SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

2 ta’ Lulju 2009 ( *1 )

“Regolament (KE) Nru 6/2002 — Disinni Komunitarji — Artikoli 14 u 88 — Proprjetarju tad-dritt għad-disinn Komunitarju — Disinn mhux irreġistrat — Disinn ikkummissjonat”

Fil-Kawża C-32/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Juzgado de lo Mercantil no 1 de Alicante y no 1 de Marca Comunitaria (Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Jannar 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Jannar 2008, fil-proċedura

Fundación Española para la Innovación de la Artesanía (FEIA)

vs

Cul de Sac Espacio Creativo SL,

Acierta Product & Position SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President tal-Awla, M. Ilešič (Relatur), A. Tizzano, A. Borg Barthet u E. Levits, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta’ Jannar 2009,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

—

għal Fundación Española para la Innovación de la Artesanía (FEIA), minn J. Sanmartín Sanmartín, abogada,

—

għal Cul de Sac Espacio Creativo SL, minn O. L. Herreros Chico, abogado,

—

għal Acierta Product & Position SA, minn T. Sánchez Morgado, abogada,

—

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn I. Rao, bħala aġent, assistita minn S. Malynicz, barrister,

—

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn I. Martínez del Peral u H. Krämer, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta’ Marzu 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 14(1) u (3) kif ukoll l-Artikolu 88(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat-12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinji [disinni] Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142, iktar ’il quddiem ir-“Regolament”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Fundación Española para la Innovación de la Artesanía (iktar ’il quddiem il-“FEIA”), u l-kumpanniji Cul de Sac Espacio Creativo SL (iktar ’il quddiem “Cul de Sac”) u Acierta Product & Position SA (iktar ’il quddiem “Acierta”), fir-rigward tal-proprjetà tad-disinni Komunitarji ta’ arloġġi li jitwaħħlu mal-ħajt.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3

Mill-premessa 1 tar-Regolament jirriżulta li dan għandu bħala għan li joħloq “disinn Komunitarju li għalih tingħata protezzjoni uniformi b’effett uniformi fit-territorju kollu Komunitarju.”

4

Il-premessa 8 tar-Regolament tipprovdi:

“Konsegwentement sistema iktar aċċessibbli tal-protezzjoni tad-disinji [disinni] addattata għall-ħtiġiet tas-suq intern hija essenzjali għall-industriji Komunitarji.”

5

Il-premessa 9 tar-Regolament tipprovdi:

“Id-dispożizzjonijiet sostantivi ta’ dan ir-Regolament fuq il-liġijiet dwar id-disinji [disinni] għandhom jiġu allineati mad-dispożizzjonijiet rispettivi fid-Direttiva 98/71/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 1998 dwar il-protezzjoni legali ta’ disinji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 21, p. 120)].”

6

Skont il-kliem tal-premessa 16 tar-Regolament:

“Uħud [mis-setturi tal-ekonomija tal-Komunità] jipproduċu numri kbar ta’ disinji [disinni] għal prodotti li spiss ikollhom ħajja qasira fis-suq meta l-protezzjoni mingħajr il-piż tal-formalitajiet tar-reġistrazzjoni tkun ta’ vantaġġ u t-tul taż-żmien tal-protezzjoni jkun ta’ sinifikat inqas. […]”

7

Il-premessa 21 tar-Regolament tipprovdi:

“[…] d-disinn Komunitarju mhux irreġistrat għandu, madankollu, jikkostitwixxi dritt biss sabiex jipprevjeni milli jiġi kkupjat. […]”

8

Il-premessa 25 tistipula dan li ġej:

“Dawk is-setturi tal-industrija li jipproduċu numri kbar ta’ disinji [disinni] bil-possibbiltà ta’ ħajja qasira fuq perjodi qosra taż-żmien li minnhom x’uħud jistgħu fl-aħħar mill-aħħar jiġu kummerċjalizzati jsibu vantaġġ fid-disinn Komunitarju mhux irreġistrat. Iktar minn hekk, teżisti wkoll il-ħtieġa li dawn is-setturi jkollhom rikors eħfef għad-disinn Komunitarju rreġistrat. Għalhekk, l-għażla li jiġu magħquda flimkien numru ta’ disinji f’applikazzjoni waħda u multipla tissodisfa din il-ħtieġa. Madankollu, id-disinji li jkunu jinsabu f’applikazzjoni multipla jistgħu jiġu ttrattati b’mod indipendenti minn xulxin għall-għanijiet ta’ […] iċ-ċediment […].”

9

Il-premessa 31 tar-Regolament tipprovdi:

“Dan ir-Regolament ma jipprekludix illi jiġu applikati lid-disinji [disinni] protetti bid-disinji Komunitarji dwar il-liġijiet industrijali tal-proprjetà jew il-liġijiet relevanti l-oħra ta’ l-Istati Membri, bħalma huma dawk li għandhom x’jaqsmu mal-protezzjoni tad-disinji miksuba bir-reġistrazzjoni jew dawk li għandhom x’jaqsmu mad-disinji […] mhux irreġistrati.”

10

Skont l-Artikolu 1(2)(a) tar-Regolament:

“Disinn għandu jkun protett:

a)

b’‘disinn Komunitarju mhux irreġistrat’, jekk magħmul disponibbli għall-pubbliku fil-manjiera pprovduta f’dan ir-Regolament”.

11

Fl-istess waqt, skont it-tielet paragrafu ta’ dan l-artikolu:

“Disinn Komunitarju għandu jkollu karattru unitarju. Għandu jkollu effett egwali fil-Komunità kollha. Ma jistax jiġi […] ittrasferit […] għajr rigward il-Komunità kollha. Dan il-prinċipju u l-implikazzjoni tiegħu għandhom japplikaw għajr jekk ipprovdut xorta oħra f’dan ir-Regolament.”

12

It-titolu II tar-Regolament, intitolat “Il-liġi dwar id-disinji [disinni]”, għandu, b’mod partikolari, it-Taqsima 1, intitolata “Ħtiġiet għall-protezzjoni”, komposta mill-Artikoli 3 sa 9, it-Taqsima 3, intitolata “Dritt għad-disinn Komunitarju”, li tiġbor l-Artikoli 14 sa 18, u t-Taqsima 5, intitolata “Invalidità”, komposta mill-Artikoli 24 sa 36.

13

L-Artikolu 3(a) tar-Regolament jiddefinixxi “disinn” bħala “id-dehra ta’ prodott fl-intier tiegħu jew f’arti minnu li tirriżulta mill-karatteristiċi ta’, b’mod partikolari, il-linji, il-konfigurazzjoni, il-kuluri, l-għamla, in-nisġa u/jew il-materjali tal-prodott innifsu u/jew ta’ l-ornamenti tiegħu”.

14

L-Artikolu 11(1) tar-Regolament, intitolat “Bidu u l-iskond [t-terminu] tal-protezzjoni tad-disinn Komunitarju mhux irreġistrat”, jipprovdi:

“Disinn li jissodisfa l-ħtiġiet fit-Taqsima 1 għandu jkun protett b’disinn Komunitarju mhux irreġistrat għall-perjodu taż-żmien ta’ tliet snin mid-data li fiha d-disinn kien magħmul disponibbli għall-pubbliku għall-ewwel darba.”

15

L-Artikolu 14(1)(3) tar-Regolament, intitolat “Dritt għad-disinn Komunitarju”, jipprovdi:

“1.   Id-dritt għad-disinn Komunitarju għandu jagħti dritt legali lid-disinjatur jew lis-suċċessur tiegħu fit-titolu.

[…]

3.   Madankollu, meta disinn jiġi żviluppat minn impjegat fit-twettiq ta’ dmirijietu jew wara l-ordnijiet mogħtija lilu minn min iħaddmu, id-dritt għad-disinn Komunitarju għandu jkun vestit f’min iħaddem, għajr jekk miftiehem jew speċifikat xorta oħra bil-liġijiet nazzjonali.”

16

L-Artikolu 19 (2) tar-Regolament, intitolat “Drittijiet ikkonferiti bid-disinn Komunitarju”, jipprovdi:

“Disinn Komunitarju mhux irreġistrat għandu, madankollu, jikkonferixxi fuq il-pussessur tiegħu d-dritt li jipprevjeni l-atti riferiti fil-paragrafu 1 biss jekk l-użu kkontestat jirriżulta għaliex ikun ġie kkupjat id-disinn protett.”

17

L-Artikolu 25 tar-Regolament, intitolat “Raġunijiet għall-invalidità”, jipprovdi, fil-paragrafu 1(ċ) tiegħu, li disinn Komunitarju jista’ jiġi ddikjarat invalidu “jekk, bis-saħħa ta’ deċiżjoni tal-qorti, il-pussessur tad-dritt ma jkunx intitolat għad-disinn Komunitarju skond l-Artikolu 14”.

18

L-Artikolu 27(1), intitolat “Meta d-disinji [disinni] Komunitarji jiġu ttrattati bħala drittijiet nazzjonali tad-disinji” jipprovdi:

“Għajr jekk l-Artikoli 28, 29, 31[30], 31 u 32 jipprovdu xorta oħra, disinn Komunitarju bħala oġġett ta’ proprjetà għandu jiġi ttrattat fl-intier tiegħu, u għaż-żona kollha tal-Komunità, bħala dritt ta’ disinn nazzjonali ta’ l-Istat Membru li fih:

a)

il-pussessur ikollu s-sede jew id-domiċilju tiegħu fid-data rilevanti; jew

b)

meta ma japplikax il-punt (a), il-pussessur ikollu stabbiliment fid-data rilevanti.”

19

It-Titolu IX tar-Regolament, intitolat “Il-ġurisdizzjoni u l-proċedura legali fil-kawżi li jkollhom x’jaqsmu mad-disinji [disinni] Komunitarji”, jinkludi t-Taqsima 2 intitolata “Il-kontroversji li jinteressaw il-ksur tal-liġi u l-validità tad-disinji [disinni] Komunitarji”, li fiha jidher l-Artikolu 88.

20

L-Artikolu 88, intitolat “Liġijiet applikabbli”, jipprovdi fil-paragrafi (1) u (2),:

“1.   Il-qrati tad-disinji [disinni] Komunitarji għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.

2.   Dwar il-materji kollha mhux koperti b’dan ir-Regolament, qorti tad-disinji Komunitarji għandha tapplika l-liġijiet nazzjonali tagħha, inklużi l-liġijiet privati internazzjonali tagħha.”

21

L-Artikolu 96(1), intitolat “Relazzjoni ma’ għamliet oħra tal-protezzjoni skond il-liġijiet nazzjonali”, jipprovdi:

“Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għal kull dispożizzjoni tal-liġijiet Komunitarji jew tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri interessati li għandhom x’jaqsmu mad-disinji mhux irreġistrati […].”

22

Skont il-premessa 3 tagħha, id-Direttiva 98/71 għandha għan li jiġu approssimati l-liġijiet ta’ protezzjoni ta’ disinji fl-Istati Membri.

23

Din id-direttiva tippreċiża fl-Artikolu 2 tagħha, li hija tapplika, b’mod partikolari, għad drittijiet ta’ disinn reġistrati mal-uffiċċji ċentrali ta’ proprjetà industrijali ta’ l-Istati Membri jew l-Uffiċċju tad-Disinn tal-Benelux.

24

Skont l-Artikolu 11(1)(ċ) tad-Direttiva 98/71:

“Ir-reġistrazzjoni ta’ disinn għandha tkun rifjutata, jew, jekk id-disinn ikun ġie reġistrat, id-dritt tad-disinn għandu jkun dikjarat invalidu:

[…]

(ċ)

jekk min japplika għal jew it-titolari tad-dritt tad-disinn ma jkunx intitolat għalih skond il-liġi ta’ l-Istat Membru in kwistjoni; jew […]”.

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

25

Il-Liġi Nru 20/2003 fuq il-protezzjoni legali tad-disinni industrijali (ley 20/2003, de Protección Jurídica del Diseño Industrial) tas-7 ta’ Lulju 2003 (BOE Nru 162, tat-8 ta’ Lulju 2003, p. 26348, iktar ’il quddiem il-“LPJDI”), tipprovdi biss għal disinni rreġistrati.

26

L-Artikolu 14(1) tal-LPJDI jipprovdi li “[i]d-dritt ta’ reġistrazzjoni ta’ disinn huwa tal-awtur jew tas-suċċessur tiegħu fit-titolu”.

27

L-Artikolu 15 tal-LPJDI, intitolat “Disinni maħluqin fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ impjieg jew ta’ għoti ta’ servizzi”, jipprovdi:

“Jekk id-disinn ġie żviluppat minn impjegat fl-eżekuzzjoni tad-dmirijiet tiegħu jew wara li jingħatawlu ordnijiet minn min iħaddmu, jew fl-eżekuzzjoni ta’ ħidma fil-kuntest ta’ għoti ta’ servizzi, id-dritt ta’ reġistrazzjoni tad-disinn huwa ta’ min iħaddem jew tal-kontraent li kien ikkummissjona d-disinn, ħlief jekk ma jiġix pprovdut mod ieħor.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

28

Il-FEIA nediet proġett imsejjaħ “D’ARTES”, li fih, ħamsin ħanut ta’ artiġjanat minn oqsma differenti setgħu joħolqu, permezz ta’ proġett ta’ disinn ippreparat minn professjonist f’dan il-qasam, firxa ta’ prodotti bil-għan li dawn jiġu kummerċjalizzati.

29

Il-kumpannija AC&G SA (iktar ’il quddiem “AC&G”), bħala l-kumpannija responsabbli mill-proġett, iddefinixxiet il-kundizzjonijiet materjali tal-proġett D’ARTES u ingħatat l-inkarigu li tagħżel id-disinjaturi u li jiġi konkluż il-ftehim magħhom.

30

B’hekk, AC&G ikkonkludiet kuntratt verbali ma’ Cul de Sac, li ma jaqax taħt il-kodiċi tax-xogħol Spanjol, li bih din tal-aħħar kienet responsabbli għat-twettiq ta’ disinn u tal-assistenza teknika lil artiġjan għall-ħolqien, minnu, ta’ kollezzjoni ġdida ta’ prodotti. Bħala remunerazzjoni għas-servizzi tagħha, Cul de Sac irċeviet mingħand AC&G is-somma ta’ EUR 1800, eskluża t-taxxa.

31

Cul de Sac iddisinjat sensiela ta’ arloġġi li jitwaħħlu mal-ħajt (tal-kukù) liema disinni saru fil-kuntest tal-proġett D’ARTES, mill-artiġjan Verónica Palomares u ppreżentati fix-xahar ta’ April 2005 taħt l-isem ta’ kollezzjoni “Santamaría”.

32

Cul de Sac u Acierta b’hekk immanifatturaw u kkummerċjalizzaw l-arloġġi tal-kukù, taħt l-isem ta’ kollezzjoni “TIMELESS”.

33

Peress li kkunsidrat li dawn l-arloġġi tal-kukù kkostitwixxew kopja tad-disinni Komunitarji mhux irreġistrati li jifformaw parti mill-kollezzjoni “Santamaría”, li tagħha kienet tikkunsidra lilha nnifisha proprjetarja kemm peress li hija promotriċi kif ukoll għaliex hija finanzjatriċi prinċipali tal-proġett D’ARTES u minħabba ċ-ċessjoni li AC&G tagħtha tad-drittijiet esklużivi ta’ użu ta’ prodotti mmanifatturati fil-kuntest tal-ewwel edizzjoni tal-imsemmi proġett, il-FEIA akkużat lil Cul de Sac u lill-Acierta, prinċipalment, bil-falsifikazzjoni tal-imsemmija disinni Komunitarji u, sussidjarjament, b’atti ta’ kompetizzjoni żleali.

34

Il-FEIA ssostni b’mod partikolari li l-proprjetà tad-disinni Komunitarji mhux irreġistrati li jirrigwardaw arloġġi tal-kollezzjoni “Santamaría” jappartjenu lilha, skont l-Artikolu 15 tal-LPJDI, sa fejn huma nħalqu minn Cul de Sac sabiex jissodisfaw ordni ta’ AC&G, li taġixxi bħala l-kumpannija responsabbli “viżibbli” tal-FEIA, fil-kuntest ta’ għoti ta’ servizzi remunerati.

35

Cul de Sac u Acierta jikkontestaw li AC&G u/jew il-FEIA kienu jew huma proprjetarji tal-imsemmija disinni u, konsegwentement, li l-FEIA għandha locus standi.

36

Il-Juzgado de lo Mercantil no 1 de Alicante y no 1 de Marca Comunitaria kkunsidrat li l-FEIA setgħet tinvoka l-proprjetà tad-disinni inkwistjoni fil-kawża prinċipali biss jekk AC&G, li ċedithomla, kienet hija stess il-proprjetarja tad-dritt għall-imsemmija disinni.

37

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado de lo Mercantil no 1 de Alicante y no 1 de Marca Comunitaria ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejja:

“1)

L-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 6/2002 għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika biss għad-disinni Komunitarji maħluqa fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ impjieg li fiha d-disinjatur ikun marbut b’kuntratt suġġett għal-liġi dwar ix-xogħol u li d-dispożizzjonijiet tiegħu jkunu tali li d-disinjatur ikun jaħdem taħt id-direzzjoni ta’ u jkun impjegat minn ħaddieħor? jew

2)

L-espressjonijiet ‘impjegat’ u ‘min iħaddem’ użati fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 6/2002 għandhom jiġu interpretati b’mod wiesa’ sabiex jiġu inklużi sitwazzjonijiet oħra barra minn relazzjonijiet ta’ impjieg, bħal relazzjonijiet li fihom, abbażi ta’ kuntratt ċivili/kummerċjali (u, konsegwentement, wieħed li ma jipprovdix li individwu jaħdem taħt id-direzzjoni ta’ u jkun impjegat minn ħaddieħor), individwu (id-disinjatur) jiftiehem ma’ ħaddieħor li joħlolqu disinn, għal prezz miftiehem, u konsegwentement, ikun mifhum li d-disinn jappartjeni lill-persuna li tkun ordnatu, ħlief jekk il-kuntratt jipprovdi mod ieħor?

3)

Fil-każ li r-risposta għat-tieni domanda tkun fin-negattiv, minħabba li l-produzzjoni ta’ disinni f’relazzjoni ta’ impjieg u ta’ disinni f’relazzjoni li mhijiex waħda ta’ impjieg, jikkostitwixxu sitwazzjonijiet fattwali differenti:

a)

għandha tiġi applikata r-regola ġenerali tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 6/2002 u konsegwentement, id-disinni għandhom ikunu kkunsidrati bħala li jappartjenu lid-disinjatur, ħlief jekk il-partijiet jiftiehmu mod ieħor fil-kuntratt? jew

b)

il-qorti tad-disinni Komunitarji għandha tapplika l-liġi nazzjonali li tirregola d-disinni, skont l-Artikolu 88(2) tar-Regolament Nru 6/2002?

4)

Fil-każ li r-referenza għal-liġi nazzjonali hija rilevanti, l-applikazzjoni tal-liġi nazzjonali tkun possibbli jekk din tqis id-disinni maħluqa fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ impjieg (id-disinni jappartjenu lil min iħaddem, ħlief jekk ikun ġie miftiehem mod ieħor) u dawk maħluqa fuq ordni (id-disinni jappartjenu lil min jordnahom, ħlief jekk ikun ġie miftiehem mod ieħor), bl-istess mod (kif tagħmel il-liġi Spanjola)?

5)

Fil-każ li r-risposta għar-raba’ domanda tkun fl-affermattiv, soluzzjoni bħal din (id-disinni jappartjenu lil min jordnahom, ħlief jekk ikun ġie miftiehem mod ieħor), tkun f’kontradizzjoni mar-risposta negattiva għat-tieni domanda?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel u t-tieni domandi, dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament

38

Permezz ta’ dawn id-domandi, li jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 14(3) tar-Regolament japplikax ukoll għad-disinn Komunitarju li ġie kkummissjonat u b’hekk barra mill-kuntest ta’ relazzjoni ta’ impjieg.

Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

39

Il-FEIA u l-Gvern tar-Renju Unit esprimew ruħhom favur l-applikazzjoni tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament għad-disinni kkummissjonati, billi sostnew li din id-dispożizzjoni u, b’mod partikolari, il-kunċetti ta’ “min iħaddem” u ta’ “impjegat” li għalihom tirreferi, għandhom jiġu interpretati mhux esklużivament b’riferiment għall-kliem tal-imsemmija dispożizzjoni, iżda wkoll fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-għanijiet tas-sistema li huma jħaddnu.

40

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, Cul de Sac u Acierta minflok jissuġġerixxu li r-regola stabbilita fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament tapplika esklużivament għad-disinni maħluqin fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ impjieg.

41

Acierta u l-Kummissjoni josservaw ukoll li l-Artikolu 14(3) għandu deroga jew eċċezzjoni fir-rigward tar-regola ġenerali msemmija fil-paragrafu (1) ta’ dan l-artikolu li, bħala tali, ma tittollera la interpretazzjoni wiesgħa u lanqas applikazzjoni b’analoġija f’ċirkustanzi mhux espressament regolati.

42

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tqis fl-aħħar nett li l-interpretazzjoni proposta hija kkonfermata mix-xogħlijiet preparatorji u mill-proċedura ta’ adozzjoni tar-Regolament u hija koerenti mal-leġiżlazzjoni Komunitarja u internazzjonali dwar drittijiet oħra ta’ proprjetà industrijali.

Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

43

Hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 14(1) tar-Regolament, id-dritt għal disinn Komunitarju għandu jagħti dritt legali lid-disinjatur jew lis-suċċessur tiegħu fit-titolu.

44

Min-naħa l-oħra, jirriżulta mill-paragrafu 3 tal-imsemmi artikolu li d-dritt għal disinn Komunitarju għandu jkun vestit f’min iħaddem meta disinn jiġi żviluppat minn impjegat fit-twettiq ta’ dmirijietu jew wara l-ordnijiet mogħtija lilu minn min iħaddmu, għajr jekk miftiehem jew speċifikat xorta oħra bil-liġijiet nazzjonali applikabbli.

45

B’hekk għandu jiġi miċħud l-argument tal-FEIA u tal-Gvern tar-Renju Unit, li jgħid li, b’mod partikolari, il-kunċetti ta’ “min iħaddem” u ta’ “impjegat”, li jidhru fl-imsemmi paragrafu, għandhom jiġu interpretati b’mod wiesa’ sabiex japplika wkoll għal disinni mwettqa fuq ordni.

46

F’dan ir-rigward, għandu jingħad li permess ta’ dan il-paragrafu, il-leġiżlatur Komunitarju ppreveda sistema speċifika għal dak li jirrigwarda d-disinni Komunitarji maħluqa fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ impjieg.

47

Dan jirriżulta, b’mod partikolari, mill-fatt li fir-redazzjoni tal-imsemmi paragrafu, huwa għażel l-espressjoni “min iħaddem” sabiex jindika l-proprjetarju tad-disinn Komunitarju maħluq fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ impjieg u mhux l-espressjoni nettament iktar wiesgħa ta’ “prinċipal”.

48

Barra minn hekk, mill-kliem tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament jirriżulta li “min iħaddem” isir il-proprjetarju tad-disinn Komunitarju meta l-“impjegat” joħloq dan id-disinn fl-eżerċizzju tal-obbligi tiegħu jew fuq struzzjonijiet ta’ min iħaddmu.

49

Fir-rigward tal-kelma “impjegat”, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlatur Komunitarju ma għażilx, fl-imsemmija dispożizzjoni, għal dak li jirrigwarda l-persuna li tagħmel disinn, l-espressjoni nettament iktar wiesgħa ta’ “aġent”. Konsegwentement, huwa mifhum, bil-kunċett ta’ “impjegat”, il-persuna li tkun suġġetta għal “min iħaddimha” meta tkun qed toħloq disinn Komunitarju fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ impjieg.

50

Fir-rigward tal-parti tal-Artikolu 14(3) li tipprovdi “għajr jekk miftiehem jew speċifikat xorta oħra bil-liġijiet nazzjonali”, għandu jiġu ppreċiżat li minn naħa, din tagħti lill-partijiet f’kuntratt ta’ impjieg il-possibbiltà li tindika lill-“impjegat” bħala l-proprjetarju ta’ disinn Komunitarju u, min-naħa l-oħra, lill-Istati Membri l-possibbiltà li jipprovdu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom l-“impjegat” bħala proprjetarju ta’ disinn Komunitarju, bil-kundizzjoni, fiż-żewġ każijiet imsemmija, li dan id-disinn ikun inħoloq fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ impjieg.

51

Minn dan jirriżulta li l-leġiżlatur Komunitarju ried jiddefinixxi s-sistema speċjali prevista mill-Artikolu 14(3) tar-Regolament b’riferiment għal tip speċifiku ta’ relazzjoni kuntrattwali, jiġifieri r-relazzjoni ta’ impjieg li teskludi l-applikabbiltà tal-imsemmi artikolu għar-relazzjonijiet kuntrattwali l-oħra, bħal dik li tirrigwarda disinn Komunitarju li ġie kkummissjonat.

52

Din l-interpretazzjoni hija, barra minn hekk, ikkonfermata mix-xogħlijiet preparatorji tar-Regolament.

53

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li ġie speċifikat fl-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fuq id-disinni Komunitarji [COM (93) 342 finali tat-3 ta’ Diċembru 1993], li min iħaddem huwa l-proprjetarju tad-disinn Komunitarju meta dan id-disinn twettaq minn impjegat fl-eżerċizzju tal-obbligi tiegħu li jirriżultaw minn kuntratt ta’ impjieg.

54

B’hekk, skont il-Kummissjoni u kif jirriżulta mill-punti 27 sa 32 tal-konklużjonijiet tal-avukat ġenerali, għalkemm huwa minnu li l-ewwel proġett preliminari tal-proposta tar-regolament tal-Kummissjoni kellu, barra dispożizzjoni dwar il-proprjetà ta’ disinn Komunitarju ddisinjat minn impjegat, dispożizzjoni speċifika dwar il-proprjetà ta’ disinn Komunitarju li ġie kkummissjonat, din id-dispożizzjoni tal-aħħar ma nżammitx fir-Regolament.

55

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, għandha tingħata risposta għall-ewwel u t-tieni domandi fis-sens li l-Artikolu 14(3) tar-Regolament ma japplikax għal disinn Komunitarju li jkun ġie kkummissjonat.

Fuq id-domanda 3(a), dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament

56

Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 14(1) tar-Regolament għandux jiġi interpretat fis-sens li d-dritt għal disinn Komunitarju għandu jagħti dritt legali lid-disinjatur, sakemm ma jkunx ġie ttrasferit permezz ta’ kuntratt lis-suċċessur tiegħu fit-titolu.

Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

57

Il-FEIA tikkunsidra li l-Artikolu 14 għandu jiġi interpretat fl-intier tiegħu fid-dawl tal-għanijiet tar-Regolament u billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-intenzjoni tal-leġiżlatur li joħloq biss regolamentazzjoni minima f’dan il-qasam. Il-FEIA, minn naħa, tirreferi b’mod partikolari għall-Artikoli 27, 88 u 96 tar-Regolament, li jirreferu għal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali u jippermettu lil dawn tal-aħħar li jistabbilixxu protezzjoni iktar wiesgħa tad-disinni Komunitarji minn dik stabbilita mir-Regolament, u min-naħa l-oħra, il-premessi 6, 8 u 9 tar-Regolament, li jfakkru l-ħtiġijiet marbutin mal-osservanza tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità u li jiddefinixxu l-għan ta’ allinjament tad-dispożizzjonijiet sostanzjali tar-Regolament ma’ dawk tad-Direttiva 98/71.

58

Il-FEIA tissuġġerixxi wkoll li l-kunċett ta’ “suċċessur fit-titolu” li jidher fl-Artikolu 14(1) tar-Regolament għandu jiġi interpretat bħala riferiment għad-diversi metodi possibbli ta’ kisba tad-dritt għal disinn stabbiliti mil-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri, inkluż dak ikkontemplat mil-LPJDI favur min jagħmel l-ordni tal-imsemmi disinn.

59

Skont il-Kummissjoni, Acierta u Cul de sac, l-Artikolu 14(1) tar-Regolament għandu dispożizzjoni ġenerali favur l-għoti ta’ dritt għal disinn lil min joħolqu. L-unika eċċezzjoni għal din ir-regola tinsab fil-paragrafu (3) suċċessiv u tirrigwarda l-unika ċirkustanza ta’ disinni maħluqa minn impjegat fil-kuntest tar-relazzjoni ta’ impjieg. Għalhekk ma hemm l-ebda lakuna fir-Regolament inkwistjoni għad-determinazzjoni tal-proprjetà tad-dritt għal disinn Komunitarju.

60

Acierta u Cul de Sac jippreċiżaw li d-dritt għal disinn Komunitarju jista’ jiġi ttrasferit permezz ta’ kuntratt lis-suċċessur tiegħu fit-titolu.

61

Il-Gvern tar-Renju Unit isostni li l-Artikolu 14(1) tar-Regolament ma jipprovdix għal każ ta’ proprjetarju ta’ disinn li ġie kkummissjonat. Konsegwentement, huwa tal-opinjoni li l-Istati Membri jistgħu japplikaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom dwar id-disinni Komunitarji mhux irreġistrati, b’mod konformi mal-premessa 31 kif ukoll mal-Artikolu 88(2) tar-Regolament.

Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

62

L-ewwel nett għandu jitfakkar li fil-kawża preżenti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni biss fil-każ fejn, minn naħa, huma involuti disinni Komunitarji mhux irreġistrati li ġew ikkummissjonati, u min-naħa l-oħra, il-LPJDI ma tassimilax disinni bħal dawn ma’ dawk maħluqin fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ impjieg.

63

B’hekk, jirriżulta mill-ħtiġijiet kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt Komunitarju kif ukoll mill-prinċipju ta’ ugwaljanza, li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju li ma jinkludu ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri li jistabbilixxu s-sens u l-portata tagħha għandhom normalment jingħataw, fil-Komunità kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tiġi stabbilita fid-dawl tal-kuntest tad-dispożizzjoni u tal-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Jannar 1984, Ekro, 327/82, Ġabra p. 107, punt 11; tad-19 ta’ Settembru 2000, Linster, C-287/98, Ġabra p. I-6917, punt 43, u tal-14 ta’ Diċembru 2006, Nokia, C-316/05, Ġabra p. I-12083, punt 21).

64

Dan huwa l-każ tal-kunċetti ta’ “disinjatur” u ta’ “suċċessur fit-titolu” li jidhru fl-Artikolu 14 tar-Regolament.

65

Issa, jekk l-imsemmija kunċetti kellhom jiġu interpretati b’mod differenti fl-Istati Membri differenti, l-istess fatti jistgħu jwasslu sabiex id-dritt għal disinn Komunitarju f’ċerti Stati jingħata lid-disinjatur u f’oħrajn lis-suċċessur tiegħu fit-titolu. F’dan il-każ, il-protezzjoni mogħtija lill-imsemmija disinni Komunitarji ma tkunx l-istess fit-territorju tal-Komunità (ara, b’analoġija, is-sentenza Nokia, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27).

66

Huwa konsegwentement essenzjali li l-kunċetti msemmija iktar ’il fuq jingħataw interpretazzjoni uniformi fis-sistema legali Komunitarja.

67

Interpretazzjoni bħal din hija korroborata mill-premessa 1 tar-Regolament, li tgħid li “[is-]sistema unifikata sabiex jinkiseb disinn Komunitarju li għalih tingħata protezzjoni uniformi [tibbenefika minn] effett uniformi fit-territorju kollu Komunitarju […]”.

68

Barra minn hekk, mill-Artikolu 1(3) tar-Regolament jirriżulta li l-imsemmi disinn jista’ jiġi ttrasferit biss fil-Komunità kollha, ħlief jekk ipprovdut xorta oħra fir-Regolament.

69

Fir-rigward b’mod iktar partikolari ta’ trasferiment tad-dritt għal disinn Komunitarju tad-disinjatur lis-suċċessur tiegħu fit-titolu fis-sens tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament, għandu jiġi kkonstatat li, kif josservaw essenzjalment il-FEIA, Cul de sac u Acierta, il-possibbiltà ta’ transferiment bħal dan tirriżulta impliċitament mill-kliem ta’ dan l-artikolu.

70

Barra minn hekk, interpretazzjoni bħal din tirriżulta espressament minn ċerti verżjonijiet lingwistiċi tal-kunċett ta’ “suċċessur fit-titolu” bħal verżjonijiet Ġermaniżi, Pollakki, Sloveni, Svediżi u Ingliżi, li jirreferu, rispettivament, għal “Rechtsnachfolger”, “następcy prawnemu”, “pravni naslednik”, “den till vilken rätten har övergått”, u “successor in title”.

71

Trasferiment bħal dan jinkludi dak permezz ta’ kuntratt.

72

Fil-fatt, mix-xogħlijiet preparatorji tar-Regolament, kif jinnota l-Avukat Ġenerali fil-punti 46 sa 50 tal-konklużjonijiet tiegħu, jirriżulta li d-disinjatur jista’ jittrasferixxi d-dritt għal disinn Komunitarju permezz ta’ kuntratt lis-suċċessur tiegħu fit-titolu.

73

Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-premessi 8 u 15 tar-Regolament, li jisħqu l-ħtieġa li tiġi adattata l-protezzjoni tad-disinni Komunitarji għall-ħtiġiet tas-setturi industrijali kollha fil-Komunità.

74

Barra minn hekk, huwa essenzjali, għall-finijiet tal-protezzjoni, b’mod partikolari, tad-disinni Komunitarji mhux irreġistrati, li jiġi osservat, skont il-premessa 21 kif ukoll l-Artikolu 19(2) tar-Regolament, id-dritt għall-projbizzjoni tal-kopji ta’ dawn id-disinni.

75

Fil-fatt, bl-eċċezzjoni ta’ disinjaturi individwali msemmija fil-premessa 7 tar-Regolament, jirriżulta mill-premessi 16 u 25 ta’ dan ir-regolament li l-produtturi tad-disinni Komunitarji mhux irreġistrati jistgħu jkunu wkoll ċerti setturi tal-ekonomija tal-Komunità.

76

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi eskluż, hekk kif essenzjalment osserva l-Gvern tar-Renju Unit, li s-suċċessur fit-titolu jkun il-parti ekonomikament l-iktar b’saħħita fir-rigward tad-disinjatur u li tiddisponi minn mezzi iktar sostanzjali sabiex tibda proċedura ġudizzjarja sabiex jiġi prekluż l-ikkupjar tal-imsemmija disinni.

77

Minn dan isegwi li l-adattament tal-protezzjoni tad-disinni Komunitarji għall-bżonnijiet tas-setturi kollha tal-ekonomija tal-Komunità, li jirriżulta mill-premessi 8 u 15 tar-Regolament, permezz ta’ trasferiment kuntrattwali tad-dritt għal disinn Komunitarju, jista’ jikkontribwixxi għall-għan essenzjali tal-eżerċizzju effiċjenti tad-drittijiet mogħtija minn disinn Komunitarju fit-territorju kollu tal-Komunità kif jirriżulta mill-premessa 29 tar-Regolament.

78

Barra minn hekk, protezzjoni mtejba għad-disinni industrijali mhux biss tippromwovi, skont il-premessa 7 tar-Regolament, il-kontribuzzjoni tad-disinjaturi individwali għall-eċċellenza Komunitarja f’dan il-qasam, imma tinkoraġġixxi wkoll l-innovazzjoni u l-iżvilupp ta’ prodotti ġodda u l-investiment fil-produzzjoni tagħhom.

79

Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-possibbiltà li jiġi ttrasferit permezz ta’ kuntratt id-dritt għal disinn Komunitarju tad-disinjatur lis-suċċessur tiegħu fit-titolu fis-sens tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament huwa konformi kemm mal-kliem tal-imsemmi artikolu kif ukoll mal-għanijiet imħaddna mil-imsemmi regolament.

80

Madankollu l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika l-kontenut ta’ kuntratt bħal dan u f’dan id-dawl tistabbilixxi jekk, eventwalment, id-dritt għal disinn Komunitarju mhux irreġistrat kienx effettivament ittrasferit mid-disinjatur lis-suċċessur tiegħu fit-titolu.

81

Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti naturalment ma jipprekludux li l-qorti nazzjonali, fil-kuntest tal-imsemmi eżami, tapplika l-leġiżlazzjoni dwar il-kuntratti sabiex tistabbilixxi ta’ min huwa, skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament, id-dritt għal disinn Komunitarju mhux irreġistrat.

82

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha ċċitati iktar ’il fuq, għandha tingħata risposta għad-domanda 3(a) li, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 14(1) tar-Regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dritt għal disinn Komunitarju għandu jagħti dritt legali lid-disinjatur, sakemm ma jkunx ġie ttrasferit permezz ta’ kuntratt lis-suċċessur tiegħu fit-titolu.

Fuq id-domanda 3(b), kif ukoll ir-raba’ u l-ħames domandi

83

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għad-domanda, 3(a), m’hemmx lok li tingħata risposta għad-domanda 3(b), u lanqas għar-raba’ u l-ħames domandi.

Fuq l-ispejjeż

84

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 14(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat-12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinji [disinni] Komunitarji, ma japplikax għal disinn Komunitarju li jkun ġie kkummissjonat.

 

2)

Fiċ-ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 6/2002 għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dritt għal disinn Komunitarju għandu jagħti dritt legali lid-disinjatur, sakemm ma jkunx ġie ttrasferit permezz ta’ kuntratt lis-suċċessur tiegħu fit-titolu.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.