European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/25

10.1.2025

DIRETTIVA (UE) 2025/25 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-19 ta’ Diċembru 2024

li temenda d-Direttivi 2009/102/KE u (UE) 2017/1132 fir-rigward ta’ aktar espansjoni u titjib tal-użu ta’ għodod u proċessi diġitali fil-liġi tal-kumpaniji

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 50(1) u (2) u l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Id-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) tistabbilixxi fost l-oħrajn, regoli dwar id-divulgazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-kumpaniji f’reġistru kummerċjali fl-Istati Membri biex tiżdied iċ-ċertezza legali fis-suq intern, u dwar sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri. Dik is-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri ilha operazzjonali minn Ġunju 2017 u bħalissa toħloq konnessjoni bejn ir-reġistri kollha tal-Istati Membri. Bi tweġiba għall-iżviluppi diġitali, id-Direttiva (UE) 2017/1132 ġiet emendata bid-Direttiva (UE) 2019/1151 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) biex tipprovdi regoli għall-formazzjoni kompletament online ta’ kumpaniji b’responsabbiltà limitata, ir-reġistrazzjoni kompletament online ta’ fergħat transfruntieri u l-preżentazzjoni kompletament online ta’ dokumenti u informazzjoni ma’ reġistri kummerċjali.

(2)

F’dinja dejjem aktar diġitalizzata, l-għodod diġitali huma essenzjali biex tiġi żgurata l-kontinwità tal-operazzjonijiet tan-negozju u l-interazzjonijiet tal-kumpaniji mar-reġistri u mal-awtoritajiet. Sabiex jiżdiedu l-fiduċja u t-trasparenza fl-ambjent tan-negozju u jiġu ffaċilitati l-operat u l-attivitajiet tal-kumpaniji fis-suq intern, b’mod partikolari fir-rigward tal-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (“SMEs”), kif definit fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE (5), huwa kruċjali li l-kumpaniji, l-awtoritajiet u partijiet ikkonċernati oħrajn ikollhom aċċess għal informazzjoni affidabbli dwar il-kumpaniji li tista’ tintuża mingħajr formalitajiet kumplikati f’kuntest transfruntier.

(3)

Din id-Direttiva twieġeb għall-objettivi tad-diġitalizzazzjoni stabbiliti fil-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Diċembru 2020 bit-titolu “Id-diġitalizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Unjoni Ewropea: Strumentarju ta’ opportunitajiet” u tad-9 ta’ Marzu 2021 bit-titolu “Il-Kumpass Diġitali tal-2030: l-approċċ Ewropew għad-Deċennju Diġitali”, u għall-ħtieġa li tiġi ffaċilitata l-espansjoni transfruntiera tal-SMEs enfasizzata fil-Komunikazzjonijiet tal-10 ta’ Marzu 2020 bit-titolu “Strateġija għall-SMEs għal Ewropa sostenibbli u diġitali” u tal-5 ta’ Mejju 2021 bit-titolu “Aġġornament tal-Istrateġija Industrijali l-Ġdida tal-2020: Nibnu Suq Uniku aktar b’saħħtu għall-irkupru tal-Ewropa”.

(4)

L-aċċess għal informazzjoni affidabbli dwar il-kumpanji mir-reġistri u l-użu tagħha għadhom imfixkla minn ostakli f’sitwazzjonijiet transfruntieri. L-ewwel nett, l-informazzjoni dwar il-kumpaniji li l-utenti, inkluż il-kumpaniji u l-awtoritajiet, qegħdin ifittxu għadha mhijiex disponibbli biżżejjed fir-reġistri nazzjonali jew fuq livell transfruntier permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri. It-tieni, l-użu ta’ din l-informazzjoni dwar il-kumpaniji f’sitwazzjonijiet transfruntieri, inkluż fi proċeduri amministrattivi quddiem l-awtoritajiet nazzjonali jew l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni, fi proċedimenti ġudizzjarji jew fl-istabbiliment ta’ sussidjarji jew fergħat transfruntieri, għadu mfixkel minn proċeduri u rekwiżiti li jieħdu ħafna ħin u li jiswew ħafna flus, inkluż il-ħtieġa ta’ postilla jew traduzzjoni tad-dokumenti tal-kumpaniji.

(5)

Il-partijiet ikkonċernati kollha, inkluż il-kumpaniji, l-awtoritajiet u l-pubbliku inġenerali, jeħtieġ li jkunu jistgħu jibbażaw fuq informazzjoni dwar il-kumpaniji għall-finijiet tan-negozju jew fi proċeduri amministrattivi jew proċedimenti ġudizzjarji. Għalhekk, huwa meħtieġ li d-data tal-kumpaniji li tiddaħħal f’reġistri li tkun aċċessibbli permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri tkun preċiża, aġġornata u affidabbli.

(6)

L-introduzzjoni, permezz tad-Direttiva (UE) 2019/1151, ta’ standards għall-kontrolli tal-identità u tal-kapaċità ġuridika ta’ persuni li jiffurmaw kumpanija, jirreġistraw fergħa jew idaħħlu dokumenti jew informazzjoni online kienet l-ewwel pass importanti. Issa huwa essenzjali li jittieħdu aktar passi biex tittejjeb l-affidabbiltà u l-kredibbiltà tal-informazzjoni dwar il-kumpaniji fir-reġistri sabiex jiġi ffaċilitat l-użu tagħha fi proċeduri amministrattivi transfruntieri u fi proċedimenti ġudizzjarji.

(7)

Filwaqt li l-Istati Membri kollha jwettqu, sa ċertu punt, skrutinju ex ante tad-dokumenti u l-informazzjoni dwar il-kumpaniji qabel ma jiddaħħlu fir-reġistri, hemm approċċi differenti fl-Istati Membri fir-rigward tal-intensità tal-verifiki, il-proċeduri applikabbli u l-persuni jew il-korpi responsabbli għall-verifika ta’ tali dokumenti u informazzjoni. Dan jirriżulta f’fiduċja insuffiċjenti fid-dokumenti jew informazzjoni dwar il-kumpaniji f’kuntest transfruntiera u f’sitwazzjonijiet fejn id-dokumenti jew l-informazzjoni dwar il-kumpaniji minn reġistru fi Stat Membru wieħed xi drabi ma jiġux aċċettati bħala evidenza fi Stat Membru ieħor.

(8)

Għalhekk, huwa importanti li jiġi żgurat li ċerti verifiki jitwettqu fl-Istati Membri kollha sabiex jiġi ggarantit livell għoli ta’ akkuratezza u affidabbiltà tad-dokumenti u tal-informazzjoni, filwaqt li fl-istess ħin jiġu rrispettati s-sistemi legali u t-tradizzjonijiet legali tal-Istati Membri. Huwa meħtieġ ukoll li tali verifiki jkunu obbligatorji, mhux biss għall-formazzjoni kompletament online tal-kumpaniji, iżda anke għal kwalunkwe forma oħra ta’ formazzjoni tal-kumpaniji. Bl-istess mod, tali verifiki jenħtieġ li jitwettqu wkoll fl-Istati Membri li għadhom jippermettu l-użu ta’ metodi oħra ta’ arkivjar minbarra l-preżentazzjoni online, sabiex l-informazzjoni kollha mdaħħla fir-reġistru tiġi soġġetta għall-istess livell ta’ kontrolli. Jenħtieġ li tali verifiki u rekwiżiti oħra jiġu adattati għall-karatteristiċi speċifiċi tal-forom l-oħra ta’ formazzjoni tal-kumpaniji. Pereżempju, il-mudelli online jintużaw biss mill-applikanti bħala parti mill-proċedura għall-formazzjoni tal-kumpaniji kompletament online.

(9)

Jenħtieġ li fl-Istati Membri kollha jiġi pprovdut kontroll preventiv ġudizzjarju jew notarili jew kwalunkwe kombinazzjoni tagħhom, li jirrispetta s-sistemi legali u t-tradizzjonijiet legali tal-Istati Membri, inkluż ir-reġistri kummerċjali li huma awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji, sabiex tiġi żgurata l-affidabbiltà tad-dokumenti u l-informazzjoni dwar il-kumpaniji f’sitwazzjonijiet transfruntieri. Jenħtieġ li titwettaq verifika tal-legalità tal-istrument ta’ kostituzzjoni ta’ kumpanija, tal-istatuti tagħha jekk ikunu jinsabu fi strument separat, u ta’ kwalunkwe emenda ta’ dawn id-dokumenti, minħabba li dawk huma l-aktar dokumenti importanti li jikkonċernaw kumpanija. Tali verifika preventiva obbligatorja fl-Istati Membri kollha tkun konsistenti wkoll ma’ politiki oħra tal-Unjoni u tista’, b’mod partikolari, tikkontribwixxi biex jiġi żgurat li l-proċeduri tal-liġi tal-kumpaniji ma jkunux jistgħu jintużaw biex tiġi evitata liġi oħra tal-Unjoni u tal-Istati Membri li għandha l-għan li tipproteġi l-interess pubbliku. Jenħtieġ li dak il-kontroll preventiv ikun mingħajr preġudizzju għal-liġijiet nazzjonali li, filwaqt li jirrispettaw is-sistemi legali u t-tradizzjonijiet legali tal-Istati Membri, jirrikjedu li tali dokumenti jitfasslu u jiġu ċċertifikati fil-forma ġuridika dovuta. Kontroll preventiv tal-kontijiet annwali tal-kumpaniji mhuwiex meħtieġ skont din id-Direttiva.

(10)

Il-legalità tat-tranżazzjonijiet tal-liġi tal-kumpaniji, il-protezzjoni tal-affidabbiltà ta’ reġistri pubbliċi u l-prevenzjoni ta’ attivitajiet illegali jeħtieġu l-identifikazzjoni korretta u sigura tal-fundaturi u d-diretturi tal-kumpaniji, b’mod partikolari, kif ukoll il-verifika tal-kapaċità legali tagħhom. Għalhekk, għall-proċeduri fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew jipprevedu kontrolli elettroniċi pubbliċi komplementari tal-identità, il-kapaċità legali u l-legalità. Dawk il-kontrolli elettroniċi pubbliċi komplementari jistgħu jinkludu kontrolli tal-identità awdjoviżivi mill-bogħod pubbliċi, inkluż verifiki elettroniċi ta’ ritratti tal-identità. Fl-istess ħin, informazzjoni affidabbli u aġġornata dwar il-kumpaniji fir-reġistri tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. B’mod partikolari, aċċess imtejjeb għal informazzjoni aktar affidabbli dwar il-kumpaniji fil-livell tal-Unjoni, inkluż iċ-Ċertifikat tal-Kumpaniji tal-UE, jiffaċilita l-identifikazzjoni affidabbli tal-klijent f’konformità mal-prinċipju “kun af lill-klijent tiegħek” skont ir-regoli dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Barra minn hekk, il-konnessjoni fil-livell tal-Unjoni tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri (Sistema ta’ Interkonnessjoni tar-Reġistri Kummerċjali - BRIS), tas-Sistema ta’ Interkonnessjoni tar-Reġistri tas-Sjieda Benefiċjarja (BORIS) u tas-Sistema ta’ Interkonnessjoni tar-Reġistri tal-Insolvenza (IRI), li għandhom informazzjoni importanti dwar il-kumpaniji, tiffaċilita l-aċċess għal dik l-informazzjoni u tippermetti t-twettiq ta’ kontroverifiki dwarha filwaqt li tirrispetta r-reġim ta’ aċċess għall-informazzjoni f’kull sistema ta’ interkonnessjoni.

(11)

Sabiex jitnaqqsu ulterjorment il-kostijiet u jitnaqqas il-piż amministrattiv relatati mal-formazzjoni tal-kumpaniji, inkluż it-tul tal-proċeduri, u biex tiġi ffaċilitata l-espansjoni tal-kumpaniji fis-suq intern, b’mod partikolari l-SMEs, jenħtieġ li l-użu tal-prinċipju ta’ “darba biss” jiġi estiż aktar fil-qasam tal-liġi tal-kumpaniji. Dan il-prinċipju diġà huwa rikonoxxut sew fl-Unjoni, inkluż fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Marzu 2021 intitolata “Il-Kumpass Diġitali tal-2030: l-approċċ Ewropew għad-Deċennju Diġitali”, bħala mezz li jippermetti lill-amministrazzjonijiet pubbliċi jiskambjaw data u evidenza bejn il-fruntieri, u huwa applikat f’oqsma differenti, bħal pereżempju s-sistema teknika għall-iskambju awtomatizzat ta’ evidenza bejn l-awtoritajiet kompetenti fi Stati Membri differenti skont ir-Regolament (UE) 2018/1724 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

(12)

L-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ “darba biss” tinvolvi li l-kumpaniji ma jintalbux jissottomettu l-istess informazzjoni lill-awtoritajiet pubbliċi aktar minn darba. Pereżempju, meta jistabbilixxu kumpanija sussidjarja fi Stat Membru ieħor, il-kumpaniji jenħtieġ li ma jkollhomx għalfejn jerġgħu jissottomettu d-dokumenti jew l-informazzjoni dwar il-kumpannija relatata mal-eżistenza u r-reġistrazzjoni tal-kumpanija fundatriċi diġà sottomessa lir-reġistru fejn il-kumpanija fundatriċi tkun irreġistrata. L-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ “darba biss” tfisser li jenħtieġ li l-informazzjoni dwar il-kumpanija fundatriċi tiġi skambjata b’mod elettroniku, bejn ir-reġistru fejn il-kumpanija hija rreġistrata u r-reġistru fejn ser tiġi rreġistrata sussidjarja, bl-użu tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri. Alternattivament, l-informazzjoni dwar il-kumpanija fundatriċi tista’ tiġi aċċessata direttament mis-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri permezz tal-portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika (“il-portal”), jew fir-reġistru nazzjonali tal-kumpanija fundatriċi. Meta dokumenti u informazzjoni dwar il-kumpanija fundatriċi jiġu skambjati permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri b’mezzi diġitali, jew aċċessati direttament minnha, jenħtieġ li dawn ma jiġux miċħuda effett legali jew jiġu rrifjutati għar-raġuni li jkunu f’forma elettronika.

(13)

L-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ “darba biss” tfisser ukoll li l-kumpanija fundatriċi ma tenħtieġx terġa’ tissottometti d-dokumenti jew l-informazzjoni dwar il-kumpanija lil kwalunkwe awtorità, korp jew persuna. Jenħtieġ li awtorità, korp jew persuna l-ewwel jaċċessaw direttament l-informazzjoni li hija disponibbli għall-pubbliku permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri permezz tal-portal. F’każijiet fejn ir-reġistru jenħtieġ li jipprovdi tali informazzjoni lil kwalunkwe awtorità, korp jew persuna, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu liberi li jiddeċiedu dwar il-mezzi biex jagħmlu dan, pereżempju permezz ta’ punti ta’ aċċess fakultattivi nazzjonali għas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri, u jekk jitolbux tariffi għal tali informazzjoni.

(14)

Sabiex jiżdiedu t-trasparenza u l-fiduċja fir-rigward tal-kumpaniji fis-suq intern, biex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u biex jiġu protetti partijiet terzi fin-negozjar ma’ kumpaniji f’kuntest transfruntier, biex isir kontribut għall-ġlieda kontra l-frodi u l-abbuż, u biex jiġu ffaċilitati l-operat u l-attivitajiet transfruntieri tal-kumpaniji, huwa essenzjali li madwar l-Unjoni ssir disponibbli aktar informazzjoni dwar il-kumpaniji u li jiġi żgurat li din tkun komparabbli u tkun aċċessibbli aktar faċilment. Dan jenħtieġ li jsir billi jibni fuq l-informazzjoni dwar il-kumpanija li diġà teżisti fir-reġistri nazzjonali u billi ssir disponibbli fil-livell tal-Unjoni permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri, kif ukoll billi jiġi pprovdut aċċess għal aktar informazzjoni kemm fir-reġistri nazzjonali kif ukoll permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri.

(15)

Sabiex jiġu protetti l-interessi ta’ partijiet terzi u sabiex tissaħħaħ il-fiduċja fit-tranżazzjonijiet kummerċjali ma’ tipi differenti ta’ kumpaniji fis-suq intern, huwa importanti li tissaħħaħ it-trasparenza u li jiġi pprovdut aċċess transfruntier aktar faċli għal informazzjoni dwar l-hekk imsejħa “soċjetajiet kummerċjali”, li għal fini ta’ din id-Direttiva jenħtieġ li jkunu mifhuma li huma tipi ta’ soċjetajiet elenkati fl-Anness IIB. Dawk is-soċjetajiet għandhom rwol importanti fl-ekonomija tal-Istati Membri u huma rreġistrati fir-reġistri kummerċjali nazzjonali kollha, iżda hemm differenzi bejn it-tipi ta’ soċjetajiet u t-tipi ta’ informazzjoni disponibbli dwarhom madwar l-Unjoni, li jirriżultaw f’diffikultajiet fl-aċċess transfruntier għal dik l-informazzjoni. Sabiex dan jiġi indirizzat, jenħtieġ li l-istess informazzjoni bażika dwar dawk is-soċjetajiet tiġi ddivulgata fl-Istati Membri kollha. Jenħtieġ li r-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni għal dawk is-soċjetajiet jirriflettu r-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni eżistenti għal kumpaniji b’responsabbiltà limitata iżda jridu jiġu adattati għall-karatteristiċi speċifiċi tas-soċjetajiet. Pereżempju, jenħtieġ li r-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni jkopru wkoll informazzjoni dwar soċji awtorizzati biex jirrappreżentaw is-soċjetà, b’mod partikolari soċji solidali li għandhom responsabbiltà illimitata. Bħal fil-każ ta’ kumpaniji b’responsabbiltà limitata, jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew jirrikjedu li s-soċjetajiet jiddivulgaw dokumenti jew informazzjoni lil hinn minn dak li huwa meħtieġ minn din id-Direttiva. Meta dawn id-dokumenti jew informazzjoni addizzjonali jkun fihom data personali, jenħtieġ li l-Istati Membri huwa obbligati jipproċessaw din id-data personali f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

(16)

Jenħtieġ li l-informazzjoni dwar “soċjetajiet kummerċjali” tkun aċċessibbli wkoll fil-livell tal-Unjoni permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri bl-istess mod bħall-informazzjoni dwar kumpaniji b’responsabbiltà limitata, b’ċerta informazzjoni li għandha tkun magħmula disponibbli mingħajr ħlas, u jenħtieġ li soċjetajiet kummerċjali jiġu identifikati b’mod inekwivoku permezz tal-identifikatur uniku Ewropew (“EUID”).

(17)

L-għadd ta’ impjegati ta’ kumpanija huwa informazzjoni importanti għal partijiet terzi. Pereżempju, huwa wieħed mill-elementi li jiddeterminaw il-kategorija tad-daqs ta’ kumpanija. Il-kumpaniji jeħtieġ li jinkludu l-għadd medju ta’ impjegati matul is-sena finanzjarja fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji tagħhom skont id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8). Peress li fil-futur ser ikun possibbli li tali data tiġi estratta mid-dikjarazzjonijiet finanzjarji, l-Istati Membri ser jkunu jistgħu jużaw dik l-informazzjoni diġà eżistenti u jagħmluha disponibbli għall-pubbliku mingħajr ħlas permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri. Meta tali informazzjoni ssir disponibbli għall-pubbliku permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri, jenħtieġ li jiġi indikat b’mod ċar fuq il-portal li l-informazzjoni hija dwar għadd annwali medju li jinkludi referenza għas-sena finanzjarja speċifika.

(18)

L-azzjonisti, l-investituri potenzjali, il-kredituri, l-awtoritajiet, l-impjegati u l-assoċjazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom interess leġittimu li jkollhom aċċess għall-informazzjoni relatata mal-istruttura tal-grupp li għalih tappartjeni kumpanija. L-informazzjoni dwar il-gruppi ta’ kumpaniji hija importanti biex tiġi promossa t-trasparenza u biex tissaħħaħ il-fiduċja fl-ambjent tan-negozju kif ukoll biex tikkontribwixxi għall-identifikazzjoni effettiva ta’ skemi frawdolenti jew abbużivi li jistgħu jaffettwaw id-dħul pubbliku u l-kredibbiltà tas-suq intern. Għalhekk, jenħtieġ li l-informazzjoni dwar l-istrutturi tal-gruppi tkun disponibbli għall-pubbliku permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri kemm għall-gruppi ta’ kumpaniji domestiċi kif ukoll transfruntieri.

(19)

Għalkemm informazzjoni dwar il-gruppi ta’ kumpaniji li jeħtieġ li jħejju dikjarazzjonijiet finanzjarji konsolidati skont id-Direttiva 2013/34/UE hija inkluża f’dawk id-dikjarazzjonijiet, hemm bżonn li tiġi ffaċilitata l-aċċessibbiltà pubblika ta’ tali informazzjoni. Id-dikjarazzjonijiet finanzjarji spiss ikunu disponibbli biss bi ħlas, u l-partijiet ikkonċernati jeħtieġ li jkunu jafu dwar l-eżistenza ta’ grupp ta’ kumpaniji, u dwar kif isibu dik l-informazzjoni fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji konsolidati u kif jinterpretawha. Informazzjoni disponibbli pubblikament dwar il-gruppi ta’ kumpaniji permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri tiggarantixxi trasparenza mtejba u aċċess faċli għal dik l-informazzjoni. Id-disponibbiltà ta’ dik l-informazzjoni permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri tagħmilha possibbli wkoll li kumpanija tiġi konnessa awtomatikament ma’ kumpaniji oħra li huma parti mill-istess grupp ta’ kumpaniji, bis-saħħa tal-EUID tagħhom, u li jiġi pprovdut aċċess għal aktar informazzjoni dwar kull kumpanija fi ħdan grupp ta’ kumpaniji.

(20)

Din id-Direttiva tħalli f’idejn l-Istati Membri biex jiddeċiedu kif jiġbru l-informazzjoni meħtieġa dwar gruppi ta’ kumpaniji u dwar l-għadd medju ta’ impjegati ta’ kumpanija. Sabiex jiġi evitat li jiġu imposti rekwiżiti ġodda dwar il-kumpaniji, ir-reġistri jistgħu jieħdu tali data direttament mill-informazzjoni li l-kumpaniji jinkludu fid-dikjarazzjonijjiet finanzjarji tagħhom ippreżentati fir-reġistru. Għalhekk, jenħtieġ li r-rekwiżit li tiġi ddivulgata informazzjoni dwar l-għadd medju ta’ impjegati jkun bil-kundizzjoni li dik l-informazzjoni tkun disponibbli f’format li jippermetti li tiġi estratta d-data. Barra minn hekk, minħabba r-rekwiżiti relatati ma’ data strutturata u formati li jinqraw minn magna u li jippermettu t-tiftix skont l-atti legali tal-Unjoni bħar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/815 (9), ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/138 (10), u d-Direttiva (UE) 2017/1132, jenħtieġ li r-reġistri jkunu jistgħu jieħdu wkoll informazzjoni dwar il-gruppi ta’ kumpaniji permezz ta’ mezzi awtomatizzati. Sabiex jiġi żgurat li r-rekwiżiti relatati mal-leġġibbiltà tal-magni jiġu implimentati bis-sħiħ fl-Istati Membri kollha u li r-reġistri jkollhom il-mezzi tekniċi biex jipproċessaw l-informazzjoni dwar il-kumpanija f’format li jinqara minn magna u u li jippermetti t-tiftix jew bħala data strutturata, huwa meħtieġ li jiġi previst perjodu itwal ta’ traspożizzjoni għad-dispożizzjonijiet li jirrikjedu informazzjoni dwar gruppi ta’ kumpaniji u informazzjoni dwar l-għadd medju ta’ impjegati ta’ kumpanija li għandha ssir disponibbli permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri.

(21)

Gruppi ta’ kumpaniji jista’ jkollhom struttura kumplessa. Għalhekk, rappreżentazzjoni viżwali tal-istruttura tal-grupp ibbażata fuq il-katina ta’ kontroll, magħmula disponibbli permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri, tkun tipprovdi ħarsa ġenerali faċli għall-utent, aċċessibbli faċilment u komprensiva tal-grupp ta’ kumpaniji u tiffaċilita fehim aħjar tal-metodu tagħha ta’ tħaddim tal-grupp. It-tħejjija ta’ rappreżentazzjoni viżwali bħal din tkun teħtieġ informazzjoni dwar il-pożizzjoni ta’ kull sussidjarja fl-istruttura tal-grupp, li konsegwentement tkun teħtieġ informazzjoni aktar dettaljata dwar l-organizzazzjoni tal-grupp ta’ kumpaniji. Għalkemm skont din id-Direttiva tali rappreżentazzjoni viżwali tal-istrutturi ta’ gruppi mhijiex meħtieġa, l-Istati Membri huma, madankollu, imħeġġa jipprevedu tali rappreżentazzjonijiet viżwali u jagħmluhom disponibbli għall-pubbliku. Għalhekk, jenħtieġ li l-ħtieġa għal rappreżentazzjonijiet viżwali tal-istrutturi tal-gruppi tiġi vvalutata aktar, f’konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, bħala parti mill-evalwazzjoni futura ta’ din id-Direttiva.

(22)

Minbarra l-istandards komuni għall-verifika tal-informazzjoni dwar il-kumpaniji qabel ma tiddaħħal fir-reġistru, huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-informazzjoni fir-reġistru tinżamm aġġornata. Ir-rakkomandazzjoni dwar it-Task Force ta’ Azzjoni finanzjarja 24 “Trasparenza u sjieda benefiċjarja ta’ persuni ġuridiċi”, kif riveduta f’Marzu 2022, tipprevedi li jenħtieġ li l-informazzjoni dwar il-kumpaniji fir-reġistri kummerċjali tinżamm preċiża u aġġornata. Huwa wkoll fl-interess tal-kumpaniji li jiżguraw li l-informazzjoni tagħhom tiġi aġġornata fir-reġistru, minħabba li din l-informazzjoni, inkluż iċ-Ċertifikat tal-Kumpaniji tal-UE, jistgħu jiddependu fuqha partijiet terzi. Għalhekk, jenħtieġ li l-kumpaniji jkunu meħtieġa jiddivulgaw il-bidliet fid-dokumenti u fl-informazzjoni dwar il-kumpanija tagħhom mingħajr dewmien żejjed u jenħtieġ li r-reġistri jirreġistraw u jagħmlu dawn il-bidliet disponibbli pubblikament fil-ħin. Jenħtieġ li dawk ir-rekwiżiti għar-reġistri u l-kumpaniji ma jkoprux konverżjonijiet, fużjonijiet jew diviżjonijiet ta’ kumpaniji b’responsabbiltà limitata, li għalihom huma previsti regoli speċifiċi fid-Direttiva (UE) 2017/1132. Jenħtieġ li l-perjodu għar-reġistri biex jirreġistraw u jagħmlu bidliet għad-dokumenti u għall-informazzjoni disponibbli pubblikament jibda mid-data meta jitwettqu l-formalitajiet kollha li huma meħtieġa għall-preżentazzjoni, inkluż il-verifika tal-legalità li tikkonferma li d-dokumenti jikkonformaw mal-liġi nazzjonali. Jenħtieġ li tali formalitajiet jitwettqu mir-reġistru mingħajr dewmien żejjed u li l-kumpanija tiġi infurmata dwar id-durata mistennija tagħhom. Jenħtieġ li l-iskadenza għar-reġistri tkun tista’ tiġi estiża f’każijiet ta’ ċirkostanzi eċċezzjonali, li jistgħu jkunu dovuti, pereżempju, għall-għadd kbir ta’ dokumenti ppreżentati fir-reġistru, jew problemi tekniċi mhux previsti. Filwaqt li l-iskadenza għall-pubblikazzjoni tad-dokumenti kontabilistiċi hija regolata mid-Direttiva 2013/34/UE, jenħtieġ li r-reġistri jagħmluhom ukoll disponibbli għall-pubbliku mingħajr dewmien żejjed. Sabiex jiġi żgurat aktar li d-dokumenti u l-informazzjoni dwar il-kumpaniji jkunu preċiżi u aġġornati fl-Istati Membri kollha, jenħtieġ li jkun hemm fis-seħħ penali effettivi, proporzjonati u dissważivi biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ konformità mal-obbligi kollha ta’ divulgazzjoni skont din id-Direttiva, inkluż għall-preżentazzjoni tard.

(23)

Sabiex l-informazzjoni dwar il-kumpaniji tinżamm aġġornata fir-reġistri, huwa importanti wkoll li jiġu identifikati kumpaniji li ma għadhomx jissodisfaw ir-rekwiżiti biex ikomplu jiġu rreġistrati fir-reġistru kummerċjali. Filwaqt li jenħtieġ li l-Istati Membri ma jkunux obbligati jwettqu spezzjonijiet perjodiċi, jenħtieġ li jkollhom fis-seħħ proċeduri trasparenti biex jivverifikaw, f’każijiet speċifiċi fejn ikunu nqalgħu dubji, l-istatus ta’ tali kumpaniji. Filwaqt li l-kumpaniji jistgħu jissospendu temporanjament l-attivitajiet tagħhom għal raġunijiet validi, huwa importanti li l-istatus tagħhom fir-reġistru kummerċjali jiġi aġġornat kif xieraq. Pereżempju, l-indikaturi tal-ħtieġa li tiġi aġġornata l-informazzjoni tal-kumpanija fir-reġistru jistgħu jinkludu l-fatt li kumpanija ma għandhiex bord tad-diretturi li jiffunzjona kif meħtieġ mil-liġi nazzjonali, ma tkunx irreġistrat dokumenti ta’ kontabbiltà, jew nuqqas ta’ kwalunkwe attività ekonomika għal xi snin. B’mod simili, il-fatt li għadd kbir ta’ kumpaniji huma rreġistrati fl-istess indirizz jista’ jindika li xi wħud minn dawk il-kumpaniji setgħu ġew stabbiliti għal skopijiet abbużivi. Jenħtieġ li l-proċeduri ta’ verifika rilevanti fl-Istati Membri jippermettu lill-kumpaniji jispjegaw is-sitwazzjoni tagħhom u jipprovdu d-data meħtieġa, fi żmien skadenzi raġonevoli, u jenħtieġ li jiżguraw li l-istatus tal-kumpanija, pereżempju, jekk tkunx magħluqa, maqtugħa mir-reġistru, likwidata, xolta, tkun għaddejja minn proċedimenti ta’ insolvenza, tkun ekonomikament attiva jew inattiva kif definit mil-liġi nazzjonali u jekk din l-informazzjoni tkun irreġistrata f’reġistru nazzjonali, tkun aġġornata kif xieraq. Jenħtieġ li dawk il-proċeduri ta’ verifika jipprevedu wkoll, bħala l-aħħar alternattiva, li kumpanija titneħħa mir-reġistru f’konformità mal-proċeduri stabbiliti mil-liġi nazzjonali. Jenħtieġ li l-informazzjoni dwar dawk il-proċeduri ta’ verifika tkun disponibbli għall-pubbliku f’konformità mad-Direttiva (UE) 2017/1132.

(24)

Fis-suq intern, jenħtieġ li l-kumpaniji jkunu jistgħu jagħtu prova li l-kumpanija tagħhom hija legalment inkorporata fi Stat Membru permezz ta’ mezzi sempliċi u affidabbli, li huma rikonoxxuti f’kuntest transfruntier minn Stati Membri oħrajn. Għalhekk, jenħtieġ li jiġi stabbilit Ċertifikat tal-Kumpaniji tal-UE armonizzat. Il-kumpaniji jistgħu japplikaw għal dan iċ-Ċertifikat tal-Kumpaniji tal-UE, fir-reġistri kummerċjali nazzjonali jew permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri, biex jużawh għal skopijiet differenti, inkluż fi proċeduri amministrattivi quddiem l-awtoritajiet nazzjonali jew istituzzjonijiet jew korpi tal-Unjoni u fi proċedimenti ġudizzjarji fi Stati Membri oħrajn. Jenħtieġ li tali Ċertifikat tal-Kumpaniji tal-UE jinħareġ u jiġi ċċertifikat mir-reġistri kummerċjali nazzjonali, jenħtieġ li jkun disponibbli bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni u jenħtieġ li jinkludi informazzjoni essenzjali dwar il-kumpaniji użata minn kumpaniji f’sitwazzjonijiet transfruntieri, inkluż, pereżempju, l-isem tal-kumpanija, l-uffiċċju rreġistrat tagħha, ir-rappreżentanti legali jew l-iskop tal-kumpanija. Jenħtieġ li ċ-Ċertifikat tal-Kumpaniji tal-UE jkun mingħajr preġudizzju għall-estratti u ċ-ċertifikati nazzjonali. Jenħtieġ li ċ-Ċertifikat tal-Kumpaniji tal-UE elettroniku jiġi awtentikat billi jintużaw servizzi fiduċjarji kif imsemmi fir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11). Sabiex jiġu ffaċilitati l-attivitajiet transfruntieri tal-kumpaniji u jitnaqqsu kemm jista’ jkun il-kostijiet tagħhom, jenħtieġ li jiġi żgurat fl-Istati Membri kollha li kumpanija tista’ tikseb iċ-Ċertifikat tal-Kumpaniji tal-UE tagħha stess mingħajr ħlas. Fl-istess ħin, minħabba d-diversità tal-mudelli ta’ finanzjament tar-reġistri kummerċjali, inkluż reġistri li huma kompletament awtofinanzjati, huwa importanti li jiġi żgurat li kwalunkwe miżura li tirriżulta minn din id-Direttiva ma tikkawżax preġudizzju serju għall-finanzjament tar-reġistri. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew jitolbu tariffa biex jipprovdu Ċertifikati tal-Kumpaniji tal-UE jekk l-għoti tagħhom mingħajr ħlas jirriżulta f’impatt negattiv sinifikanti fuq id-dħul tar-reġistri kummerċjali tagħhom. Fi kwalunkwe każ, jenħtieġ li kull kumpanija tkun tista’ tikseb iċ-Ċertifikat tal-Kumpaniji tal-UE tagħha mingħajr ħlas mill-inqas darba fis-sena kalendarja. Jenħtieġ li partijiet terzi, inkluż awtoritajiet, li jeħtieġu informazzjoni affidabbli u essenzjali dwar il-kumpaniji, ikunu jistgħu japplikaw ukoll għaċ-Ċertifikat tal-Kumpaniji tal-UE ta’ kumpanija partikolari. Jenħtieġ li l-oriġini u l-awtentiċità ta’ Ċertifikat tal-Kumpaniji tal-UE f’format stampat ikunu jistgħu jiġu vverifikati elettronikament, pereżempju, permezz ta’ numru tal-protokoll li jikkorrispondi għad-dokument oriġinali fir-reġistru jew billi tiġi vverifikata l-firma diġitali tal-awtorità emittenti maħżuna fil-kodiċi ta’ rispons rapidu (kodiċi QR) li jidher f’dan id-dokument. Jenħtieġ li r-reġistri u l-awtoritajiet fi Stati Membri oħrajn jaċċettaw Ċertifikat tal-Kumpaniji tal-UE f’konformità ma’ din id-Direttiva.

(25)

Id-Direttiva (UE) 2017/1132 tinkludi miżuri biex jiġi żgurat mhux biss li l-informazzjoni dwar il-kumpaniji tiġi ddivulgata pubblikament, iżda wkoll li jistgħu jiddependu fuqha partijiet terzi. Barra minn hekk, id-Direttiva (UE) 2019/1151 introduċiet standards obbligatorji għall-kontrolli fir-rigward tal-formazzjoni kompletament online tal-kumpaniji u r-reġistrazzjoni kompletament online tal-fergħat. Din id-Direttiva tipprevedi sett komprensiv ta’ miżuri li ser jikkontribwixxu aktar biex jiġi żgurat li d-dokumenti u l-informazzjoni dwar il-kumpaniji fir-reġistri jkunu preċiżi u aġġornati. Id-dispożizzjonijiet f’din id-Direttiva biex jiġi ffaċilitat l-użu transfruntier tad-dokumenti u l-informazzjoni dwar il-kumpaniji jibnu fuq dawk l-istandards għall-kontrolli diġà eżistenti kif ukoll fuq is-sett komprensiv ta’ miżuri introdotti b’din id-Direttiva biex tiġi żgurata l-akkuratezza u l-affidabbiltà tal-informazzjoni dwar il-kumpanija.

(26)

Sabiex jiġu indirizzati l-frodi u l-abbuż, jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew jirrifjutaw li jaċċettaw bħala evidenza l-informazzjoni jew id-dokumenti tal-kumpanija mir-reġistru ta’ Stat Membru ieħor meta l-awtorità kompetenti jkollha bażi raġonevoli biex tissuspetta frodi jew abbuż fir-rigward tal-formazzjoni jew il-kontinwazzjoni tal-eżistenza ta’ dik il-kumpanija jew fir-rigward ta’ informazzjoni oħra dwar dik il-kumpanija. Madankollu, jenħtieġ li tali possibbiltà ma tiġix interpretata bħala li timplika prinċipju ġenerali ta’ rikonoxximent reċiproku fir-rigward tad-dokumenti u l-informazzjoni kollha maħżuna fir-reġistri kummerċjali nazzjonali. F’każijiet ta’ suspett ta’ frodi jew abbuż, jenħtieġ li l-awtorità kompetenti, bħala l-ewwel pass, tikkonsulta r-reġistru li pprovda l-informazzjoni jew id-dokumenti sabiex titlob l-opinjoni tiegħu. Jenħtieġ li l-informazzjoni jew id-dokumenti tal-kumpanija minn reġistru fi Stat Membru ieħor ma jiġux irrifjutati sistematikament, iżda biss b’mod eċċezzjonali, skont il-każ, meta dan ikun iġġustifikat minn raġunijiet ta’ interess pubbliku għall-prevenzjoni ta’ frodi jew l-abbuż. Jekk l-informazzjoni jew id-dokumenti pprovduti jiġu rrifjutati, jenħtieġ li l-awtorità kompetenti tinforma lir-reġistru li pprovda l-informazzjoni jew id-dokumenti, pereżempju permezz tal-punt ta’ kuntatt rilevanti kif previst f’din id-Direttiva. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li approċċi differenti bejn l-Istati Membri dwar kif għandhom jitwettqu kontroll preventiv, jew id-differenzi fis-sistemi legali u t-tradizzjonijiet legali tal-Istati Membri, ma jservux bħala bażi għal rifjut.

(27)

Sabiex jiġu ffaċilitati ulterjorment il-proċeduri transfruntieri għall-kumpaniji u jiġu ssimplifikati u mnaqqsa l-formalitajiet, bħall-postilla jew it-traduzzjoni, jenħtieġ li tiġi stabbilita prokura diġitali tal-UE. Jenħtieġ li l-prokura diġitali tal-UE tkun ibbażata fuq mudell Ewropew komuni multilingwi li l-kumpaniji jistgħu jagħżlu li jużaw sabiex jawtorizzaw persuna tirrappreżenta l-kumpanija fi proċeduri speċifiċi b’dimensjoni transfruntiera fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Jenħtieġ li dak il-mudell jinkludi tal-inqas il-kampijiet tad-data relatata mall-kamp ta’ applikazzjoni tar-rappreżentazzjoni, il-persuna awtorizzata biex tirrappreżenta l-kumpanija u t-tip ta’ rappreżentazzjoni. Il-prokura diġitali tal-UE titfassal f’konformità mar-rekwiżiti legali nazzjonali. Din jenħtieġ li tiġi aċċettata bħala evidenza tal-intitolament tal-persuna awtorizzata li tirrappreżenta l-kumpanija. Jenħtieġ li dan ikun mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali relatati mal-formazzjoni tal-kumpaniji u l-limitazzjonijiet dwar l-użu ta’ prokuri b’mod ġenerali. Jenħtieġ li l-prokura diġitali tal-UE tissodisfa r-rekwiżiti dwar l-attestazzjoni elettronika tal-attributi stabbiliti fir-Regolament (UE) 2024/1183 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) u mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali, biex tiġi żgurata soluzzjoni komuni b’aktar faċilità għall-utent. Dan ikun jikkontribwixxi biex jitnaqqsu kemm il-piż amministrattiv kif ukoll dak finanzjarju għall-Istati Membri billi jitnaqqas ir-riskju li jiġu żviluppati sistemi paralleli li mhumiex interoperabbli madwar l-Unjoni.

(28)

Il-prokura diġitali tal-UE stabbilita skont din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali dwar ir-rappreżentanza legali u statutorja jew kwalunkwe tip ieħor ta’ prokura. Jenħtieġ li l-prokura diġitali tal-UE tkun teżisti biss f’forma diġitali u jenħtieġ li tiġi awtentikata bl-użu ta’ servizzi fiduċjarji kif imsemmi fir-Regolament (UE) Nru 910/2014. Filwaqt li, f’konformità mad-Direttiva (UE) 2017/1132, informazzjoni dwar rappreżentanti legali hija meħtieġa li tiġi ddivulgata fir-reġistri kummerċjali, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu liberi li jagħżlu jekk jirrikjedux li prokura diġitali speċifika tal-UE tiġi ppreżentata, kemm jekk fir-reġistru kummerċjali jew inkella f’reġistru differenti f’konformità mal-liġi nazzjonali. Sabiex jingħelbu l-ostakli lingwistiċi u jiġi ffaċilitat l-użu tagħhom, jenħtieġ li l-mudelli għal Ċertifikat tal-Kumpaniji tal-UE u għal prokura diġitali tal-UE jkunu disponibbli fuq il-portal bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni.

(29)

Il-kumpaniji spiss jiffaċċaw diffikultajiet u ostakli amministrattivi b’rabta mal-użu tal-informazzjoni dwar il-kumpaniji, li diġà hija disponibbli fir-reġistru kummerċjali nazzjonali tagħhom, f’sitwazzjonijiet transfruntieri, inkluż meta jittrattaw mal-awtoritajiet kompetenti jew fi proċedimenti ġudizzjarji fi Stat Membru ieħor. Id-data tal-kumpanija disponibbli fir-reġistru kummerċjali ta’ Stat Membru partikolari spiss ma tiġix aċċettata fi Stat Membru ieħor mingħajr formalitajiet ikkumplikati li jiġġeneraw kostijiet u dewmien. Għalhekk, sabiex jiġu ffaċilitati l-attivitajiet transfruntieri fis-suq intern, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li ma tkun meħtieġa l-ebda legalizzazzjoni jew formalità simili, bħal postilla, fir-rigward ta’ kopji ċċertifikati ta’ dokumenti u informazzjoni relatati ma’ kumpaniji miksuba mir-reġistri. Jenħtieġ li l-istess approċċ jiġi applikat ukoll għad-dokumenti u informazzjoni skambjati permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri, bħal ċertifikati ta’ qabel l-operat, kif ukoll għal atti notarili jew għal dokumenti amministrattivi għall-proċeduri fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva li jintużaw f’kuntest transfruntier. Dawn il-proċeduri jinkludu l-formazzjoni tal-kumpaniji u r-reġistrazzjoni ta’ fergħat fi Stat Membru ieħor, u konverżjonijiet, fużjonijiet u diviżjonijiet transfruntieri.

(30)

Fl-istess ħin, sabiex jiġu evitati l-frodi jew il-falsifikazzjoni, jenħtieġ li jkun possibbli għall-awtoritajiet tal-Istat Membru li fih jiġi ppreżentat id-dokument jew l-informazzjoni dwar il-kumpanija, fejn ikollhom dubju raġonevoli dwar l-oriġini jew l-awtentiċità tagħha, li jivverifikaw id-dokument jew l-informazzjoni permezz tar-reġistru tal-ħruġ jew permezz tar-reġistru fl-Istat Membru tagħhom stess li jista’ jiskambja informazzjoni dwar l-awtentiċità tad-dokument permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-Istati Membri jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-indirizz tal-posta elettronika li għandu jintuża bħala punt ta’ kuntatt nazzjonali. Jenħtieġ li dan l-iskambju ta’ informazzjoni jikkontribwixxi għall-fiduċja u għall-kooperazzjoni reċiproċi bejn l-Istati Membri fi ħdan is-suq intern.

(31)

L-istrumenti ta’ kostituzzjoni tal-kumpaniji xi drabi jitfasslu b’żewġ lingwi jew aktar, fejn waħda minnhom spiss tkun lingwa uffiċjali tal-Unjoni li tinftiehem b’mod wiesa’ mill-akbar għadd possibbli ta’ utenti transfruntieri. Il-kumpaniji spiss ukoll jippubblikaw b’mod volontarju traduzzjoni tal-istrument ta’ kostituzzjoni tagħhom b’lingwa bħal din fuq is-siti web tagħhom. Barra minn hekk, ammont dejjem akbar ta’ informazzjoni dwar il-kumpaniji li tinsab fl-istrument ta’ kostituzzjoni hija disponibbli separatament u identifikabbli faċilment bl-assistenza ta’ tikketti multilingwi permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri. L-informazzjoni dwar il-kumpaniji teħtieġ ukoll li tinħażen f’reġistri kummerċjali f’format li jinqara minn magna u li jippermetti t-tiftix jew bħala data strutturata, f’konformità mad-dispożizzjonijiet introdotti mid-Direttiva (UE) 2019/1151, li ser tiffaċilita t-traduzzjoni awtomatika ta’ din id-data. Dawn l-iżviluppi jagħmluha aktar faċli li wieħed jikkonsulta u juża din l-informazzjoni dwar il-kumpaniji f’sitwazzjonijiet transfruntieri mingħajr il-ħtieġa ta’ traduzzjoni. Għalhekk, din id-Direttiva għandha l-għan li tissimplifika l-użu transfruntier tal-informazzjoni dwar il-kumpaniji billi tnaqqas il-ħtieġa għal traduzzjoni, b’mod partikolari traduzzjoni ċertifikata.

(32)

Jenħtieġ li l-awtoritajiet li jeħtieġu jivverifikaw informazzjoni speċifika dwar kumpanija minn Stat Membru ieħor l-ewwel jikkonsultaw l-informazzjoni meħtieġa fiċ-Ċertifikat tal-Kumpaniji tal-UE jew permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri, minflok ma jitolbu traduzzjoni tad-dokument kollu li jkun fih tali informazzjoni speċifika. Dak ma jaffettwax id-dritt tal-Istati Membri li jirrikjedu traduzzjoni mhux iċċertifikata b’waħda mil-lingwi uffiċjali tagħhom jekk kellhom bżonn id-dokument kollu fil-kuntest ta’ proċedura partikolari. Fir-rigward ta’ traduzzjonijiet iċċertifikati, bħala prinċipju ġenerali, jenħtieġ li r-rekwiżiti legali għall-produzzjoni ta’ tali traduzzjonijiet tal-istrument ta’ kostituzzjoni jew tad-dokumenti l-oħra pprovduti mir-reġistru kummerċjali jkunu limitati għal dak li huwa strettament meħtieġ u jenħtieġ li traduzzjonijiet iċċertifikati jkunu meħtieġa biss f’każijiet speċifiċi. Madanakollu, traduzzjoni ċertifikata tista’ tkun meħtieġa, pereżempju, fejn id-dokumenti għandhom jiġu ddivulgati pubblikament minn reġistru, skont id-Direttiva (UE) 2017/1132, jew fil-kuntest ta’ proċedimenti ġudizzjarji.

(33)

Sabiex tiżdied it-trasparenza, jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-informazzjoni dwar il-kumpaniji u jinħolqu amministrazzjonijiet pubbliċi aktar konnessi fuq bażi transfruntiera fis-suq intern, huwa importanti li s-sistemi ta’ interkonnessjoni jiġu konnessi fil-livell tal-Unjoni li diġà qed jiffunzjonaw li għandhom informazzjoni importanti tal-kumpaniji. Għalhekk, jenħtieġ li s-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri (BRIS) tkun konnessa mas-Sistema ta’ Interkonnessjoni tar-Reġistri tas-Sjieda Benefiċjarja (BORIS), stabbilita bid-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13) kif emendata bid-Direttiva (UE) 2018/843 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14), li toħloq konnessjonijiet bejn ir-reġistri ċentrali nazzjonali li jkun fihom informazzjoni dwar is-sidien benefiċjarji tal-kumpaniji u ta’ entitajiet legali, ta’ trusts u ta’ tipi oħrajn ta’ arranġamenti legali, u mas-sistema ta’ Interkonnessjoni tar-Reġistri tal-Insolvenza(IRI) stabbilita f’konformità mar-Regolament (UE) 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15). Jenħtieġ li l-EUID jintuża biex jikkonnettja l-informazzjoni dwar kumpanija partikolari f’dawk is-sistemi. Madankollu, jenħtieġ li din il-konnessjoni bejn is-sistemi ma taffettwax ir-regoli u r-rekwiżiti dwar l-aċċess għall-informazzjoni stabbilita taħt l-oqfsa rilevanti li jistabbilixxu dawk ir-reġistri u l-interkonnessjonijiet. Dak ifisser, pereżempju, li jenħtieġ li utent tal-BRIS ikun jista’ jaċċessa BORIS biss jekk dak l-utent ikun intitolat għal aċċess għal BORIS skont ir-regoli u r-rekwiżiti rispettivi tiegħu.

(34)

Sabiex il-kumpaniji, u b’mod partikolari l-SMEs, jiġu megħjuna jespandu l-attivitajiet kummerċjali tagħhom b’mod transfruntier aktar faċilment, jenħtieġ li l-prinċipju ta’ “darba biss” jiġi żviluppat ulterjorment f’każijiet fejn il-kumpaniji jirreġistraw fergħat fi Stat Membru ieħor. Bħal fl-istabbiliment ta’ sussidjarja transfruntiera, l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ “darba biss” fir-rigward tal-fergħat tfisser li jenħtieġ li r-reġistru tal-fergħa jikseb l-informazzjoni dwar il-kumpanija li tirreġistra l-fergħa transfruntiera elettronikament mir-reġistru tal-kumpanija permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri. Dan l-iskambju ta’ informazzjoni, bħal fil-każ ta’ kwalunkwe skambju ieħor ta’ informazzjoni bejn ir-reġistri permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri, ser jitwettaq permezz ta’ trażmissjoni sigura bejn ir-reġistri nazzjonali biex jiġi żgurat li l-informazzjoni tista’ tiġi fdata u jenħtieġ li ma tkunx meħtieġa li tiġi ċċertifikata jew soġġetta għal kwalunkwe legalizzazzjoni jew formalità simili. Alternattivament, ir-reġistru tal-fergħa jista’ jaċċessa l-informazzjoni dwar il-kumpanija direttament mis-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri permezz tal-portal jew fir-reġistru nazzjonali ta’ dik il-kumpanija.

(35)

Filwaqt li l-informazzjoni dwar il-fergħat transfruntieri tal-kumpaniji tal-UE b’responsabbiltà limitata diġà hija disponibbli permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri, l-informazzjoni dwar il-fergħat ta’ kumpaniji mhux tal-UE mhijiex, anke jekk diġà hija ddivulgata fir-reġistri nazzjonali f’konformità mad-Direttiva (UE) 2017/1132. Sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għal tali informazzjoni fil-livell tal-Unjoni għall-partijiet ikkonċernati, jenħtieġ li l-informazzjoni dwar dawn il-fergħat ta’ kumpaniji ta’ pajjiżi terzi ssir disponibbli permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri u jenħtieġ li dik l-informazzjoni ssir disponibbli mingħajr ħlas, kif diġà huwa l-każ għall-fergħat transfruntieri tal-kumpaniji tal-UE b’responsabbiltà limitata.

(36)

Jenħtieġ li d-dokumenti u l-informazzjoni dwar il-kumpanija, inkluż l-informazzjoni dwar ir-rappreżentanti legali, tal-anqas dwar soċji solidali f’soċjetajiet kif ukoll persuni oħrajn li jistgħu jirrappreżentaw legalment kumpanija, isiru disponibbli għall-pubbliku fir-reġistri kummerċjali sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali fin-negozjati bejn il-kumpaniji u partijiet terzi. B’mod partikolari, huwa importanti li partijiet terzi, bħal kredituri, investituri u sħab kummerċjali, iżda anke awtoritajiet u qrati, ikollhom ċertezza legali sħiħa dwar il-persuna li hija maħtura biex taġixxi f’isem il-kumpanija u li għandha s-setgħa li tidħol f’kuntratti jew twettaq negozju f’isem il-kumpanija. F’soċjetà, is-soċji spiss ikunu awtorizzati jirrappreżentaw is-soċjetà f’negozjati ma’ partijiet terzi u fi proċedimenti legali. Bl-istess mod, bil-għan li jiġu protetti partijiet terzi, huwa meħtieġ li, meta l-ishma kollha ta’ kumpanija privata b’responsabbiltà limitata jkunu miżmuma minn azzjonist uniku, l-identità ta’ dak l-azzjonist uniku, li jista’ jkun persuna fiżika jew ġuridika, issir aċċessibbli għall-pubbliku fir-reġistru nazzjonali meta jinħolqu tali kumpaniji jew jinbidel l-azzjonist uniku. Minħabba li azzjonist uniku jista’, pereżempju, jeżerċita s-setgħat tal-laqgħa ġenerali tal-kumpanija jew jikkonkludi kuntratti mal-kumpanija kif irrappreżentata minn dak l-azzjonist, jenħtieġ li partijiet terzi jkunu jistgħu jidentifikaw il-membru uniku sabiex jidentifikaw il-persuna li teżerċita kontroll tal-kumpanija jew li tirrappreżenta l-kumpanija. Għalhekk, jenħtieġ li dawn il-persuni jiġu identifikati b’mod inekwivoku.

(37)

Sabiex jittejjeb il-funzjonament tas-suq intern, partijiet terzi mhux biss jeħtieġ li jkollhom aċċess għall-informazzjoni dwar il-kumpanija fl-Istat Membru tagħhom stess, iżda anke l-informazzjoni dwar il-kumpanija fi Stat Membru ieħor. Kif ikun il-każ f’sitwazzjoni domestika, il-partijiet terzi jeħtieġ li jkollhom ċertezza legali dwar ir-rappreżentanti legali, is-soċji f’soċjetajiet u persuni oħrajn li jistgħu jirrappreżentaw legalment kumpanija, u dwar l-azzjonisti uniċi ta’ kumpaniji fi Stati Membri oħrajn. Għalhekk, jenħtieġ li din l-informazzjoni ssir disponibbli fil-livell tal-Unjoni permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri, li tipprovdi aċċess għal din l-informazzjoni b’mod multilingwi u komparabbli, u b’hekk jiġi żgurat l-istess livell ta’ protezzjoni ta’ partijiet terzi f’sitwazzjonijiet transfruntieri. Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali fir-rigward tal-identità tar-rappreżentanti legali, tas-soċji f’soċjetajiet, u ta’ persuni oħrajn li jistgħu jirrappreżentaw legalment kumpanija, kif ukoll ta’ azzjonisti uniċi, huwa meħtieġ li dawn il-persuni jkunu jistgħu jiġu identifikati b’mod inekwivoku. Il-ħtieġa li tiġi żgurata ċ-ċertezza dwar l-identità eżatta ta’ dawn il-persuni hija partikolarment kbira f’sitwazzjonijiet transfruntieri fejn is-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri tipprovdi aċċess għal din l-informazzjoni dwar il-kumpaniji kollha b’responsabbiltà limitata u soċjetajiet kummerċjali. Minħabba li s-sistemi nazzjonali għandhom approċċi diverġenti għall-identifikazzjoni ta’ dawn il-persuni, huwa meħtieġ li jiġu armonizzati l-kategoriji ta’ data personali li jistgħu jiġu aċċessati fil-livell tal-Unjoni. Filwaqt li l-ismijiet u l-kunjomijiet ta’ dawn il-persuni jikkostitwixxu data personali li sservi biex jiġu identifikati, l-ismijiet u l-kunjomijiet ma jiggarantux identifikazzjoni unika fil-każijiet kollha u għalhekk jeħtieġ li jiġu kkomplementati b’informazzjoni addizzjonali. Li tiżdied biss is-sena tat-twelid ma tkunx biżżejjed f’dan ir-rigward minħabba l-prevalenza ta’ ċerti ismijiet, kemm l-ismijiet u l-kunjomijiet, weħidhom u l-kombinazzjoni tagħhom, fl-Istati Membri u l-fatt li l-popolarità ta’ ċerti ismijiet spiss issegwi ċikli annwali, bir-riżultat li bosta persuni b’ismijiet identiċi jitwieldu fl-istess sena. Għalhekk huwa meħtieġ u proporzjonat li r-reġistri jintalbu jagħmlu disponibbli d-data sħiħa tat-twelid jew l-informazzjoni ekwivalenti għal dawk l-Istati Membri li ma jirreġistrawx id-data sħiħa tat-twelid fir-reġistru nazzjonali. Tali rekwiżit jippermetti l-identifikazzjoni inekwivoka ta’ rappreżentanti legali, sħab fi sħubijiet, u persuni oħra li jistgħu legalment jirrappreżentaw kumpanija, kif ukoll ta’ azzjonisti uniċi.

(38)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jipproċessaw kwalunkwe data personali tar-rappreżentanti legali, is-soċji f’soċjetajiet u persuni oħrajn li jistgħu jirrappreżentaw legalment kumpanija, u ta’ azzjonisti uniċi, inkluż data personali li għandha ssir disponibbli għall-pubbliku fir-reġistri, f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tipproċessa d-data personali fil-kuntest ta’ din id-Direttiva f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16). B’mod partikolari, jenħtieġ li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jimplimentaw salvagwardji xierqa tal-protezzjoni tad-data sabiex jiżguraw li l-ipproċessar ta’ data personali għall-finijiet ta’ din id-Direttiva jkun limitat għal dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi tagħha.

(39)

Sabiex jiġi żgurat li ċ-ċittadini kollha tal-Unjoni jkunu jistgħu jgawdu l-benefiċċji mill-fatt li jkun hemm aktar informazzjoni dwar il-kumpaniji disponibbli fir-reġistri kummerċjali, huwa essenzjali li din l-informazzjoni tiġi pprovduta lill-persuni b’diżabilità f’formati aċċessibbli. Skont l-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, l-Istati partijiet għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw li l-persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jaċċessaw, fuq bażi ugwali ma’ oħrajn, fost l-oħrajn informazzjoni u komunikazzjonijiet, inkluż teknoloġiji u sistemi tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, u faċilitajiet u servizzi oħrajn miftuħa jew ipprovduti lill-pubbliku. F’dan ir-rigward, id-Direttiva (UE) 2016/2102 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17) tistipula rekwiżiti ġenerali ta’ aċċessibbiltà għas-siti web u għall-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku bil-għan li dawn isiru aktar aċċessibbli għall-utenti, b’mod partikolari l-persuni b’diżabilità, u biex titrawwem l-interoperabbiltà. Dik id-Direttiva tħeġġeġ lill-Istati Membri jestendu l-applikazzjoni tagħha għal entitajiet privati li joffru faċilitajiet u servizzi li huma miftuħa jew ipprovduti lill-pubbliku. Barra minn hekk, id-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18) fiha rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għal ċerti prodotti u servizzi inkluż is-siti web tagħhom u informazzjoni relatata. Minħabba d-diversità tal-korpi responsabbli għall-ġestjoni tar-reġistri kummerċjali, li jvarjaw minn qrati u awtoritajiet amministrattivi għal entitajiet privati, u l-attivitajiet diversi mwettqa mir-reġistri kummerċjali, jenħtieġ li jiġi vvalutat jekk humiex meħtieġa miżuri speċifiċi biex jiġi żgurat li l-persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jaċċessaw l-informazzjoni dwar il-kumpaniji pprovduta mir-reġistri kummerċjali fl-Istati Membri kollha fuq bażi ugwali ma’ utenti oħrajn.

(40)

Minħabba li l-objettivi ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li jiżdied l-ammont u li tittejjeb l-affidabbiltà tad-dokumenti u l-informazzjoni dwar il-kumpaniji disponibbli fir-reġistri kummerċjali jew permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri, u biex ikun jista’ jsir użu dirett mid-data tal-kumpaniji disponibbli fir-reġistri kummerċjali meta jiġu stabbiliti fergħat u sussidjarji transfruntieri u f’attivitajiet u sitwazzjonijiet transfruntieri oħrajn, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni meħtieġa, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilita fl-Artikolu 5 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.

(41)

Skont id-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni (19), l-Istati Membri impenjaw ruħhom li, f’każijiet ġustifikati, in-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom tkun akkumpanjata minn dokument wieħed jew iktar, fejn tiġi spjegata l-korrelazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet ekwivalenti tal-istrumenti nazzjonali ta’ traspożizzjoni. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis li t-trażmissjoni ta’ dawk id-dokumenti hija ġustifikata.

(42)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni ta’ din id-Direttiva. Skont il-paragrafu 22 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (20), jenħtieġ li dik l-evalwazzjoni tkun ibbażata fuq il-ħames kriterji ta’ effiċjenza, effettività, rilevanza, koerenza u valur miżjud, u jenħtieġ li tipprovdi l-bażi għal valutazzjonijiet tal-impatt ta’ miżuri ulterjuri possibbli. Jenħtieġ li l-evalwazzjoni tkopri l-esperjenza prattika biċ-Ċertifikat tal-Kumpaniji tal-UE, il-prokura diġitali tal-UE, il-formalitajiet imnaqqsa f’sitwazzjonijiet transfruntieri għall-kumpaniji, l-effettività tal-kontrolli preventivi u l-verifika tal-legalità u li l-informazzjoni ssir disponibbli mingħajr ħlas permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri, u l-applikazzjoni tar-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni għas-soċjetajiet. L-informazzjoni dwar il-post tal-amministrazzjoni ċentrali u l-post prinċipali tan-negozju hija importanti biex tiżdied it-trasparenza, u b’hekk tissaħħaħ iċ-ċertezza legali fir-rigward tar-relazzjonijiet kummerċjali tal-kumpaniji tal-Unjoni. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta jekk tali informazzjoni għandhiex tiġi ddivulgata fir-reġistru nazzjonali u ssir disponibbli permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri, kif ukoll kif għandhom jiġu definiti dawk il-kunċetti biex jiġi żgurat fehim uniformi tagħhom madwar l-Unjoni. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta l-potenzjal għall-interoperabbiltà transsettorjali bejn is-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri u sistemi oħrajn li jipprovdu mekkaniżmi għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti, bħal fl-oqsma tat-tassazzjoni jew tas-sigurtà soċjali jew tas-Sistema Teknika ta’ Darba Biss stabbilita skont ir-Regolament (UE) 2018/1724, bil-għan li jinħolqu amministrazzjonijiet pubbliċi aktar konnessi fuq bażi transfruntier fis-suq intern. L-importanza ta’ interoperabbiltà transsettorjali hija enfasizzata wkoll fir-Regolament (UE) 2024/903 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21) u fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Novembru 2022 bit-titolu “Komunikazzjoni dwar politika msaħħa ta’ interoperabbiltà tas-settur pubbliku – Li torbot is-servizzi pubbliċi, l-appoġġ tal-politiki pubbliċi u t-twassil tal-benefiċċji pubbliċi – Lejn ‘Ewropa Interoperabbli’”. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta wkoll il-ħtieġa li jiġu introdotti miżuri addizzjonali biex jiġu indirizzati bis-sħiħ il-ħtiġijiet tal-persuni b’diżabilità meta jaċċessaw informazzjoni dwar il-kumpaniji pprovduta mir-reġistri kummerċjali. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta jekk il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar gruppi ta’ kumpaniji għandux jiġi estiż biex ikopri kategoriji jew tipi oħra ta’ gruppi u entitajiet oħra, u jekk ir-rappreżentazzjoni viżwali tal-istruttura tal-grupp għandhiex tkun disponibbli għall-pubbliku permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri. Fl-aħħar nett, jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta jekk il-kooperattivi, li għandhom rwol importanti f’ħafna Stati Membri, għandhomx jiġu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi tagħhom.

(43)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u ta l-opinjoni tiegħu fis-17 ta’ Mejju 2023 (22).

(44)

Jenħtieġ għalhekk li d-Direttiva 2009/102/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (23) u d-Direttiva (UE) 2017/1132 jiġu emendati skont dan,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emenda għad-Direttiva 2009/102/KE

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/102/KE huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 3

Meta kumpanija ssir kumpanija b’membru wieħed minħabba li l-ishma kollha tagħha jkunu miżmuma minn persuna waħda, dak il-fatt, flimkien mal-identità tal-membru uniku, għandu jiġi rreġistrat fil-fajl jew jiddaħħal fir-reġistru kif imsemmi fl-Artikolu 16(1) u (2) tad-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1), u magħmul disponibbli għall-pubbliku permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri msemmija fl-Artikolu 16(1) ta’ dik id-Direttiva.

L-Artikolu 18 u l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva (UE) 2017/1132 għandhom japplikaw mutatis mutandis.

Artikolu 2

Emendi għad-Direttiva (UE) 2017/1132

Id-Direttiva (UE) 2017/1132 hija emendata kif ġej:

(1)

l-intestatura tat-Titolu I hija sostitwita b’dan li ġej:

“ DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI U L-ISTABBILIMENT U L-FUNZJONAMENT TAL-KUMPANIJI ”;

(2)

L-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħal l-inċiż li ġej wara t-tieni inċiż:

“—

sett komuni ta’ regoli dwar il-kontroll preventiv tal-dokumenti u l-informazzjoni dwar il-kumpaniji,”

;

(b)

l-inċiż li ġej jiddaħħal wara t-tielet inċiż:

“—

ir-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni fir-rigward tas-soċjetajiet,”

;

(3)

fit-Titolu I, Kapitolu II, l-intestatura tat-Taqsima 2 hija sostitwita b’dan li ġej:

“Nullità tal-kumpanija u l-validità tal-obbligi tagħha”

;

(4)

fl-Artikolu 7, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Il-miżuri ta’ koordinazzjoni preskritti minn din it-Taqsima għandhom japplikaw għal-liġijiet, għar-regolamenti u għad-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li jirrelataw mat-tipi ta’ kumpaniji elenkati fl-Anness II, u fejn speċifikat, mutatis mutandis mat-tipi ta’ kumpaniji elenkati fl-Anness IIB.”

;

(5)

L-Artikolu 10 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 10

Azzjoni preventiva

1.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu kontroll amministrattiv, ġudizzjarju jew notarili preventiv, jew kwalunkwe kombinazzjoni tagħhom, tal-istrument tal-kostituzzjoni u l-istatuti ta’ kumpaniji elenkati fl-Annessi II u IIB fil-mument tal-formazzjoni tagħhom, u kwalunkwe emenda għal dawk id-dokumenti. Dak ir-rekwiżit għandu jkun mingħajr preġudizzju għal-liġijiet nazzjonali, f’konformita’ mas-sistemi legali tal-Istati Membri, li jeħtieġu li dawk id-dokumenti jitfasslu u jiġu ċċertifikati fil-forma ġuridika xierqa.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-liġijiet tagħhom dwar il-formazzjoni tal-kumpaniji elenkati fl-Annessi II u IIB jistabbilixxu proċedura għall-verifika tal-legalità tal-istrument ta’ kostituzzjoni ta’ kumpanija, u dwar l-istatuti tagħha jekk ikunu jinsabu fi strument separat. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li verifika tal-legalità titwettaq ukoll f’każ ta’ kwalunkwe emenda ta’ dawk id-dokumenti.

Permezz tal-verifika tal-legalità msemmija fl-ewwel subparagrafu, għandu jiġi verifikat tal-anqas li:

(a)

ir-rekwiżiti formali għall-istrument ta’ kostituzzjoni, u għall-istatuti jekk ikunu jinsabu fi strument separat, ikunu ssodisfati u, fejn jintużaw il-mudelli msemmija fl-Artikolu 13h, li jintużaw sew;

(b)

il-kontenut minimu obbligatorju huwa inkluż;

(c)

ir-rekwiżiti legali sostantivi jkunu ssodisfati; kif ukoll

(d)

il-kontribuzzjonijiet rilevanti, kemm jekk bi ħlas fi flus jew f’kontribuzzjoni in natura, ikunu ġew previsti, f’konformità mal-liġi nazzjonali.

3.   Fejn, għall-formazzjoni, jew fil-mument tar-reġistrazzjoni, ta’ kumpaniji elenkati fl-Anness IIB, il-liġi nazzjonali ma tirrikjedix it-tfassil ta’ strumenti ta’ kostituzzjoni u statuti, il-proċedura għall-verifika tal-legalità għandha tinkludi l-verifiki formali u sostantivi fir-rigward tad-dokumenti jew l-informazzjoni meħtieġa skont il-liġi nazzjonali għall-applikazzjoni tad-dħul fir-reġistru ta’ tali kumpaniji.

4.   Il-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom japplikaw għal proċeduri kompletament online kif ukoll għal proċeduri li mhumiex kompletament online.”

;

(6)

fit-Titolu I, l-intestatura tal-Kapitolu III hija sostitwita b’dan li ġej:

“ Proċeduri online jew proċeduri oħra (formazzjoni, reġistrazzjoni u preżentazzjoni), divulgazzjoni u reġistri ”;

(7)

L-Artikolu 13 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 13

Kamp ta’ applikazzjoni

Il-miżuri ta’ koordinazzjoni preskritti minn din it-Taqsima u mit-Taqsima 1 A għandhom japplikaw għal-liġijiet, għar-regolamenti u għad-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li jirrelataw mat-tipi ta’ kumpaniji elenkati fl-Anness II, u fejn speċifikat, mat-tipi ta’ kumpaniji elenkati fl-Annessi I, IIA u IIB.”

;

(8)

fl-Artikolu 13a, jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(7)

‘kumpanija omm’ tfisser kumpanija li tikkontrolla kumpanija sussidjarja waħda jew iktar minn waħda;

(8)

‘kumpanija omm apikali’ tfisser kumpanija omm li mhijiex ikkontrollata minn kumpanija oħra;

(9)

‘kumpanija omm intermedja’ tfisser kumpanija omm regolata mil-liġi ta’ Stat Membru, li mhijiex ikkontrollata minn kumpanija oħra regolata mil-liġi ta’ Stat Membru, u li mhijiex kumpanija omm apikali;

(10)

‘kumpanija sussidjarja’ tfisser kumpanija kkontrollata minn kumpanija omm;

(11)

‘grupp’ tfisser kumpanija omm apikali u l-kumpaniji sussidjarji kollha tagħha;

(12)

‘legalizzazzjoni’ tfisser il-formalità għaċ-ċertifikazzjoni tal-awtentiċità tal-firma tad-detentur ta’ uffiċċju pubbliku fuq dokument, il-kapaċità li fiha l-persuna li tiffirma dak id-dokument tkun aġixxiet u, fejn xieraq, l-identità tas-siġill jew tat-timbru li dak id-dokument ikollu fih;

(13)

‘formalità simili’ tfisser iż-żieda taċ-ċertifikat previst mill-Konvenzjoni dwar l-Apostille.”

;

(9)

fl-Artikolu 13(b)1, jiżdied il-punt li ġej:

“(c)

Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali kif previst fir-Regolament (UE) 2024/1183 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2).

(*2)  Ir-Regolament (UE) 2024/1183 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 910/2014 fir-rigward tal-istabbiliment tal-Qafas Ewropew għall-Identità Diġitali (ĠU L, 2024/1183, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1183/oj).”;"

(10)

L-Artikolu 13c huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 2, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“L-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandu japplika mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar il-kontroll preventiv fl-Artikolu 10.”

;

(b)

fil-paragrafu 3, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“L-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandu japplika mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 16b, 16c, 16d u 16 g.”

;

(11)

L-Artikolu 13f huwa emendat kif ġej:

(a)

jiżdied il-punt li ġej:

“(e)

ir-regoli msemmija fl-Artikolu 15 dwar il-preżentazzjoni ta’ bidliet fid-dokumenti u l-informazzjoni fir-reġistri msemmija fl-Artikolu 16 u dwar li dawk id-dokumenti u dik l-informazzjoni jinżammu aġġornati.”

;

(b)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu tinkludi, mutatis mutandis, informazzjoni wkoll fir-rigward tal-kumpaniji elenkati fl-Anness IIB.”

;

(12)

l-Artikolu 13g huwa emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“2a.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fejn kumpanija elenkata fl-Anness II jew IIB tifforma kumpanija fi Stat Membru ieħor, dik il-kumpanija mhix suġġetta għal talbiet biex tipprovdi dokumenti u informazzjoni rilevanti għall-proċedura ta’ formazzjoni li huma disponibbli fir-reġistru tal-Istat Membru fejn dik il-kumpanija tkun irreġistrata. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-reġistru tal-Istat Membru fejn tkun qed tiġi ffurmata l-kumpanija jirkupra tali dokumenti u informazzjoni permezz ta’ skambju ta’ informazzjoni fis-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri msemmija fl-Artikolu 22. Dak ir-reġistru jista’ jirkupra ċ-Ċertifikat tal-Kumpaniji tal-UE skont l-Artikolu 16b. Ir-reġistru tal-Istat Membru fejn tkun qed tiġi ffurmata l-kumpanija jista’ wkoll jaċċessa direttament dokumenti u informazzjoni li huma disponibbli fis-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri permezz tal-portal, jew fir-reġistru tal-Istat Membru fejn tkun irreġistrata l-kumpanija fundatriċi.

Meta kwalunkwe awtorità jew persuna jew korp tingħata mandat skont il-liġi nazzjonali biex titratta kwalunkwe aspett tal-formazzjoni ta’ kumpanija, u d-dokumenti u l-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu huma meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta’ dawn il-kompiti, ir-reġistru tal-Istat Membru fejn tkun qed tiġi ffurmata l-kumpanija għandu, fuq talba, jipprovdi d-dokumenti u l-informazzjoni miksuba skont l-ewwel subparagrafu ta’ dik l-awtorità, persuna jew korp, dment li tali dokumenti u informazzjoni ma jkunux disponibbli pubblikament mingħajr ħlas permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri.”

;

(b)

il-paragrafu 3 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punt (d) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(d)

ir-rekwiżiti biex tiġi vverifikata l-legalità tal-iskop tal-kumpanija f’konformità mal-liġi nazzjonali;”

;

(ii)

il-punt (e) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(e)

ir-rekwiżiti biex tiġi vverifikata l-legalità tal-isem tal-kumpanija f’konformità mal-liġi nazzjonali;”

;

(c)

jitħassar il-paragrafu 4, il-punt (a);

(13)

fl-Artikolu 13h(2), l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-mudelli, imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, jistgħu jintużaw mill-applikanti bħala parti mill-proċedura tal-formazzjoni online imsemmija fl-Artikolu 13g.”

;

(14)

L-Artikolu 13j huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, l-ewwel sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dokumenti u l-informazzjoni, inkluż kwalunkwe bidla tagħhom, ikunu jistgħu jiġu ppreżentati online fir-reġistru fejn il-kumpanija tkun irreġistrata. Dan ir-rekwiżit għandu japplika wkoll għall-kumpaniji elenkati fl-Anness IIB.”

;

(b)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   L-Artikolu 10(1), (2) u (3) u l-Artikolu 13g(2), (3), (4) u (5) għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-preżentazzjoni online ta’ dokumenti u informazzjoni. L-Artikolu 10(1), (2) u (3) għandu japplika għad-dokumenti u l-informazzjoni msemmija f’dak l-Artikolu.”

;

(15)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 13k

Forom oħra ta’ formazzjoni tal-kumpaniji u ta’ preżentazzjoni ta’ dokumenti u informazzjoni

1.   Ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 13c, l-Artikolu 13g(2a), l-Artikolu 13g(3), il-punti (a), (d), (e) u (f), l-Artikolu 13g(4), il-punti (b) u (c), l-Artikolu 13g(5) u (7), u l-Artikolu 28a(5a) għandhom japplikaw mutatis mutandis għal forom oħrajn ta’ formazzjoni tal-kumpaniji elenkati fl-Annessi II u IIB li mhumiex kompletament online.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġu stabbiliti regoli biex jivverifikaw l-identità tal-applikanti fil-każ ta’ dawn il-forom oħrajn ta’ formazzjoni tal-kumpaniji.

2.   L-Artikolu 10(1), (2) u (3) u l-Artikolu 13g(2), (3), (4) u (5) għandhom japplikaw i għal kwalunkwe forma ta’ preżentazzjoni ta’ dokumenti u informazzjoni li mhix kompletament online mill-kumpaniji elenkati fl-Annessi II u IIB. L-Artikolu 10(1), (2) u (3) għandhom japplikaw għad-dokumenti msemmija f’dak l-Artikolu.”

;

(16)

L-Artikolu 14 huwa emendat kif ġej:

(a)

l-intestatura tal-Artikolu 14 hija sostitwita b’dan li ġej:

“Dokumenti u informazzjoni li għandhom jiġu ddivulgati minn kumpaniji b’responsabbiltà limitata”

;

(b)

jiżdied il-punt li ġej:

“(l)

l-iskop tal-kumpanija, li jiddeskrivi l-attività jew l-attivitajiet ewlenin tagħha, li jista’ jiġi espress bl-użu tal-kodiċi rilevanti tal-Klassifikazzjoni Statistika tal-Attivitajiet Ekonomiċi fil-Komunità Ewropea (NACE), fejn tali kodiċi jintuża għall-finijiet tar-reġistru skont il-liġi nazzjonali applikabbli, u jekk l-iskop ikun irreġistrat fir-reġistru nazzjonali.”

;

(17)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 14a

Dokumenti u informazzjoni li għandhom jiġu ddivulgati mis-soċjetajiet

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw divulgazzjoni obbligatorja mit-tipi ta’ soċjetajiet elenkati fl-Anness IIB ta’ mill-anqas id-dokumenti u l-informazzjoni li ġejjin:

(a)

l-isem tas-soċjetà;

(b)

il-forma ġuridika tas-soċjetà;

(c)

l-uffiċċju rreġistrat, jew ekwivalenti tiegħu, tal-kumpanija;

(d)

in-numru ta’ reġistrazzjoni tas-soċjetà;

(e)

l-ammont massimu ta’ responsabbiltà jew kontribuzzjoni ta’ kull soċju akkomandanti, fejn dik l-informazzjoni tkun irreġistrata fir-reġistru nazzjonali;

(f)

l-istrument ta’ kostituzzjoni, u l-istatuti jekk ikunu jinsabu fi strument separat, fejn il-preżentazzjoni ta’ dawk id-dokumenti fir-reġistru tkun meħtieġa mil-liġi nazzjonali;

(g)

kwalunkwe emenda għall-istrumenti msemmija fil-punt (f), inkluż kwalunkwe estensjoni tad-durata tas-soċjetà meta d-durata tkun limitata;

(h)

wara kull emenda tal-istrument ta’ kostituzzjoni jew tal-istatuti msemmija fil-punt (f), it-test komplet tad-dokument jew statuti kif emendati sa dak il-jum;

(i)

id-dettalji tas-soċji, id-diretturi jew rappreżentanti statutorji oħra li huma awtorizzati li jirrappreżentaw is-soċjetà f’negozjati ma’ partijiet terzi u fi proċedimenti legali, u informazzjoni dwar jekk dawk il-persuni humiex awtorizzati jirrappreżentaw is-soċjetà weħidhom jew humiex meħtieġa li jaġixxu b’mod konġunt, jew, jekk mhux applikabbli, informazzjoni dwar in-natura u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-awtorizzazzjoni tas-soċji, id-diretturi jew rappreżentanti oħra biex jirrappreżentaw is-soċjetà u d-dettalji tagħhom;

(j)

fejn differenti mill-punt (i), id-dettalji tas-soċji solidali u, fil-każ ta’ soċjetajiet akkomandanti, id-dettalji tas-soċji akkomandanti, fejn id-dettalji ta’ dawn tal-aħħar jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fir-reġistru nazzjonali;

(k)

id-dokumenti ta’ kontabbiltà għal kull sena finanzjarja li huma meħtieġa li jiġu ppubblikati f’konformità mad-Direttivi 86/635/KEE, 91/674/KEE u 2013/34/UE;

(l)

il-likwidazzjoni tas-soċjetà, jekk dik l-informazzjoni tkun irreġistrata fir-reġistru nazzjonali;

(m)

kwalunkwe dikjarazzjoni tan-nullità tas-soċjetà mill-qrati, jekk dik l-informazzjoni tkun irreġistrata fir-reġistru nazzjonali;

(n)

id-dettalji tal-likwidaturi u s-setgħat rispettivi tagħhom, fejn dik l-informazzjoni tkun irreġistrata fir-reġistri nazzjonali, sakemm dawn is-setgħat mhumiex espressament u esklużivament derivati mil-liġi jew mill-istaturi tas-soċjetà;

(o)

kwalunkwe teminazzjoni ta’ likwidazzjoni u, fi Stati Membri fejn it-tneħħija mir-reġistru timplika konsegwenzi legali, il-fatt ta’ kwalunkwe tneħħija bħal din, jekk dik l-informazzjoni tkun irreġistrata fir-reġistru nazzjonali.”

;

(18)

L-Artikolu 15 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 15

Reġistri aġġornati

1.   L-Istati Membri għandu jkollhom fis-seħħ proċeduri biex jiżguraw li d-dokumenti u l-informazzjoni rigward il-kumpaniji elenkati fl-Annessi II u IIB u maħżuna fir-reġistri msemmija fl-Artikolu 16 jinżammu aġġornati.

2.   Il-proċeduri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jipprevedu tal-anqas li:

(a)

kwalunkwe bidla fid-dokumenti u fl-informazzjoni rigward kumpaniji elenkati fl-Annessi II u IIB għandha tiġi ppreżentata fir-reġistru, f’perjodu li ma jaqbiżx 15-il jum tax-xogħol mid-data li fiha saru dawk il-bidliet; dan il-perjodu ma għandux japplika għal bidliet għad-dokumenti ta’ kontabbiltà msemmija fl-Artikolu 14, il-punt (f), u l-Artikolu 14a, il-punt (k);

(b)

kwalunkwe bidla fid-dokumenti u fl-informazzjoni rigward kumpaniji elenkati fl-Annessi II u IIB tiddaħħal fir-reġistru u tiġi ddivulgata, f’konformità mal-Artikolu 16(3), fi żmien 10 ijiem tax-xogħol mid-data ta’ tlestija tal-formalitajiet kollha meħtieġa għall-preżentazzjoni ta’ dawk il-bidliet, inkluż il-wasla tad-dokumenti u l-informazzjoni kollha, li jikkonformaw mal-liġi nazzjonali; eċċezzjonalment, dik l-iskadenza tista’ tiġi estiża b’5 ijiem tax-xogħol;

(c)

ir-reġistri jistgħu jikkonsultaw awtoritajiet jew reġistri rilevanti oħra fil-qafas proċedurali stabbilit fil-liġi nazzjonali sabiex jivverifikaw informazzjoni speċifika dwar il-kumpaniji.

3.   L-Istati Membri għandu jkollhom fis-seħħ proċeduri biex jivverifikaw, fejn jeżistu dubji, jekk il-kumpaniji elenkati fl-Annessi II u IIB jissodisfawx ir-rekwiżiti biex ikomplu jiġu rreġistrati. Ir-regoli li jirregolaw dawk il-proċeduri għandhom jinkludu l-possibbilta’ għalll-kumpanija sabiex tikkoreġi l-informazzjoni rilevanti f’perjodu raġonevoli, jiżguraw li l-istatus ta’ kumpanija, bħal meta tkun magħluqa, maqtugħa mir-reġistru, likwidata, xolta, tkun għaddejja minn proċedimenti ta’ insolvenza, tkun ekonomikament attiva jew inattiva kif definit mil-liġi nazzjonali u jekk din l-informazzjoni tkun irreġistrata fir-reġistru nazzjonali, jiġi aġġornat fir-reġistru kif xieraq, u fejn ġustifikat, għandhom jinkludu l-possibbilita’ li l-kumpanniji jiġu maqtugħa mir-reġistru f’konformità mal-liġi nazzjonali.”

;

(19)

L-Artikolu 16 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   F’kull Stat Membru, għandu jinfetaħ fajl f’reġistru ċentrali, kummerċjali jew tal-kumpaniji (‘ir-reġistru’), għal kull waħda minn dawk il-kumpaniji elenkati fl-Annessi II u IIB rreġistrati fih.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji elenkati fl-Annessi II u IIB ikollhom identifikatur uniku Ewropew (‘EUID’), kif imsemmi fil-punt (9) tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1042 (*3), li jippermettilhom jiġu identifikati b’mod inekwivoku fil-komunikazzjonijiet bejn ir-reġistri permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri stabbilita f’konformità mal-Artikolu 22 (‘is-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri’). Dak l-EUID għandu jinkludi, tal-anqas, elementi li jippermettu l-identifikazzjoni tal-Istat Membru tar-reġistru, ir-reġistru domestiku ta’ oriġini u n-numru tal-kumpanija f’dak ir-reġistru u, fejn xieraq, karatteristiċi sabiex ikunu evitati żbalji tal-identifikazzjoni.

(*3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1042 tat-18 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-ispeċifikazzjonijiet u l-proċeduri tekniċi għas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2244 (ĠU L 225, 25.6.2021, p. 7).”;"

(b)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“7.   Il-paragrafi 2 sa 6 ta’ dan l-Artikolu għandhom japplikaw għad-dokumenti u għall-informazzjoni kollha msemmija fl-Artikolu 14a.”

;

(20)

fl-Artikolu 16a, jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kopji elettroniċi u l-estratti tad-dokumenti u l-informazzjoni pprovduti mir-reġistru jkunu kompatibbli mal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali, kif previst fir-Regolament (UE) 2024/1183.

6.   Dan l-Artikolu għandu japplika mutatis mutandis għall-kopji tad-dokumenti u tal-informazzjoni kollha jew ta’ kwalunkwe parti minnhom imsemmija fl-Artikolu 14a.”

;

(21)

jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 16b

Ċertifikat tal-Kumpaniji tal-UE

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-reġistri joħorġu ċ-Ċertifikati tal-Kumpaniji tal-UE fir-rigward tal-kumpaniji elenkati fl-Annessi II u IIB. Iċ-Ċertifikat tal-Kumpaniji tal-UE għandu jiġi aċċettat fl-Istati Membri kollha bħala evidenza suffiċjenti, fil-ħin tal-ħruġ tiegħu, tal-inkorporazzjoni tal-kumpanija u tal-informazzjoni elenkata fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu, rispettivament, li tinżamm mir-reġistru li fih il-kumpanija tkun irreġistrata.

2.   Iċ-Ċertifikat tal-Kumpaniji tal-UE għall-kumpaniji b’responsabbiltà limitata elenkati fl-Anness II għandu jinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-isem/ismijiet tal-kumpanija;

(b)

il-forma ġuridika tal-kumpanija;

(c)

in-numru ta’ reġistrazzjoni tal-kumpanija u l-Istat Membru fejn hija rreġistrata l-kumpanija;

(d)

l-EUID tal-kumpanija;

(e)

l-uffiċċju rreġistrat tal-kumpanija;

(f)

l-indirizz tal-korrispondenza tal-kumpanija, bħall-posta elettronika jew l-indirizz postali tagħha;

(g)

id-data tar-reġistrazzjoni tal-kumpanija;

(h)

l-ammont tal-kapital sottoskritt tal-kumpanija, jekk applikabbli;

(i)

l-istatus tal-kumpanija, bħal meta tkun magħluqa, maqtugħa mir-reġistru, likwidata, xolta, tkun għaddejja minn proċedimenti ta’ insolvenza, tkun ekonomikament attiva jew inattiva kif definit mil-liġi nazzjonali u fejn din l-informazzjoni tkun ġiet irreġistrata fir-reġistru nazzjonali;

(j)

l-ismijiet, il-kunjomijiet u d-data tat-twelid, jew informazzjoni ekwivalenti meta dik id-data ma tkunx irreġistrata fir-reġistru nazzjonali, ta’ kwalunkwe persuna li jew bħala korp jew bħala membru ta’ kwalunkwe korp bħal dan hija awtorizzata mill-kumpanija biex tirrappreżentaha f’negozjati ma’ partijiet terzi u fi proċedimenti ġudizzjarji, u jekk dawk il-persuni jistgħux jagħmlu dan waħedhom jew humiex meħtieġa jaġixxu b’mod konġunt;

(k)

meta l-persuni msemmija fil-punt (j) ikunu persuni ġuridiċi, l-isem tal-kumpanija, il-forma ġuridika, l-EUID jew, fejn l-EUID ma jkunx applikabbli, in-numru tar-reġistrazzjoni tagħha;

(l)

l-iskop tal-kumpanija, li jiddeskrivi l-attività jew l-attivitajiet ewlenin tagħha, li jista’ jiġi espress bl-użu tal-kodiċi tal-Klassifikazzjoni Statistika tal-Attivitajiet Ekonomiċi fil-Komunità Ewropea (NACE) relevanti, fejn tali kodiċi jintuża għall-finijiet tar-reġistru skont il-liġi nazzjonali applikabbli, u jekk l-iskop ikun irreġistrat fir-reġistru nazzjonali;

(m)

id-durata tal-kumpanija, ħlief meta d-durata tagħha tkun limitata;

(n)

dettalji tas-sit web tal-kumpanija jekk dawn id-dettalji jkunu rreġistrati fir-reġistru nazzjonali;

(o)

id-data tal-ħruġ taċ-Ċertifikat tal-Kumpaniji tal-UE tal-kumpanija.

3.   Iċ-Ċertifikat tal-Kumpaniji tal-UE għas-soċjetajiet elenkati fl-Anness IIB għandu jinkludi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, bl-eċċezzjoni tal-punti (e), (h), (j) u (k).

Għandha tiġi inkluża wkoll l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-uffiċċju rreġistrat, jew l-ekwivalenti, tal-kumpanija;

(b)

l-ammont ta’ responsabbiltà massima jew tal-kontribuzzjoni ta’ kull soċju akkomandanti, jekk din l-informazzjoni tkun irreġistrata fir-reġistru nazzjonali;

(c)

l-ismijiet, il-kunjomijiet u d-data tat-twelid, jew informazzjoni ekwivalenti meta dik id-data ma tkunx irreġistrata fir-reġistru nazzjonali, tas-soċji, tad-diretturi jew ta’ rappreżentanti statutorji oħra, li huma awtorizzati li jirrappreżentaw is-soċjetà f’negozjati ma’ partijiet terzi u fi proċedimenti legali, jew, jekk mhux applikabbli, informazzjoni dwar in-natura u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-awtorizzazzjoni tas-soċji, diretturi jew rappreżentanti oħra biex jirrappreżentaw is-soċjetà u d-dettalji tagħhom;

(d)

meta l-persuni msemmija fil-punt (c) ikunu persuni ġuridiċi, l-isem tal-kumpanija, il-forma ġuridika, l-EUID jew, fejn l-EUID ma jkunx applikabbli, in-numru tar-reġistrazzjoni;

(e)

jekk differenti mill-punti (c) u (d), l-ismijiet, il-kunjomijiet u d-data tat-twelid, jew informazzjoni ekwivalenti meta dik id-data ma tkunx irreġistrata fir-reġistru nazzjonali, tas-soċji solidali, u, fil-każ ta’ soċjetajiet akkomandanti, id-dettalji tas-soċji akkomandanti, fejn id-dettalji ta’ dawk tal-aħħar isiru pubbliċi fir-reġistru nazzjonali.

(f)

meta l-persuni msemmija fil-punt (e) ikunu persuni ġuridiċi, l-isem tal-kumpanija, il-forma ġuridika, l-EUID jew, fejn l-EUID ma jkunx applikabbli, in-numru tar-reġistrazzjoni.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ċ-Ċertifikat tal-Kumpaniji tal-UE jista’ jinkiseb mir-reġistru wara applikazzjoni ppreżentata lir-reġistru b’mezzi elettroniċi jew stampati.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-verżjoni elettronika taċ-Ċertifikat tal-Kumpaniji tal-UE tista’ tinkiseb ukoll permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull kumpanija elenkata fl-Anness II jew fl-Anness IIB tista’ tikseb iċ-Ċertifikat tal-Kumpaniji tal-UE tagħha f’format elettroniku mingħajr ħlas, sakemm dan ma jikkawżax preġudizzju serju għall-finanzjament tar-reġistri nazzjonali.Fi kwalunkwe każ, kull kumpanija għandha tkun tista’ tikseb iċ-Ċertifikat tal-Kumpaniji tal-UE tagħha mingħajr ħlas mill-inqas darba f’sena kalendarja.

Fejn jintalab ħlas għall-kisba taċ-Ċertifikat tal-Kumpaniji tal-UE, kemm jekk b’mezzi elettroniċi jew f’format stampat, ma għandux jaqbeż il-kostijiet amministrattivi tiegħu, inkluż il-kostijiet tal-iżvilupp u tal-manutenzjoni tar-reġistri.

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ċ-Ċertifikat tal-Kumpaniji tal-UE pprovdut mir-reġistru f’format elettroniku ġie awtentikat permezz tas-servizzi fiduċjarji kif imsemmija fir-Regolament (UE) Nru 910/2014 sabiex ikun garantit li ġie pprovdut mir-reġistru u li l-kontenut tiegħu huwa kopja vera tal-informazzjoni miżmuma mir-reġistru jew li huwa konsistenti mal-informazzjoni li fih. Iċ-Ċertifikat tal-Kumpaniji tal-UE għandu jkun kompatibbli wkoll mal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali, kif previst fir-Regolament (UE) 2024/1183.

7.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ċ-Ċertifikat tal-Kumpaniji tal-UE pprovdut mir-reġistru f’format stampat jinkludi d-data tal-ħruġ, kif ukoll is-siġill jew it-timbru tar-reġistru, jew mezz ekwivalenti ta’ awtentikazzjoni, sabiex jiċċertifika li l-kontenut tiegħu huwa kopja vera tal-informazzjoni miżmuma mir-reġistru jew li huwa konsistenti mal-informazzjoni li tinsab fih, u jkollu numru uniku ta’ protokoll jew ta’ identifikazzjoni jew karatteristika simili li tippermetti l-verifika elettronika tal-oriġini u l-awtentiċità tad-dokument.

8.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-mudell multilingwu għaċ-Ċertifikat tal-Kumpaniji tal-UE fuq il-portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika(‘il-portal’) bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni.

Artikolu 16c

Prokura diġitali tal-UE

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, sabiex iwettqu proċeduri fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva fi Stat Membru ieħor, b’mod partikolari l-formazzjoni tal-kumpaniji, ir-reġistrazzjoni jew l-għeluq ta’ fergħat, u konverżjonijiet transfruntieri, fużjonijiet u diviżjonijiet, il-kumpaniji elenkati fl-Annessi II u IIB jistgħu jużaw mudell għall-prokura diġitali tal-UE f’konformità ma’ dan l-Artikolu biex jawtorizzaw persuna tirrappreżenta l-kumpanija.

Il-prokura diġitali tal-UE għandha titfassal, tiġi emendata jew tiġi revokata f’konformità mar-rekwiżiti nazzjonali. Tali rekwiżiti nazzjonali għat-tfassil, l-emenda u r-revoka tal-prokura diġitali tal-UE għandhom tal-anqas jinkludu l-verifika mill-qrati, in-nutara jew awtoritajiet kompetenti oħrajn tal-identità, tal-kapaċità ġuridika u tal-awtorità għar-rappreżentanza tal-kumpanija tal-persuna li tagħti, temenda jew tirrevoka, l-prokura.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-prokura diġitali tal-UE tiġi awtentikata permezz tas-servizzi fiduċjarji kif imsemmija fir-Regolament (UE) Nru 910/2014, u li l-għoti, l-emenda jew ir-revoka tagħha jkunu kompatibbli għall-użu mal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali kif previst fir-Regolament (UE) 2024/1183.

2.   Il-prokura diġitali tal-UE għandha tiġi aċċettata bħala evidenza tal-intitolament tal-persuna awtorizzata li tirrappreżenta l-kumpanija kif speċifikat fid-dokument.

3.   L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-prokura diġitali tal-UE, kwalunkwe emenda għaliha, u kwalunkwe revoka tagħha, jiġu ppreżentati f’reġistru. F’dan il-każ, it-tariffi imposti għall-kisba ta’ aċċess għall-informazzjoni dwar il-prokura diġitali tal-UE ma għandhomx jaqbżu l-kostijiet amministrattivi tagħha, inkluż il-kostijiet tal-iżvilupp u l-manutenzjoni ta’ reġistri.

4.   Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 24(2), il-punt (e), tistabbilixxi l-mudell għall-prokura diġitali tal-UE, li għandu jinkludi mill-inqas kampijiet tad-data dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tar-rappreżentanza, il-persuna awtorizzata biex tirrappreżenta l-kumpanija u t-tip ta’ rappreżentazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tippubblika dik l-informazzjoni fuq il-portal fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni.

Artikolu 16d

Eżenzjoni mil-legalizzazzjoni u minn kwalunkwe formalità simili

1.   Fejn kopji u estratti ta’ dokumenti u informazzjoni pprovduti u ċċertifikati bħala kopji veri minn reġistru, inkluż traduzzjonijiet iċċertifikati, iridu jiġu ppreżentati fi Stat Membru ieħor, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu eżentati mill-forom kollha ta’ legalizzazzjoni u kwalunkwe formalità simili.

L-ewwel subparagrafu għandu japplika għal kopji elettroniċi u estratti ta’ dokumenti u informazzjoni, inkluż traduzzjonijiet iċċertifikati, li jkunu ġew awtentikati f’konformità mal-Artikolu 16a(4). Għandu japplika wkoll għall-kopji u għall-estratti tad-dokumenti u tal-informazzjoni, inkluż traduzzjonijiet iċċertifikati, f’format stampat, fejn dawn jinkludu d-data tal-ħruġ tagħhom kif ukoll is-siġill jew it-timbru tar-reġistru, jew mezz ekwivalenti ta’ awtentikazzjoni, u jkollhom numru uniku ta’ protokoll jew ta’ identifikazzjoni jew karatteristika simili li tippermetti l-verifika elettronika tal-oriġini u l-awtentiċità tad-dokument.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ċ-Ċertifikat tal-Kumpaniji tal-UE maħruġ f’konformità mal-Artikolu 16b, il-prokura diġitali tal-UE msemmija fl-Artikolu 16c u ċ-ċertifikati ta’ qabel il-konverżjoni, fużjoni jew diviżjoni trażmessi f’konformità mal-Artikoli 86n, 127a u 160n ikunu eżentati mill-forom kollha ta’ legalizzazzjoni u kwalunkwe formalità simili.

3.   Fejn atti notarili, dokumenti amministrattivi, il-kopji ċċertifikati u t-traduzzjonijiet tagħhom maħruġa fi Stat Membru fil-kuntest tal-proċeduri fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jridu jiġu ppreżentati fi Stat Membru ieħor, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu eżentati mill-forom kollha ta’ legalizzazzjoni u kwalunkwe formalità simili.

L-ewwel subparagrafu għandu japplika għal atti notarili elettroniċi, dokumenti amministrattivi, il-kopji ċċertifikati u t-traduzzjonijiet tagħhom meta jkunu ġew awtentikati permezz tas-servizzi fiduċjarji kif imsemmija fir-Regolament (UE) Nru 910/2014. Japplika wkoll għal atti notarili, għal dokumenti amministrattivi, għall-kopji ċċertifikati u għat-traduzzjonijiet tagħhom f’format stampa fejn ikollhom numru uniku ta’ protokoll jew ta’ identifikazzjoni jew karatteristika simili li tippermetti l-verifika elettronika tal-oriġini u l-awtentiċità tad-dokument.

Artikolu 16e

Salvagwardji f’każijiet ta’ dubju raġonevoli dwar l-oriġini jew l-awtentiċità

1.   Fejn l-awtoritajiet fi Stat Membru ieħor li lilhom jiġu ppreżentati l-kopji u l-estratti tad-dokumenti u l-informazzjoni pprovduti u ċċertifikati bħala kopji veri minn reġistru f’konformità mal-Artikolu 16d(1), jew iċ-Ċertifikat tal-Kumpaniji tal-UE maħruġ f’konformità mal-Artikolu 16b, ikollhom dubju raġonevoli dwar l-oriġini jew l-awtentiċità, inkluż l-identità tas-siġill jew tat-timbru, jew ikollhom raġuni biex jikkunsidraw li dokument ikun ġie ffalsifikat jew imbagħbas, huma jistgħu jippreżentaw talba għal informazzjoni lill-punt ta’ kuntatt:

(a)

marbut mar-reġistru li pprovda l-kopji u l-estratti tad-dokumenti u tal-informazzjoni jew li ħareġ iċ-Ċertifikat tal-Kumpaniji tal-UE, jew

(b)

marbut mar-reġistru tal-Istat Membru tal-awtorità li fiha ġew ippreżentati l-kopji u l-estratti tad-dokumenti u tal-informazzjoni jew iċ-Ċertifikat tal-Kumpaniji tal-UE; dak ir-reġistru għandu jivverifika permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri l-awtentiċità ta’ dawk il-kopji u l-estratti tad-dokumenti u tal-informazzjoni u ta’ dak iċ-Ċertifikat tal-Kumpaniji tal-UE mar-reġistru li jkun ipprovdihom jew li jkun ħariġhom.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-punti ta’ kuntatt rilevanti.

2.   It-talbiet għal informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jippreżentaw ir-raġunijiet li għalihom l-awtorità tiddubita l-oriġini jew l-awtentiċità tal-kopji u l-estratti ta’ dokumenti u informazzjoni jew iċ-Ċertifikat tal-Kumpaniji tal-UE, b’mod partikolari f’każijiet fejn l-awtorità ma tkunx tista’ tawtentika kopja jew estratt tad-dokumenti u l-informazzjoni jew iċ-Ċertifikat tal-Kumpaniji tal-UE permezz ta’ metodi ta’ verifika elettronika. Kull talba għandha tkun akkumpanjata mill-kopja jew mill-estratt tad-dokument u mill-informazzjoni jew iċ-Ċertifikat tal-Kumpaniji tal-UE kkonċernati trażmessi elettronikament.

Talbiet li ma jikkonformawx mar-rekwiżiti stipulati f’dan il-paragrafu għandhom jiġu rrifjutati mingħajr eżami u l-awtorità li ppreżentat it-talba għandha tiġi infurmata bir-rifjut permezz tal-punt ta’ kuntatt.

3.   Il-punti ta’ kuntatt għandhom iwieġbu għat-talbiet għal informazzjoni magħmula skont il-paragrafu 1 f’perjodu ta’ mhux aktar minn 5 ijiem tax-xogħol.

4.   L-awtorità rikjedenti tista’ tiddeċiedi li ma taċċettax il-kopji u l-estratti tad-dokumenti u l-informazzjoni jew iċ-Ċertifikat tal-Kumpaniji tal-UE biss jekk l-oriġini jew l-awtentiċità tagħhom ma jkunux ikkonfermati mir-reġistru li minnu talbet l-informazzjoni skont il-paragrafu 2. F’dan il-każ, l-awtorità rikjedenti għandha tinnotifika lil dawk li ppreżentaw tali dokumenti u informazzjoni jew iċ-Ċertifikat tal-Kumpaniji tal-UE dwar dik id-deċiżjoni mingħajr dewmien żejjed u mhux aktar tard minn 10 ijiem tax-xogħol wara li tirċievi t-tweġiba mill-punt ta’ kuntatt.

Artikolu 16f

Salvagwardji f’każijiet ta’ dubju raġonevoli dwar abbuż jew frodi

1.   Fejn ġustifikat minn raġunijiet ta’ interess pubbliku għall-prevenzjoni ta’ abbuż jew frodi, l-awtoritajiet fi Stat Membru ieħor jistgħu eċċezzjonalment u fuq bażi ta’ każ b’każ, fejn ikollhom bażi raġonevoli biex jissuspettaw abbuż jew frodi, jirrifjutaw li jaċċettaw dokumenti jew informazzjoni dwar kumpanija minn reġistru fi Stat Membru ieħor bħala evidenza tar-reġistrazzjoni ta’ kumpanija jew tal-eżistenza kontinwa tagħha, jew bħala evidenza fir-rigward tal-informazzjoni speċifika tal-kumpanija li hija soġġetta għal suspett ta’ abbuż jew frodi.

2.   Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, l-awtoritajiet għandhom jikkonsultaw ir-reġistru li pprovda d-dokument jew l-informazzjoni. Jekk id-dokument jew l-informazzjoni ma jiġux aċċettati fi Stat Membru f’konformità ma’ dan l-Artikolu, l-awtoritajiet għandhom jinfurmaw lir-reġistru li pprovda tali dokument jew informazzjoni.

3.   Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 16(5) u għall-possibbiltà li l-awtoritajiet kompetenti jwissu lir-reġistru li minnu joriġina d-dokument jew l-informazzjoni f’każijiet fejn iqisu li d-dokument jew l-informazzjoni pprovdut lilhom jista’ jkun fih żbalji involontarji, klerikali jew evidenti oħra, bil-ħsieb li jfittxu r-rettifika possibbli tiegħu qabel ma jiddependu fuq id-dokument jew l-informazzjoni, inkluż għal entrati fir-reġistru tagħhom stess.

Artikolu 16g

Eżenzjoni mit-traduzzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom biex ma jirrikjedux it-traduzzjoni ta’ kopji jew estratti ta’ dokumenti pprovduti mir-reġistru ta’ Stat Membru ieħor inkluż fis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 13g(2a) u l-Artikolu 28a(5a), meta l-informazzjoni speċifika meħtieġa dwar kumpanija tkun tista’ tiġi aċċessata u kkonsultata:

(a)

fiċ-Ċertifikat tal-Kumpaniji tal-UE msemmi fl-Artikolu 16b; jew

(b)

permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri u tkun identifikabbli permezz tat-tikketti ta’ spjegazzjoni msemmija fl-Artikolu 18.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fejn l-istrumenti ta’ kostituzzjoni u l-istatuti, jekk ikunu jinsabu fi strument separat, u dokumenti oħrajn ipprovduti minn reġistru, għandhom jiġu ppreżentati fi Stat Membru ieħor, traduzzjoni ċċertifikata għandha tkun meħtieġa biss fejn din tkun iġġustifikata mill-għan li għalih ser jintuża d-dokument, bħal biex jiġi ssodisfat rekwiżit obbligatorju ta’ divulgazzjoni pubblika jew biex jiġi ppreżentat fi proċedimenti ġudizzjarji, u tkun strettament meħtieġa.

3.   Dan il-paragrafu għandu jiġi applikat mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 21 u 32.”

;

(22)

L-Artikolu 17 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa għall-pubblikazzjoni fuq il-portal skont ir-regoli u r-rekwiżiti tekniċi tal-portal.”

;

(b)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“4.   Dan l-Artikolu għandu japplika wkoll għall-informazzjoni dwar is-soċjetajiet imsemmija fl-Artikolu 14a.”

;

(23)

L-Artikolu 18 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 18

Id-disponibbiltà ta’ kopji elettroniċi tad-dokumenti u tal-informazzjoni

1.   Il-kopji elettroniċi tad-dokumenti u tal-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 14 u 14a għandhom ikunu wkoll disponibbli pubblikament permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri. L-Istati Membri jistgħu jagħmlu disponibbli wkoll id-dokumenti u l-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 14 u 14a għal tipi ta’ kumpaniji minbarra dawk elenkati fl-Annessi II u IIB.

L-Artikolu 16a(3), (4) u (5) għandu japplika mutatis mutandis għall-kopji elettroniċi tad-dokumenti u l-informazzjoni ssir disponibbli għall-pubbliku permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dokumenti u l-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 14 u 14a, l-Artikolu 19(2), l-Artikolu 19a(2) u l-Artikolu 19b ikunu disponibbli permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri f’format ta’ messaġġ standard u aċċessibbli b’mezzi elettroniċi. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-istandards minimi għas-sigurtà tat-trażmissjoni tad-data jkunu rrispettati.

3.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi servizz ta’ tiftix bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni fir-rigward ta’ kumpaniji rreġistrati fl-Istati Membri, sabiex permezz tal-portal tagħmel disponibbli:

(a)

id-dokumenti u l-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 14 u 14a, l-Artikolu 19(2), l-Artikolu 19a(2) u l-Artikolu 19b, inkluż għal tipi ta’ kumpaniji minbarra dawk elenkati fl-Annessi II u IIB, fejn tali dokumenti u informazzjoni jagħmluhom disponibbli l-Istati Membri;

(aa)

id-dokumenti u l-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 86g, 86n, 86p, 123, 127a, 130, 160 g, 160n u 160p;

(b)

it-tikketti ta’ spjegazzjoni, disponibbli bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni, li jelenkaw dik l-informazzjoni u t-tipi ta’ dawk id-dokumenti.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri, l-ismijiet, il-kunjomijiet u d-data tat-twelid, jew informazzjoni ekwivalenti meta dik id-data ma tkunx irreġistrata fir-reġistru nazzjonali, tal-persuni msemmija fl-Artikolu 14, il-punt (d), l-Artikolu 14a, il-punti (i) u (j), l-Artikolu 19(2), il-punt (g), l-Artikolu 19a(2), il-punt (g), l-Artikolu 30(1), il-punt (e) u l-Artikolu 36(4), il-punt (f), fejn tali persuni huma persuni fiżiċi, ikunu disponibbli għall-pubbliku.

Meta l-persuni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu jkunu persuni ġuridiċi, l-isem tal-kumpanija, il-forma ġuridika tagħha, l-EUID tagħha jew, fejn l-EUID ma jkunx applikabbli, in-numru tar-reġistrazzjoni tagħha għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri, l-ismijiet, il-kunjomijiet u d-data tat-twelid, jew informazzjoni ekwivalenti meta dik id-data ma tkunx irreġistrata fir-reġistru nazzjonali, tal-persuni msemmija fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/102/KE, meta tali persuni huma persuni fiżiċi, ikunu disponibbli għall-pubbliku.

Meta l-persuni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu jkunu persuni ġuridiċi, l-isem tal-kumpanija, il-forma ġuridika tagħha, l-EUID tagħha jew, fejn l-EUID ma jkunx applikabbli, in-numru tar-reġistrazzjoni tagħha għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri.

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-reġistri, l-awtoritajiet jew il-persuni jew il-korpi maħtura skont il-liġi nazzjonali biex jittrattaw kwalunkwe aspett tal-proċeduri fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva ma jaħżnu ebda data personali trażmessa permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri għall-finijiet tal-Artikoli 13g, 28a u 30a, sakemm ma jkunx previst mod ieħor mil-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali.”

;

(24)

L-Artikolu 19 huwa emendat kif ġej:

(a)

l-intestatura hija sostitwita b’dan li ġej:

“ Tariffi li għandhom jitħallsu għal dokumenti u informazzjoni fir-rigward ta’ kumpaniji b’responsabbiltà limitata ”;

(b)

fil-paragrafu 2, jiżdied il-punt li ġej:

“(i)

l-għadd medju ta’ impjegati tal-kumpanija matul is-sena finanzjarja, fejn il-liġi nazzjonali tirrikjedi li tali informazzjoni ssir disponibbli fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji tal-kumpanija u mill-mument li tali informazzjoni tkun tista’ tiġi estratta bħala data.”

;

(c)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-informazzjoni msemmija fil-punti (d), (f) u (i) għandha ssir disponibbli mingħajr ħlas għall-awtoritajiet ta’ Stati Membri oħra biss.”

;

(25)

jiddaħħlu l-artikoli li ġejjin:

“Artikolu 19a

Tariffi li għandhom jitħallsu għal dokumenti u informazzjoni fir-rigward ta’ soċjetajiet

1.   It-tariffi imposti għall-kisba tad-dokumenti u l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 14a permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri ma għandhomx ikunu ogħla mill-kostijiet amministrattivi tagħhom, inklużi l-kostijiet tal-iżvilupp u manutenzjoni tar-reġistri.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dokumenti u l-informazzjoni li ġejjin dwar il-kumpaniji elenkati fl-Anness IIB ikunu disponibbli mingħajr ħlas permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri:

(a)

l-isem u l-forma ġuridika tas-soċjetà;

(b)

l-uffiċċju reġistrat tas-soċjetà u l-Istat Membru fejn hija rreġistrata;

(c)

in-numru tar-reġistrazzjoni tas-soċjetà u l-EUID tagħha;

(d)

dettalji tas-sit web tas-soċjetà jekk dawn id-dettalji jkunu rreġistrati fir-reġistru nazzjonali;

(e)

l-istatus tas-soċjetà, bħal meta hija magħluqa, maqtugħa mir-reġistru, likwidata, xolta, ekonomikament attiva jew inattiva kif definit mil-liġi nazzjonali u jekk hija tkun irreġistrata fir-reġistru nazzjonali;

(f)

l-iskop tas-soċjetà, jekk din l-informazzjoni tkun irreġistrata fir-reġistru nazzjonali;

(g)

id-dettalji tas-soċji, diretturi jew rappreżentanti statutorji oħra li huma awtorizzati li jirrappreżentaw is-soċjetà f’negozjati ma’ partijiet terzi u fi proċedimenti legali, u informazzjoni dwar jekk il-persuni awtorizzati li jirrappreżentaw is-soċjetà jistgħux jagħmlu dan weħidhom jew humiex meħtieġa li jaġixxu b’mod konġunt, jew, jekk mhux applikabbli, informazzjoni dwar in-natura u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-awtorizzazzjoni tas-soċji, diretturi jew rappreżentanti oħra biex jirrappreżentaw is-soċjetà u d-dettalji tagħhom;

(h)

informazzjoni dwar kwalunkwe fergħa miftuħa mis-soċjetà fi Stat Membru ieħor inkluż l-isem, in-numru tar-reġistrazzjoni, l-EUID u l-Istat Membru fejn hija rreġistrata l-fergħa.

3.   L-iskambju ta’ kwalunkwe informazzjoni permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri għandu jkun mingħajr ħlas għar-reġistri.

4.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, il-punti (d) u (f), għandha ssir disponibbli mingħajr ħlas għall-awtoritajiet ta’ Stati Membri oħra biss.

Artikolu 19b

Informazzjoni dwar gruppi ta’ kumpaniji

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, għall-gruppi li għalihom il-kumpaniji omm elenkati fl-Anness II jew IIB huma meħtieġa jħejju u jippubblikaw dikjarazzjonijiet finanzjarji konsolidati skont l-Artikoli 21 sa 29 tad-Direttiva 2013/34/UE, l-informazzjoni li ġejja tkun disponibbli mingħajr ħlas permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri:

(a)

(i)

fejn il-kumpanija omm apikali hija rregolata mil-liġi ta’ Stat Membru, l-isem, il-forma ġuridika u l-EUID ta’ dik il-kumpanija omm apikali li jkun fassal id-dikjarazzjonijiet finanzjarji konsolidati, u l-Istat Membru fejn tkun irreġistrata; jew

(ii)

meta l-kumpanija omm apikali tkun irregolata mil-liġi ta’ pajjiż terz, jew l-isem ta’ dik il-kumpanija omm apikali li tkun fasslet id-dikjarazzjonijiet finanzjarji konsolidati, il-pajjiż terz fejn tkun irreġistrata u, fejn disponibbli, in-numru tar-reġistrazzjoni u l-isem tar-reġistru jew, inkella, meta l-kumpanija omm intermedja tkun fasslet id-dikjarazzjonijiet finanzjarji konsolidati, l-isem, il-forma ġuridika u l-EUID ta’ dik il-kumpanija omm intermedja u l-Istat Membru fejn tkun irreġistrata; kif ukoll

(b)

(i)

għal kull kumpanija sussidjarja rregolata mil-liġi ta’ Stat Membru, l-informazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 28(2), il-punt (a)(i) tad-Direttiva 2013/34/UE u l-Artikolu 19(2), il-punti (a) sa (c), u l-Artikolu 19a(2), il-punti (a) sa (c) ta’ din id-Direttiva; kif ukoll

(ii)

għal kull kumpanija sussidjarja rregolata mil-liġi ta’ pajjiż terz, l-informazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 28(2), il-punt (a)(i), tad-Direttiva 2013/34/UE; f’dan ir-rigward, l-informazzjoni dwar l-uffiċċju rreġistrat tinkludi l-pajjiż terz fejn il-kumpanija sussidjarja jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha u, fejn disponibbli, anki n-numru tar-reġistrazzjoni u l-isem tar-reġistru.

2.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tinkludi l-proporzjon tal-kapital miżmum bejn il-kumpanija omm apikali u kull waħda mill-kumpaniji sussidjarji.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 tiġi aġġornata f’konformità ma’ informazzjoni ġdida inkluża fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji sussegwenti.”

;

(26)

fl-Artikolu 21, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“5.   Dan l-Artikolu għandu japplika għall-Artikolu 14a”

;

(27)

fl-Artikolu 22, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“7.   F’konformitá mal-Artikolu 24(2), il-punt (f), il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi konnessjonijiet bejn is-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri, l-interkonnessjoni tar-reġistri tas-sjieda benefiċjarja prevista fl-Artikolu 30(10) u l-Artikolu 31(9) tad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*4) u l-interkonnessjoni tar-reġistri tal-insolvenza prevista fl-Artikolu 25(1) tar-Regolament (UE) 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*5).

L-istabbiliment ta’ konnessjonijiet f’konformità mal-ewwel subparagrafu ma għandux ibiddel jew jevita r-regoli u r-rekwiżiti relatati mal-aċċessar tal-informazzjoni kkonċernata, kif stabbilit taħt l-oqfsa rilevanti li jistabbilixxu dawk ir-reġistri u l-interkonnessjonijiet.

(*4)  Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73)."

(*5)  Ir-Regolament (UE) 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar proċedimenti ta’ insolvenza (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 19).”;"

(28)

fl-Artikolu 24, l-ewwel, it-tieni u t-tielet paragrafu jsiru l-ewwel, it-tieni u t-tielet subparagrafu ta’ paragrafu 1 ġdid u jiżdied il-paragrafu li ġej:

“2.   Permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tadotta wkoll dan li ġej:

(a)

il-lista dettaljata ta’ data u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li jiddefinixxu l-metodi ta’ rkupru ta’ informazzjoni bejn ir-reġistru tal-kumpanija fondatriċi u r-reġistru tal-kumpanija li tkun qed tiġi fformata kif imsemmi fl-Artikolu 13g(2a), u bejn ir-reġistru tal-kumpanija u r-reġistru tal-fergħa kif imsemmi fl-Artikolu 28a(5a);

(b)

il-lista dettaljata tad-data, id-dettalji tat-tikketti ta’ spjegazzjoni u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li jiddefinixxu l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 14a, l-Artikolu 19(2), l-Artikolu 19a(2) u l-Artikolu 19b li għandha ssir disponibbli permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri;

(c)

l-istandards tekniċi u t-tassonomija għad-dokumenti u l-informazzjoni li għandhom jiġu ppreżentati f’konformità mal-Artikolu 16(6), filwaqt li jitqiesu l-istandards tekniċi diġà użati fir-reġistri tal-Istati Membri;

(d)

l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, inkluż kompatibbiltà mal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali kif previst fir-Regolament (UE) 2024/1183, kif ukoll it-tassonomija u l-mudell multilingwa għaċ-Ċertifikat tal-Kumpaniji tal-UE msemmi fl-Artikolu 16b ta’ din id-Direttiva;

(e)

l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, inkluż il-kompatibbiltà mal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali kif previst fir-Regolament (UE) 2024/1183, kif ukoll it-tassonomija u l-mudell multilingwi għall-prokura diġitali tal-UE msemmija fl-Artikolu 16c;

(f)

l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u l-lista dettaljata tad-data li jiddefinixxu r-rekwiżiti tekniċi għal aċċessibbiltà reċiproka bejn l-interkonnessjonijiet imsemmija fl-Artikolu 22(7), li għandhom ikopru l-użu tal-identifikatur uniku għall-kumpaniji attribwiti f’konformità mal-Artikolu 16;

(g)

l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u l-lista dettaljata tad-data li jiddefinixxu r-rekwiżiti tekniċi għall-verifika msemmija fl-Artikolu 16e(1), il-punt (b).

Il-Kummissjoni għandha tadotta l-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu sal-31 ta’ Lulju 2026. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 164(2).”

;

(29)

fl-Artikolu 26, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Dan l-Artikolu għandu japplika mutatis mutandis għall-kumpaniji elenkati fl-Anness IIB.”

;

(30)

L-Artikolu 28 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 28

Penali

L-Istati Membri għandhom jipprevedu penali effettivi, proporzjonati u dissważivi tal-anqas fil-każ ta’:

(a)

nuqqas ta’ divulgazzjoni tad-dokumenti u tal-informazzjoni kif meħtieġ mill-Artikoli 14 u 14a;

(b)

nuqqas li jiġu ppreżentati bidliet fil-perjodu stabbilit fl-Artikolu 15(2), il-punt (a);

(c)

ommissjoni minn dokumenti kummerċjali jew minn kwalunkwe sit web tal-kumpanija tal-informazzjoni obbligatorja prevista fl-Artikolu 26.

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-penali msemmija fl-ewwel paragrafu jiġu infurzati.”

;

(31)

l-Artikolu 28a huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 4, il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

issir verifika tal-legalità tad-dokumenti u l-informazzjoni ppreżentati għar-reġistrazzjoni tal-fergħa, bl-eċċezzjoni tad-dokumenti u l-informazzjoni miksuba mir-reġistru tal-kumpanija f’konformità mal-paragrafu 5a;”

;

(b)

fil-paragrafu 5, jitħassar l-ewwel subparagrafu;

(c)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“5a.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fejn kumpanija elenkata fl-Annessi II jew IIB tirreġistra fergħa fi Stat Membru ieħor, dik il-kumpanija mhix soġġetta għal talbiet biex tipprovdi dokumenti u informazzjoni rilevanti għall-proċedura ta’ reġistrazzjoni li huma disponibbli fir-reġistru tal-Istat Membru fejn dik il-kumpanija tkun irreġistrata. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-reġistru tal-Istat Membru fejn tkun qed tiġi rreġistrata l-fergħa jirkupra tali dokumenti u informazzjoni permezz ta’ skambju ta’ informazzjoni mis-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistru. Dak ir-reġistru jista’ jirkupra ċ-Ċertifikat tal-Kumpaniji tal-UE skont l-Artikolu 16b. Ir-reġistru tal-Istat Membru fejn tkun qed tiġi rreġistrata l-fergħa jista’ wkoll jaċċessa direttament dokumenti u informazzjoni li huma disponibbli fis-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri permezz tal-portal, jew fir-reġistru tal-Istat Membru fejn tkun irreġistrata l-kumpanija li qed tirreġistra l-fergħa.

Meta kwalunkwe awtorità jew persuna jew korp jingħata mandat skont il-liġi nazzjonali biex jittratta kwalunkwe aspett tar-reġistrazzjoni ta’ fergħa, u d-dokumenti u l-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu huma meħtieġa għat-twettiq ta’ dawn il-kompiti, ir-reġistru tal-Istat Membru fejn il-fergħa tkun qed tiġi rreġistrata għandu, fuq talba, jipprovdi d-dokumenti u l-informazzjoni miksuba skont l-ewwel subparagrafu lil dik l-awtorità, persuna jew korp, sakemm tali dokumenti u informazzjoni ma jkunux pubblikament disponibbli mingħajr ħlas permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri.”

;

(32)

fl-Artikolu 28b(1), l-ewwel sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dokumenti u l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 30 jew kwalunkwe bidla tiegħu jistgħu jiġu ppreżentati online f’konformità mal-Artikolu 15(2), il-punti (a) u (b).”

;

(33)

jitħassar l-Artikolu 30(2), il-punt (c);

(34)

fl-Artikolu 36, jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“3.   Id-dokumenti u l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 37 għandhom ikunu magħmulin pubblikament disponibbli permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri. L-Artikolu 18 u l-Artikolu 19(1) għandhom japplikaw mutatis mutandis.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tal-anqas id-dokumenti u l-informazzjoni li ġejjin ikunu disponibbli mingħajr ħlas permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri:

(a)

l-isem tal-kumpanija u l-isem tal-fergħa jekk ikun differenti mill-isem tal-kumpanija;

(b)

il-forma ġuridika tal-kumpanija;

(c)

il-liġi tal-Istat li tirregola l-kumpanija;

(d)

meta l-liġi li tirregola l-kumpanija hekk tkun teħtieġ, ir-reġistru li fih tkun irreġistrata l-kumpanija u n-numru tar-reġistrazzjoni tal-kumpanija f’dak ir-reġistru;

(e)

l-indirizz tal-fergħa;

(f)

id-dettalji tal-persuni li huma awtorizzati jirrappreżentaw lill-kumpanija f’negozjati ma’ partijiet terzi u fi proċedimenti legali:

—

bħala korp tal-kumpanija kkostitwita skont il-liġi jew bħala membri ta’ kwalunkwe korp bħal dan;

—

bħala rappreżentanti permanenti tal-kumpanija għall-attivitajiet tal-fergħa;

Għandha tiġi ddikjarata l-firxa tas-setgħat tal-persuni awtorizzati biex jirrappreżentaw lill-kumpanija, kif ukoll jekk dawk il-persuni jistgħux jirrappreżentaw il-kumpanija waħedhom jew jekk humiex rikjesti li jaġixxu konġuntement;

(g)

l-identifikatur uniku tal-fergħa f’konformità mal-paragrafu 5.

5.   L-Istati Membri għandhom japplikaw l-Artikolu 29(4) mutatis mutandis għall-fergħat ta’ kumpaniji minn pajjiżi terzi.”

;

(35)

L-Artikolu 40 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 40

Penali

L-Istati Membri għandhom jipprevedu penali effettivi, proporzjonati u dissważivi fil-każ ta’ nuqqas ta’ divulgazzjoni tal-kwistjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 29, 30, 31, 36, 37 u 38 u ta’ ommissjoni minn ittri u forom ta’ ordnijiet tal-informazzjoni obbligatorja prevista fl-Artikoli 35 u 39.

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawk il-penali jiġu infurzati.”

;

(36)

jiddaħħal l-Anness IIB, kif jidher fl-Anness ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 3

Rappurtar u rieżami

1.   Il-Kummissjoni għandha, mill-31 ta’ Lulju 2032, twettaq evalwazzjoni ta’ din id-Direttiva u tippreżenta rapport dwar is-sejbiet ewlenin lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.

L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni meħtieġa għat-tħejjija tar-rapport, b’mod partikolari billi jipprovdu data relatata mal-paragrafu 2.

2.   Ir-rapport tal-Kummissjoni għandu jevalwa, fost l-oħrajn, il-kwistjonijiet li ġejjin, filwaqt li jagħti attenzjoni partikolari lill-fatturi li jippromwovu jew jiskoraġġixxu l-użu ta’ għodod u proċessi diġitali fil-kuntest ta’ tali kwistjonijiet:

(a)

l-esperjenza prattika tal-użu taċ-Ċertifikat tal-Kumpaniji tal-UE, inkluż l-użu tiegħu skont l-għadd ta’ Ċertifikati tal-Kumpaniji tal-UE maħruġa, id-disponibbiltà tiegħu mingħajr ħlas u l-impatt fuq il-kumpaniji, ir-reġistri jew l-awtoritajiet;

(b)

l-esperjenza prattika tal-użu tal-Prokura diġitali tal-UE;

(c)

l-esperjenza prattika tat-tnaqqis tal-formalitajiet f’sitwazzjonijiet transfruntieri għall-kumpaniji;

(d)

l-effettività tal-kontrolli preventivi u l-verifiki tal-legalità introdotti u implimentati mill-Istati Membri fl-iżgurar ta’ livell għoli ta’ akkuratezza u affidabbiltà tal-informazzjoni dwar il-kumpaniji, u l-ħtieġa għal aktar trasparenza fir-rigward ta’ tali informazzjoni;

(e)

il-ħtieġa u l-fattibbiltà li ssir disponibbli mingħajr ħlas aktar informazzjoni minn dik meħtieġa skont l-Artikoli 19(2) u 19a(2) tad-Direttiva (UE) 2017/1132, u, fejn applikabbli, minn dik prevista skont l-Artikoli 19(4) u 19a(4) ta’ dik id-Direttiva, u l-ħtieġa u l-fattibbiltà li jiġi żgurat aċċess mingħajr xkiel għal tali informazzjoni;

(f)

l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni għas-soċjetajiet skont l-Artikolu 14a tad-Direttiva (UE) 2017/1132, speċjalment fir-rigward ta’ informazzjoni li hija meħtieġa li tiġi ddivulgata biss jekk din l-informazzjoni tkun irreġistrata fir-reġistru nazzjonali.

3.   Il-Kummissjoni għandha tivvaluta wkoll:

(a)

il-potenzjal għall-interoperabbiltà transsettorjali bejn is-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri u sistemi oħrajn li jipprovdu mekkaniżmi għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti;

(b)

jekk humiex meħtieġa miżuri addizzjonali biex jiġu indirizzati bis-sħiħ il-ħtiġijiet tal-persuni b’diżabilità meta jkollhom aċċess għall-informazzjoni dwar il-kumpanija pprovduta mir-reġistri;

(c)

jekk il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar l-informazzjoni dwar gruppi ta’ kumpaniji għandux jiġi estiż biex ikopri kategoriji jew tipi oħra ta’ gruppi u entitajiet oħra, jekk għandhiex issir disponibbli għall-pubbliku aktar informazzjoni dwar gruppi, u jekk u kif l-istrutturi tal-gruppi għandhomx jiġi rappreżentati viżwalment permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri;

(d)

jekk il-kooperattivi għandhomx jiġu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva f’konformità mad-dispożizzjonijiet dwar is-soċjetajiet elenkati fl-Anness IIB, b’kunsiderazzjoni tal-karatteristiċi speċifiċi tal-kooperattivi.

4.   Il-Kummissjoni għandha tivvaluta wkoll jekk l-informazzjoni dwar il-post tal-amministrazzjoni ċentrali u l-post prinċipali tan-negozju għandhiex tiġi ddivulgata fir-reġistru nazzjonali u ssir disponibbli permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri, kif ukoll kif għandhom jiġu definiti dawk il-kunċetti biex jiġi żgurat li jinftehmu b’mod uniformi madwar l-Unjoni.

5.   Ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, jekk xieraq, minn proposta għall-emenda ulterjuri tad-Direttiva (UE) 2017/1132.

Artikolu 4

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sal-31 ta’ Lulju 2027, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni f’dak ir-rigward.

2.   L-Istati Membri għandhom japplikaw il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 mill-31 ta’ Lulju 2028.

3.   Minkejja l-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mal-Artikolu 19(2), il-punt (i) tad-Direttiva (UE) 2017/1132 u l-Artikolu 19b ta’ dik id-Direttiva sal-1 ta’ Awwissu 2028 u japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Awwissu 2029.

4.   Meta l-Istati Membri jadottaw il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom jinkludu dik ir-referenza meta jiġu pubblikati uffiċjalment. Il-metodi ta’ kif issir dik ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

5.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 6

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Diċembru 2024.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

BÓKA J.


(1)  L-opinjoni tal-14 ta’ Ġunju 2023 (ĠU C 293, 18.8.2023, p. 82).

(2)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ April 2024 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2024.

(3)  Id-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar ċerti aspetti tal-liġi dwar il-kumpaniji (ĠU L 169, 30.6.2017, p. 46).

(4)  Id-Direttiva (UE) 2019/1151 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 li temenda d-Direttiva (UE) 2017/1132 fir-rigward tal-użu ta’ għodod u proċessi diġitali fil-liġi dwar il-kumpaniji (ĠU L 186, 11.7.2019, p. 80).

(5)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta’ Mejju 2003 li tikkonċerna d-definizzjoni ta’ intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2018/1724 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Ottubru 2018 li jistabbilixxi gateway diġitali unika li tipprovdi aċċess għal informazzjoni, għal proċeduri u għas-servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 1).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(8)  Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).

(9)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/815 tas-17 ta’ Diċembru 2018 li jissupplimenta d-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar l-ispeċifikazzjoni tal-format elettroniku uniku għar-rapportar (ĠU L 143, 29.5.2019, p. 1).

(10)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/138 tal-21 ta’ Diċembru 2022 li jistabbilixxi lista ta’ settijiet tad-data speċifiċi ta’ valur għoli u l-arranġamenti għall-pubblikazzjoni u għall-użu mill-ġdid tagħhom (ĠU L 19, 20.1.2023, p. 43).

(11)  Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73).

(12)  Ir-Regolament (UE) 2024/1183 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 910/2014 fir-rigward tal-istabbiliment tal-Qafas Ewropew għall-Identità Diġitali (ĠU L, 2024/1183, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1183/oj).

(13)  Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).

(14)  Id-Direttiva (UE) 2018/843 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 li temenda d-Direttiva (UE) 2015/849 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, u li temenda d-Direttivi 2009/138/KE u 2013/36/UE (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 43).

(15)  Ir-Regolament (UE) 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar proċedimenti ta’ insolvenza (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 19).

(16)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(17)  Id-Direttiva (UE) 2016/2102 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar l-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi u tal-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku (ĠU L 327, 2.12.2016, p. 1).

(18)  Id-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi (ĠU L 151, 7.6.2019, p. 70).

(19)   ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.

(20)   ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(21)  Ir-Regolament (UE) 2024/903 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Marzu 2024 li jistipula miżuri għal livell għoli ta’ interoperabbiltà tas-settur pubbliku fl-Unjoni kollha (Att dwar Ewropa Interoperabbli) (ĠU L, 2024/903, 22.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/903/oj).

(22)   ĠU C 253, 18.7.2023, p. 8.

(23)  Id-Direttiva 2009/102/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 rigward il-liġijiet tal-kumpanniji dwar il-kumpanniji privati ta’ membru wieħed b’responsabbiltà limitata (ĠU L 258, 1.10.2009, p. 20).


ANNESS

“ANNESS IIB

TIPI TA’ KUMPANIJI LI JISSEMMEW FL-ARTIKOLI 7, 10, 13, 13f, 13g, 13j, 13k, 14a, 15, 16, 16b, 16c, 18, 19a, 26 u 28a

—

Belġju:

société en nom collectif/vennootschap onder firma, société en commandite/commanditaire vennootschap;

—

Bulgarija:

cъбирателно дружество, командитно дружество;

—

Ċekja:

veřejná obchodní společnost, komanditní společnost;

—

Danimarka:

interessentskab, kommanditselskab;

—

Ġermanja:

offene Handelsgesellschaft, Kommanditgesellschaft;

—

Estonja:

täisühing, usaldusühing;

—

Irlanda:

comhpháirtíocht theoranta; limited partnership

—

Greċja:

ομόρρυθμη εταιρεία, ετερόρρυθμη εταιρεία;

—

Spanja:

sociedad colectiva, sociedad comanditaria simple;

—

Franza:

société en nom collectif, société en commandite simple;

—

Kroazja:

javno trgovačko društvo, komanditno društvo;

—

Italja:

società in nome collettivo, società in accomandita semplice;

—

Ċipru:

ομόρρυθμος συνεταιρισμός, ετερόρρυθμος συνεταιρισμός;

—

Latvja:

pilnsabiedrība, komandītsabiedrība;

—

Litwanja:

tikroji ūkinė bendrija, komanditinė ūkinė bendrija;

—

Lussemburgu:

société en nom collectif, société en commandite simple;

—

Ungerija:

közkereseti társaság, betéti társaság;

—

Malta:

soċjetà f’isem kollettiv/partnership en nom collectif, soċjetà in akkomandita/partnership en commandite;

—

Netherlands:

vennootschap onder firma, commanditaire vennootschap;

—

Awstrija:

offene Gesellschaft, Kommanditgesellschaft;

—

Polonja:

spółka jawna, spółka komandytowa;

—

Portugall:

sociedade em nome coletivo, sociedade em comandita simples;

—

Rumanija:

societatea în nume colectiv, societatea în comandită simplă;

—

Slovenja:

družba z neomejeno odgovornostjo, komanditna družba;

—

Slovakkja:

verejná obchodná spoločnosť, komanditná spoločnosť;

—

Finlandja:

avoin yhtiö, kommandiittiyhtiö;

—

Żvezja:

handelsbolag, kommanditbolag.”.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2025/25/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)