|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/761 |
11.2.2025 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Sfidi potenzjali għas-suq uniku Ewropew b’riżultat tat-tkabbir futur tal-Unjoni
(opinjoni fuq inizjattiva proprja)
(C/2025/761)
Relatur:
Stoyan TCHOUKANOV|
Konsulenta |
Véronique CHAPPELART |
|
Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja |
18.1.2024 |
|
Bażi legali |
Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura |
|
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum |
|
Adozzjoni fis-sezzjoni |
7.11.2024 |
|
Adozzjoni fis-sessjoni plenarja |
4.12.2024 |
|
Sessjoni plenarja Nru |
592 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
193/1/2 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1. |
Il-KESE jemmen li t-tkabbir tal-UE huwa storja ta’ suċċess u jilqa’ b’sodisfazzjon id-dinamika li għaddejja bħalissa wara d-Dikjarazzjoni ta’ Granada tal-Kunsill. It-tkabbir ma jingħatax l-istess livell ta’ prijorità madwar l-UE, u l-fehmiet dwar it-twessigħ meta mqabbla mal-approfondiment tas-suq uniku jvarjaw fost l-Istati Membri. Is-suq uniku mhux komplut wassal għal 50 % inqas tkabbir fil-PDG per capita fl-Ewropa meta mqabbel mal-Istati Uniti għall-perjodu mill-1993 sal-2022, li jġib miegħu sens ta’ urġenza u l-ħtieġa ta’ riformi rapidi, speċjalment fis-servizzi finanzjarji, l-enerġija, it-telekomunikazzjoni u l-ambjent. Mhumiex biss l-Istati kandidati li jeħtiġilhom jippreparaw għas-sħubija, iżda l-UE jeħtiġilha tintroduċi wkoll il-bidliet regolatorji meħtieġa qabel l-adeżjoni tagħhom. |
|
1.2. |
Il-KESE jiddispjaċih li l-frammentazzjoni kurrenti tas-suq finanzjarju Ewropew twassal għal flussi ta’ ħruġ ta’ kapital u tirrappreżenta theddida għall-kompettività globali Ewropea kif ukoll hija waħda mill-ostakli ewlenin għall-proċess futur ta’ finanzjament tat-tkabbir. B’popolazzjoni ta’ madwar 60 miljun persuna (data tal-2023), il-pajjiżi kandidati jirrappreżentaw potenzjal sinifikanti għall-investimenti, l-opportunitajiet ekonomiċi u l-impjiegi. L-“Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti” proposta timmobilizza l-kapital privat u ssaħħaħ il-kompetittività tal-Ewropa, u tixpruna t-tkabbir u kapaċità ta’ assorbiment ogħla. It-tkabbir ifisser ukoll aċċess akbar għal materja prima kritika, u għalhekk Ewropa aktar reżiljenti u sovrana. |
|
1.3. |
Meta wieħed iqis il-livelli differenti ta’ tħejjija tad-diversi pajjiżi kandidati fir-rigward tal-adattament għar-regoli tas-suq intern u l-impatt li t-tkabbir se joħloq fuq il-flussi kummerċjali ġodda fl-ekonomiji lokali, il-KESE jinnota li t-tkabbir preċedenti ħoloq dinamika ta’ rebbieħa u telliefa minħabba opportunitajiet ekonomiċi żbilanċjati għal tipi differenti ta’ kumpaniji, fost setturi differenti. Għalhekk, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea u lill-pajjiżi kandidati jqisu u jimmaniġġjaw l-impatti tat-tkabbir biex jevitaw li tinħoloq mill-ġdid din l-istess dinamika, u jagħtu attenzjoni speċifika lill-SMEs, kemm fl-UE kif ukoll fil-pajjiżi kandidati biex il-benefiċċji jinfirxu sew. Bil-ftuħ tas-swieq tal-UE matul il-proċess ta’ integrazzjoni, il-pajjiżi kandidati għandhom jikkonformaw strettament mal-istandards tal-UE biex jevitaw li joħolqu żvantaġġi potenzjali għall-operaturi tal-Istati Membri tal-UE. |
|
1.4. |
Mill-analiżi preliminari tas-suq dwar ir-ridirezzjonar tal-flussi kummerċjali bejn l-UE u l-pajjiżi kandidati, huwa ċar li t-tkabbir se jġib benefiċċju nett għall-esportaturi tal-UE ta’ prodotti u servizzi industrijali, filwaqt li xi setturi se jiġu mminati minħabba l-ispejjeż tal-produzzjoni aktar baxxi ta’ xi wħud mill-parteċipanti l-ġodda. Ir-realtajiet soċjali jvarjaw ħafna bejn il-pajjiżi kandidati u dawn id-diskrepanzi jistgħu, fuq terminu qasir, jaffettwaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol u jikkawżaw nuqqas ta’ sodisfazzjon min-naħa taċ-ċittadini. Il-KESE jappella għal proċess ta’ konsultazzjoni inklużiv iddedikat biex jikkumpensa kif xieraq l-ispejjeż soċjali potenzjali, minħabba li l-proċess tat-tkabbir ma jinvolvix biss l-allinjament tal-politiki. |
|
1.5. |
Dimensjoni kruċjali oħra hija l-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles eżistenti bejn il-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi terzi, li xi drabi jistgħu jkunu kompetituri tal-UE fil-livell globali, b’mod partikolari għall-materja prima meħtieġa għal setturi speċifiċi li bħalissa mhumiex integrati bis-sħiħ fis-suq uniku. Il-KESE jisħaq li l-UE teħtieġ miżuri mmirati malajr biex jitneħħew l-ostakli sinifikanti u biex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tas-setturi finanzjarji, tat-telekomunikazzjoni u tal-enerġija esposti għal pressjoni dejjem akbar minn konglomerati multinazzjonali kbar u swieq finanzjarji kbar. Sabiex jiġi żgurat approċċ komprensiv fis-salvagwardja tal-industriji, l-infrastruttura u t-teknoloġiji kritiċi tas-suq uniku, il-KESE jirrakkomanda allinjament mal-qafas tal-UE għall-iskrinjar tal-investiment diretti barrani (stabbilit skont ir-Regolament (UE) 2019/452) fil-pajjiżi tat-tkabbir. |
|
1.6. |
Il-KESE jqis li t-tkabbir għandu jkun fiċ-ċentru tad-diskussjonijiet dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) li jmiss; f’dan ir-rigward diġà ttieħdu xi inizjattivi pożittivi, speċjalment fir-rigward tal-appoġġ għar-riformi, iżda għandu jsir aktar biex jiġi żgurat li l-għodod finanzjarji tal-UE jappoġġjaw bis-sħiħ il-proċess ta’ qabel l-adeżjoni. |
|
1.7. |
It-tkabbir huwa ta’ sfida. Il-KESE għalhekk iqis li trid tinstab dinamika ġdida għall-proċess fil-kuntest taċ-ċirkostanzi ġeopolitiċi kurrenti eċċezzjonali u l-isfidi li qed jiżdiedu, bħat-tibdil fil-klima u t-tranżizzjoni tal-enerġija u dik ambjentali. L-esperjenza minn sensieli suċċessivi ta’ tkabbir uriet li integrazzjoni aktar mill-qrib mas-suq uniku tal-UE u appoġġ finanzjarju mmirat mhumiex biżżejjed biex tinkiseb konverġenza soċjoekonomika aċċellerata. L-isfida tas-sigurtà u tad-difiża mill-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna ’l hawn trid tiġi indirizzata b’mod komprensiv u trid titqies fil-politiki tal-enerġija, finanzjarji u taċ-ċibersigurtà. Minħabba l-impatt fuq is-sigurtà tal-enerġija, l-iżvilupp ekonomiku, u l-istabbiltà politika tal-ekonomiji tal-Balkani tal-Punent, saret ħtieġa urġenti li tiġi promossa bidla fl-approċċ għall-proċess ta’ adeżjoni mal-UE tal-Balkani tal-Punent billi tiġi offruta adeżjoni gradwali għas-suq uniku tal-UE. Il-KESE jqis li dan l-approċċ aktar dinamiku joffri aspetti pożittivi mill-aspett politiku u jista’ jerġa’ jġib l-entużjażmu għal proċess li kien pjuttost diffiċli f’termini ta’ skedi ta’ żmien u avvanz. |
|
1.8. |
Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, il-KESE jirrakkomanda li s-soċjetà ċivili tiġi involuta fil-proċess tat-tkabbir biex tikkontribwixxi sabiex iċ-ċittadini jifhmu aktar ir-riformi meħtieġa biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tas-sħubija fl-UE. Dan se jgħin biex jiġi żgurat li l-integrazzjoni tal-UE tkun ibbażata fuq parteċipazzjoni ċivika ġenwina fid-dibattitu pubbliku. Il-KESE jemmen li t-tkabbir għandu jkun parti integrali mis-soluzzjonijiet Ewropej għall-isfidi globali. Id-demokratizzazzjoni u l-istat tad-dritt huma prinċipji li ma jistgħux jintmessu, bħalma huwa l-approċċ ibbażat fuq il-mertu tal-proċess tat-tkabbir, li ma jippermettix kompromessi mgħaġġlin. Madankollu, fl-aħħar mill-aħħar, in-nies fuq iż-żewġ naħat tal-fruntiera jeħtiġilhom jiġu assigurati bil-kisbiet ekonomiċi potenzjali u l-potenzjal li tinfirex il-prosperità għall-ġenerazzjoni li jmiss ta’ Ewropej. |
|
1.9. |
Minbarra l-importanza ġeostrateġika, it-tkabbir ifisser ukoll opportunitajiet ġodda ta’ negozju għall-kumpaniji Ewropej, suq akbar għan-negozji u għall-konsumaturi, kif ukoll aċċess akbar għal materja prima kritika, u għalhekk Ewropa aktar reżiljenti u sovrana. |
2. Sfond tal-Opinjoni
|
2.1. |
Meta Jacques Delors stabbilixxa l-pedamenti tas-suq uniku (li kellhom l-għeruq tagħhom fl-erba’ libertajiet – il-moviment liberu tal-persuni, tal-oġġetti, tas-servizzi u tal-kapital – u abbażi tat-teoriji u tal-prinċipji tas-seklu 20), id-dinja kienet f’sitwazzjoni ġeopolitika u ekonomika differenti. It-tkabbir tal-UE joffri opportunità biex jiġi żviluppat aktar il-potenzjal tas-suq uniku, b’mod partikolari fis-settur tas-servizzi li ma jintużawx biżżejjed. |
|
2.2. |
Is-suq uniku ġie stabbilit biex isaħħaħ l-integrazzjoni Ewropea billi jelimina l-ostakli għall-kummerċ, jiżgura kompetizzjoni ġusta, jippromovi l-kooperazzjoni u s-solidarjetà fost l-Istati Membri, u jtejjeb ħajjiet iċ-ċittadini. Barra minn hekk, biex jiġi żgurat li r-reġjuni kollha jkunu jistgħu jibbenefikaw bl-istess mod mill-opportunitajiet tas-suq, ġew introdotti l-fondi ta’ koeżjoni. Suq uniku li jiffunzjona tajjeb huwa indispensabbli sabiex jiġu inċentivati aktar investiment u innovazzjoni fl-Ewropa, jiġu ffinanzjati s-sigurtà soċjali, u l-edukazzjoni ta’ kwalità, u sabiex jittieħdu miżuri addizzjonali fir-rigward tal-klima. |
|
2.3. |
Illum, is-suq uniku għadu l-pedament tal-integrazzjoni u l-valuri Ewropej, iservi bħala katalist għat-tkabbir, il-prosperità u s-solidarjetà, jippromovi r-rwol ċentrali tal-industrija u jsaħħaħ id-djalogu soċjali biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ emissjonijiet żero netti. Madankollu, ix-xena internazzjonali nbidlet sew. L-Ewropa qed titlef postha fl-ordni dinji u marret lura b’mod drammatiku, u dan jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żviluppat suq uniku ġdid. Il-kompetittività tal-UE naqset, u l-Istati Uniti u ċ-Ċina diġà qabżu lill-UE f’ħafna indikaturi, hekk kif id-dekarbonizzazzjoni u t-tranżizzjoni diġitali qed iwittu t-triq għall-era li jmiss ta’ prosperità. |
|
2.4. |
Barra minn hekk, fid-dawl tat-tkabbir futur prospettiv tal-UE, sabiex tiżdied il-produttività, il-punti kardinali tas-suq uniku jeħtieġ li jiġu aġġornati u allinjati mar-rwol il-ġdid tas-suq uniku f’dinja li għaddejja minn trasformazzjonijiet strutturali. |
|
2.5. |
Sabiex jiġi żgurat proċess ta’ adeżjoni kredibbli, is-soċjetà ċivili organizzata trid tingħata rwol sinifikanti x’taqdi – xi ħaġa li l-KESE appoġġja direttament permezz tal-inizjattiva tiegħu “membri kandidati għat-tkabbir” (1). |
|
2.6. |
Kif diġà ddikjara f’Opinjoni preċedenti (2), il-KESE jqis li l-investiment fil-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali huwa neċessarju biex jinkiseb it-tkabbir ekonomiku u jinħolqu l-impjiegi fil-Balkani tal-Punent. Il-KESE jirrakkomanda wkoll li jiġu stabbiliti indikaturi tal-eżitu soċjali u bbażati fuq l-iżvilupp għall-miżuri kollha inklużi fl-aġendi ta’ riforma. |
3. Kummenti ġenerali
3.1. It-tkabbir tal-UE huwa imperattiv mil-lat ġeostrateġiku?
|
3.1.1. |
L-invażjoni tal-Ukrajna fl-2022 biddlet b’mod fundamentali l-mappa strateġika tal-kontinent. Il-kontinent issa huwa maqtugħ minn linja ta’ diviżjoni ċara, li min-naħa tagħha attivat mill-ġdid il-proċess ta’ adeżjoni għas-sitt stati tal-Balkani tal-Punent li bħalissa jinsabu jistennew biex jingħaqdu mal-UE. Dan ifisser li l-Unjoni issa jeħtieġ li tħejji ruħha għall-adeżjoni ta’ massimu ta’ disa’ membri ġodda, inkluża l-Georgia. |
|
3.1.2. |
Barra minn hekk, hemm il-kwistjoni mhux solvuta tat-Turkija. Għalkemm it-Turkija għadha pajjiż kandidat, it-taħditiet tagħha dwar l-adeżjoni mal-UE għadhom iffriżati, u d-dħul tagħha fl-UE bħalissa mhuwiex parti mid-dibattitu politiku. |
3.2. Kunsiderazzjonijiet politiċi u istituzzjonali
|
3.2.1. |
Il-fatt li jkun hemm aktar Stati Membri se jkollu impatt fuq ir-relazzjonijiet fil-qalba tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE – bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, bejn pajjiżi akbar u iżgħar, u bejn l-istituzzjonijiet tal-UE. |
|
3.2.2. |
It-tkabbir tal-UE ċertament se jkollu impatt fuq il-qafas istituzzjonali tal-UE u se jiskatta bidliet fid-dinamika politika. |
|
3.2.3. |
Il-benefiċċji tas-setgħa tal-veto se jkollhom jitqiesu politikament fid-dawl tal-kapaċità tal-UE li tiddeċiedi u taġixxi b’maġġoranza kwalifikata. |
|
3.2.4. |
Il-KESE jemmen li l-Istati Membri għandhom imnejn ikollhom iqisu jekk l-Unjoni hijiex se tibqa’ funzjonali b’disa’ membri addizzjonali, u jekk le, liema riformi jkunu meħtieġa. |
|
3.2.5. |
It-Trattat ta’ Liżbona jista’ jittratta t-tkabbir futur. Mhuwa meħtieġ l-ebda trattat ġdid biex l-għadd ta’ Kummissarji jitnaqqas għal żewġ terzi tal-għadd ta’ Stati Membri, jekk il-Kunsill Ewropew jiddeċiedi li jagħmel dan b’mod unanimu. Ċerti veto fil-Kunsill jistgħu jitneħħew permezz ta’ klawżoli “passerelle” li jippermettu bidla minn unanimità għal maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill permezz ta’ proċedura simplifikata ta’ emenda tat-Trattat. Barra minn hekk, l-Artikolu 48(7) tat-TUE jipprovdi klawżola “passerelle” ġenerali għall-abolizzjoni ta’ xi veto, pereżempju fil-politiki barranin u ta’ sigurtà previsti fl-Artikolu 31(3) tat-TUE. |
|
3.2.6. |
Minbarra l-metodi ta’ votazzjoni, it-Trattati jippermettu lill-Istati Membri jintegraw b’ritmu differenti, minn kooperazzjoni msaħħa (li hija possibbli f’oqsma ta’ kompetenza kondiviża, bħal fil-każ tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew) sa “inklużjonijiet fakultattivi” u “nonparteċipazzjonijiet”, fejn dan ikun previst fit-Trattati. |
|
3.2.7. |
Fir-rigward tal-Parlament Ewropew, 31 mit-73 siġġu battal tar-Renju Unit inżammu ħielsa għat-tkabbir futur u/jew għal-listi tranżnazzjonali. Dawn ikunu biżżejjed għal ftit mill-pajjiżi kandidati iżgħar, iżda mhux għall-Ukrajna, li jkollhom għadd ta’ siġġijiet komparabbli mal-Polonja (52) jew ma’ Spanja (59). Madankollu, f’dan l-aspett ukoll il-KESE jemmen li jistgħu jinstabu soluzzjonijiet fit-Trattat ta’ Liżbona. |
|
3.2.8. |
Huma konċepibbli bidliet limitati fit-Trattat li għandhom l-għan li jippreżervaw il-kapaċità tal-Unjoni li tipproteġi l-valuri u l-interessi tagħha wara t-tkabbir. Il-KESE jirrimarka li matul il-kriżi tal-euro, ġew adottati u ratifikati emendi żgħar għat-Trattat permezz ta’ proċedura eħfef. Jekk ikun meħtieġ, dan l-eżempju joffri perkors potenzjali għal kwalunkwe riflessjoni mill-ġdid importanti ta’ ċerti politiki. |
3.3. L-adeżjoni sħiħa meħtieġa skont il-kriterji ta’ Copenhagen
|
3.3.1. |
Mill-1997, ir-rispett għall-valuri fundaturi tal-UE tal-libertà, id-demokrazija, u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, id-dinjità, il-libertajiet fundamentali u l-istat tad-dritt huma kondizzjoni tat-Trattat għal adeżjoni b’suċċess mal-UE. |
|
3.3.2. |
L-ewwel wieħed mill-kriterji ta’ Copenhagen obbliga lill-applikanti tal-passat biex jirriformaw il-ġudikatura tagħhom, jiktbu mill-ġdid il-kostituzzjoni tagħhom u jadottaw leġiżlazzjoni kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata qabel ma jissiebħu mal-UE. |
|
3.3.3. |
Madankollu, il-KESE jinnota li dawn il-kriterji ma jaħdmux bħala garanzija fil-konfront tal-isfidi futuri għad-demokrazija u għall-istat tad-dritt. Għalkemm ir-rabta aktar reċenti (iżda limitata) bejn il-finanzjament tal-UE u l-konformità mal-istat tad-dritt tagħti lill-Unjoni aktar setgħa, il-KESE jesprimi dispjaċir għall-fatt li għadha tinkiser l-indipendenza tal-ġudikatura u tal-media. Kif juru r-rebbieħa tal-Premju Nobel tal-2024 fix-xjenzi ekonomiċi Daron Acemoglu, Simon Johnson u James Robinson, “soċjetajiet bi stat tad-dritt dgħajjef u istituzzjonijiet li jisfruttaw il-popolazzjoni ma jiġġenerawx tkabbir jew bidla għall-aħjar”. |
3.4. Metodoloġija riveduta bbażata fuq it-tagħlimiet meħuda minn tkabbir preċedenti
|
3.4.1. |
L-UE siltet tagħlimiet minn tkabbir preċedenti u rfinat il-politika tat-tkabbir tagħha permezz tal-metodoloġija riveduta tat-tkabbir tal-2020, li toffri lill-pajjiżi kandidati u lill-kandidati potenzjali perkorsi mtejba għal integrazzjoni gradwali f’politiki magħżula tal-UE (anke qabel l-adeżjoni tagħhom) billi forniet minn qabel ċerti benefiċċji u obbligi tas-sħubija fl-UE. |
|
3.4.2. |
L-esperjenza minn sensieli suċċessivi ta’ tkabbir uriet li integrazzjoni aktar mill-qrib mas-suq uniku tal-UE u appoġġ finanzjarju mmirat mhumiex biżżejjed biex tinkiseb konverġenza soċjoekonomika aċċellerata. Biex it-tkabbir ikun suċċess, huma meħtieġa aktar riformi komprensivi sabiex l-ekonomiji tal-pajjiżi kandidati jlaħħqu mal-pressjoni kompetittiva tas-suq uniku, u biex jibnu negozji kompetittivi u sostenibbli sabiex jattiraw l-investimenti privati. |
|
3.4.3. |
Il-KESE jqis li kwalunkwe żvilupp tas-suq uniku jrid jinkludi dimensjoni soċjali ġenwina li tiżgura l-ġustizzja u l-koeżjoni soċjali, peress li filwaqt li s-suq uniku huwa mutur b’saħħtu għat-tkabbir u l-prosperità, jista’ jkun ukoll sors ta’ inugwaljanza u faqar jekk il-benefiċċji tiegħu ma jiġux kondiviżi b’mod wiesa’ jew, agħar minn hekk, jekk iwassal għal ġirja lejn l-aktar livell baxx fl-istandards soċjali. Dimensjoni soċjali qawwija fis-suq uniku tal-UE tippromovi prosperità inklużiva, billi tiżgura opportunitajiet ġusti, drittijiet tal-ħaddiema u protezzjoni soċjali, u fl-istess ħin tikkontribwixxi għat-tkabbir u l-kompetittività. |
|
3.4.4. |
Il-KESE jemmen li l-metodoloġija riveduta għandha tkun ibbażata fuq il-mertu u riversibbli, f’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 u l-24 ta’ Ġunju 2022. Il-possibbiltajiet offruti minn din l-integrazzjoni gradwali għandhom jiġu sfruttati u l-objettiv finali jibqa’ s-sħubija fl-UE. |
|
3.4.5. |
Għal dan l-għan, ħafna mill-pajjiżi kandidati diġà huma assoċjati ma’ programmi rilevanti tas-suq intern tal-UE, li jagħtuhom opportunitajiet simili għal dawk tal-Istati Membri tal-UE. |
|
3.4.6. |
Il-KESE jemmen li tkabbir b’suċċess se jirrikjedi wkoll li l-UE u l-pajjiżi kandidati jikkomunikaw b’mod effettiv il-proċess ta’ adeżjoni lill-popolazzjonijiet tagħhom u jinvolvu ruħhom f’dibattiti kostruttivi maċ-ċittadini tagħhom dwar l-importanza strateġika u l-benefiċċji tal-adeżjoni. |
|
3.4.7. |
Il-pajjiżi kandidati diġà jipparteċipaw – spiss bħala osservaturi – fil-ħidma preparatorja dwar il-leġiżlazzjoni u l-politiki tal-UE. Il-KESE huwa kburi li jieħu rwol attiv f’din il-metodoloġija l-ġdida. Il-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħidma ta’ ċerti aġenziji deċentralizzati tal-UE hija maħsuba biex tintegra l-istandards tal-UE fis-sistemi tagħhom fi stadju bikri. |
|
3.4.8. |
Il-KESE jemmen ukoll li s-Serbja u l-Kosovo (3) għandhom jinnormalizzaw ir-relazzjonijiet tagħhom bħala prekundizzjoni għall-adeżjoni. |
4. Kummenti speċifiċi
4.1. Approċċ varjat/gradwali
|
4.1.1. |
L-għodod u l-qafas li diġà jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-pajjiżi tat-tkabbir (bħall-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni mal-Balkani tal-Punent u l-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni/Żoni ta’ Kummerċ Ħieles Approfonditi u Komprensivi (DCFTAs) mal-Ukrajna, il-Moldova u l-Georgia) diġà joffru opportunitajiet kbar biex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel lejn is-sħubija tal-UE, inkluża l-integrazzjoni gradwali f’oqsma speċifiċi tas-Suq Uniku. |
|
4.1.2. |
L-aċċess bikri u gradwali għas-suq uniku se jippermetti wkoll lill-operaturi ekonomiċi fil-pajjiżi kandidati jintegraw aktar fil-ktajjen tal-valur Ewropej. Għal dan l-għan, jistgħu jiġu stabbiliti sħubijiet strateġiċi fl-ekosistemi industrijali ta’ interess reċiproku (eż. il-materja prima, il-batteriji, it-turiżmu, l-ekonomija ċirkolari, il-makkinarju). |
|
4.1.3. |
L-inkorporazzjoni tal-acquis tas-suq uniku tinsab fil-qalba ta’ kwalunkwe adeżjoni mal-UE. Il-KESE jemmen li dan iqajjem il-kwistjoni ta’ kif għandu jiġi żviluppat aktar l-aċċess gradwali għas-suq uniku qabel l-adeżjoni, kemm f’termini tad-determinazzjoni taż-żoni fil-mira kif ukoll tal-kundizzjonijiet għalih. |
|
4.1.4. |
Biex dan l-approċċ jitħaddem b’mod effettiv, il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent għandhom jaqblu dwar l-estensjoni awtomatika tar-regoli tal-UE f’qasam speċifiku fis-Suq Reġjonali Komuni ladarba pajjiż partikolari jikseb u jikkonferma l-allinjament tal-UE. Dan il-pass strateġiku jelimina l-ħtieġa ta’ proċedura intermedjarja addizzjonali għall-istess regoli fir-reġjun, u b’hekk mhux biss jikkostitwixxi approċċ proattiv li jnaqqas is-sensji, iżda jiggarantixxi wkoll implimentazzjoni b’aktar suċċess kemm tas-Suq Reġjonali Komuni kif ukoll tal-proċessi tas-suq uniku tal-UE. |
|
4.1.5. |
Il-KESE jemmen li l-istituzzjonijiet tal-UE se jkollhom jiddeċiedu jekk l-għoti gradwali ta’ aċċess għal integrazzjoni msaħħa tas-suq intern toħloqx drittijiet u obbligi direttament infurzabbli fl-ordni legali tal-Unjoni u tal-pajjiżi kandidati. |
|
4.1.6. |
Il-KESE mhuwiex ċert dwar liema salvagwardji se jkunu meħtieġa (f’termini ta’ interpretazzjoni, applikazzjoni u infurzar uniformi tal-acquis tal-UE), u liema possibbiltajiet se jkollha l-Unjoni biex tirreaġixxi f’każ li pajjiż kandidat ma jikkonformax mal-obbligi tiegħu. Din hija żona griża li għandha tiġi skrutinizzata bir-reqqa. Hija tikkonċerna ċ-ċertezza legali u l-fiduċja għan-negozji. |
|
4.1.7. |
Il-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni huma kkomplementati minn inizjattivi addizzjonali.
|
|
4.1.8. |
Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-aċċess bikri u gradwali għas-suq uniku se jippermetti wkoll lill-operaturi ekonomiċi, lill-imsieħba soċjali u lis-soċjetà ċivili fil-pajjiżi kandidati jintegraw aktar fil-ktajjen tal-valur Ewropej. Madankollu, sabiex isiru aktar effiċjenti, għandhom jiġu stabbiliti sħubijiet strateġiċi fl-ekosistemi industrijali ta’ interess reċiproku. |
4.2. Il-ħtieġa li jitfasslu mill-ġdid l-istrumenti ta’ assistenza esterna u teknika kurrenti
|
4.2.1. |
Il-KESE jemmen li l-kundizzjonalità ex ante timplika approċċ ġdid ta’ tkabbir li jirrikjedi strument ta’ disinn ġdid li huwa differenti mill-istrumenti ta’ assistenza esterna u teknika disponibbli bħalissa. Din il-metodoloġija mhijiex fattibbli skont l-Istrument eżistenti għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA III). |
|
4.2.2. |
L-istrument il-ġdid ta’ assistenza esterna u teknika għandu jsaħħaħ l-assistenza finanzjarja kurrenti taħt l-IPA III bi programmi ta’ kooperazzjoni Interreg fl-ambitu tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE, u għandu jinvolvi lill-Balkani tal-Punent. Il-KESE jenfasizza l-importanza li l-appoġġ għall-pajjiżi kandidati jiġi allinjat gradwalment mal-istrumenti finanzjarji tal-Istati Membri għal tranżizzjoni bla xkiel għas-sħubija. |
|
4.2.3. |
Il-Faċilità l-ġdida għar-Riforma u t-Tkabbir għall-Balkani tal-Punent hija maħsuba biex tappoġġja l-implimentazzjoni tal-pjan il-ġdid ta’ tkabbir u l-erba’ pilastri tiegħu permezz ta’ żieda sinifikanti fl-assistenza finanzjarja. Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-pagamenti se jkunu soġġetti għal kundizzjonijiet stretti f’termini ta’ riformi ewlenin, kif stabbilit fl-aġenda ta’ riforma. |
|
4.2.4. |
Il-Faċilità proposta se tkopri l-perjodu 2024-2027. Din tipprovdi appoġġ finanzjarju fil-forma ta’ self (sa EUR 4 biljun) u appoġġ mhux ripagabbli (sa EUR 2 biljun), u permezz ta’ ħlasijiet diretti lill-baġits nazzjonali, jew bħala finanzjament ta’ investiment kapitali permezz tal-Qafas ta’ Investiment għall-Balkani tal-Punent. |
|
4.2.5. |
L-impatt finanzjarju tal-Faċilità, flimkien mal-fondi li għadhom disponibbli fl-ambitu tal-IPA III għall-bqija tal-QFP 2021-2027, se jipprovdi lill-Balkani tal-Punent bejn wieħed u ieħor l-istess intensità ta’ għajnuna għal kull abitant daqs il-politika ta’ koeżjoni bħala medja fl-UE. |
|
4.2.6. |
Dan it-tisħiħ tal-baġit mingħajr preċedent għandu jirrispondi għal sejħiet mir-reġjun għal konverġenza soċjoekonomika aktar b’saħħitha, u jsaħħaħ il-messaġġ li l-benefiċċji ta’ integrazzjoni aktar mill-qrib mal-UE jistgħu jinħassu qabel l-adeżjoni. |
Brussell, l-4 ta’ Diċembru 2024
Il-President
tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Oliver RÖPKE
(1) Inwittu t-triq għall-adeżjoni mal-UE tal-Balkani tal-Punent.
(2) Pjan ġdid ta’ tkabbir u Faċilità għar-Riforma u t-Tkabbir għall-Balkani tal-Punent.
(3) Il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (QIĠ) iddeċidiet li d-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo, ipproklamata unilateralment fis-17 ta’ Frar 2008, “ma kisritx id-dritt internazzjonali”.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/761/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)