IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 14.7.2021
COM(2021) 392 final
2021/0209(CNS)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-KUNSILL
li jissospendi temporanjament id-dazji awtonomi tat-Tariffa Doganali Komuni fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti industrijali fil-Gżejjer Kanarji
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1386/2011 ippreveda s-sospensjoni temporanja tad-dazji awtonomi tat-Tariffa Doganali Komuni fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti industrijali fil-Gżejjer Kanarji. Il-Gżejjer Kanarji jagħmlu parti mir-Reġjuni Ultraperiferiċi tal-Unjoni Ewropea, li jistgħu jkunu previsti miżuri speċjali għalihom, skont l-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), sabiex jingħelbu l-iżvantaġġi ekonomiċi li dawn ir-reġjuni jsofru minħabba s-sitwazzjoni ġeografika tagħhom.
Il-miżuri previsti fir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1386/2011, li kellhom l-għan li jsaħħu l-kompetittività tal-operaturi ekonomiċi lokali u b’hekk jiżguraw impjieg aktar stabbli f’dawn il-gżejjer, jiskadu fil-31 ta’ Diċembru 2021. F’April 2021, il-gvern ta’ Spanja talab l-estensjoni tas-sospensjoni tad-dazji awtonomi tat-Tariffa Doganali Komuni għal għadd ta’ prodotti. Skont it-talba, ir-restrizzjonijiet li qed jiffaċċa r-reġjun, li huma strutturali u permanenti, għadhom relatati mal-iżolament, id-daqs żgħir tas-suq u l-frammentazzjoni tiegħu. Minħabba dawn il-limitazzjonijiet, il-Gżejjer Kanarji għandhom kost ta’ produzzjoni u trasport ogħla, u kostijiet ambjentali ogħla. Huma lanqas ma jistgħu jibbenefikaw mill-globalizzazzjoni bl-istess mod bħal reġjuni Ewropej oħrajn. L-iskema ta’ sospensjoni mitluba hija maħsuba biex tnaqqas dawn ir-restrizzjonijiet fis-suq tal-Gżejjer Kanarji.
Barra minn hekk, fl-istess kuntest, l-awtoritajiet Spanjoli talbu s-sospensjoni tad-dazji tat-Tariffa Doganali Komuni għal seba’ kategoriji ġodda ta’ prodotti koperti mill-kodiċijiet NM 3903 19, 5603 94, 5604 10, 7326 90, 7607 20, 8441 40 u 8479 90.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
Il-Komunikazzjoni tal-2017 dwar “Sħubija strateġika aktar b’saħħitha u mġedda mar-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE” tinnota li r-reġjuni ultraperiferiċi għadhom iħabbtu wiċċhom ma’ sfidi serji, li ħafna minnhom huma permanenti. Din il-Komunikazzjoni tippreżenta l-approċċ tal-Kummissjoni f’termini ta’ appoġġ lil dawn ir-reġjuni biex jibnu fuq l-assi uniċi tagħhom u ta’ identifikazzjoni ta’ setturi ġodda li jippermettu t-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi.
F’dan il-kuntest, l-għan ta’ din il-proposta huwa li tappoġġa lir-reġjun ultraperiferiku ta’ Spanja biex jibni fuq l-assi tiegħu sabiex jippermetti t-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fis-settur lokali. Din il-proposta tissupplimenta l-Programm ta’ Soluzzjonijiet Speċifiċi Relatati mal-Periferiċità u l-Insularità (POSEI), li għandu l-għan li jappoġġa s-settur primarju u l-produzzjoni tal-materja prima, il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) u l-finanzjament tal-Allokazzjoni Addizzjonali Speċifika tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR).
Il-Gżejjer Kanarji jibbenefikaw minn miżuri simili oħrajn (tnaqqis fit-tariffi awtonomi), pereżempju, ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/1785 tas-16 ta’ Novembru 2020 jipprevedi l-ftuħ ta’ kwoti tariffarji awtonomi għall-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tas-sajd fil-Gżejjer Kanarji. Barra minn hekk, dan ir-reġjun ultraperiferiku jibbenefika minn eżenzjonijiet jew tnaqqis parzjali fit-taxxa AIEM li huma previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1792 tas-16 ta’ Novembru 2020.
•Konsistenza ma' politiki oħra tal-Unjoni
Din il-proposta hija konformi mal-politiki tal-Unjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-politika kumplessiva għar-reġjuni ultraperiferiċi u l-politiki fil-qasam tal-kummerċ internazzjonali, il-kompetizzjoni, l-ambjent, l-intrapriża, l-iżvilupp u r-relazzjonijiet esterni.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Il-bażi ġuridika għal din il-proposta hija l-Artikolu 349 TFUE. Din id-dispożizzjoni tippermetti lill-Kunsill, b’kont meħud tar-restrizzjonijiet soċjali u ekonomiċi strutturali tar-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni (inklużi l-bogħod, l-insularità, id-daqs żgħir, it-topografija diffiċli u d-dipendenza klimatika u ekonomika tagħhom fuq ftit prodotti) jadotta miżuri speċifiċi li jaġġustaw l-applikazzjoni tat-Trattati għal dawk ir-reġjuni. Dawk il-miżuri jikkonċernaw oqsma speċifiċi, inklużi, fost l-oħrajn, il-politiki doganali u kummerċjali.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Għalhekk il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.
•Proporzjonalità
Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġunijiet li ġejjin:
Din it-tip ta’ azzjoni tintuża regolarment bħala strument biex issaħħaħ il-kompetittività tal-operaturi ekonomiċi. L-impożizzjoni ta’ kontrolli tal-użu aħħari f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni u d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tiegħu hija proċedura stabbilita f’dan il-kuntest u ma toħloqx piżijiet amministrattivi sinifikanti u supplimentari għall-awtoritajiet reġjonali u lokali u għall-operaturi ekonomiċi.
•Għażla tal-istrument
Il-proposta hija għal Regolament.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
••Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Il-grupp ta’ esperti “Grupp dwar il-Kwistjonijiet ta' Ekonomija Tariffarja” (ETQG) li jassisti lill-Kummissjoni fit-tħejjija tal-proposti tal-Kunsill tagħha fil-qasam tal-miżuri tariffarji awtonomi, ġie kkonsultat dwar din il-proposta.
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
Biex teżamina l-impatti tal-miżuri, il-Kummissjoni talbet l-informazzjoni neċessarja mingħand l-awtoritajiet Spanjoli. L-awtoritajiet Spanjoli pprovdew data dwar il-prodotti kkonċernati li kienu ġew importati fil-Gżejjer Kanarji u inkludew analiżi ta’ dawk il-prodotti.
Inġabret ukoll informazzjoni għal suġġetti speċifiċi, bħal pereżempju l-impjiegi (mingħand l-Istitut tal-Istatistika tal-Gżejjer Kanarji), it-turiżmu (l-istatistika uffiċjali dwar it-turiżmu fil-Gżejjer Kanarji) u l-konsum (l-Ewrobarometru).
•Valutazzjoni tal-impatt
Ma twettqet l-ebda valutazzjoni tal-impatt. Il-proposta għandha l-għan li ttawwal il-miżuri attwali li jiskadu fi tmiem l-2021. Valutazzjoni tal-impatt mhix ġustifikata minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni limitat ħafna tal-miżuri u l-fatt li ma hemm l-ebda tibdil sinifikanti fir-rigward tal-effetti mistennija.
•Drittijiet fundamentali
Il-proposta ma għandha l-ebda konsegwenza fuq id-drittijiet fundamentali.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Din il-proposta ma għandha l-ebda impatt finanzjarju fuq in-nefqa iżda għandha impatt finanzjarju fuq id-dħul. Id-dazji doganali mhux miġburin jammontaw għal madwar EUR 3,3 miljun fis-sena. L-effett fuq ir-riżorsi proprji tradizzjonali tal-baġit huwa ta’ EUR 2,5 miljun fis-sena (jiġifieri 75 % tat-total). Id-dikjarazzjoni finanzjarja leġiżlattiva tistabbilixxi l-implikazzjonijiet baġitarji tal-proposta f’aktar dettall.
It-telf tad-dħul f’riżorsi proprji tradizzjonali għandu jiġi kkumpensat bl-Introjtu Nazzjonali Gross (ING) tal-Istati Membri abbażi tal-kontribuzzjonijiet għar-riżorsi.
2021/0209 (CNS)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-KUNSILL
li jissospendi temporanjament id-dazji awtonomi tat-Tariffa Doganali Komuni fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti industrijali fil-Gżejjer Kanarji
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 349 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,
Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġiżlattiva speċjali,
Billi:
(1)Skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1386/2011, is-sospensjoni tad-dazju għal ċerti oġġetti kapitali għall-użu kummerċjali jew industrijali, importati fil-Gżejjer Kanarji, tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2021.
(2)F’April 2021, il-gvern ta’ Spanja talab l-estensjoni tas-sospensjoni tad-dazji awtonomi tat-Tariffa Doganali Komuni għal għadd ta’ prodotti f’konformità mal-Artikolu 349 tat-Trattat. Il-miżuri stabbiliti bir-Regolament (UE) Nru 1386/2011 ikkontribwew b’mod pożittiv għall-iżvilupp tal-ekonomija tal-Gżejjer Kanarji, b’mod partikolari fl-industrija u l-kostruzzjoni, u b’hekk naqqsu l-impatt qawwi tal-iżvantaġġi ekonomiċi u kummerċjali kkawżati mid-distanza, l-insularità u ċ-ċokon ta’ dawn il-gżejjer.
(3)L-ekonomija tal-Gżejjer Kanarji għadha affettwata b’mod negattiv miċ-ċokon tas-suq tal-gżejjer, mill-frammentazzjoni u l-bogħod tiegħu mill-Ewropa, b’mod partikolari l-livell għoli ta’ qgħad u l-ispejjeż ogħla fil-produzzjoni u d-distribuzzjoni minn dawk tal-operaturi ekonomiċi fl-Ewropa kontinentali. Filwaqt li r-rata tal-qgħad tal-Gżejjer Kanarji wriet xi titjib sal-2019, il-qgħad żdied minn 20,5 % fl-2019 għal 22,6 % fl-2020, ferm ogħla mill-medji nazzjonali u tal-Unjoni ta’ 15,5 % u 7,1 %, rispettivament (Eurostat, 2021).
(4)Barra minn hekk, il-kriżi tal-COVID-19 waqqfet l-attività turistika fil-Gżejjer Kanarji li, fl-2020, wasslet għal tnaqqis stmat ta’ madwar 20 % tal-PDG. Barra minn hekk, kien hemm reċessjoni fl-attività tal-kostruzzjoni u industrijali bi tnaqqis stmat ta’ 13 %, meta mqabbel mal-2019.
(5)Huwa għalhekk xieraq li tiġi estiża s-sospensjoni tad-dazji tat-Tariffa Doganali Komuni għal ċerti oġġetti kif elenkati fl-Annessi I u II tar-Regolament (UE) Nru 1386/2011 sabiex:
–tiżgura s-sostenibbiltà tal-effetti pożittivi tar-Regolament (UE) Nru 1386/2011;
–tikkontribwixxi għad-diversifikazzjoni tal-ekonomija;
–tiżgura tkabbir kostanti u l-ħolqien ta’ impjiegi fl-industrija u l-kostruzzjoni;
–issaħħaħ l-innovazzjoni;
–tnaqqas id-dipendenza tal-ekonomija lokali fuq is-settur tas-servizzi;
–tikkomplementa miżuri oħrajn iddedikati għall-istabbilizzazzjoni tal-ambjent ekonomiku u soċjali fil-Gżejjer Kanarji.
(6)Minbarra l-kategoriji tal-prodotti koperti mir-Regolament (UE) Nru 1386/2011, fl-istess kuntest il-gvern ta’ Spanja talab is-sospensjoni tad-dazji tat-Tariffa Doganali Komuni għal seba’ kategoriji ġodda ta’ prodotti koperti mill-kodiċijiet NM 3903 19, 5603 94, 5604 10, 7326 90, 7607 20, 8441 40 u 8479 90. Jenħtieġ li dik it-talba tiġi aċċettata peress li dawk is-sospensjonijiet, li jinkludu magni għal skopijiet industrijali u materja prima, isaħħu l-ekonomija tal-Gżejjer Kanarji.
(7)Sabiex jiġi żgurat li l-operaturi ekonomiċi li jinsabu fit-territorju tal-Gżejjer Kanarji biss jibbenefikaw minn dawk il-miżuri tariffarji, jenħtieġ li s-sospensjonijiet isiru kundizzjonali fuq l-użu aħħari tal-prodotti, f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2015/2447.
(8)F'każ ta’ devjazzjoni tat-traffiku kummerċjali u sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni li jippermettulha tirtira temporanjament is-sospensjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(9)Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament jenħtieġ li jiżguraw il-kontinwità wara li jiskadi r-Regolament (UE) Nru 1386/2011. Għalhekk, huwa xieraq li jiġu applikati l-miżuri previsti f’dan ir-Regolament mill-1 ta’ Jannar 2022 sal-31 ta’ Diċembru 2031,
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Mill-1 ta’ Jannar 2022 sal-31 ta’ Diċembru 2031, id-dazji tat-Tariffa Doganali Komuni, imsemmijin fl-Artikolu 56(2), il-punt (c), tar-Regolament (UE) Nru 952/2013, applikabbli għall-importazzjonijiet fil-Gżejjer Kanarji ta’ oġġetti kapitali għal użu kummerċjali jew industrijali koperti mill-kodiċijiet NM elenkati fl-Anness I, għandhom jiġu sospiżi kompletament.
Dawn l-oġġetti għandhom jintużaw f'konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 u tar-Regolament (UE) 2015/2447 għal perjodu ta’ mill-inqas 24 xahar wara r-rilaxx f'ċirkolazzjoni libera mill-operaturi ekonomiċi li jinsabu fil-Gżejjer Kanarji.
Artikolu 2
Mill-1 ta’ Jannar 2022 sal-31 ta’ Diċembru 2031, id-dazji tat-Tariffa Doganali Komuni, imsemmijin fl-Artikolu 56(2), il-punt (c), tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 applikabbli għall-importazzjonijiet fil-Gżejjer Kanarji ta’ materja prima, partijiet u komponenti koperti mill-kodiċijiet NM elenkati fl-Anness II u użati għat-trasformazzjoni industrijali jew għall-manutenzjoni fil-Gżejjer Kanarji, għandhom jiġu sospiżi bis-sħiħ.
Artikolu 3
Is-sospensjoni tad-dazji msemmijin fl-Artikoli 1 u 2 għandha tkun soġġetta għal superviżjoni doganali tal-użu aħħari skont l-Artikolu 254 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013.
Artikolu 4
1.Meta l-Kummissjoni jkollha raġunijiet biex temmen li s-sospensjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament ikunu wasslu għal devjazzjoni tal-kummerċ ta’ prodott speċifiku, hija għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jirtiraw is-sospensjoni temporanjament fir-rigward ta’ dak il-prodott għal perjodu mhux itwal minn 12-il xahar. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura tal-eżami msemmija fl-Artikolu 5(2).
Id-dazji tal-importazzjoni fuq prodotti li għalihom is-sospensjoni tkun ġiet irtirata b'mod temporanju għandhom jiġu protetti b’garanzija, u r-rilaxx tal-prodotti kkonċernati għaċ-ċirkolazzjoni libera fil-Gżejjer Kanarji għandu jkun bil-kundizzjoni li dik il-garanzija tingħata.
2.Meta l-Kunsill jiddeċiedi, f'konformità mal-proċedura stabbilita fit-Trattat, f'perjodu ta’ 12-il xahar, li jenħtieġ li s-sospensjoni tiġi rtirata b'mod definittiv, l-ammonti tad-dazji protetti bil-garanziji għandhom jinġabru b'mod definittiv.
3.Jekk ma tiġi adottata l-ebda deċiżjoni definittiva fil-perjodu ta’ 12-il xahar f'konformità mal-paragrafu 2, il-garanziji għandhom jiġu rilaxxati.
Artikolu 5
1.Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat tal-Kodiċi Doganali, stabbilit bl-Artikolu 285(1) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013.
2.Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
Artikolu 6
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2022.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President
DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA GĦAL PROPOSTI LI GĦANDHOM IMPATT BAĠITARJU ESKLUSSIVAMENT LIMITAT GĦAN-NAĦA TAD-DĦUL
1.ISEM IL-PROPOSTA:
Ir-Regolament tal-Kunsill li jissospendi temporanjament id-dazji awtonomi tat-Tariffa Doganali Komuni fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti industrijali fil-Gżejjer Kanarji.
2.LINJI BAĠITARJI:
Kapitolu u Artikolu: Kap. 12 Art. 120
Ammont ibbaġitjat għas-sena 2021: € 17 605 700 000
3.IMPATT FINANZJARJU
◻
Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni finanzjarja
X
Il-proposta ma għandha l-ebda impatt finanzjarju fuq in-nefqa iżda għandha impatt finanzjarju fuq id-dħul – l-effett huwa kif ġej:
(f’miljuni ta’ EUR sa ċifra waħda wara l-punt deċimali)
|
|
|
|
Linja baġitarja
|
Dħul
|
perjodu, jibda jj/xx/ssss
|
[Sena 2022 –2031]
|
|
Artikolu 120
|
Impatt fuq ir-riżorsi proprji
|
01/01/2022 - 31/12/2031
|
-2,5/sena
|
Sabiex l-operaturi ekonomiċi jkunu jistgħu jieħdu deċiżjonjiet dwar investiment fit-tul jenħtieġ li s-sospensjonijiet proposti jibqgħu fis-seħħ għal 10 snin.
Il-proposta tissostitwixxi l-miżuri introdotti bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1386/2011 li jiskadi fil-31.12.2021.
Stima tal-ispiża ta’ din l-operazzjoni
Abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet reġjonali, l-impatt fuq it-telf tad-dħul li jirriżulta minn dan ir-Regolament huwa stmat għal MEUR 3,3 (ammont gross, inklużi l-ispejjeż tal-ġbir) x 0,75 = MEUR 2,5/sena għall-perjodu 01.01.2012 - 31.12.2021. Madankollu, peress li l-proposta ttawwal il-miżuri li huma fis-seħħ bħalissa, prattikament mhu se jkun hemm l-ebda bidla fil-livell tar-Riżorsi Proprji Tradizzjonali mhux miġburin, meta dan ir-regolament jidħol fis-seħħ.
4.MIŻURI KONTRA L-FRODI
Se jitwettqu kontrolli fuq l-użu aħħari ta’ wħud mill-prodotti koperti minn dan ir-Regolament tal-Kunsill f’konformità mal-Artikolu 254 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni.