|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/2926 |
26.11.2024 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/2926
tat-12 ta’ Lulju 2024
dwar l-implimentazzjoni tal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni, kif imsemmija fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, skont il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, dwar il-mazzola griża
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(2) tagħha,
Billi:
|
(1) |
Fid-29 ta’ April 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (UE) 2021/689 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ il-“Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni”) (2). Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2021. |
|
(2) |
L-Artikolu 498(2) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jipprevedi li l-Partijiet ta’ dak il-Ftehim għandhom jorganizzaw konsultazzjonijiet annwali biex jaqblu, sal-10 ta’ Diċembru ta’ kull sena, dwar il-qabdiet totali permissibbli (TACs) għas-sena ta’ wara għall-istokkijiet elenkati fl-Anness 35 tal-Ftehim. Dawn il-konsultazzjonijiet jistgħu jkopru wkoll il-kwistjonijiet addizzjonali msemmija fl-Artikolu 498(4) tal-Ftehim inkluża lista ta’ stokkijiet li għalihom huwa pprojbit is-sajd, id-determinazzjoni tat-TAC għal kwalunkwe stokk li ma huwiex elenkat fl-Anness 35 jew fl-Anness 36 u l-ishma rispettivi tal-Partijiet ta’ dawk l-istokkijiet, kif ukoll miżuri għall-ġestjoni tas-sajd. |
|
(3) |
L-Unjoni twettaq il-konsultazzjonijiet annwali f’konformità mal-objettivi u l-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 2, 3, 28 u 33 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-Artikoli 4 u 5 tar-Regolamenti (UE) 2019/472 (3) u (UE) 2018/973 (4) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (jistabbilixxu rispettivament il-pjanijiet pluriennali għall-istokkijiet mistgħada fl-Ilmijiet tal-Punent u fil-Baħar tat-Tramuntana), u d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1875 (5). |
|
(4) |
Il-pożizzjoni tal-Unjoni matul il-konsultazzjonijiet annwali hija bbażata fuq l-aqwa parir xjentifiku disponibbli, jiġifieri prinċipalment dak mogħti mill-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar f’konformità mal-Artikolu 494(3)(c) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni. |
|
(5) |
F’konformità mal-obbligu stabbilit fl-Artikolu 498(6) ta’ dak il-Ftehim, għandu jiġi prodott u ffirmat Rekord bil-Miktub, iffirmat mill-kapijiet tad-delegazzjoni tal-Partijiet, li jiddokumenta l-arranġamenti magħmula bejn il-Partijiet bħala riżultat ta’ dawk il-konsultazzjonijiet. |
|
(6) |
Fis-6 ta’ Diċembru 2023, l-Unjoni qablet mar-Renju Unit dwar l-istabbiliment ta’ għadd sostanzjali ta’ TACs għall-2024 għall-istokkijiet elenkati fl-Anness 35 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni. L-eżitu tal-konsultazzjonijiet ġie ddokumentat f’Rekord bil-Miktub iffirmat fis-6 ta’ Diċembru 2023 (6) u ssupplimentat b’addendum fit-8 ta’ Diċembru 2023 (7), f’konformità mal-Artikolu 498(6) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni u d-Deċiżjoni (UE) 2021/1875. |
|
(7) |
Il-mazzola griża (Squalus acanthias) hija stokk taħt ġestjoni kondiviża mill-Unjoni u mir-Renju Unit. Matul il-konsultazzjonijiet annwali, l-Unjoni u r-Renju Unit qablu dwar il-livelli rilevanti tat-TAC, dokumentati fir-Rekord bil-Miktub u l-addendum tiegħu, u sussegwentement implimentati fir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/257 (8). |
|
(8) |
L-Unjoni u r-Renju Unit qablu wkoll li, sabiex jiġi protett komponent ta’ dan l-istokk li huwa partikolarment vulnerabbli għall-mortalità mis-sajd, huwa xieraq li jiġi skoraġġut is-sajd dirett immirat lejn aggregazzjonijiet ta’ ħut nisa maturi. Għal dan l-għan, l-Unjoni u r-Renju Unit qablu li, sakemm issir ir-reviżjoni ta’ din il-miżura skont il-Kumitat Speċjalizzat għas-Sajd stabbilit mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, jenħtieġ li jiġi rrispettat daqs massimu tal-qbid ta’ 100 cm għall-mazzola griża. |
|
(9) |
Sakemm jiġi adottat tali daqs massimu tal-qbid fid-dritt tal-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, il-miżura miftiehma mar-Renju Unit ġiet stabbilita fl-Anness IA tar-Regolament (UE) 2024/257. Dik il-miżura hija marbuta b’mod funzjonali mat-TAC għall-mazzola griża, peress li mingħajr miżura bħal din il-livell tat-TAC waħdu ma jiżgurax protezzjoni suffiċjenti għall-ħut li jkun qed ibid, li jikkostitwixxi grupp partikolarment vulnerabbli tal-popolazzjoni. |
|
(10) |
Dan ir-Regolament għandu l-għan li jeskludi mazzola griża akbar minn 100 cm mill-obbligu ta’ ħatt l-art, u b’hekk jiżgura li meta jinqabad b’mod aċċidentali, dan l-eżemplari jenħtieġ li ma ssirlux ħsara u li jinħeles minnufih lura fil-baħar. |
|
(11) |
Dan ir-Regolament jipprovdi qafas legali aktar stabbli, minħabba n-natura temporanja tal-miżuri adottati mill-Kunsill li, f’konformità mal-Artikolu 59, it-tielet paragrafu, il-punt (l), tar-Regolament (UE) 2024/257, mhux se jibqa’ japplika fid-data li fiha jsir applikabbli att delegat li jintroduċi miżuri korrispondenti u li jirregola t-trattament tal-qabdiet ta’ dawk l-istokkijiet akbar minn 100 cm. |
|
(12) |
Dan ir-Regolament jiżgura l-konformità mill-Unjoni mal-obbligi internazzjonali tagħha u joħloq ċertezza legali u kundizzjonijiet ekwi għas-sajjieda tal-Unjoni. |
|
(13) |
Billi l-miżuri previsti f’dan ir-Regolament għandhom impatt dirett fuq il-konservazzjoni tal-istokk, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ kemm jista’ jkun malajr wara l-pubblikazzjoni tiegħu. |
|
(14) |
Peress li l-miżuri maqbula fir-Rekord bil-Miktub u l-addendum tiegħu jiskadu fil-31 ta’ Diċembru 2024, dan ir-Regolament jenħtieġ li jieqaf japplika wkoll f’dik id-data, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni
Dan ir-Regolament jistabbilixxi deroga mill-obbligu ta’ ħatt l-art stabbilita fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għall-fini tal-implimentazzjoni tal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni fir-rigward ta’ stokkijiet kondiviżi soġġetti għall-konsultazzjonijiet dwar is-sajd bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea skont il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni.
Dan ir-Regolament japplika għal attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-Unjoni jew minn bastimenti tas-sajd tal-Unjoni barra l-ilmijiet tal-Unjoni f’ilmijiet li ma humiex soġġetti għas-sovranità jew il-ġuriżdizzjoni ta’ pajjiżi terzi.
Artikolu 2
Deroga dwar il-Mazzola griża (Squalus acanthias)
B’deroga mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, għandu jkun ipprojbit li jiġu mmirati, li jinżammu abbord jew li jiġu ttrasbordati, li jinħattu l-art, li jiġu ttrasportati, li jinħażnu, li jintwerew jew li jiġu offruti għall-bejgħ, li jinbiegħu jew li jitqiegħdu fis-suq mazzoli griżi itwal minn 100 cm.
Kwalunkwe mazzola griża itwal minn 100 cm, meta tinqabad b’mod aċċidentali, ma għandhiex issirilha ħsara u għandha tinħeles minnufih lura fil-baħar.
Artikolu 3
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu japplika sal-31 ta’ Diċembru 2024.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Lulju 2024.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1380/oj.
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/689 tad-29 ta’ April 2021 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, u tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq dwar il-proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju u għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata (ĠU L 149, 30.4.2021, p. 2, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/689/oj).
(3) Ir-Regolament (UE) 2019/472 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2019 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet mistada fl-Ilmijiet tal-Punent u fl-ilmijiet tal-madwar, u għas-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, u li jemenda r-Regolamenti (UE) 2016/1139 u (UE) 2018/973, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007 u (KE) Nru 1300/2008 (ĠU L 83, 25.3.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/472/oj).
(4) Ir-Regolament (UE) 2018/973 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet demersali fil-Baħar tat-Tramuntana u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, li jispeċifika d-dettalji tal-implimentazzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art fil-Baħar tat-Tramuntana u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 676/2007 u (KE) Nru 1342/2008 (ĠU L 179, 16.7.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/973/oj).
(5) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1875 tat-22 ta’ Ottubru 2021 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-konsultazzjonijiet annwali mar-Renju Unit biex jintlaħaq ftehim dwar il-qabdiet totali permissibbli (ĠU L 378, 26.10.2021, p. 6, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/1875/oj).
(6) Rekord bil-miktub tal-konsultazzjonijiet dwar is-sajd bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea għall-2024: https://oceans-and-fisheries.ec.europa.eu/document/download/543b9dc6-6cb1-48c3-b3b5-6d08c00dbe69_en?filename=2024-eu-uk-fisheries-consultations_en.pdf.
(7) Addendum tar-Rekord bil-Miktub tal-konsultazzjonijiet dwar is-sajd bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea għall-2024 ffirmat fis-6 ta’ Diċembru 2023: https://oceans-and-fisheries.ec.europa.eu/document/download/304f76cc-de72-4dce-9d27-fe8d4869b002_en?filename=2024-eu-uk-fisheries-consultations_addendum-en.pdf.
(8) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/257 tal-10 ta’ Jannar 2024 li jistabbilixxi għall-2024, l-2025 u l-2026 l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet ta’ ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni u, għal bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, f’ċerti ilmijiet mhux tal-Unjoni, u li jemenda r-Regolament (UE) 2023/194 (ĠU L, 2024/257, 11.1.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/257/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/2926/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)