12006E099

Trattat li jistabbilixxi l-Komunita' Ewropea (Verżjoni konsolidata) - It-Tielet parti - Politika tal-Komunita' - TITOLU VII - Politika Ekonomika u Monetarja - Kapitolu 1 - Politika Ekonomika . - Artikolu 99

Official Journal C 321 E , 29/12/2006 P. 0082 - 0083
Official Journal C 325 , 24/12/2002 P. 0071 - Consolidated version
Official Journal C 340 , 10/11/1997 P. 0216 - Consolidated version
Official Journal C 224 , 31/08/1992 P. 0033 - Consolidated version
(EEC Treaty - no official publication available)


Artikolu 99

1. L-Istati Membri għandhom iqisu il-linji tal-politika ekonomika tagħhom bħala materja ta' interess komuni u għandhom jikkordinawhom fi ħdan il-Kunsill, skond id-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 98.

2. Il-Kunsill għandu, waqt li jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata u fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, jifformola abbozz għal-linji direttivi ġenerali tal-politika ekonomika ta' l-Istati Membri u tal-Komunità, u għandu jirrapporta r-riżultati lill-Kunsill Ewropew.

Il-Kunsill Ewropew għandu, jiddiskuti x'konklużjoni għandu jasal għaliha dwar il-linji direttivi ġenerali tal-politika ekonomika ta' l-Istati Membri u tal-Komunità, filwaqt li jaġixxi fuq il-bażi tar-rapport tal-Kunsill.

Fuq il-bażi ta’ din il-konklużjoni, il-Kunsill għandu, filwaqt li jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata, jadotta rakkomandazzjoni li tistipula dawn il-linji direttivi ġenerali. Il-Kunsill għandu jinforma lill-Parlament Ewropew bir-rakkomandazzjoni tiegħu.

3. Sabiex jiżgura koordinazzjoni aktar stretta tal-linji ta' politika ekonomika u l-konverġenża kontinwa fl-attività ekonomika ta' l-Istati Membri, il-Kunsill għandu, fuq il-bażi ta’ rapporti sottomessi mill-Kummissjoni, jissorvelja l-iżviluppi ekonomiċi f'kull Stat Membru u fil-Komunità, kif ukoll il-konformità ta’ kull politika ekonomika mal-linji direttivi ġenerali imsemmijja fil-paragrafu 2, kif ukoll jagħmel stima komplessiva regolarment.

Għall-finijiet ta’ din is-sorveljanza multilaterali, l-Istati Membri għandhom jgħaddu l-informazzjoni lill-Kummissjoni dwar dawk il-miżuri importanti li jkunu ttieħdu minnhom fil-qasam tal-politika ekonomika tagħhom kif ukoll kull informazzjoni oħra li jqisu li tista' tkun meħtieġa.

4. Meta jiġi stabbilit, skond il-proċedura prevista fil-paragrafu 3, li l-linji ta' politika ekonomika ta’ Stat Membru mhumiex koherenti mal-linji direttivi ġenerali imsemmija fil-paragrafu 2, jew jekk ikun hemm possibiltà li dawn ifixklu l-funzjonament tajjeb ta’ l-unjoni ekonomika u monetarja, il-Kunsill jista', b’maġġoranza kkwalifikata u fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet xierqa lill-Istat Membru involut. Il-Kunsill jista', b’maġġoranza kwalifikata u fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, jiddeċiedi li jippubblika r-rakkomandazzjonijiet tiegħu.

Il-President tal-Kunsill u tal-Kummissjoni għandhom jirrapportaw lill-Parlament Ewropew ir-riżultati tas-sorveljanza multilaterali. Il-President tal-Kunsill jista' jiġi mistieden biex jidher quddiem il-Kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew, jekk il-Kunsill ikun għamel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu pubbliċi.

5. Il-Kunsill, li jaġixxi skond il-proċedura msemmijja fl-Artikolu 252, jista' jadotta regoli dettaljati sabiex jirregola l-proċedura tas-sorveljanza multilaterali msemmija fil-paragrafi 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu.

--------------------------------------------------