Lin, tal-istandard nazzjonali ta’ protezzjoni stabbilit fid-Deċiżjoni Nru 67/2022 tal-QGħKĠ

119    Mit-tieni parti tal-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza Lin jirriżulta li l-Artikolu 325(1) TFUE u l-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF għandhom, b’kuntrast, jiġu interpretati fis-sens li l-qrati Rumeni huma obbligati ma japplikawx id-Deċiżjoni Nru 67/2022 tal-QGħKĠ meta jintalbu jieħdu konjizzjoni ta’ proċeduri kriminali relatati ma’ każijiet ta’ frodi gravi li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

i)      Fuq il-klassifikazzjoni tal-istandard nazzjonali ta’ protezzjoni stabbilit fid-Deċiżjoni Nru 67/2022 tal-QGħKĠ fid-dawl tal-Artikolu 49 tal-Karta

120    Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punti 106 sa 109 tas-sentenza Lin, li, fid-Deċiżjoni Nru 67/2022 tagħha, il-QGħKĠ stabbilixxiet standard nazzjonali ta’ protezzjoni dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ lex mitior, li jmur lil hinn mill-garanziji offruti fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta.

121    Fil-fatt, skont dan l-istandard nazzjonali ta’ protezzjoni, dispożizzjoni li tirrigwarda r-raġunijiet għall-interruzzjoni tal-preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali jista’ jkollha tiġi applikata retroattivament, bħala lex mitior, meta, wara evalwazzjoni globali tas-sistemi legali suċċessivi, jidher li tali dispożizzjoni hija iżjed favorevoli għall-imputat.

122    Mill-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta jirriżulta li l-prinċipju ta’ lex mitior, kif mifhum fid-dritt tal-Unjoni, jippermetti lil imputat jibbenefika minn dispożizzjoni, li daħlet fis-seħħ wara t-twettiq tar-reat, li jew temenda l-klassifikazzjoni kriminali ta’ dan ir-reat f’sens favorevoli għalih jew tnaqqas il-piena li takkumpanja l-imsemmi reat, sakemm dan l-imputat ma jkunx ġie kkundannat b’mod definittiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Clergeau et, C‑115/17, EU:C:2018:651, punt 38, u tal‑1 ta’ Awwissu 2025, BAJI Trans, C‑544/23, EU:C:2025:614, punti 81 u 97 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

123    B’kuntrast, għall-kuntrarju tal-istandard nazzjonali ta’ protezzjoni stabbilit fid-Deċiżjoni Nru 67/2022 tal-QGħKĠ, il-prinċipju ta’ lex mitior, kif iggarantit fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta, ma huwiex intiż li japplika għal suċċessjoni ratione temporis ta’ regoli li jirregolaw il-metodu ta’ kalkolu tat-terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali.

124    Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li din l-interpretazzjoni tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta hija konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti EDB dwar il-garanziji previsti fl-Artikolu 7 tal-KEDB li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, kif enfasizzat fil-punt 104 ta’ din is-sentenza, bħala limitu minimu ta’ protezzjoni.

125    Fil-fatt, skont din il-ġurisprudenza, għalkemm l-Artikolu 7(1) tal-KEDB jiggarantixxi impliċitament il-prinċipju ta’ retroattività tal-liġi kriminali l-iżjed favorevoli, xorta jibqa’ l-fatt li dan il-prinċipju japplika biss għad-dispożizzjonijiet li jiddefinixxu r-reati u l-pieni li jikkastigawhom, u l-Qorti EDB tqis raġonevoli l-applikazzjoni, mill-qrati nazzjonali, tal-prinċipju tempus regit actum f’dak li jirrigwarda l-liġijiet proċedurali u, b’mod partikolari, ir-regoli dwar il-kalkolu tat-terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 17 ta’ Settembru 2009, Scoppola vs L‑Italja (Nru 2), CE:ECHR:2009:0917JUD001024903, punti 109 u 110, u Qorti EDB, 29 ta’ Jannar 2019, Orlen Lietuva Ltd vs Il‑Litwanja, CE:ECHR:2019:0129JUD004584913, punt 97 u l-ġurisprudenza ċċitata).

126    Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li qieset il-QGħKĠ fid-Deċiżjoni Nru 37/2024 tagħha, il-projbizzjoni għall-qrati Rumeni, li tirriżulta mis-sentenza Lin, milli japplikaw id-Deċiżjoni Nru 67/2022 tal-QGħKĠ u, għaldaqstant, milli jagħtu effett retroattiv lis-sistema legali tar-raġunijiet għall-interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni li tirriżulta mis-sentenzi tal-Qorti Kostituzzjonali tal‑2018 u tal‑2022, fis-seħħ matul il-perijodu mill‑25 ta’ Ġunju 2018 sat‑30 ta’ Mejju 2022, ma tiksirx l-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta billi ttawwal l-effetti ta’ liġi kriminali preċedenti iktar severa. Fil-fatt, għalkemm huwa minnu li l-prinċipju ta’ lex mitior, kif stabbilit f’din id-dispożizzjoni, jeħtieġ li ma tiġix applikata liġi kriminali preċedenti favur liġi kriminali sussegwenti iktar favorevoli għall-imputat, sakemm dan tal-aħħar ma jkunx is-suġġett ta’ kundanna definittiva, tali obbligu madankollu japplika biss fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni. Kif ġie enfasizzat fil-punt 123 ta’ din is-sentenza, ir-regoli li jirregolaw il-metodu ta’ kalkolu tat-terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-istess dispożizzjoni.

127    Fit-tielet lok, l-interpretazzjoni tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta, adottata fil-punt 123 ta’ din is-sentenza, lanqas ma hija kkontestata mir-raġuni, adottata mill-QGħKĠ fid-Deċiżjoni Nru 37/2024 tagħha, li skontha mis-sentenza tal-Qorti EDB tat‑12 ta’ Jannar 2016, Gouarré Patte vs Andorra (CE:ECHR:2016:0112JUD003342710), jirriżulta li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata bħala li timponi fuq il-qrati ta’ Stat Membru l-obbligu li japplikaw retroattivament regoli li jirregolaw il-metodu ta’ kalkolu tat-terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali li huma iktar favorevoli għall-imputat, meta, bħal f’dan il-każ, il-prinċipju ta’ lex mitior, kif mifhum fid-dritt ta’ dan l-Istat Membru, jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu għas-suċċessjoni ratione temporis tar-regoli dwar il-metodu ta’ kalkolu tat-termini ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali.

128    Huwa minnu li, mill-punt 35 ta’ dik is-sentenza jirriżulta li l-Qorti EDB iddeċidiet li, skont il-prinċipju ta’ preeminenza tad-dritt, li l-Artikolu 7 tal-KEDB jikkostitwixxi element essenzjali tiegħu, il-qrati nazzjonali għandhom japplikaw liġi sussegwenti li tipprevedi piena inqas, inkluż meta din tkun daħlet fis-seħħ wara l-għoti ta’ kundanna definittiva, meta l-istandard nazzjonali ta’ protezzjoni dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ lex mitior jagħti garanzija addizzjonali meta mqabbla ma’ dawk li jirriżultaw mill-Artikolu 7 tal-KEDB, billi jimponu li l-liġijiet li ġew adottati wara li l-persuna kkonċernata tkun ġiet ikkundannata b’mod definittiv u li jkunu iktar favorevoli għaliha jkollhom ukoll effett retroattiv.

129    Madankollu, minn naħa, tali obbligu ġie stabbilit mill-Qorti EDB biss fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet li jipprevedu pieni eħfef u mhux fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet li jtaffu s-severità tal-metodu ta’ kalkolu tat-termini ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali. Għaldaqstant, mill-imsemmija sentenza ma jistax jiġi dedott li dik il-qorti teżiġi, abbażi tal-prinċipju ta’ preeminenza tad-dritt li l-Artikolu 7 tal-KEDB jikkostitwixxi element essenzjali tiegħu, li l-qrati ta’ Stat Membru japplikaw retroattivament regoli dwar il-metodu ta’ kalkolu tat-terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali li huma iktar favorevoli għall-imputat, meta l-prinċipju ta’ lex mitior, kif stabbilit fid-dritt nazzjonali tagħhom, japplika għas-suċċessjoni ratione temporis ta’ tali regoli.

130    Min-naħa l-oħra, ir-raġunament adottat mill-Qorti EDB fl-istess sentenza huwa bbażat espliċitament fuq il-prinċipju ta’ preeminenza tad-dritt, li l-Artikolu 7 tal-KEDB jikkostitwixxi element essenzjali tiegħu.

131    Għaldaqstant, mis-sentenza tal-Qorti EDB tat‑12 ta’ Jannar 2016, Gouarré Patte vs Andorra (CE:ECHR:2016:0112JUD003342710), ma jistax jirriżulta li standard nazzjonali ta’ protezzjoni dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ lex mitior, li jmur lil hinn mill-garanziji offruti fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta, għandu jiġi protett skont l-Artikolu 7 tal-KEDB u, għaldaqstant, ukoll skont din l-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1), meta dan l-istandard nazzjonali ta’ protezzjoni jmur kontra dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni, bħall-Artikolu 325 TFUE u l-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF u, għaldaqstant, ma josservax il-prinċipju ta’ preeminenza tad-dritt li fuqu dik is-sentenza hija bbażata.

132    Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li, kif ġie enfasizzat fil-punt 105 ta’ din is-sentenza, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qrati nazzjonali jistgħu japplikaw standards nazzjonali ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali biss sakemm, inter alia, din l-applikazzjoni ma tikkompromettix is-supremazija, l-unità u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni.

133    Ir-rekwiżit li tali standards nazzjonali ta’ protezzjoni ma jikkompromettux is-supremazija, l-unità u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni jinkiser jekk jiġi aċċettat li standard nazzjonali ta’ protezzjoni relatat mal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ lex mitior, li jmur lil hinn mill-garanziji offruti fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta, għandu jiġi applikat mill-qrati nazzjonali, skont din l-aħħar dispożizzjoni, indipendentement mill-fatt li dan l-istandard jikser dispożizzjonijiet oħra ta’ dan id-dritt.

134    Mill-punti 120 sa 133 ta’ din is-sentenza jirriżulta li għandha tiġi rrepetuta l-evalwazzjoni, li tinsab fis-sentenza Lin, li skontha l-istandard nazzjonali ta’ protezzjoni dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ lex mitior, kif stabbilit fid-Deċiżjoni Nru 67/2022 tal-QGħKĠ, ma jimplimentax il-garanziji stabbiliti fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta.

ii)    Fuq l-evalwazzjoni tar-riskju sistemiku li jirriżulta mill-istandard nazzjonali ta’ protezzjoni stabbilit fid-Deċiżjoni Nru 67/2022 tal-QGħKĠ

135    Fil-punti 98, 99 u 121 sa 124 tas-sentenza Lin, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-qrati Rumeni ma kellhomx japplikaw l-istandard nazzjonali ta’ protezzjoni relatat mal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ lex mitior, kif stabbilit fid-Deċiżjoni Nru 67/2022 tal-QGħKĠ, wara bbilanċjar bejn dan l-istandard nazzjonali ta’ protezzjoni u r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 325(1) TFUE u mill-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF.

136    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat, b’mod iktar partikolari, li d-Deċiżjoni Nru 67/2022 tal-QGħKĠ kienet taggrava r-riskju sistemiku ta’ impunità li, kif tfakkar fil-punt 113 ta’ din is-sentenza, kien diġà jirriżulta mis-sentenzi tal-Qorti Kostituzzjonali tal‑2018 u tal‑2022, billi estendiet l-effett newtralizzanti tar-raġunijiet għall-interruzzjoni tal-preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali, impost minn dawn is-sentenzi tal-Qorti Kostituzzjonali, għal atti proċedurali li seħħew qabel il‑25 ta’ Ġunju 2018.

137    B’dan il-mod, fis-sentenza Lin, id-Deċiżjoni Nru 67/2022 tal-QGħKĠ li tistabbilixxi l-istandard nazzjonali ta’ protezzjoni dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ lex mitior, minn naħa, u s-sentenzi tal-Qorti Kostituzzjonali tal‑2018 u tal‑2022 li jistabbilixxu l-istandard nazzjonali ta’ protezzjoni dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ legalità u ta’ prevedibbiltà tal-liġi kriminali, min-naħa l-oħra, ġew ittrattati b’mod differenti. Tali differenza fit-trattament tirriżulta kemm mill-partikolaritajiet inerenti għal dawn iż-żewġ standards nazzjonali ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali kif ukoll miż-żieda kunsiderevoli tar-riskju sistemiku ta’ impunità li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-ewwel wieħed minnhom.

138    Għalhekk, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għas-sentenzi tal-Qorti Kostituzzjonali tal‑2018 u tal‑2022, id-Deċiżjoni Nru 67/2022 tal-QGħKĠ ma hijiex ibbażata fuq ir-rekwiżiti ta’ prevedibbiltà u ta’ preċiżjoni tal-liġi kriminali – li għandhom importanza speċifika fid-dritt tal-Unjoni, kif tfakkar fil-punt 118 ta’ din is-sentenza – sabiex jitneħħew l-effetti ta’ interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali mill-atti proċedurali li seħħew qabel il‑25 ta’ Ġunju 2018. Għall-kuntrarju, dik id-deċiżjoni timponi emenda retroattiva tar-regoli dwar il-metodu ta’ kalkolu tat-terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali li kienu fis-seħħ fid-data tat-twettiq tar-reat, kemm jekk dan ir-reat twettaq qabel jew wara l‑1 ta’ Frar 2014. Fil-fatt, mid-deċiżjoni preliminari jirriżulta li dawn ir-regoli kienu neċessarjament inqas favorevoli mis-sistema legali tal-preskrizzjoni li tirriżulta mis-sentenzi tal-Qorti Kostituzzjonali tal‑2018 u tal‑2022.

139    Fit-tieni lok, għandu jiġi enfasizzat li l-istandard nazzjonali ta’ protezzjoni dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ lex mitior, kif stabbilit mill-QGħKĠ fid-Deċiżjoni Nru 67/2022 tagħha, iwassal sabiex ir-riskju sistemiku li l-awturi ta’ frodi gravi li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni ma jiġux issanzjonati kriminalment jiżdied sal-punt li l-Artikolu 325(1) TFUE u l-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF kienu jiġu mċaħħda minn parti sinjifikattiva mill-effettività tagħhom li kieku l-qrati Rumeni ma kinux obbligati jeskludu l-applikazzjoni tiegħu.

140    Fil-fatt, l-ewwel nett, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li d-Deċiżjoni Nru 67/2022 tal-QGħKĠ timponi li jiġu mċaħħda minn kull effett ta’ interruzzjoni tal-preskrizzjoni l-atti proċedurali li seħħew matul il-perijodu mill‑1 ta’ Frar 2014, id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Artikolu 155(1) tal-Kodiċi Kriminali tal‑2009, sal‑25 ta’ Ġunju 2018, id-data tal-pubblikazzjoni tas-sentenza Nru 297/2018 tal-Qorti Kostituzzjonali, minħabba li s-sistema legali tal-kalkolu tat-terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali, fis-seħħ matul il-perijodu mill‑25 ta’ Ġunju 2018 sat‑30 ta’ Mejju 2022 u li tirriżulta mis-sentenzi tal-Qorti Kostituzzjonali tal‑2018 u tal‑2022, għandha titqies, wara evalwazzjoni globali, bħala “liġi” kriminali iżjed favorevoli minn dan l-Artikolu 155(1).

141    Minn dan isegwi li, għal perijodu ta’ madwar 47 xahar li matulu l-ebda att ma seta’ jinterrompi l-preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali, konformement mas-sistema legali li tirriżulta mis-sentenzi tal-Qorti Kostituzzjonali tal‑2018 u tal‑2022, ġie miżjud, skont id-Deċiżjoni Nru 67/2022 tal-QGħKĠ, tal-inqas, perijodu ta’ 51 xahar li matulu tapplika l-istess sistema legali, li jikkostitwixxi estensjoni kunsiderevoli tar-riskju sistemiku ta’ impunità li jirriżulta minn dawn is-sentenzi tal-Qorti Kostituzzjonali.

142    It-tieni nett, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-Deċiżjoni Nru 67/2022 tal-QGħKĠ iċċaħħad ukoll minn kull effett ta’ interruzzjoni tal-preskrizzjoni l-atti proċedurali li jkunu ġew ikkomunikati lill-persuna ssuspettata jew lill-persuna mixlija matul il-perijodu mill‑1 ta’ Jannar 1968, id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Artikolu 123 tal-Kodiċi Kriminali tal‑1968, sal‑1 ta’ Frar 2014, id-data tat-tħassir tagħha, minħabba li s-sistema legali tal-kalkolu tat-terminu ta’ preskrizzjoni, fis-seħħ matul il-perijodu mill‑25 ta’ Ġunju 2018 sat‑30 ta’ Mejju 2022 u li tirriżulta mis-sentenzi tal-Qorti Kostituzzjonali tal‑2018 u tal‑2022, għandha titqies, wara evalwazzjoni globali, bħala “liġi” kriminali iżjed favorevoli minn dan l-Artikolu 123.

143    F’tali każ, il-preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali tal-awturi kollha ta’ frodi gravi li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni li twettqu bejn id-data tal-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni u t‑30 ta’ Mejju 2022 ma tkun għalhekk suġġetta għal ebda raġuni għal interruzzjoni.

144    It-tielet nett, għandu jiġi enfasizzat ukoll li d-Deċiżjoni Nru 67/2022 tal-QGħKĠ twassal sabiex iċċaħħad retroattivament l-effett ta’ interruzzjoni tal-atti proċedurali li, fid-data li fiha seħħew, kellhom legalment tali effett. Tali konsegwenza tnaqqas, b’mod kunsiderevoli, l-effettività tal-proċeduri kriminali diretti kontra frodi gravi li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni billi tippermetti li jitneħħew, b’mod retroattiv, l-effetti li jirriżultaw minn interruzzjoni tal-preskrizzjoni miksuba legalment u li fuqha l-awtoritajiet kriminali Rumeni kienu bbażaw ruħhom sabiex jikkunsidraw li t-terminu li fih kellhom jingħalqu l-proċeduri kriminali kontra l-awturi ta’ dawn il-frodi kien ġie estiż.

145    Għall-kuntrarju, mid-data tal-pubblikazzjoni tas-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali tal‑2018, fil‑25 ta’ Ġunju 2018, dawn l-awtoritajiet kienu f’pożizzjoni li jevalwaw ir-riskju li l-atti proċedurali li huma kellhom l-intenzjoni li jadottaw minn din id-data u li, skont l-Artikolu 155(1) tal-Kodiċi Kriminali tal‑2009, kellhom jinterrompu t-terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali jiġu mċaħħda minn tali effett minħabba l-inkompatibbiltà ta’ din id-dispożizzjoni mal-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege, kif jidher fid-dritt Rumen.

146    Fit-tielet lok, għandu jingħad ukoll li l-projbizzjoni, li tirriżulta mis-sentenza Lin, għall-qrati Rumeni li japplikaw l-istandard nazzjonali ta’ protezzjoni stabbilit fid-Deċiżjoni Nru 67/2022 tal-QGħKĠ ma tippreġudikax ir-rekwiżiti ta’ preċiżjoni u ta’ prevedibbiltà tal-liġi kriminali, li jirriżultaw mill-istandard nazzjonali ta’ protezzjoni li ġie stabbilit fis-sentenzi tal-Qorti Kostituzzjonali tal‑2018 u tal‑2022.

147    Għall-kuntrarju, billi imponiet fuq il-qrati Rumeni l-obbligu li ma japplikawx id-Deċiżjoni Nru 67/2022 tal-QGħKĠ, li tipprovdi li l-atti proċedurali, li seħħew qabel il‑25 ta’ Ġunju 2018, setgħu jiġu mċaħħda retroattivament mill-effett ta’ interruzzjoni tagħhom, il-Qorti tal-Ġustizzja żammet fis-sentenza Lin l-applikazzjoni sħiħa tar-regoli dwar il-metodu ta’ kalkolu tat-terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali li kienu fis-seħħ qabel il-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 67/2022 tal-QGħKĠ.

148    Għalhekk, is-sentenza Lin bl-ebda mod ma għandha l-konsegwenza li l-awturi ta’ frodi gravi li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni japplikaw għalihom raġunijiet għall-interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali tagħhom li ma kinux previsti fid-data li fiha twettqet din il-frodi. Għaldaqstant, dik is-sentenza ma kisritx l-aspettattivi leġittimi li l-individwi seta’ jkollhom f’data bħal din (ara, a contrario, is-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2017, M.A.S. u M.B., C‑42/17, iktar ’il quddiem is-“sentenza M.A.S. u M.B.”, EU:C:2017:936, punt 60).

149    Fir-raba’ u l-aħħar lok, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja bl-ebda mod ma ddeċidiet, fis-sentenza Lin, li l-istandard nazzjonali ta’ protezzjoni dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ lex mitior, kif previst fid-dritt Rumen, jikser, bħala prinċipju, id-dritt tal-Unjoni u għandu neċessarjament jitħalla mhux applikat mill-qrati Rumeni. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement iddeċidiet li, kif kien ġie stabbilit fid-Deċiżjoni Nru 67/2022 tal-QGħKĠ, dan l-istandard nazzjonali ta’ protezzjoni kien jinvolvi riskju sistemiku ta’ impunità għall-frodi gravi li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni ta’ portata tali li kienet tmur kontra s-sustanza stess tal-protezzjoni dovuta għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni, skont l-Artikolu 325 TFUE u l-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF u li, għal din ir-raġuni, id-dritt tal-Unjoni kien jipprekludi li l-qrati Rumeni japplikaw l-imsemmi standard nazzjonali ta’ protezzjoni.

b)      Fuq l-applikazzjoni tas-sentenza Lin fir-rigward tal-prinċipju kostituzzjonali li jipprojbixxi l-applikazzjoni ta’ lex tertia fid-dritt kriminali

150    Permezz tal-punt (a) tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 325 TFUE u l-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF, moqrija flimkien mal-Artikolu 49, mal-Artikolu 52(3) u mal-Artikolu 53 tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-qrati Rumeni huma obbligati ma japplikawx l-istandard nazzjonali ta’ protezzjoni relatat mal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ lex mitior, kif stabbilit fid-Deċiżjoni Nru 67/2022 tal-QGħKĠ, minkejja l-fatt li, skont prinċipju ta’ natura kostituzzjonali li jipprojbixxi l-applikazzjoni ta’ lex tertia, dawn il-qrati huma pprojbiti milli japplikaw parzjalment leġiżlazzjonijiet kriminali suċċessivi billi jingħaqdu wħud mid-dispożizzjonijiet tagħhom, inklużi dispożizzjonijiet dwar il-metodu ta’ kalkolu tat-terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali.

151    Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-prinċipju ta’ lex mitior, kif interpretat mill-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali), jimplika li, fil-każ ta’ sistemi legali suċċessivi, għandha tiġi magħżula u applikata l-liġi li, b’mod ġenerali, tiggarantixxi lill-persuna akkużata l-benefiċċju ta’ sitwazzjoni iktar favorevoli, mingħajr madankollu ma jkun permess li jingħaqdu d-dispożizzjonijiet favorevoli ta’ liġijiet suċċessivi u b’hekk tinħoloq, ġudizzjarjament, lex tertia.

152    F’dan ir-rigward, u fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li, kif ikkonferma l-Gvern Rumen waqt is-seduta, il-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege, kif jidher fid-dritt Rumen, jimplika li l-kalkolu tat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ reat partikolari għandu jsir skont ir-regoli applikabbli fid-data li fiha twettaq dan ir-reat, ħlief jekk leġiżlazzjoni iktar favorevoli għall-imputat tkun daħlet fis-seħħ wara din id-data.

153    Min-naħa l-oħra, fis-sentenza Lin, il-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement iddeċidiet li d-dritt tal-Unjoni kien jipprekludi li l-qrati Rumeni, meta jintalbu jieħdu konjizzjoni ta’ proċeduri kriminali dwar każijiet ta’ frodi gravi li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, japplikaw id-Deċiżjoni Nru 67/2022 tal-QGħKĠ u, għaldaqstant, jagħtu effett retroattiv, skont il-prinċipju ta’ lex mitior, lis-sistema tar-raġunijiet għall-interruzzjoni tal-preskrizzjoni li kienet fis-seħħ matul il-perijodu mill‑25 ta’ Ġunju 2018 sat‑30 ta’ Mejju 2022.

154    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, kif barra minn hekk irrilevat il-qorti tar-rinviju fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 325(1) TFUE u tal-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF, adottata fis-sentenza Lin, bl-ebda mod ma timponi fuq il-qrati Rumeni l-obbligu li jgħaqqdu diversi leġiżlazzjonijiet suċċessivi bl-għan li joħolqu, permezz tal-ġurisprudenza, sistema tal-metodu ta’ kalkolu tat-terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali.

155    B’mod iktar partikolari, għandu jiġi enfasizzat, l-ewwel nett, li s-sentenza Lin ma għandhiex l-effett li tipprekludi lill-qrati Rumeni milli jikkalkolaw it-terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali tal-awtur ta’ reat imwettaq qabel l‑1 ta’ Frar 2014 konformement mar-raġunijiet għall-interruzzjoni tal-preskrizzjoni stabbiliti fl-Artikolu 123 tal-Kodiċi Kriminali tal‑1968, u lanqas milli jikkalkolaw it-terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali tal-awtur ta’ reat imwettaq matul il-perijodu mill‑1 ta’ Frar 2014 sal‑25 ta’ Ġunju 2018, konformement mar-raġunijiet għall-interruzzjoni previsti fl-Artikolu 155(1) tal-Kodiċi Kriminali tal‑2009.

156    It-tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzja bl-ebda mod ma pprojbixxiet, fis-sentenza Lin, lill-qrati Rumeni milli jikkalkolaw it-terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali tal-awtur ta’ reat, imwettaq matul il-perijodu ta’ bejn il‑25 ta’ Ġunju 2018 u t‑30 ta’ Mejju 2022, billi rrifjutat li tirrikonoxxi effett ta’ interruzzjoni ta’ preskrizzjoni lil kwalunkwe att proċedurali, konformement mas-sentenzi tal-Qorti Kostituzzjonali tal‑2018 u tal‑2022.

157    It-tielet nett, id-dritt tal-Unjoni lanqas ma jipprekludi li l-Artikolu 155(1) tal-Kodiċi Kriminali tal‑2009, kif introdott bl-OUG Nru 71/2022, japplika biss għar-reati li twettqu mit‑30 ta’ Mejju 2022, li hija d-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu.

158    Fit-tieni lok, fil-każ li, permezz tal-punt (a) tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tistaqsi wkoll lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-differenza fit-trattament, li tirriżulta mis-sentenza Lin, bejn, minn naħa, il-leġiżlazzjoni applikabbli għall-metodu ta’ kalkolu tat-terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali tal-awturi ta’ frodi gravi li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, il-leġiżlazzjoni applikabbli għall-metodu ta’ kalkolu tat-terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali tal-awturi ta’ tipi oħra ta’ frodi, għandu jiġi rrilevat dan li ġej.

159    Huwa minnu li l-Artikolu 325(1) TFUE u l-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Lin, jimponu biss fuq il-qrati Rumeni l-obbligu li jirrifjutaw li japplikaw l-istandard nazzjonali ta’ protezzjoni relatat mal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ lex mitior, kif stabbilit fid-Deċiżjoni Nru 67/2022 tal-QGħKĠ, fil-kuntest ta’ frodi gravi li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Għaldaqstant, l-awturi ta’ frodi oħra jistgħu jibbenefikaw mill-effett retroattiv mogħti, skont id-Deċiżjoni Nru 67/2022 tal-QGħKĠ, lis-sistema tar-raġunijiet għall-interruzzjoni ta’ din il-preskrizzjoni, fis-seħħ matul il-perijodu mill‑25 ta’ Ġunju 2018 sat‑30 ta’ Mejju 2022, u r-responsabbiltà kriminali tagħhom tista’ tiġi estinta iktar malajr.

160    Madankollu, tali differenza fit-trattament, li tirriżulta direttament mill-portata materjali limitata tar-rekwiżiti imposti fl-Artikolu 325(1) TFUE u fl-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF, li huma intiżi li jiżguraw protezzjoni effettiva tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, għandha titqies li hija raġonevolment iġġustifikata fid-dawl ta’ tali għan b’tali mod li din id-differenza fit-trattament ma tiksirx il-prinċipju ta’ ugwaljanza u ta’ nondiskriminazzjoni, kif mifhum fid-dritt tal-Unjoni.

161    Barra minn hekk, ma jistax jiġi aċċettat li, skont standard nazzjonali ta’ protezzjoni li jipprojbixxi tali differenza fit-trattament, il-qrati Rumeni kienu obbligati japplikaw id-Deċiżjoni Nru 67/2022 tal-QGħKĠ għall-każijiet ta’ frodi gravi li tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

162    Fil-fatt, minn naħa, tali konsegwenza twassal għal żieda fir-riskju sistemiku ta’ impunità għal frodi gravi li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni li tkun ekwivalenti għal dik li tirriżulta mill-applikazzjoni, minn dawn il-qrati, għal dawn il-każijiet ta’ frodi gravi, tal-istandard nazzjonali ta’ protezzjoni dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ lex mitior, kif stabbilit fid-Deċiżjoni Nru 67/2022 tal-QGħKĠ. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija konsegwenza ma hijiex ibbażata fuq il-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege, fir-rigward tar-rekwiżiti tiegħu dwar iċ-ċarezza, il-preċiżjoni, il-prevedibbiltà u n-nuqqas ta’ retroattività tal-liġi kriminali, inklużi dispożizzjonijiet li jirregolaw il-preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali, fis-sens tas-sentenzi M.A.S. u M.B. kif ukoll Lin.

163    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-risposta għall-punt (a) tat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 325(1) TFUE u l-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF, moqrija flimkien mal-Artikolu 49, mal-Artikolu 52(3) u mal-Artikolu 53 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-qrati Rumeni huma obbligati ma japplikawx l-istandard nazzjonali ta’ protezzjoni relatat mal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ lex mitior, kif stabbilit fid-Deċiżjoni Nru 67/2022 tal-QGħKĠ, minkejja l-fatt li, skont prinċipju ta’ natura kostituzzjonali li jipprojbixxi l-applikazzjoni ta’ lex tertia, dawn il-qrati huma pprojbiti milli japplikaw parzjalment leġiżlazzjonijiet kriminali suċċessivi billi jingħaqdu wħud mid-dispożizzjonijiet tagħhom.

c)      Fuq l-applikazzjoni, fis-sentenza Lin, tal-kundizzjoni dwar ir-riskju sistemiku ta’ impunità

164    Permezz tal-punt (d) tat-tieni domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 325(1) TFUE u l-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF, moqrija flimkien mal-Artikolu 49, mal-Artikolu 52(3) u mal-Artikolu 53 tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-qrati Rumeni għandhom iħallu mhux applikat l-istandard nazzjonali ta’ protezzjoni relatat mal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ lex mitior, kif stabbilit fid-Deċiżjoni Nru 67/2022 tal-QGħKĠ, minkejja l-assenza, fid-dritt nazzjonali tagħhom, ta’ kriterji li jippermettulhom jiddeterminaw jekk l-applikazzjoni ta’ dan l-istandard nazzjonali ta’ protezzjoni jinvolvix riskju sistemiku ta’ impunità għall-awturi ta’ frodi gravi li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

165    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li, kif tfakkar fil-punti 113 u 136 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 91 tas-sentenza Lin, li s-sitwazzjoni legali li tirriżulta mis-sentenzi tal-Qorti Kostituzzjonali tal‑2018 u tal‑2022 kif ukoll mid-Deċiżjoni Nru 67/2022 tal-QGħKĠ tinvolvi riskju sistemiku li r-reati ta’ frodi gravi li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni ma jiġux issanzjonati kriminalment, b’mod partikolari fil-kawżi li l-kumplessità tagħhom teħtieġ investigazzjoni itwal min-naħa tal-awtoritajiet kriminali.

166    Tali konstatazzjoni kienet ibbażata mhux biss fuq l-evalwazzjonijiet ifformulati mill-qorti tar-rinviju fil-kawża li tat lok għas-sentenza Lin, iżda wkoll fuq id-data ppreżentata mill-Kummissjoni fit‑22 ta’ Novembru 2022, fir-rapport tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill Dwar il-Progress fir-Rumanija skont il-Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifika (COM(2022) 664 final), skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/928/KE tat‑13 ta’ Diċembru 2006 dwar it-twaqqif ta’ mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verifika tal-progress fir-Rumanija sabiex jiġu indirizzati punti ta’ riferiment speċifiċi fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni (ĠU 2007, L 142M, p. 825). Fil-fatt, din id-data kienet tikkonferma r-riskju li diversi każijiet ta’ frodi gravi li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni ma jistgħux jibqgħu jiġu ssanzjonati minħabba l-emendi għall-metodu ta’ kalkolu tat-terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali tal-awturi tagħhom li kienu jirriżultaw minn dawn is-sentenzi tal-Qorti Kostituzzjonali u tal-QGħKĠ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Lin, punti 89 u 90).

167    Barra minn hekk, kif tfakkar fil-punti 136 u 141 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, fis-sentenza Lin, li l-istandard nazzjonali ta’ protezzjoni dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ lex mitior, kif stabbilit fid-Deċiżjoni Nru 67/2022 tal-QGħKĠ, kien iżid b’mod kunsiderevoli r-riskju sistemiku ta’ impunità, li kien diġà jirriżulta mis-sentenzi tal-Qorti Kostituzzjonali tal‑2018 u tal‑2022, minħabba l-effett retroattiv li din id-deċiżjoni tal-QGħKĠ kienet tagħti lis-sistema legali tal-kalkolu tat-terminu ta’ preskrizzjoni li tirriżulta minn dawn is-sentenzi tal-Qorti Kostituzzjonali.

168    Għalhekk, kif tirrileva l-qorti tar-rinviju fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, mis-sentenza Lin jirriżulta espressament li l-Qorti tal-Ġustizzja stess iddeċidiet li l-istandard nazzjonali ta’ protezzjoni relatat mal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ lex mitior, kif stabbilit fid-Deċiżjoni Nru 67/2022 tal-QGħKĠ, jinvolvi riskju sistemiku ta’ impunità fir-rigward ta’ frodi gravi li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Għaldaqstant, meta jintalbu japplikaw l-Artikolu 325(1) TFUE u l-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF, il-qrati Rumeni huma eżentati milli jeżaminaw jekk din id-Deċiżjoni Nru 67/2022 tinvolvix tali riskju sistemiku ta’ impunità u, għall-kuntrarju, għandhom iqisu bħala stabbilit li dan huwa l-każ, b’applikazzjoni tal-effett vinkolanti tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

169    Minn dan isegwi wkoll li, b’differenza mis-sitwazzjoni li tat lok għas-sentenza M.A.S. u M.B., l-evalwazzjoni tal-punt dwar jekk l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 67/2022 tal-QGħKĠ tinvolvix riskju sistemiku ta’ impunità għall-awturi ta’ frodi serji li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni ma twassalx għal inċertezza fl-ordinament ġuridiku nazzjonali, li tista’ tikser l-istandard nazzjonali ta’ protezzjoni dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ preċiżjoni tal-liġi kriminali applikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza M.A.S. u M.B., punt 59).

170    Fl-aħħar nett, għandu jingħad ukoll, f’dan ir-rigward, li, minkejja li l-Gvern Rumen semma ċerti statistiċi ġudizzjarji matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-ebda waħda minnhom ma tidher li hija ta’ natura li tbiddel il-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li d-Deċiżjoni Nru 67/2022 tal-QGħKĠ tinkludi riskju sistemiku ta’ impunità fir-rigward tal-awturi ta’ frodi gravi li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, li hija konstatazzjoni li, barra minn hekk, ma ġietx ikkontestata mill-qorti tar-rinviju.

171    Fit-tieni lok, għandu jiġi enfasizzat li, billi kkonstatat l-eżistenza ta’ tali riskju sistemiku ta’ impunità, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kisritx il-garanziji li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ ċertezza legali, kif imfakkra fil-punt 118 ta’ din is-sentenza.

172    Għalhekk, minn naħa, l-analiżi li tinsab fil-punti 89 sa 91, 99, 121 u 122 tas-sentenza Lin hija bbażata fuq interpretazzjoni prevedibbli tal-kunċett ta’ “riskju sistemiku ta’ impunità”, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-preċiżazzjonijiet ipprovduti f’dan ir-rigward fil-punt 47 tas-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2015, Taricco et (C‑105/14, EU:C:2015:555), u fil-punti 200 u 201 tas-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et (C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034).

173    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li, sa mill-pubblikazzjoni tagħha, kien prevedibbli li d-Deċiżjoni Nru 67/2022 tal-QGħKĠ kienet ser twassal għal tali riskju sistemiku ta’ impunità. Għalhekk, l-awturi ta’ frodi gravi li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni kienu f’pożizzjoni li jipprevedu l-inkompatibbiltà ta’ dik id-deċiżjoni mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 325(1) TFUE u mill-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF mid-data li fiha dawn setgħu jistennew li jibbenefikaw mill-istandard nazzjonali ta’ protezzjoni dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ lex mitior, stabbilit fl-imsemmija deċiżjoni.

174    Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li, għar-reati mwettqa qabel il-pubblikazzjoni tal-istess deċiżjoni, l-eżistenza ta’ dan ir-riskju ma kinitx prevedibbli fid-data li fiha dawn ir-reati twettqu, tali sitwazzjoni madankollu ma tirriżultax minn nuqqas ta’ prevedibbiltà tad-dritt tal-Unjoni applikabbli, iżda biss mill-fatt li d-Deċiżjoni Nru 67/2022 tal-QGħKĠ, minkejja li ġiet adottata wara t-twettiq ta’ dawn ir-reati, madankollu kellha l-effett li temenda retroattivament il-metodu ta’ kalkolu tat-terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali tal-awturi tagħhom.

175    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-risposta għall-punt (d) tat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 325(1) TFUE u l-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF, moqrija flimkien mal-Artikolu 49, mal-Artikolu 52(3) u mal-Artikolu 53 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-qrati Rumeni għandhom iħallu mhux applikat l-istandard nazzjonali ta’ protezzjoni relatat mal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ lex mitior, kif stabbilit fid-Deċiżjoni Nru 67/2022 tal-QGħKĠ, minkejja l-assenza, fid-dritt nazzjonali tagħhom, ta’ kriterji li jippermettulhom jiddeterminaw jekk l-applikazzjoni ta’ dan l-istandard nazzjonali ta’ protezzjoni jinvolvix riskju sistemiku ta’ impunità fir-rigward ta’ frodi gravi li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni peress li mis-sentenza Lin jirriżulta, b’mod espress u prevedibbli, li l-imsemmi standard nazzjonali ta’ protezzjoni jinvolvi tali riskju sistemiku.

d)      Fuq l-applikazzjoni tas-sentenza Lin għal fatti preskritti b’mod definittiv skont l-istandard nazzjonali ta’ protezzjoni stabbilit fid-Deċiżjoni Nru 67/2022 tal-QGħKĠ

176    Permezz tal-punt (b) tat-tieni domanda tagħha, li għandu jiġi eżaminat fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 325(1) TFUE u l-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF, moqrija flimkien mal-Artikolu 49(1), mal-Artikolu 52(3) u mal-Artikolu 53 tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-qrati Rumeni għandhom iħallu mhux applikata d-Deċiżjoni Nru 67/2022 tal-QGħKĠ meta jkollhom jieħdu konjizzjoni ta’ proċeduri kriminali li fir-rigward tagħhom it-terminu ta’ preskrizzjoni, jekk jiġi kkalkolat b’teħid inkunsiderazzjoni ta’ din id-deċiżjoni, ikollu jitqies li skada qabel id-data tal-għoti tas-sentenza Lin.

177    F’dan ir-rigward, għandha ssir distinzjoni bejn żewġ sitwazzjonijiet. L-ewwel waħda tirrigwarda s-sitwazzjoni fejn qorti Rumena tintalab tapplika l-Artikolu 325(1) TFUE u l-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF għal każijiet ta’ frodi gravi li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni li fir-rigward tagħhom deċiżjoni ġudizzjarja li għandha l-awtorità ta’ res judicata diġà kkonstatat, b’mod definittiv, li minħabba l-applikazzjoni tal-istandard nazzjonali ta’ protezzjoni dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ lex mitior, kif stabbilit fid-Deċiżjoni Nru 67/2022 tal-QGħKĠ, it-terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali kien skada. It-tieni waħda tikkonċerna s-sitwazzjoni fejn dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu applikati għal każijiet ta’ frodi gravi li tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Unjoni li fir-rigward tagħhom għadha ma ngħatat l-ebda deċiżjoni ġudizzjarja ta’ din in-natura.

1)      Fuq l-applikazzjoni tas-sentenza Lin għal kawża li fiha deċiżjoni ġudizzjarja tkun ikkonstatat b’mod definittiv l-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali

178    Fl-ewwel lok, għandha titfakkar l-importanza li l-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata għandu kemm fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni kif ukoll fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali. Fil-fatt, sabiex jiġu ggarantiti kemm l-istabbiltà tad-dritt u tar-relazzjonijiet ġuridiċi kif ukoll l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa essenzjali li d-deċiżjonijiet ġudizzjarji li jkunu saru definittivi wara l-eżawriment tar-rimedji ġudizzjarji kollha jew wara li jkunu skadew it-termini previsti għal dawn ir-rimedji ma jkunux jistgħu jiġu kkontestati iktar (ara s-sentenzi tat‑30 ta’ Settembru 2003, Köbler, C‑224/01, EU:C:2003:513, punt 38, u tad‑9 ta’ April 2024, Profi Credit Polska (Ftuħ mill-ġdid tal-proċedura magħluqa permezz ta’ deċiżjoni definittiva), C‑582/21, EU:C:2024:282, punt 37).

179    Għalhekk, id-dritt tal-Unjoni ma jobbligax lil qorti nazzjonali ma tapplikax ir-regoli proċedurali nazzjonali li jagħtu forza ta’ res judicata lil deċiżjoni ġudizzjarja, anki jekk dan jirrimedja sitwazzjoni nazzjonali inkompatibbli ma’ dan id-dritt. Għaldaqstant, id-dritt tal-Unjoni ma jeżiġix li, sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni rilevanti tal-imsemmi dritt adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja, korp ġudizzjarju nazzjonali għandu, bħala prinċipju, jirriforma d-deċiżjoni tiegħu li għandha l-awtorità ta’ res judicata. Madankollu, jekk ir-regoli proċedurali interni applikabbli joffru l-possibbiltà li, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-qorti nazzjonali tirriforma d-deċiżjoni li jkollha l-awtorità ta’ res judicata sabiex tirrendi s-sitwazzjoni kompatibbli mad-dritt nazzjonali, din il-possibbiltà għandha tipprevali, konformement mal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, jekk dawn il-kundizzjonijiet jiġu ssodisfatti, sabiex is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali terġa’ tiġi konformi mad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Lulju 2014, Impresa Pizzarotti, C‑213/13, EU:C:2014:2067, punti 59 sa 62, u tad‑9 ta’ April 2024, Profi Credit Polska (Ftuħ mill-ġdid tal-proċedura magħluqa permezz ta’ deċiżjoni definittiva), C‑582/21, EU:C:2024:282, punti 38 u 42).

180    Kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 74 sa 80 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 325(1) TFUE u l-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF għalhekk ma jimponux, bħala tali, il-kontestazzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li għandha l-awtorità ta’ res judicata li permezz tagħha ġiet ikkonstatata l-estinzjoni tar-responsabbiltà kriminali, abbażi ta’ kalkolu tat-terminu ta’ preskrizzjoni li japplika l-istandard nazzjonali ta’ protezzjoni relatat mal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ lex mitior, kif stabbilit fid-Deċiżjoni Nru 67/2022 tal-QGħKĠ. Tali konklużjoni tapplika indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk id-deċiżjoni ġudizzjarja li tikkonstata, b’mod definittiv, l-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni ngħatatx qabel jew wara l-għoti tas-sentenza Lin.

181    Madankollu, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 179 ta’ din is-sentenza, jekk id-dritt Rumen kien jipprevedi l-possibbiltà, taħt ċerti kundizzjonijiet, li tinbidel deċiżjoni li għandha l-awtorità ta’ res judicata sabiex is-sitwazzjoni ssir kompatibbli ma’ dan id-dritt, tali deċiżjoni għandha wkoll tkun tista’ tiġi kkontestata, taħt l-istess kundizzjonijiet, sabiex is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ssir kompatibbli mal-Artikolu 325(1) TFUE u mal-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF.

182    Fit-tieni lok, għandu jiġi enfasizzat, l-ewwel nett, li, għalkemm l-evalwazzjoni tan-natura definittiva tal-kundanna għandha ssir abbażi tad-dritt tal-Istat Membru li jkun taha, xorta jibqa’ l-fatt li dan il-kunċett għandu jingħata fl-Unjoni kollha interpretazzjoni awtonoma u uniformi, sa fejn dan jiddetermina l-portata tal-obbligi li jirriżultaw għall-Istati Membri mill-ibbilanċjar bejn l-osservanza dovuta għall-prinċipji ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, minn naħa, u ta’ awtorità ta’ res judicata, min-naħa l-oħra. Minn dan isegwi li l-fatt li kundanna titqies li hija definittiva, skont id-dritt nazzjonali, ma huwiex determinanti għall-applikazzjoni tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 179 ta’ din is-sentenza (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2025, BAJI Trans, C‑544/23, EU:C:2025:614, punti 100 u 101 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

183    It-tieni nett, deċiżjoni ġudizzjarja ma tistax titqies li hija definittiva, fis-sens ta’ din il-ġurisprudenza, meta tista’ tkun is-suġġett ta’ rimedju ġudizzjarju ordinarju, jiġifieri kull rimedju ġudizzjarju li jagħmel parti mill-kors normali ta’ proċess u li, bħala tali, jikkostitwixxi żvilupp proċedurali li kull parti għandha raġonevolment tieħu inkunsiderazzjoni. Dan huwa, b’mod partikolari, il-każ meta l-persuna kkundannata kriminalment jew l-awtorità pubblika inkarigata mill-prosekuzzjoni jistgħu jippreżentaw, f’terminu stabbilit mil-liġi u mingħajr ma jkollhom għalfejn jiġġustifikaw ċirkustanzi eċċezzjonali, bħan-neċessità li tiġi żgurata, fl-interess tal-liġi, il-koerenza tal-ġurisprudenza, rikors ġudizzjarju sabiex jinkiseb l-annullament jew ir-riforma ta’ sentenza. F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti l-fatt li rikors li jista’ jiġi ppreżentat f’terminu stabbilit mil-liġi u mingħajr ma jkun hemm bżonn ġustifikazzjoni ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali huwa kkunsidrat, fid-dritt nazzjonali, bħala rimedju straordinarju. Fil-fatt, sakemm it-terminu għall-preżentata ta’ tali rikors ma jkunx skada jew sakemm ma tkunx ingħatat deċiżjoni dwaru, din id-deċiżjoni ġudizzjarja ma tistax titqies li temmet l-azzjoni pubblika definittivament (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2025, BAJI Trans, C‑544/23, EU:C:2025:614, punti 102 u 103 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

184    Minn dan isegwi li, meta appell ta’ kassazzjoni jinbeda, skont il-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, kontra deċiżjoni ġudizzjarja, din id-deċiżjoni tkun intiża li ssir definittiva biss meta l-partijiet ikunu eżawrixxew dan ir-rimedju jew ikunu ħallew it-terminu għall-preżentata ta’ tali appell jiskadi mingħajr ma jkunu ppreżentawh (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2025, BAJI Trans, C‑544/23, EU:C:2025:614, punt 105).

185    F’dan il-każ, mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jidhirx li s-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2024 tal-Curtea de Apel Oradea (il-Qorti tal-Appell ta’ Oradea) li ddeċidiet li r-responsabbiltà kriminali ta’ M.G.D. kienet ġiet estinta, abbażi ta’ kalkolu tat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ din ir-responsabbiltà li japplika l-istandard nazzjonali ta’ protezzjoni dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ lex mitior, kif stabbilit fid-Deċiżjoni Nru 67/2022 tal-QGħKĠ, kienet tikkostitwixxi sentenza definittiva, li għandha l-awtorità ta’ res judicata, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 183 u 184 ta’ din is-sentenza.

2)      Fuq l-applikazzjoni tas-sentenza Lin għal proċeduri kriminali li għalihom l-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni ma ġietx ikkonstatata permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja definittiva

186    Kif jirriżulta mill-punt 176 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk l-ewwel sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta timponix fuq il-qrati Rumeni l-obbligu li jirrinunzjaw għall-applikazzjoni tal-Artikolu 325(1) TFUE u tal-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF, kif ġew interpretati fis-sentenza Lin, meta r-responsabbiltà kriminali tal-awturi ta’ frodi gravi li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni għandha titqies li skadiet qabel id-data tal-għoti ta’ dik is-sentenza, jekk it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ din ir-responsabbiltà kien ikkalkolat abbażi tad-Deċiżjoni Nru 67/2022 tal-QGħKĠ.

187    Dik il-qorti tfittex għalhekk li tiddetermina jekk, bl-applikazzjoni tas-sentenza Lin, il-qrati Rumeni humiex qegħdin jerġgħu jattivaw, bi ksur tal-garanziji previsti fl-Artikolu 7 tal-KEDB, terminu ta’ preskrizzjoni li għandu jitqies li skada b’mod definittiv.

188     Preliminarjament, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li l-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege, kif stabbilit fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta, jimponi, skont il-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni, li ħadd ma jista’ jiġi kkundannat għal att jew ommissjoni li, fil-mument meta twettqu, ma kinux jikkostitwixxu reat skont id-dritt nazzjonali jew id-dritt internazzjonali. Bl-istess mod, l-imsemmija dispożizzjoni tipprevedi li ma tista’ tiġi imposta ebda piena ikbar minn dik li kienet applikabbli fil-mument meta twettaq ir-reat. Minn dan isegwi li d-dispożizzjonijiet li jiddefinixxu r-reati u li jiddeterminaw il-pieni għandhom ikunu aċċessibbli u prevedibbli u ma jistax, bħala prinċipju, ikollhom effett retroattiv, ħlief meta tali applikazzjoni retroattiva tibbenefika lill-imputat, konformement mal-garanziji previsti fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta, imfakkra fil-punt 122 ta’ din is-sentenza.

189    B’kuntrast, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta ma tiggarantixxix li l-persuni akkużati kriminalment jibqgħu suġġetti għar-regoli ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali tagħhom li kienu fis-seħħ fid-data li fiha twettqu l-fatti li huma akkużati bihom peress li dawn ir-regoli jistgħu jiġu emendati sakemm it-terminu ta’ preskrizzjoni jkun għadu ma skadiex (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Settembru 2015, Taricco et, C‑105/14, EU:C:2015:555, punti 54 sa 57 u l-ġurisprudenza ċċitata kif ukoll M.A.S. u M.B., punt 42).

190    Madankollu, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta tipprekludi li, wara l-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali tal-awtur ta’ reat, ir-responsabbiltà tiegħu tkun tista’ terġa’ tiġi stabbilita minħabba d-dħul fis-seħħ ta’ dispożizzjoni ġdida li testendi dan it-terminu ta’ preskrizzjoni. Fil-fatt, ikun kuntrarju għal din l-ewwel sentenza tal-Artikolu 49(1) li tali estensjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni tkun tista’ twassal sabiex terġa’ tiġi attivata responsabbiltà kriminali li kienet definittivament estinta.

191    Din l-interpretazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta tosserva l-limitu minimu ta’ protezzjoni mogħti fl-Artikolu 7 tal-KEDB. Fil-fatt, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, dan l-Artikolu 7 ma jipprekludix li, permezz tal-applikazzjoni immedjata ta’ liġi proċedurali, termini ta’ preskrizzjoni jiġu estiżi meta l-fatti allegati qatt ma jkunu ġew preskritti. B’kuntrast, l-istabbiliment mill-ġdid tar-responsabbiltà kriminali wara l-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni huwa inkompatibbli mal-prinċipji fundamentali ta’ legalità u ta’ prevedibbiltà stabbiliti mill-imsemmi Artikolu 7 (ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2000, Coëme et vs Il‑Belġju, CE:ECHR:2000:0622JUD 003249296, punt 149, u l-Qorti EDB, opinjoni konsultattiva tas‑26 ta’ April 2022 dwar l-applikabbiltà tal-preskrizzjoni għall-investigazzjonijiet, kundanni u sanzjonijiet għal reati li jikkostitwixxu atti ta’ tortura, punti 75 u 77).

192    It-tieni nett, għandu jitfakkar ukoll li, kif ġie enfasizzat fil-punt 118 ta’ din is-sentenza, il-prinċipju ta’ ċertezza legali, li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta tikkostitwixxi espressjoni partikolari tiegħu, jimponi, minn naħa, li d-dispożizzjonijiet legali jkunu ċari u preċiżi, u, min-naħa l-oħra, li l-applikazzjoni tagħhom tkun prevedibbli għall-partijiet f’kawża, b’mod partikolari meta dawn id-dispożizzjonijiet jista’ jkollhom konsegwenzi sfavorevoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Lin, punt 114 u l-ġurisprudenza ċċitata).

193    Minn dan isegwi li, taħt piena li jinkiser dan il-prinċipju, l-Artikolu 325 TFUE jew l-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF jistgħu jipprekludu li t-terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali tal-awturi ta’ frodi gravi li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jkun jitqies li skada, abbażi tad-Deċiżjoni Nru 67/2022 tal-QGħKĠ, biss jekk dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jikkostitwixxu bażi legali suffiċjentement ċara u prevedibbli sabiex jipprekludu l-iskadenza ta’ tali terminu ta’ preskrizzjoni (ara, b’analoġija, il-Qorti EDB, opinjoni konsultattiva tas‑26 ta’ April 2022 dwar l-applikabbiltà tal-preskrizzjoni għall-investigazzjonijiet, kundanni u sanzjonijiet għal reati li jikkostitwixxu atti ta’ tortura, punt 78).

194    Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk l-interpretazzjoni tal-Artikolu 325 TFUE u tal-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF fis-sentenza Lin kellhiex l-effett li timponi, bi ksur tal-Artikolu 49(1) tal-Karta, il-ftuħ mill-ġdid ta’ terminu ta’ preskrizzjoni wara l-iskadenza tiegħu. Dan ikun il-każ mhux biss jekk ir-rekwiżiti imposti minn dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni kienu applikabbli biss wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu, iżda wkoll jekk l-imsemmija dispożizzjonijiet, minkejja li daħlu fis-seħħ qabel, kellhom jitqiesu li ma humiex ċari jew li ma kinux suffiċjentement prevedibbli fid-data li fiha l-imsemmi terminu kellu jiskadi skont l-istandard nazzjonali ta’ protezzjoni dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ lex mitior, kif stabbilit fid-Deċiżjoni Nru 67/2022 tal-QGħKĠ.

i)      Fuq id-data tad-dħul fis-seħħ tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 325(1) TFUE u mill-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF

195    Fl-ewwel lok, għandu jiġi enfasizzat, minn naħa, li l-Artikolu 325(1) TFUE u l-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF ġew integrati fid-dritt Rumen mhux iktar tard mill‑1 ta’ Diċembru 2009 u mill‑1 ta’ Jannar 2008 rispettivament.

196    Min-naħa l-oħra, huwa stabbilit li l-ebda frodi gravi li tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Unjoni ma setgħet titwettaq, fir-Rumanija, qabel l‑1 ta’ Jannar 2007, id-data tal-adeżjoni ta’ dan l-Istat mal-Unjoni. Barra minn hekk, mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li t-terminu minimu ta’ preskrizzjoni applikabbli għal tali frodi huwa ta’ tmien snin.

197    Minn dan isegwi li l-Artikolu 325(1) TFUE u l-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF kienu jagħmlu parti mid-dritt Rumen ferm qabel ma setgħet tiġi preskritta kwalunkwe frodi gravi li tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Unjoni skont l-istandard ta’ protezzjoni relatat mal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ lex mitior fid-dritt Rumen, kif stabbilit fid-Deċiżjoni Nru 67/2022 tal-QGħKĠ.

198    Fit-tieni lok, kif tfakkar fil-punt 119 ta’ din is-sentenza, dawn id-dispożizzjonijiet ġew interpretati, fis-sentenza Lin, fis-sens li jipprekludu li standard nazzjonali ta’ protezzjoni dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ lex mitior, bħal dak li ġie stabbilit fid-Deċiżjoni Nru 67/2022 tal-QGħKĠ, jiġi applikat għal proċeduri kriminali diretti kontra każijiet ta’ frodi gravi li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

199    Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-interpretazzjoni hekk mogħtija, fis-sentenza Lin, lill-Artikolu 325(1) TFUE u lill-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF sempliċement tiċċara u tippreċiża t-tifsira u l-portata ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, kif kellhom jinftiehmu u jiġu applikati mill-mument tad-dħul fis-seħħ tagħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑27 ta’ Marzu 1980, Denkavit italiana, 61/79, EU:C:1980:100, punt 16, u tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 125).

200    Minn dan isegwi li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jitqiesu, sa mid-dħul fis-seħħ tagħhom fl-ordinament ġuridiku Rumen, bħala li jipprekludu l-applikazzjoni ta’ standard nazzjonali ta’ protezzjoni, bħal dak stabbilit fid-Deċiżjoni Nru 67/2022 tal-QGħKĠ, għal proċeduri kriminali kontra frodi gravi li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

201    Fit-tielet lok, kemm l-Artikolu 325(1) TFUE kif ukoll l-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF għandhom effett dirett (sentenza Lin, punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minn dan isegwi li, fin-nuqqas li tkun tista’ tagħti interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali konformi ma’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kull qorti Rumena inkarigata li tapplika, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħha, l-imsemmija dispożizzjonijiet għandha tħalli mhux applikata, ex officio, kull leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali, anki sussegwenti, li tmur kontra l-istess dispożizzjonijiet.

202    Għalhekk, l-Artikolu 325(1) TFUE u l-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF għandhom jitqiesu li pprojbixxew lill-qrati Rumeni milli japplikaw għal każijiet ta’ frodi gravi li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni standard nazzjonali ta’ protezzjoni relatat mal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ lex mitior, bħal dak li ġie stabbilit fid-Deċiżjoni Nru 67/2022 tal-QGħKĠ, mid-data li fiha dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni daħlu fis-seħħ fid-dritt Rumen. Kif tfakkar fil-punt 197 ta’ din is-sentenza, l-ebda terminu ta’ preskrizzjoni relatat ma’ tali frodi ma kien skada f’dik id-data, anki jekk jiġi applikat tali standard nazzjonali ta’ protezzjoni għall-kalkolu ta’ dan it-terminu.

203    Fir-raba’ lok, għandu jiġi rrilevat ukoll li l-Artikolu 280 KE, kif introdott mit-Trattat ta’ Nice, jiġifieri qabel l-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni, kien ifformulat f’termini kważi identiċi għall-Artikolu 325 TFUE, li ssostitwixxih. Għaldaqstant, jista’ jitqies, għal raġunijiet analogi għal dawk esposti fil-punti 196 sa 202 ta’ din is-sentenza, li d-dritt tal-Unjoni kien jipprekludi lill-qrati Rumeni milli japplikaw standard nazzjonali ta’ protezzjoni, bħal dak li ġie stabbilit fid-Deċiżjoni Nru 67/2022 tal-QGħKĠ, mill-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni.

204    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-obbligu, li jirriżulta mill-Artikolu 325 TFUE u mill-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF, li ma jiġix applikat standard nazzjonali ta’ protezzjoni dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ lex mitior, bħal dak li ġie stabbilit fid-Deċiżjoni Nru 67/2022 tal-QGħKĠ, kien impost fuq il-qrati Rumeni anki qabel l-ewwel data li fiha frodi gravi li tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Unjoni setgħet titqies li hija preskritta konformement ma’ dan l-istandard nazzjonali ta’ protezzjoni.

ii)    Fuq iċ-ċarezza u l-prevedibbiltà tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 325(1) TFUE u mill-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF

205    Fit-tieni lok, madankollu, għandu jiġi vverifikat ukoll, kif ġie enfasizzat fil-punt 194 ta’ din is-sentenza, li l-Artikolu 325 TFUE u l-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF jikkostitwixxu bażi legali suffiċjentement ċara u prevedibbli sabiex tiġi ostakolata l-iskadenza ta’ terminu ta’ preskrizzjoni kkalkolat konformement mad-Deċiżjoni Nru 67/2022 tal-QGħKĠ.

206    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-Artikolu 325(1) TFUE u l-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF huma fformulati b’mod ċar u preċiż. Fil-fatt, l-individwu jista’ jkun jaf, mill-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti u jekk ikun meħtieġ bl-għajnuna tal-interpretazzjoni tagħhom mogħtija mill-ġurisprudenza, il-portata tar-rekwiżiti li jirriżultaw minn dawn id-dispożizzjonijiet (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑3 ta’ Mejju 2007, Advocaten voor de Wereld, C‑303/05, EU:C:2007:261, punt 50, tal‑5 ta’ Mejju 2022, BV, C‑570/20, EU:C:2022:348, punti 38 u 39, u Lin, punt 105).

207    Min-naħa l-oħra, għalkemm ma hemmx dubju li, sa mill-għoti tas-sentenza Lin, kien prevedibbli li l-Artikolu 325(1) TFUE u l-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF jimponu fuq il-qrati Rumeni l-obbligu li ma japplikawx id-Deċiżjoni Nru 67/2022 tal-QGħKĠ fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali li jikkontestaw frodi gravi li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, hija wkoll il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha teżamina jekk dan kienx ukoll il-każ qabel l-għoti ta’ dik is-sentenza.

208    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, preliminarjament, li tali rekwiżit ta’ prevedibbiltà ma jipprekludix kjarifika neċessarja tal-Artikolu 325(1) TFUE u tal-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF mill-Qorti tal-Ġustizzja bil-kundizzjoni li r-riżultat ta’ tali kjarifika jkun raġonevolment prevedibbli (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punti 217 u 218, tat‑22 ta’ Ottubru 2015, AC-Treuhand vs Il‑Kummissjoni, C‑194/14 P, EU:C:2015:717, punt 41, u tas‑27 ta’ Ġunju 2024, Servier et vs Il‑Kummissjoni, C‑201/19 P, EU:C:2024:552, punt 387). Dan huwa l-każ meta din l-interpretazzjoni sempliċement issegwi tendenza perċettibbli fl-iżvilupp tal-ġurisprudenza, anki jekk hija tippreċiża din tal-aħħar fid-dawl ta’ każ speċifiku (ara, b’analoġija, il-Qorti EDB, 21 ta’ Ottubru 2013, Del Río Prada vs Spanja, CE:ECHR:2013:1021JUD004275009, punt 112, u l-Qorti EDB, opinjoni konsultattiva tad‑29 ta’ Mejju 2020 dwar l-użu tat-teknika ta’ “leġiżlazzjoni b’riferiment” għad-definizzjoni ta’ reat u dwar il-kriterji li għandhom jiġu applikati sabiex titqabbel il-liġi kriminali kif kienet fis-seħħ fil-mument tat-twettiq tar-reat u l-liġi kriminali kif emendata, punt 62).

209    Barra minn hekk, il-portata tal-kunċett ta’ prevedibbiltà tiddependi kunsiderevolment mill-kontenut tat-test inkwistjoni, mill-qasam li huwa jkopri kif ukoll min-numru u mill-kwalità tad-destinatarji tiegħu. Il-prevedibbiltà tal-liġi ma tipprekludix li l-persuna kkonċernata jkollha tirrikorri għal konsulenza esperta sabiex tevalwa, b’mod raġonevoli fiċ-ċirkustanzi tal-kawża, il-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw minn att speċifiku. Dan japplika b’mod partikolari għall-professjonisti, b’mod partikolari l-operaturi ekonomiċi suġġetti għall-VAT, li huma mdorrija juru prudenza kbira fl-eżerċizzju tax-xogħol tagħhom. Għalhekk, jista’ jkun mistenni minnhom li jagħtu attenzjoni partikolari sabiex jevalwaw ir-riskji li dan l-eżerċizzju jġib miegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punt 219, tat‑22 ta’ Ottubru 2015, AC-Treuhand vs Il‑Kummissjoni, C‑194/14 P, EU:C:2015:717, punt 42, u tas‑27 ta’ Ġunju 2024, Servier et vs Il‑Kummissjoni, C‑201/19 P, EU:C:2024:552, punt 388).

210    Fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet preliminari, għandu, fl-ewwel lok, jiġi enfasizzat li, anki qabel l-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, li issa jinsab fl-Artikolu 4(3) TUE, jimponi li, meta d-dritt tal-Unjoni ma jistabbilixxix sanzjonijiet fil-każ ta’ ksur ta’ waħda mid-dispożizzjonijiet tiegħu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali ksur, inkluż il-ksur tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, jiġi ssanzjonat skont kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali li jagħtu lis-sanzjoni natura effettiva, proporzjonata u dissważiva (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑21 ta’ Settembru 1989, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, 68/88, EU:C:1989:339, punti 23 u 24, tal‑10 ta’ Lulju 1990, Hansen, C‑326/88, EU:C:1990:291, punt 17, tat‑8 ta’ Ġunju 1994, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit, C‑382/92, EU:C:1994:233, punt 55, u tat‑3 ta’ Mejju 2005, Berlusconi et, C‑387/02, C‑391/02 u C‑403/02, EU:C:2005:270, punt 65).

211    Minn dan isegwi li l-interpretazzjoni, fis-sens li l-Artikolu 325(1) TFUE u l-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF jipprekludu, bħala prinċipju, li l-qrati tal-Istati Membri japplikaw dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-metodu ta’ kalkolu tat-terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali li jostakolaw ir-repressjoni effettiva ta’ preġudizzju għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni, kienet prevedibbli anki qabel l-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni.

212    Din il-ġurisprudenza ġiet ikkonfermata b’mod sħiħ mill-Qorti tal-Ġustizzja hekk kif hija ntalbet tinterpreta l-Artikolu 325(1) TFUE, kif turi l-ġurisprudenza msemmija fil-punt 109 ta’ din is-sentenza.

213    Barra minn hekk, fis-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2015, Taricco et (C‑105/14, EU:C:2015:555, dispożittiv punt 1), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet espressament li l-Artikolu 325 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprojbixxi lill-qrati ta’ Stat Membru milli japplikaw dispożizzjonijiet nazzjonali dwar it-terminu ta’ preskrizzjoni fil-qasam kriminali jekk jirriżulta li dawn id-dispożizzjonijiet jinvolvu riskju sistemiku li l-frodi gravi li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni ma jiġux issanzjonati b’mod effettiv u dissważiv. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat tali interpretazzjoni fil-punti 192 u 194 sa 201 tas-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et (C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034).

214    Fit-tieni lok, huwa minnu li, fis-sentenza M.A.S. u M.B., il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li l-Artikolu 325(1) TFUE ma jipprekludix li l-qrati ta’ Stat Membru japplikaw standard nazzjonali ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali li jinkludi tali riskju sistemiku ta’ impunità meta dan l-istandard ikun ibbażat fuq il-prinċipji ta’ preċiżjoni, ta’ prevedibbiltà u ta’ nuqqas ta’ retroattività tal-liġi kriminali, inklużi r-regoli dwar il-metodu ta’ kalkolu tat-terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali.

215    Madankollu, minn dik is-sentenza bl-ebda mod ma jirriżulta li għandu jitqies li, mid-data li fiha ngħatat is-sentenza Lin, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 325(1) TFUE u tal-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF, li ġiet adottata f’din is-sentenza Lin, saret imprevedibbli.

216    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 56 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja applikat, fis-sentenza Lin, it-tagħlim tas-sentenza M.A.S. u M.B. imfakkar fil-punt 214 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix li l-qrati Rumeni japplikaw l-istandard nazzjonali ta’ protezzjoni dwar il-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege, fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ preċiżjoni u ta’ prevedibbiltà tal-liġi kriminali, kif stabbilit fis-sentenzi tal-Qorti Kostituzzjonali tal‑2018 u tal‑2022, minkejja l-fatt li dawn is-sentenzi kienu jinvolvu riskju sistemiku li l-awturi ta’ frodi gravi li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jevitaw kull sanzjoni kriminali.

217    It-tieni nett, mis-sentenza M.A.S. u M.B. jirriżulta b’mod ċar li l-istatus partikolari li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet, fl-imsemmija sentenza, lill-standard nazzjonali ta’ protezzjoni dwar il-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ preċiżjoni, ta’ prevedibbiltà u ta’ nuqqas ta’ retroattività tal-liġi kriminali, ma jistax jiġi traspost għal standard nazzjonali ta’ protezzjoni relatat mal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ lex mitior, bħal dak li ġie stabbilit fid-Deċiżjoni Nru 67/2022 tal-QGħKĠ.

218    Għalhekk, minn naħa, is-sentenza M.A.S. u M.B. ma setgħetx tinftiehem fis-sens li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fiha li l-Artikolu 325(1) TFUE jawtorizza lill-qrati tal-Istati Membri japplikaw kwalunkwe standard nazzjonali ta’ protezzjoni dwar il-metodu ta’ kalkolu tat-terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali, indipendentement mill-portata tar-riskju sistemiku potenzjali ta’ impunità ta’ frodi gravi li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni li tali standard ta’ protezzjoni jista’ jinvolvi.

219    Fil-fatt, tali interpretazzjoni tas-sentenza M.A.S. u M.B. kienet tkun f’kontradizzjoni manifesta mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, imfakkra fil-punt 47 ta’ dik is-sentenza, li skontha l-qrati tal-Istati Membri jistgħu japplikaw standards nazzjonali ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, sakemm, inter alia, din l-applikazzjoni ma tikkompromettix l-unità jew l-effettività tad-dritt tal-Unjoni, u mal-punt 36 tal-imsemmija sentenza, li jippreċiża li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-regoli ta’ preskrizzjoni previsti mid-dritt nazzjonali jippermettu repressjoni effettiva tal-frodi tal-VAT.

220    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, wara l-għoti tas-sentenza M.A.S. u M.B., li dispożizzjonijiet tad-dritt Rumen, li fir-rigward tagħhom ma setax jiġi eskluż li jikkostitwixxu standard nazzjonali ta’ protezzjoni dwar il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kellhom, fi kwalunkwe każ, jitħallew mhux applikati mill-qrati ta’ dan l-Istat Membru, preċiżament minħabba li l-applikazzjoni ta’ tali standard nazzjonali ta’ protezzjoni toħloq riskju sistemiku ta’ impunità favur, inter alia, l-awturi ta’ frodi gravi li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, u b’hekk taffettwa s-supremazija, l-unità u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punti 211 sa 213).

221    Min-naħa l-oħra, fil-punti 51 sa 61 tas-sentenza M.A.S. u M.B., il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet espressament li l-istandard nazzjonali ta’ protezzjoni dwar il-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege, fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ preċiżjoni, ta’ prevedibbiltà u ta’ nuqqas ta’ retroattività tal-liġi kriminali, inklużi d-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali, għandu importanza speċifika fid-dritt tal-Unjoni li tiġġustifika li tali standard jista’ jiġi applikat mill-qrati nazzjonali, minkejja r-riskju sistemiku ta’ impunità li jinvolvi.

222    Fil-fatt, kif ġie enfasizzat fil-punt 118 ta’ din is-sentenza, tali standard nazzjonali ta’ protezzjoni jikkompleta l-protezzjoni kontra l-arbitrarjetà fil-qasam kriminali li hija offruta mid-dritt tal-Unjoni, skont il-prinċipju fundamentali ta’ ċertezza legali, li jikkostitwixxi element essenzjali tal-Istat tad-dritt, u għalhekk wieħed mill-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 2 TUE.

223    Madankollu, kif ġie enfasizzat fil-punt 138 ta’ din is-sentenza, l-istandard nazzjonali ta’ protezzjoni dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ lex mitior, kif stabbilit fid-Deċiżjoni Nru 67/2022 tal-QGħKĠ, mhux talli ma huwiex ibbażat fuq tali rekwiżiti, iżda jinvolvi, għall-kuntrarju, applikazzjoni retroattiva ta’ ċerti regoli dwar il-metodu ta’ kalkolu tat-terminu ta’ preskrizzjoni. Ir-raġunament adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza M.A.S. u M.B. għalhekk ma setax jiġi traspost għal tali standard nazzjonali ta’ protezzjoni.

224    Mill-punti 206 sa 223 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-Artikolu 325(1) TFUE u l-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF għandhom jitqiesu li jikkostitwixxu bażi legali suffiċjentement ċara u prevedibbli li tippermetti li tiġi eskluża l-applikazzjoni tal-istandard nazzjonali ta’ protezzjoni dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ lex mitior, kif stabbilit fid-Deċiżjoni Nru 67/2022 tal-QGħKĠ, b’tali mod li, kif jirriżulta mis-sentenza Lin, ir-responsabbiltà kriminali tal-awtur ta’ frodi gravi li tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Unjoni tista’ titqies li hija preskritta, fid-dritt Rumen, biss skont metodu ta’ kalkolu tat-terminu ta’ preskrizzjoni li jeskludi l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni Nru 67/2022.

225    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, fid-dawl tan-natura suffiċjentement ċara u prevedibbli ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, u kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-QGħKĠ fid-Deċiżjoni Nru 37/2024 tagħha, is-sentenza Lin ma kellhiex il-konsegwenza li tirrifjuta xi aspettattiva leġittima tal-partijiet f’kawża dwar il-fatt li, mill-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 67/2022 tal-QGħKĠ, it-terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali tagħhom ma setax jiġi interrott, inkluż permezz ta’ atti proċedurali preċedenti għall‑25 ta’ Ġunju 2018.

226    Fil-fatt, huwa biżżejjed li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma jistax jiġi invokat kontra dispożizzjoni preċiża ta’ att leġiżlattiv tad-dritt tal-Unjoni u l-aġir ta’ awtorità nazzjonali fdata bl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, liema aġir imur kontra dan tal-aħħar, ma jistax inissel f’parti f’kawża aspettattiva leġittima ta’ benefiċċju minn trattament li jmur kontra d-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2024, Kaduna, C‑244/24 u C‑290/24, EU:C:2024:1038, punt 131 u l-ġurisprudenza ċċitata).

227    Fit-tielet u l-aħħar lok, lanqas ma jista’ jiġi sostnut li s-sentenza Lin kisret il-prinċipju ta’ ċertezza legali minħabba li, billi imponiet li tiġi eskluża l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 67/2022 tal-QGħKĠ, il-Qorti tal-Ġustizzja reġgħet qajmet, fi ħdan il-qrati Rumeni, inċertezza fir-rigward tal-metodu ta’ kalkolu tat-terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali li kienet ġiet eliminata permezz ta’ din id-Deċiżjoni Nru 67/2022.

228    Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li l-iżvilupp ta’ kunsens ġurisprudenzjali dwar kif għandhom jiġu applikati liġijiet suċċessivi dwar il-preskrizzjoni huwa proċess li jista’ jieħu ż-żmien. Għaldaqstant, il-prinċipju ta’ ċertezza legali ma jipprekludix l-eżistenza ta’ tali inċertezza ġurisprudenzjali, sa fejn id-dritt applikabbli jippermetti li din l-inċertezza titneħħa (ara, b’analoġija, il-Qorti EDB, 22 ta’ Settembru 2015, Borcea vs Ir‑Rumanija, CE:ECHR:2015:0922DEC005595914, punt 66).

229    Il-proċedura tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari, kif prevista fl-Artikolu 267 TFUE, kienet tippermetti lill-qrati Rumeni jevitaw tali inċertezza li kieku dawn il-qrati kienu użaw il-possibbiltà tagħhom jew issodisfaw l-obbligu tagħhom li jistaqsu lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-portata eżatta tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 325(1) TFUE u mill-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF, kif kienu ġew interpretati fis-sentenza Lin.

230    Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tad-Deċiżjonijiet Nri 37/2024 u 16/2024 tal-QGħKĠ, imsemmija fil-punti 40 sa 45 ta’ din is-sentenza, għandu jitfakkar li, permezz ta’ dawn id-deċiżjonijiet, dik il-qorti tal-aħħar istanza ddeċidiet, essenzjalment, li l-qrati Rumeni kellhom jirrifjutaw li japplikaw l-Artikolu 325(1) TFUE u l-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF, kif kienu ġew interpretati fis-sentenza Lin, minħabba li din l-interpretazzjoni tmur kontra l-Artikolu 7 tal-KEDB u kontra ċerti prinċipji ta’ natura kostituzzjonali, mingħajr ma tistaqsi minn qabel lill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward.

231    Madankollu, għandu jitfakkar, minn naħa, li, skont ġurisprudenza stabbilita, meta ma jkun jeżisti l-ebda rimedju ġudizzjarju taħt id-dritt intern kontra d-deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali, din tal-aħħar hija, bħala prinċipju, marbuta li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, meta kwistjoni dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni titqajjem quddiemha, ħlief jekk hija tkun ikkonstatat li l-kwistjoni mqajma ma hijiex rilevanti jew li d-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni tkun diġà ġiet interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja jew li l-interpretazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni tkun tant evidenti li ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli. Tali obbligu għandu b’mod partikolari l-għan li jipprevjeni li tiġi stabbilita, fi kwalunkwe Stat Membru, ġurisprudenza nazzjonali li ma taqbilx mar-regoli tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi, C‑561/19, EU:C:2021:799, punti 32 u 33, kif ukoll tal‑15 ta’ Ottubru 2024, KUBERA, C‑144/23, EU:C:2024:881, punti 34 sa 36).

232    Min-naħa l-oħra, minn ġurisprudenza daqstant stabbilita jirriżulta li l-qrati nazzjonali ma għandhomx is-setgħa li jiddikjaraw li atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma invalidi. Għalhekk, meta qorti nazzjonali tqis li motiv wieħed jew iktar ta’ invalidità ta’ att tal-Unjoni invokati mill-partijiet jew, jekk ikun il-każ, imqajma ex officio, huma fondati, hija għandha tissospendi l-proċeduri quddiemha u tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’rinviju għal deċiżjoni preliminari għall-evalwazzjoni tal-validità peress li din tal-aħħar biss għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata l-invalidità ta’ att tal-Unjoni (sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et, C‑366/10, EU:C:2011:864, punti 47 u 48, tat‑13 ta’ Marzu 2018, European Union Copper Task Force vs Il‑Kummissjoni, C‑384/16 P, EU:C:2018:176, punt 115, u tat‑30 ta’ Jannar 2024, Agentsia “Patna infrastruktura” (Finanzjament Ewropew tal-infrastruttura tat-toroq), C‑471/22, EU:C:2024:99, punt 49).

233    Dan japplika wkoll meta qorti ta’ Stat Membru tqis li l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, imwettqa f’deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, tikser ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 7 tal-KEDB jew ir-rekwiżiti ta’ natura kostituzzjonali speċifiċi għad-dritt nazzjonali tagħha. Fil-fatt, l-awtonomija u l-effettività tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni jipprekludu kwalunkwe stħarriġ estern tad-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni esklużiva tagħha sabiex tinterpreta d-dritt tal-Unjoni b’mod definittiv u vinkolanti u sabiex tistħarreġ il-legalità tal-atti tal-Unjoni (sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2025, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Stħarriġ ultra vires tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja – Supremazija tad-dritt tal-Unjoni), C‑448/23, EU:C:2025:975, punt 216).

234    Minn dan isegwi li, billi adottat id-Deċiżjonijiet Nri 37/2024 u 16/2024 tagħha mingħajr ma adixxiet, minn qabel, lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari, il-QGħKĠ mhux biss kisret l-obbligi imposti fuqha skont l-Artikolu 267 TFUE, iżda pparteċipat ukoll fl-istabbiliment ta’ sitwazzjoni nieqsa minn ċertezza legali billi eżiġiet, bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, li qrati Rumeni oħra jadottaw interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali tagħhom manifestament inkompatibbli mar-rekwiżiti li jirriżultaw mis-sentenza Lin.

235    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-risposta għall-punt (b) tat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 325(1) TFUE u l-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF, moqrija flimkien mal-Artikolu 49(1), mal-Artikolu 52(3) u mal-Artikolu 53 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jeżiġux li tiġi kkontestata deċiżjoni ġudizzjarja, li għandha l-awtorità ta’ res judicata, li kkonstatat li t-terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali tal-awturi ta’ frodi gravi li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni kien skada, b’applikazzjoni tal-istandard nazzjonali ta’ protezzjoni dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ lex mitior, kif stabbilit fid-Deċiżjoni Nru 67/2022 tal-QGħKĠ.

236    B’kuntrast, dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li, minbarra tali każ, huma jipprojbixxu lill-qrati Rumeni milli japplikaw dan l-istandard nazzjonali ta’ protezzjoni għal proċeduri kriminali diretti kontra każijiet ta’ frodi gravi li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, inkluż meta t-terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali tal-awturi ta’ tali reati kien jiskadi, qabel l-għoti tas-sentenza Lin, li kieku dan it-terminu kien ġie kkalkolat bl-applikazzjoni tal-imsemmi standard nazzjonali ta’ protezzjoni.

e)      Fuq l-Artikolu 7 tal-KEDB

237    Permezz tal-punt (c) tat-tieni domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fir-raba’ u l-aħħar lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, sabiex ma jinkisirx l-Artikolu 7 tal-KEDB, il-qrati Rumeni humiex obbligati, kuntrarjament għal dak li timponi fuqhom is-sentenza Lin, japplikaw l-istandard nazzjonali ta’ protezzjoni dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ lex mitior, kif stabbilit fid-Deċiżjoni Nru 67/2022 tal-QGħKĠ.

238    Mill-punti 134, 163, 175, 235 u 236 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-Artikolu 325(1) TFUE u l-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF, kif interpretati fis-sentenza Lin, jikkorrispondu għar-rekwiżiti tal-Artikolu 49(1) tal-Karta, li huma, tal-inqas, ekwivalenti għall-garanziji li jirriżultaw mill-Artikolu 7 tal-KEDB.

239    Minn dan isegwi li r-risposta għall-punt (c) tat-tieni domanda għandha tkun li l-eżami ta’ din id-domanda ma rrileva ebda element ta’ natura li jqis li, sabiex ma jinkisirx l-Artikolu 7 tal-KEDB, il-qrati Rumeni għandhom japplikaw l-istandard nazzjonali ta’ protezzjoni dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-lex mitior, kif stabbilit fid-Deċiżjoni Nru 67/2022 tal-QGħKĠ.

240    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 325(1) TFUE u l-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF, moqrija flimkien mal-Artikolu 49, mal-Artikolu 52(3) u mal-Artikolu 53 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jeżiġux li tiġi kkontestata deċiżjoni ġudizzjarja, li għandha l-awtorità ta’ res judicata, li kkonstatat li t-terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali tal-awturi ta’ frodi gravi li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni kien skada, b’applikazzjoni tal-istandard nazzjonali ta’ protezzjoni dwar l-applikazzjoni retroattiva tal-liġi kriminali l-iżjed favorevoli (lex mitior), kif stabbilit mid-Deċiżjoni Nru 67/2022 tal-QGħKĠ. B’kuntrast, minbarra tali każ, dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jipprojbixxu lill-qrati Rumeni milli japplikaw dan l-istandard nazzjonali ta’ protezzjoni għal proċeduri kriminali diretti kontra każijiet ta’ frodi gravi li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, minkejja l-fatt, l-ewwel nett, li, skont prinċipju ta’ natura kostituzzjonali li jipprojbixxi l-applikazzjoni ta’ lex tertia, dawn il-qrati huma pprojbiti milli japplikaw parzjalment leġiżlazzjonijiet kriminali suċċessivi billi jingħaqdu wħud mid-dispożizzjonijiet tagħhom, it-tieni nett, li d-dritt nazzjonali tagħhom ma jinkludix kriterji li jippermettulhom jiddeterminaw jekk l-applikazzjoni tal-imsemmi standard nazzjonali ta’ protezzjoni tinvolvix riskju sistemiku ta’ impunità fir-rigward ta’ dawn il-frodi u, it-tielet nett, li t-terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali tal-awturi tal-imsemmija frodi kien jiskadi, qabel l-għoti tas-sentenza Lin, li kieku dan it-terminu kien ġie kkalkolat bl-applikazzjoni tal-istess standard nazzjonali ta’ protezzjoni.

V.      Fuq l-ispejjeż

241    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn ir-raġunijiet, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni mfassla abbażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej, iffirmata fi Brussell fis‑26 ta’ Lulju 1995 u annessa mal-Att tal-Kunsill tas‑26 ta’ Lulju 1995, moqri fid-dawl tal-Artikolu 49 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

meta l-ebda dispożizzjoni nazzjonali ma tiffissa ammont li minnu frodi li tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Unjoni għandha titqies li hija “gravi”, tali frodi għandha neċessarjament tiġi kklassifikata b’dan il-mod meta tinvolvi ammont totali ta’ iktar minn EUR 50 000, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk id-dannu mġarrab mill-baġit tal-Unjoni minħabba din il-frodi jaqbiżx, huwa wkoll, tali ammont.

2)      L-Artikolu 325(1) TFUE u l-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni mfassla abbażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej, iffirmata fi Brussell fis‑26 ta’ Lulju 1995 u annessa mal-Att tal-Kunsill tas‑26 ta’ Lulju 1995, moqrijia flimkien mal-Artikolu 49(1), mal-Artikolu 52(3) u mal-Artikolu 53 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

ma jeżiġux li tiġi kkontestata deċiżjoni ġudizzjarja, li għandha l-awtorità ta’ res judicata, li kkonstatat li t-terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali tal-awturi ta’ frodi gravi li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni kien skada, b’applikazzjoni tal-istandard nazzjonali ta’ protezzjoni dwar l-applikazzjoni retroattiva tal-liġi kriminali l-iżjed favorevoli (lex mitior), kif stabbilit mid-Deċiżjoni Nru 67/2022 tal‑25 ta’ Ottubru 2022 tal-Înalta Curte de Casaţie şi Justiţie (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, ir-Rumanija). B’kuntrast, minbarra tali każ, dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jipprojbixxu lill-qrati Rumeni milli japplikaw dan l-istandard nazzjonali ta’ protezzjoni għal proċeduri kriminali diretti kontra każijiet ta’ frodi gravi li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, minkejja l-fatt, l-ewwel nett, li, skont prinċipju ta’ natura kostituzzjonali li jipprojbixxi l-applikazzjoni ta’ lex tertia, dawn il-qrati huma pprojbiti milli japplikaw parzjalment leġiżlazzjonijiet kriminali suċċessivi billi jingħaqdu wħud mid-dispożizzjonijiet tagħhom, it-tieni nett, li d-dritt nazzjonali tagħhom ma jinkludix kriterji li jippermettulhom jiddeterminaw jekk l-applikazzjoni tal-imsemmi standard nazzjonali ta’ protezzjoni tinvolvix riskju sistemiku ta’ impunità fir-rigward ta’ dawn il-frodi u, it-tielet nett, li t-terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali tal-awturi tal-imsemmija frodi kien jiskadi, qabel l-għoti tas-sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2023, Lin (C‑107/23 PPU, EU:C:2023:606), li kieku dan it-terminu kien ġie kkalkolat bl-applikazzjoni tal-istess standard nazzjonali ta’ protezzjoni.

Firem


*      Lingwi tal-kawża: il-Franċiż u r-Rumen.


i      L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.