Official Journal L 249 , 17/10/1995 P. 0043 - 0046
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Lulju 1995 li temenda id-Deċiżjoni 82/43/KEE li għandha x'taqsam ma' l-istabbiliment ta' Kumitat Konsultattiv għall-Opportunitajiet Indaqs għan-Nisa u l-Irġiel (95/420/KE) IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabblixxi il-Komunità Ewropea, Billi it-titjib kostanti fil-kundizzjonijiet ta' l-għixien u tax-xogħol u l-iżvilupp armonjuż ta' l-ekonomiji jikkostitwixxi mira tal-Komunità Ekonomika Ewropea; Billi l-Kapijiet ta' l-Istati u tal-Gvernijiet, meta ltaqgħu fil-Kunsill Ewropew fl-10 u fil-11 ta' Diċembru 1994, enfasizzaw li l-ugwaljanza ta' l-opportunitajiet għan-nisa u għall-irġiel, flimkien mal-ġlieda kontra il-qgħad, hija biċċa xogħol kbira li għandhom quddiemhom l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha; Billi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hija essenzjali għad-dinjità umana u d-demokrazija, u tikkostitwixxi prinċipju fundamentali tal-liġi Komunitarja, tal-kostituzzjonijiet u tal-liġijiet ta' l-Istati Membri, u tal-konvenzjonijiet internazzjonali u Ewropej; Billi l-applikazzjoni fil-prattika tal-prinċipju tat-trattament ugwali għan-nisa u għall-irġiel għandha tistimola kollaborazzjoni aqwa, skambji ta' opinjonijiet u esperjenza bejn dawk il-korpi li għandhom ir-responsabbiltà speċjali fl-Istati Membri li jġibu 'l quddiem l-ugwaljanza ta' l-opportunità, is-sieħba soċjali u l-Kummissjoni; Billi l-implimentazzjoni sħiħa fil-prattika tas-sitt Direttivi, taż-żewġ rakkomandazzjonijiet u tad-disa' riżoluzzjonijiet adottati mill-Kunsill fil-qasam ta' l-opportunitajiet ugwali [1] tista' titħaffef sew bl-għajnuna ta' korpi nazzjonali li għandhom network ta' informazzjoni speċjalizzata għad-dispozizzjoni tagħhom; Billi t-tħejjija, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta' l-attivitajiet Komunitarji li jġibu 'l quddiem l-opportunitajiet ugwali jeħtieġu kooperazzjoni mill-qrib mal-korpi speċjalizzati fl-Istati Membri u mas-sieħba soċjali, biex b'hekk ikun neċessarju qafas istituzzjonali għall-iskop ta' konsultazzjoni regolari ma' dawk il-partijiet; Billi l-Kumitat Konsultattiv dwar l-Opportunitajiet Ugwali għan-Nisa u l-Irġiel, li twaqqaf bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 82/43/KEE tad-9 ta' Diċembru 1981 [2] ta kontribut sinifikanti għall-attivitajiet tal-Komunità f'dan il-qasam, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam ma' programmi ta' azzjoni Komunitarja kemm permezz ta' l-opinjonijiet tiegħu kif ukoll permezz tal-kooperazzjoni tiegħu, fuq bażi ta' sħubija, mal-Kummissjoni; Billi l-kompożizzjoni u t-termini ta' riferenza tal-Kumitat kellhom jiġu adattati biex jieħdu in konsiderazzjoni l-iżviluppi kurrenti u futuri bl-iskop li jġibu 'l quddiem l-opportunitajiet ugwali, kif deskritti fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Lulju 1995 li ssuġġeriet programm ta' azzjoni għaż-żmien medju f'din il-konnessjoni; billi għalhekk jeħtieġ li tiġi emendata d-Deċizjoni Nru 82/43/KEE, IDDEĊIDIET KIF ĠEJ: L-Artikolu 1 Id-Deċiżjoni 82/43/KEE hija emendata kif ġej: 1. L-Artikoli 2 u 3 huma sostitwiti bit-test li ġej: "L-Artikolu 2 1. Il-Kumitat għandu jassisti lill-Kummissjoni biex tifformula u timplimenta l-attivitajiet Komunitarji li għandhom l-iskop li jġibu 'l quddiem l-opportunitajiet ugwali għan-nisa u għall-irġiel u għandu jinkoraġġixxi skambju kontinwu ta' l-esperjenza, tal-politiki u tal-prattiki rilevanti bejn l-Istati Membri u l-partijiet differenti involuti. 2. Biex jilħaq l-iskopijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta' fuq, il-Kumitat għandu: (a) jassisti lill-Kummissjoni fl-iżvilupp ta' l-istrumenti għall-monitoraġġ, il-valutazzjoni u t-tifrix tar-riżultati tal-miżuri meħuda fuq livell ta' l-Unjoni biex jippromwovu l-opportunitajiet ugwali; (b) jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-programmi ta' azzjoni Komunitarja fil-qasam, l-aktar billi janalizza r-riżultati u jissuġġerixxi titjib għall-miżuri meħuda; (ċ) jikkontribwixxi, permezz ta' l-opinjoni tiegħu, għat-tħejjija tar-rapport annwali tal-Kummissjoni dwar il-progress li jkun sar f'li tintlaħaq l-ugwaljanza ta' opportunità għan-nisa u għall-irġiel; (d) jinkoraġġixxi skambji ta' informazzjoni dwar il-miżuri meħuda fuq il-livelli kollha biex iġibu 'l quddiem l-opportunitajiet ugwali u, meta xieraq, jissuġġerixxi proposti li fuqhom tkun tista' tissokta li tittieħed azzjoni; (e) jibgħat opinjonijiet jew jagħti rapporti lill-Kummissjoni, jew fuq it-talba ta' din ta' l-aħħar jew fuq l-inizjattiva tiegħu stess, dwar kull materja ta' rilevanza biex iġib 'il quddiem l-opportunitajiet indaqs fil-Komunità. 3. Il-proċeduri għad-distribuzzjoni ta' l-opinjonijiet u r-rapporti tal-Kumitat għandhom jiġu stabbiliti bi ftehim mal-Kummissjoni. Dawn jistgħu jiġu ippubblikati bħala anness għar-rapport annwali tal-Kummissjoni dwar opportunitajiet ugwali għan-nisa u l-irġiel tal-Kummissjoni. L-Artikolu 3 1. Il-Kumitat għandu jkun kompost minn 40 membru, i.e.: (a) rappreżentant wieħed għal kull Stat Membru mill-ministeri jew dipartimenti tal-gvern responsabbli biex imexxi 'l quddiem l-opportunitajiet ugwali; ir-rappreżentant għandu jintgħażel mill-Gvern ta' kull Stat Membru; (b) rappreżentant wieħed għal kull Stat Membru mill-kumitati jew korpi nazzjonali stabbiliti b'deċiżjoni uffiċjali, li jkollu ir-responsabbiltà speċifika ta' l-opportunitajiet ugwali bejn in-nisa u l-irġiel permezz ta' rappreżentanza tas-setturi interessati. Meta f'xi Stat Membru ikun hemm aktar minn kumitat jew korp wieħed li jaħdmu f'dawn il-materji il-Kummissjoni għandha tistabixxi liema korp, skond l-iskopijiet, l-istruttura, ir-rappreżentattività u livell ta' indipendenza tiegħu, huwa l-aktar ikkwalifikat biex ikun rappreżentat fil-Kumitat. Kull pajjiż li ma jkollux dawn il-kumitati għandu jkun rappreżentat minn membri ta' korpi kkunsidrati mill-Kummissjoni li jaqdu dmirijiet analogi; ir-rappreżentant għandu jinħatar mill-Kummissjoni, li taġixxi fuq proposta tal-kumitat jew korp nazzjonali li għandu x'jaqsam; (ċ) - ħames membri li jirrappreżentaw l-organizzazzjonijiet ta' min iħaddem fuq il-livell Komuntarju; - ħames membri li jirrappreżentaw l-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema fuq il-livell Komunitarju. Ir-rappreżentanti għandhom jinħatru mill-Kummissjoni, li taġixxi fuq proposta mis-sieħba soċjali fuq il-livell Komunitarju. 2. Żewġ rappreżentanti tal-European Women's Lobby għandhom jattendu l-laqgħat tal-Kumitat bħala osservaturi. 3. Ir-rappreżentanti ta' organizzazzjonijiet internazzjonali u professjonali u assoċjazzjonijiet oħra li jagħmlu talbiet motivati kif dovut lill-Kummissjoni jistgħu jingħataw status ta' osservaturi." 2. L-Artikolu 6 huwa sostitwit bit-test li ġej: "L-Artikolu 6 Il-Kumitat għandu jaħtar president, għal mandat ta' sena, minn fost il-membri tiegħu. L-elezzjoni ssir b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri preżenti; iżda ikun jeħtieġ minimu ta' nofs il-voti kollha favur. Għandhom jiġu eletti żewġ viċi-presidenti bl-istess maġġoranza u taħt l-istess kundizzjonijiet. Dawn ikollhom jaġixxu flok il-president fl-assenza ta' dan ta' l-aħħar. Il-president u l-viċi-presidenti għandhom jappartjenu għal Stati Membri differenti. Għandhom jikkostitwixxu il-Bureau tal-Kumitat, li għandu jiltaqa' qabel kull laqgħa tal-Kumitat. Il-Kummissjoni għandha torganizza x-xogħol tal-Kumitat b'kooperazzjoni mill-qrib mal-president. L-abbozz ta' l-aġenda għal-laqgħat tal-Kumitat għandu jiġi stabbilit mill-Kummissjoni bi ftehim mal-president. Is-Segretarjat tal-Kumitat għandu jiġi pprovdut mill-Unità ta' l-Opportunitajiet Ugwali tal-Kummissjoni. Il-minuti tal-laqgħat tal-Kumitat għandhom jinkitbu mis-servizzi tal-Kummissjoni u jingħataw lill-Kumitat għall-approvazzjoni." 3. Għandu jiżdied it-tielet paragrafu ma' l-Artikolu 8 kif ġej: "3. Membru wieħed jew aktar tal-Kumitat jista' jipparteċipa bħala osservatur fl-attivitajiet ta' kumitati konsultattivi oħra tal-Kummissjoni, u għandu jinforma lill-Kumitat b'dan." 4. L-Artikoli 10 u 11 huma sostitwiti bit-test li ġej: "L-Artikolu 10 Il-Kumitat għandu jitlaqqá mill-Kummissjoni u għandu jiltaqa' fil-bini tagħha. Għandu jiltaqa' mill-inqas darbtejn fis-sena. L-Artikolu 11 Id-diskussjonijiet tal-Kumitat għandhom jittrattaw fuq it-talbiet formulati mill-Kummissjoni jew fuq l-opinjonijiet li l-Kumitat jagħti fuq l-inizjattiva tiegħu proprja. Ma jitteħidx vot fuqhom. Il-Kummissjoni, meta tkun qiegħda titlob l-opinjoni tal-Kumitat, tista' tagħti limitu ta' żmien li fih trid tingħata l-opinjoni. L-opinjonijiet espressi mid-diversi kategoriji rrappreżentati fil-Kumitat huma rreġistrati fil-minuti, li jintbagħtu lill-Kummissjoni. Meta l-opinjoni mitluba tkun intlaħqet b'mod unanimu mill-Kumitat, dan għandu jabbozza konklużjonijiet komuni li jkunu annessi mal-minuti." L-Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1996. Magħmula fi Brussel, fid-19 ta' Lulju 1995. Għall-Kummissjoni Pádraig Flynn Membru tal-Kummissjoni [1] Id-Direttiva tal-Kunsill 75/117/KEE ta' l-10 ta' Frar 1975 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li jirrelataw għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta' paga ugwali għall-irġiel u n-nisa (ĠU L 45, tad-19.2. 1975, p. 19);Id-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE tad-9 ta' Frar 1976 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali ghall-irġiel u n-nisa fir-rigward ta' l-aċċess għall-impjieg, it-taħriġ u l-promozzjoni professjonali, u l-kondizzjonijiet tax-xogħol (ĠU L 39, ta' l-14.2.1976, p. 40);Id-Direttiva tal-Kunsill 79/7/KEE tad-19 ta' Diċembru 1978 dwar l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju ta' trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' sigurtà soċjali (ĠU L 6, ta' l-10.1.1979, p. 24);Id-Direttiva tal-Kunsill 86/378/KEE ta' l-24 ta' Lulju 1986 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali għall- irġiel u n-nisa fi skemi tax-xogħol tas-sigurtà soċjali (ĠU L 225, tat-12.8.1986, p. 40);Id-Direttiva tal-Kunsill 86/613/KEE tal-11 ta' Diċembru 1986 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa ingaġġati f' attività, inkluża l-agrikoltura, f' kapaċità ta' xogħol indipendenti, u dwar il-protezzjoni ta' nisa li jaħdmu għal rashom waqt li jkunu inċinti u waqt li jkunu ommijiet (ĠU L 359, tad-19.12.1986, p. 56);Id-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE tad-19 ta' Ottubru 1992 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri sabiex jinkoraġġixxu t-titjib fis-sigurtà u s-saħħa fuq ix-xogħol ta' ħaddiema inċinti u ħaddiema li welldu riċentement jew li qed ireddgħu (ĠU L 348, tat-28.11.1992, p. 1);Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 1982 dwar il-promozzjoni ta' opportunitajiet ugwali għan-nisa (ĠU C 186, tal-21.7.1982, p. 3);Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-7 ta' Ġunju 1984 dwar l-azzjoni sabiex jikkumbattu d-disimpjieg fost in-nisa (ĠU C 161, tal-21.6.1984, p. 4);Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tal-Ministri ta' l-Edukazzjoni li jiltaqgħu fil-Kunsill tat-3 ta' Ġunju 1985 li jikkontjeni programm ta' azzjoni dwar opportunitajiet ugwali għal bniet u subien fl-edukazzjoni (ĠU C 166, tal-5.7.1985, p. 1);It-Tieni Riżoluzzjoni tal-Kunsill ta' l-24 ta' Lulju 1986 dwar il-promozzjoni ta' opportunitajiet ugwali għan-nisa (ĠU C 203, tat-12.8.1986, p. 2);Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 1988 dwar ir-riintegrazzjoni u l-integrazzjoni tard ta' nisa fil-ħajja tax-xogħol (ĠU C 333, tat-28.12.1988, p. 1);Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-29 ta' Mejju 1990 dwar il-protezzjoni tad-dinjità tan-nisa u l-irġiel fuq ix-xogħol (ĠU C 157, tas-27.6.1990, p. 3);Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 1991 dwar it-tielet programm ta' azzjoni Komunitarja medium-term dwar opportunitajiet ugwali għal nisa u rġiel (1991-1995) (ĠU C 142, tal-31.5.1991, p. 1);Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 1994 dwar il-promozzjoni ta' opportunitajiet ugwali għal nisa u rġiel permezz ta' azzjoni mill-Fondi Strutturali Ewropej (ĠU C 231, ta' l-20.8.1994, p. 1);Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-27 ta' Marzu 1995 dwar il-parteċipazzjoni bilanċjata ta' nisa u rġiel fit-teħid tad-deċiżjonijiet (ĠU L 168, ta' l-4.7.1995, p. 3);Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 1984 dwar il-promozzjoni ta' azzjoni pożittiva għan-nisa (84/635/ KEE) (ĠU L 331, tad-19.12.1984, p. 34);Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 1992 dwar il-kura tat-tfal (92/241/KEE (ĠU L 123, tat-8.5.1992, p. 16) [2] ĠU L 20, tat-28.1.1982, p. 35. --------------------------------------------------