31998D0243



Official Journal L 099 , 31/03/1998 P. 0001 - 0001


Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

tad-19 ta' marzu 1998

dwar it-tqassim ta' l-ispejjeż għall-preparazzjoni ta' kampjuni ta' film għall-format uniformi għall-permessi tar-residenza

(98/243/JHA)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu K.8(2), it-tieni paragrafu, it-tieni inċiż tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Azzjoni Konġunta tas-16 ta' Diċembru 1996 adottata mill-Kunsill fuq il-bażi ta' l-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li jirrigwarda format uniformi għall-permessi tar-residenza [1], u b'mod partikolari l-Artikolu 2(1) tiegħu,

Billi l-adozzjoni mill-Kunsill ta' l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fl-Artikolu 2(1) ta' dik l-Azzjoni Konġunta tinvolvi l-ħolqien ta' kampjuni tal-film għall-format uniformi għall-permessi ta' residenza;

Billi r-Renju ta' l-Olanda ddikjara r-rieda tiegħu sabiex jipprepara kampjuni tal-film f'isem l-Istati Membri;

Billi n-nefqa għall-preparazzjoni tal-kampjuni tal-film li saret mir-Renju ta' l-Olanda għandha tkun mqassma bejn l-Istati Membri,

IDDEĊIEDA DAN LI ĠEJ:

Artikolu 1

Ir-Renju ta' l-Olanda huwa b'dan awtorizzat li jipprepara kampjuni tal-film għal format uniformi tal-permessi ta' residenza f'isem l-Istati Membri.

Artikolu 2

In-nefqa totali ta' l-preparazzjoni tal-kampjuni tal-film għal format uniformi tal-permessi ta' residenza, li tammonta għal ECU 124667, għandha tkun finanzjata mill-kontribuzzjonijiet ta' l-Istati Membri. Il-kontribuzzjoni finanzjarja li għandha ssir minn kull Stat Membru individwali tiġi kkalkolata fuq il-bażi tal-proporzjoni tal-prodott nazzjonali gross tagħha għas-somma totali tal-prodotti nazzjonali gross ta' l-Istati Membri li sservi bħala bażi għall-finanzjament tal-budget ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej għall-1997 [2]. "Il-prodott nazzjonali gross" fit-tifsira ta' dan l-Artikolu għandha tkun kif infissra fid-Direttiva tal-Kunsill 89/130/KEE, Euratom tat-13 ta' Frar 1989 dwar l-armonizzazzjoni tal-kompilazzjoni tal-prodott nazzjonali gross bi prezzijiet tas-suq [3].

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni tibda sseħħ fil-ġurnata tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali.

Magħmula fi Brussel, fid-19 ta' Marzu 1998.

Għall-Kunsill —

Il-President

J. Straw

[1] ĠU L 7, ta' l-10.1.1997, p. 1.

[2] ĠU L 44, ta' l-14.2.1997, p. 127.

[3] ĠU L 49, tal-21.2.1989, p. 26.

--------------------------------------------------