Official Journal L 309 , 29/11/1996 P. 0007 - 0007
Azzjoni konġunta tat-22 ta’ novembru 1996 adottata mill-Kunsill fuq il-bażi ta’ Artikoli J.3 u K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea li jikkonċernaw miżuri ta’ protezzjoni kontra l-effetti ta’ l-applikazzjoni tal-leġislazzjoni extraterritorjali adottati minn pajjiżi terzi, u azzjonijiet ibbażati fuqhom jew li jirriżultaw minnhom (96/668/PESK) IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u b’mod partikulari Artikoli J.3 u K.3 (2) (b) tiegħu, Wara li kkunsidra l-linji gwida ġenerali mogħtija mill-Kunsill Ewropew meta ltaqa’ ġewwa Firenze fil-21 u fit-22 ta’ Ġunju 1996, Billi pajjiż terz ippromulga ċerti liġijiet, regolamenti, u strumenti leġislattivi oħra li huma intenzjonati biex jirregolaw l-attivitajiet ta’ persuni naturali u ġuridiċi taħt il-ġurisdizzjoni ta’ l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea; Billi bl-applikazzjoni extraterritorjali tagħhom dawn il-liġijiet, ir-regolamenti u l-istrumenti leġislattivi oħra jiksru l-liġi internazzjonali; Billi dawn il-liġijiet, inkluż regolamenti u strumenti leġislattivi u azzjonijiet oħra bbażati fuqhom jew li jirriżultaw minnhom, jaffettwaw jew x’aktarx jaffettwaw l-ordni legali stabbilita u jkollhom effetti ħżiena fuq l-interessi ta’ l-Unjoni Ewropea, u l-interessi tal-persuni naturali u ġuridiċi msemmija qabel; Billi l-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru. 2271/96 [1] bl-għan li jiġu protetti l-interessi tal-Komunità u ta’ persuni naturali u ġuridiċi li jeserċitaw drittijiet taħt it-Trattat li jwaqqaf il-Komunitajiet Ewropej; Billi, f’dawn iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni ta’ l-interessi tal-persuni naturali u ġuridiċi msemmija qabel sakemm din il-protezzjoni m’hijiex maħsuba taħt ir-Regolament (KE) Nru. 2271/96; Billi din l-Azzjoni Konġunta u r-Regolament (KE) Nru. 2271/96 flimkien jikkostitwixxu sistema integrata li tinvolvi lill-Komunità u lill-Istati Membri kull wieħed/waħda skond is-setgħat proprji tagħhom, ADOTTA L-AZZJONI KONĠUNTA LI ĠEJJA: Artikolu 1 Kull Stat Membru għandu jieħu l-mizuri li jħoss li huma neċessarji biex jiġu protetti l-interessi ta’ kull persuna li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru. 2271/96 u li hija affettwata bl-applikazzjoni ekstraterritorjali ta’ liġijiet inklużi regolamenti u strumenti leġislattivi oħra msemmija fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru. 2271/96, u azzjonijiet ibbażati fuqhom jew li jirriżultaw minnhom, sakemm dawn l-interessi m’humiex protetti taħt dak ir-Regolament. Artikolu 2 Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fil-ġurnata ta’ l-adozzjoni tagħha. Artikolu 3 Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali. Magħmula fi Brussell, fit-22 ta’ Novembru 1996. Għall-Kunsill Il-President S. Barrett [1] Ara paġna 1 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali. --------------------------------------------------