12.12.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 318/126


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/2424

tal-5 ta’ Diċembru 2022

dwar il-konsistenza tal-miri tal-prestazzjoni li jinsabu fl-abbozz rivedut tal-pjan tal-prestazzjoni mressaq mir-Rumanija skont ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għat-tielet perjodu referenzjarju

(notifikata bid-dokument C(2022) 8740)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(It-test bir-Rumen biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2004 li jippreskrivi l-qafas għall-ħolqien tal-Ajru Uniku Ewropew (ir-Regolament Qafas) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(3)(c), tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/317 tal-11 ta’ Frar 2019 li jistabbilixxi skema ta’ prestazzjoni u imposti fl-Ajru Uniku Ewropew u li jħassar ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013 u (UE) Nru 391/2013 (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(2) tiegħu,

Billi:

KUNSIDERAZZJONIJIET ĠENERALI

(1)

Skont l-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, l-Istati Membri għandhom ifasslu l-pjanijiet tal-prestazzjoni, fil-livell nazzjonali jew fil-livell ta’ blokok ta’ spazju tal-ajru funzjonali (“FAB”), li għandhom jinkludu miri vinkolanti tal-prestazzjoni għal kull perjodu referenzjarju tal-iskema tal-prestazzjoni għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u għall-funzjonijiet tan-network. Dawk il-miri tal-prestazzjoni għandhom ikunu konsistenti mal-miri għall-Unjoni kollha adottati mill-Kummissjoni għall-perjodu referenzjarju kkonċernat.

(2)

Il-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għat-tielet perjodu referenzjarju (“RP3”) ġew stabbiliti oriġinarjament fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/903 (3). Billi dawk il-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha u l-abbozzi tal-pjanijiet tal-prestazzjoni tal-RP3 sussegwentement mressqa mill-Istati Membri f’Ottubru 2019, tfasslu qabel it-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19 f’Marzu 2020, dawn ma qisux it-tnaqqis konsiderevoli fit-traffiku tal-ajru minħabba l-miżuri meħuda mill-Istati Membri u minn pajjiżi terzi biex jikkontrollaw il-pandemija.

(3)

B’rispons għall-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq il-forniment tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, ġew stabbiliti miżuri eċċezzjonali għall-RP3, li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1627 (4). Fit-2 ta’ Ġunju 2021, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/891 (5) li tistabbilixxi miri riveduti tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għall-RP3. Abbażi ta’ dan, f’Ottubru 2021, l-Istati Membri ressqu lill-Kummissjoni abbozzi tal-pjanijiet tal-prestazzjoni li fihom miri tal-prestazzjoni lokali riveduti għall-RP3.

(4)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/728 (6) kienet indirizzata lill-Belġju, lill-Ġermanja, lill-Greċja, lil Franza, lil Ċipru, lil-Latvja, lil-Lussemburgu, lil Malta, lin-Netherlands, lir-Rumanija, u lill-Iżvezja. F’dik id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni sabet li l-miri tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza en route inklużi fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni għall-RP3 tar-Rumanija mhumiex konsistenti mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha u ħarġet rakkomandazzjonijiet għar-reviżjoni ta’ dawk il-miri.

(5)

Bi tweġiba għall-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna, li bdiet fl-24 ta’ Frar 2022, l-Unjoni imponiet miżuri restrittivi li jipprojbixxu lit-trasportaturi tal-ajru Russi, lil kwalunkwe inġenju tal-ajru rreġistrat fir-Russja u lil kwalunkwe inġenju tal-ajru li ma huwiex irreġistrat fir-Russja li huwa proprjetà ta’ jew mikri b’lokazzjoni, jew inkella li huwa kkontrollat minn kwalunkwe persuna, entità jew korp fiżiku jew ġuridiku Russu milli jinżel u jitlaq minn territorju tal-Unjoni jew itir minn fuqu. Dawk il-miżuri restrittivi u l-kontromiżuri adottati mir-Russja wasslu għal bidliet fit-traffiku tal-ajru fl-ispazju tal-ajru Ewropew. Ċerti Stati Membri ġew affettwati serjament minn tnaqqis sinifikanti fl-għadd ta’ titjiriet fuq l-ispazju tal-ajru taħt ir-responsabbiltà tagħhom. Madankollu, fil-livell tal-Unjoni kollha, l-impatt osservat fuq l-għadd ta’ titjiriet kien limitat b’kuntrast mat-tnaqqis qawwi tat-traffiku tal-ajru madwar l-Ewropa li rriżulta mit-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19.

(6)

Fit-13 ta’ Lulju 2022, ir-Rumanija ressqet lill-Kummissjoni abbozz rivedut tal-pjan tal-prestazzjoni għall-RP3 (l-“abbozz rivedut tal-pjan tal-prestazzjoni”).

(7)

Il-korp ta’ rieżami tal-prestazzjoni, li jassisti lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-iskema ta’ prestazzjoni skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 549/2004, ressaq rapport lill-Kummissjoni, li fih il-valutazzjoni tal-abbozz rivedut tal-pjan tal-prestazzjoni.

(8)

F’konformità mal-Artikolu 15(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni, filwaqt li qieset iċ-ċirkostanzi lokali, ivvalutat il-konsistenza tal-miri tal-prestazzjoni lokali li hemm fl-abbozz rivedut tal-pjan tal-prestazzjoni tar-Rumanija abbażi tal-kriterji ta’ valutazzjoni stabbiliti fil-punt 1 tal-Anness IV ta’ dak ir-Regolament. Fir-rigward ta’ kull qasam ewlieni tal-prestazzjoni u l-miri tal-prestazzjoni relatati, il-Kummissjoni kkomplementat il-valutazzjoni tagħha billi rrieżaminat l-elementi stabbiliti fil-punt 2 tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.

(9)

It-tbassir tat-traffiku bażi tas-Servizz tal-Istatistika u tat-Tbassir tal-Eurocontrol (“STATFOR”) ippubblikat f’Ġunju 2022 iqis it-tibdil fiċ-ċirkostanzi fir-rigward tat-traffiku tal-ajru fl-ispazju tal-ajru Ewropew. Abbażi ta’ dak it-tbassir, il-Kummissjoni tinnota li r-Rumanija mistennija jkollha movimenti ta’ titjiriet addizzjonali fl-ispazju tal-ajru tagħha matul il-bqija tal-RP3 minħabba bidliet fil-flussi tat-traffiku tal-ajru li rriżultaw mill-gwerra tar-Russja fl-Ukrajna. Madankollu, dik is-sitwazzjoni ma tbiddilx b’mod sinifikanti l-kundizzjonijiet operattivi għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fir-Rumanija u ma għandhiex impatt detrimentali fuq l-abbozz rivedut tal-pjan tal-prestazzjoni tagħha.

VALUTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Valutazzjoni tal-miri tal-prestazzjoni fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tas-sikurezza

(10)

Rigward il-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tas-sikurezza, il-Kummissjoni vvalutat il-konsistenza tal-miri mressqa mir-Rumanija rigward l-effettività tal-ġestjoni tas-sikurezza tal-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru (“ANSPs”) f’konformità mal-kriterju stabbilit fil-punt 1.1 tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.

(11)

Il-miri tal-prestazzjoni tas-sikurezza lokali proposti mir-Rumanija fir-rigward tal-effettività tal-ġestjoni tas-sikurezza, imqassmin skont l-objettiv tal-ġestjoni tas-sikurezza u espressi bħala livell ta’ implimentazzjoni, huma kif ġej:

Ir-Rumanija

Miri dwar l-effettività tal-ġestjoni tas-sikurezza, espressi bħala livell ta’ implimentazzjoni, li jvarjaw mil-livell A sa D tal-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea

Fornitur tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru kkonċernat

Objettiv tal-ġestjoni tas-sikurezza

2022

2023

2024

Miri mal-Unjoni kollha (2024)

ROMATSA

Politika u objettivi tas-sikurezza

C

C

C

C

Ġestjoni tar-riskju għas-sikurezza

C

C

D

D

Assigurazzjoni tas-sikurezza

C

C

C

C

Promozzjoni tas-sikurezza

C

C

C

C

Kultura tas-sikurezza

C

C

C

C

(12)

Il-miri tal-prestazzjoni tas-sikurezza proposti mir-Rumanija għall-fornitur tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, jiġifieri ROMATSA, huma konsistenti mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha.

(13)

Il-Kummissjoni tinnota li l-abbozz rivedut tal-pjan tal-prestazzjoni mressaq mir-Rumanija jistabbilixxi miżuri għal ROMATSA biex jintlaħqu l-miri tas-sikurezza lokali, inkluż l-implimentazzjoni tal-proċeduri interni ta’ monitoraġġ tas-sikurezza u l-proċessi għal titjib kontinwu tal-effettività tal-ġestjoni tas-sikurezza.

(14)

Għalhekk, fid-dawl ta’ dak li ntqal fil-premessi (11), (12) u (13) u meta jitqies li l-miri tal-prestazzjoni tas-sikurezza mal-Unjoni kollha stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/891 għandhom jintlaħqu sal-aħħar sena tal-RP3, jiġifieri l-2024, il-miri fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tas-sikurezza inklużi fl-abbozz rivedut tal-pjan tal-prestazzjoni tar-Rumanija jenħtieġ li jitqiesu konsistenti mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha.

Valutazzjoni tal-miri tal-prestazzjoni fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-ambjent

(15)

Rigward il-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-ambjent, ġiet ivvalutatata l-konsistenza tal-miri mressqa mir-Rumanija rigward l-effiċjenza tat-titjir medja orizzontali en route tat-trajettorja reali f’konformità mal-kriterju stabbilit fil-punt 1.2 tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. Għaldaqstant, il-miri proposti inklużi fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni rivedut tar-Rumanija tqabblu mal-valuri referenzjarji rilevanti tal-effiċjenza tat-titjir orizzontali en route stabbiliti fil-Pjan ta’ Titjib tan-Network Ewropew tar-Rotot (“ERNIP”) disponibbli fit-2 ta’ Ġunju 2021, id-data tal-adozzjoni tal-miri riveduti tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għall-RP3.

(16)

Fir-rigward tas-sena 2020, il-mira tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għall-RP3 fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-ambjent, li inizjalment ġiet stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/903, qabel it-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19, ma ġietx riveduta bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/891, dment li l-perjodu għall-applikazzjoni ta’ dik il-mira jkun skada u li, b’hekk, l-implimentazzjoni tagħha tkun saret definittiva mingħajr ebda possibbiltà għal aġġustamenti retroattivi. Bl-istess mod, mhuwiex possibbli li l-miri tal-prestazzjoni tal-ambjent lokali għas-sena 2021 stabbiliti mill-Istati Membri fl-abbozzi tal-pjanijiet tal-prestazzjoni mressqa f’Ottubru 2021, jiġu modifikati b’mod retroattiv fl-abbozzi riveduti tal-pjanijiet tal-prestazzjoni. Għalhekk, jenħtieġ li l-konsistenza tal-miri tal-prestazzjoni tal-ambjent lokali tiġi vvalutata mal-miri tal-prestazzjoni korrispondenti mal-Unjoni kollha fir-rigward tas-snin 2022, 2023 u 2024.

(17)

Il-miri tal-prestazzjoni fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-ambjent proposti mir-Rumanija u l-valuri referenzjarji nazzjonali korrispondenti għall-RP3 mill-ERNIP, espressi bħala l-effiċjenza tat-titjir medja orizzontali en route tat-trajettorja reali, huma kif ġej:

Ir-Rumanija

2022

2023

2024

Miri fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-ambjent, espressi bħala l-effiċjenza tat-titjir medja orizzontali en route tat-trajettorja reali

2,05  %

2,05  %

2,05  %

Valuri referenzjarji

2,05  %

2,05  %

2,05  %

(18)

Il-Kummissjoni tosserva li l-miri tal-ambjent proposti mir-Rumanija huma ugwali għall-valuri referenzjarji nazzjonali korrispondenti għal kull waħda mis-snin 2022, 2023 u 2024.

(19)

Il-Kummissjoni tinnota li, fl-abbozz rivedut tal-pjan tal-prestazzjoni tagħha, ir-Rumanija ppreżentat miżuri biex jintlaħqu l-miri tal-ambjent lokali li jinkludu l-parteċipazzjoni tagħha fl-inizjattiva tal-Ispazju tal-Ajru b’Rotot Liberi għax-Xlokk tal-Ewropa, żieda fil-kooperazzjoni transfruntiera, pjan ta’ tranżizzjoni għall-implimentazzjoni tan-navigazzjoni bbażata fuq il-prestazzjoni, u bidliet fil-konfigurazzjoni tas-setturi operazzjonali biex jittejjeb l-użu tal-ispazju tal-ajru.

(20)

Għalhekk, fid-dawl ta’ dak li ntqal fil-premessi (17), (18) u (19), il-miri fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-ambjent inklużi fl-abbozz rivedut tal-pjan tal-prestazzjoni tar-Rumanija jenħtieġ li jitqiesu konsistenti mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha.

Valutazzjoni tal-miri tal-prestazzjoni fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kapaċità

(21)

Rigward il-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kapaċità, il-konsistenza tal-miri mressqa mir-Rumanija rigward id-dewmien medju fil-ġestjoni tal-fluss tat-traffiku tal-ajru (“ATFM”) en route għal kull titjira ġie vvalutat f’konformità mal-punt 1.3 tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. Għaldaqstant, il-miri proposti inklużi fl-abbozz rivedut tal-pjan tal-prestazzjoni tar-Rumanija tqabblu mal-valuri referenzjarji rilevanti stabbiliti fil-Pjan Operazzjonali tan-Network disponibbli fit-2 ta’ Ġunju 2021, iż-żmien tal-adozzjoni tal-miri riveduti tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għall-RP3,.

(22)

Fir-rigward tas-sena 2020, il-mira tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għall-RP3 fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kapaċità, li inizjalment ġiet stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/903, qabel it-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19, ma ġietx riveduta bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/891 dment li l-perjodu għall-applikazzjoni ta’ dik il-mira jkun skada u li għalhekk l-implimentazzjoni tagħha tkun saret definittiva mingħajr ebda possibbiltà għal aġġustamenti retroattivi. Bl-istess mod, mhuwiex possibbli li l-miri tal-prestazzjoni tal-kapaċità lokali għas-sena 2021 stabbiliti mill-Istati Membri fl-abbozzi tal-pjanijiet tal-prestazzjoni mressqa f’Ottubru 2021, jiġu modifikati b’mod retroattiv fl-abbozzi riveduti tal-pjanijiet tal-prestazzjoni. Għalhekk, jenħtieġ li l-konsistenza tal-miri tal-prestazzjoni tal-kapaċità lokali tiġi vvalutata mal-miri tal-prestazzjoni korrispondenti mal-Unjoni kollha fir-rigward tas-snin 2022, 2023 u 2024.

(23)

Il-miri tal-kapaċità en route proposti mir-Rumanija għall-RP3, espressi f’minuti ta’ dewmien tal-ATFM għal kull titjira, kif ukoll il-valuri referenzjarji korrispondenti mill-Pjan Operazzjonali tan-Network huma kif ġej:

Ir-Rumanija

2022

2023

2024

Miri fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kapaċità, espressi f’minuti ta’ dewmien tal-ATFM għal kull titjira

0,04

0,04

0,04

Valuri referenzjarji

0,04

0,04

0,04

(24)

Il-Kummissjoni tosserva li l-miri tal-kapaċità proposti mir-Rumanija huma ugwali għall-valuri referenzjarji nazzjonali korrispondenti għal kull waħda mis-snin 2022, 2023 u 2024.

(25)

Il-Kummissjoni tinnota li r-Rumanija ppreżentat miżuri biex jintlaħqu l-miri tal-kapaċità lokali en route fl-abbozz rivedut tal-pjan tal-prestazzjoni. Dawk il-miżuri jinkludu l-implimentazzjoni ta’ sistema ġdida ta’ ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, konfigurazzjoni tal-ispazju tal-ajru li tiffoka fuq l-implimentazzjoni tal-ispazju tal-ajru b’rotot liberi u l-użu flessibbli tal-kunċetti tal-ispazju tal-ajru, u r-reklutaġġ u t-taħriġ ta’ kontrolluri ġodda tat-traffiku tal-ajru.

(26)

Għalhekk, fid-dawl ta’ dak li ntqal fil-premessi (23), (24) u (25), il-miri fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kapaċità inklużi fl-abbozz rivedut tal-pjan tal-prestazzjoni tar-Rumanija jenħtieġ li jitqiesu konsistenti mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha.

Rieżami tal-miri tal-kapaċità għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminal

(27)

Fir-rigward tal-ajruporti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 kif stabbilit fl-Artikolu 1(3) u (4) ta’ dak ir-Regolament, il-Kummissjoni kkomplementat il-valutazzjoni tagħha tal-miri tal-kapaċità en route billi jiġu riveduti l-miri tal-kapaċità għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminal f’konformità mal-punt 2.1.(b) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. Ma nstabx li dawk il-miri jqajmu tħassib fir-rigward tar-Rumanija.

Valutazzjoni tal-miri riveduti tal-prestazzjoni fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza

(28)

Bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/728, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miri tal-kosteffiċjenza en route inklużi fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni tar-Rumanija mressaq fl-2021 ma kinux konsistenti mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha. Ir-Rumanija pproponiet miri riveduti tal-kosteffiċjenza en route fl-abbozz rivedut tal-pjan tal-prestazzjoni tagħha.

(29)

It-tabella li ġejja tistabbilixxi l-miri inizjali tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza en route għall-RP3 għaż-żona tal-imposti tar-Rumanija, kif stipulati fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni mressaq fl-2021, u l-miri riveduti tal-prestazzjoni korrispondenti inklużi fl-abbozz rivedut tal-pjan tal-prestazzjoni mressaq fl-2022:

Żona tal-imposti en route tar-Rumanija

Valur bażi tal-2014

Valur bażi tal-2019

2020 - 2021

2022

2023

2024

Miri inizjali tal-kosteffiċjenza en route (inklużi fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni mressaq fl-2021), espressi bħala kost unitarju determinat en route (f’termini reali fil-prezzijiet tal-2017)

165,00 RON

155,38 RON

298,87 RON

191,50 RON

174,25 RON

174,33 RON

36,13 EUR

34,03 EUR

65,45 EUR

41,94 EUR

38,16 EUR

38,18 EUR

Miri riveduti tal-kosteffiċjenza en route (inklużi fl-abbozz rivedut tal-pjan tal-prestazzjoni), espressi bħala kost unitarju determinat en route (f’termini reali fil-prezzijiet tal-2017)

165,00 RON

155,38 RON

298,87 RON

179,53 RON

163,47 RON

160,39 RON

36,13 EUR

34,03 EUR

65,45 EUR

39,32 EUR

35,80 EUR

35,13 EUR

(30)

Il-Kummissjoni tosserva li r-Rumanija rrevediet il-miri tal-kosteffiċjenza lokali tagħha għas-snin 2022, 2023 u 2024. Meta mqabbla mal-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni mressaq fl-2021, dawk il-miri jirriżultaw, f’kost unitarju determinat kumplessiv (“DUC”) li huwa 6,9 % inqas matul l-2022, l-2023 u l-2024 u 5,4 % inqas matul l-RP3 fl-intier tiegħu. Dak it-tnaqqis tad-DUC jirriżulta mir-reviżjoni ’l fuq tas-suppożizzjonijiet tat-traffiku użati fl-abbozz rivedut tal-pjan tal-prestazzjoni għas-snin 2022, 2023 u 2024, li huma parzjalment kontrobilanċjati minn żieda fil-kostijiet determinati għas-snin 2023 u 2024.

(31)

Il-Kummissjoni tinnota li s-suppożizzjonijiet tat-traffiku użati fl-abbozz rivedut tal-pjan tal-prestazzjoni huma msejsa fuq it-tbassir bażi tat-traffiku ta’ STATFOR tal-Eurocontrol ta’ Ġunju 2022. It-tabella li ġejja tqabbel l-unitajiet ta’ servizzi en route mbassra għaż-żona tal-imposti għas-snin 2022, 2023 u 2024, maċ-ċifri inklużi fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni:

Żona tal-imposti en route tar-Rumanija

2022

2023

2024

Tbassir inizjali tat-traffiku (inkluż fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni mressaq fl-2021), espress f’eluf ta’ unitajiet ta’ servizzi en route

4 360

5 022

5 269

Tbassir aġġornat tat-traffiku (inkluż fl-abbozz rivedut tal-pjan tal-prestazzjoni), espress f’eluf ta’ unitajiet ta’ servizzi en route

4 583

5 531

5 825

Differenza

+5,1  %

+10,1  %

+10,6  %

(32)

Meta mqabbel mal-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni mressaq fl-2021, it-tnaqqis annwali fl-għadd ta’ unitajiet ta’ servizzi għas-snin 2022, 2023 u 2024 huwa fil-medda ta’ bejn 5 % u 11 %.

(33)

Il-kostijiet determinati riveduti għas-snin 2022, 2023 u 2024, espressi f’termini reali fil-prezzijiet tal-2017, huma stabbiliti fit-tabella li ġejja:

Żona tal-imposti en route tar-Rumanija

2022

2023

2024

Kostijiet determinati inizjali f’termini reali fil-prezzijiet tal-2017 (li jinsabu fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni mressaq fl-2021)

835 M RON

875 M RON

919 M RON

Kostijiet determinati riveduti f’termini reali fil-prezzijiet tal-2017 (inklużi fl-abbozz rivedut tal-pjan tal-prestazzjoni)

823 M RON

904 M RON

934 M RON

Differenza

-1,5  %

+3,3  %

+1,7  %

(34)

L-abbozz rivedut tal-pjan tal-prestazzjoni jinkludi previżjoni aġġornata tal-inflazzjoni għar-Rumanija għas-snin 2022, 2023 u 2024, kif stabbilit fit-tabella li ġejja:

Żona tal-imposti en route tar-Rumanija

2022

2023

2024

Indiċi tal-inflazzjoni inizjali, bil-bidla mbassra minn sena għal sena fl-inflazzjoni fil-parentesi (data inkluża fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni mressaq fl-2021)

116,1

(2,1  %)

119,1

(2,6  %)

122,2

(2,6  %)

Indiċi tal-inflazzjoni rivedut, bil-bidla sena wara sena fl-inflazzjoni fil-parentesi (data inkluża fl-abbozz rivedut tal-pjan tal-prestazzjoni)

125,9

(9,3  %)

130,9

(4,0  %)

134,8

(3,0  %)

(35)

Minħabba l-aġġornament tal-previżjoni tal-inflazzjoni, il-kostijiet determinati riveduti f’termini nominali huma ppjanati li jiżdiedu b’mod sostanzjali b’mod partikolari għas-snin 2023 u 2024, kif ġej:

Żona tal-imposti en route tar-Rumanija

2022

2023

2024

Kostijiet determinati inizjali f’termini nominali (inklużi fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni mressaq fl-2021)

946 M RON

1 013 M RON

1 088 M RON

Kostijiet determinati riveduti f’termini nominali (inklużi fl-abbozz rivedut tal-pjan tal-prestazzjoni)

1 000 M RON

1 138 M RON

1 209 M RON

Differenza

+5,7  %

+12,3  %

+11,0  %

(36)

Il-Kummissjoni vvalutat il-konsistenza tal-miri riveduti tal-kosteffiċjenza proposti mir-Rumanija f’konformità mal-kriterji stabbiliti fil-punti 1.4(a), (b) u (c) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.

(37)

Rigward il-punt 1.4(a) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tosserva li x-xejra tad-DUC en route fil-livell taż-żona tal-imposti ta’ +0,8 % matul l-RP3 tisboq ix-xejra mal-Unjoni kollha ta’ +1,0 % matul l-istess perjodu. Il-Kummissjoni tinnota li dan jikkostitwixxi titjib mix-xejra tad-DUC ta’ +2,9 % ikkalkolata abbażi tal-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni mressaq fl-2021.

(38)

Fir-rigward tal-punt 1.4(b) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tosserva li x-xejra fit-tul tad-DUC en route fil-livell taż-żona tal-imposti matul it-tieni perjodu ta’ referenza (“RP2”) u l-RP3 ta’ -0,3 % hija ferm anqas mix-xejra fit-tul mal-Unjoni kollha ta’ -1,3 % matul l-istess perjodu. Il-Kummissjoni tinnota li dan, madankollu, jikkostitwixxi titjib mix-xejra fit-tul tad-DUC ta’ +0,6 % ikkalkolata abbażi tal-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni mressaq fl-2021.

(39)

Fir-rigward tal-punt 1.4(c) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tosserva li l-valur ta’ bażi tad-DUC ta’ EUR 34,03 tar-Rumanija, espress fil-prezzijiet tal-2017 huwa 14,6 % inqas mill-valur ta’ bażi medju ta’ EUR 39,84 fl-2017 tal-grupp komparatur rilevanti.

(40)

Huwa evidenti li l-miri riveduti tal-kosteffiċjenza tar-Rumanija jirriżultaw f’xejra tad-DUC matul l-RP3 li tisboq ix-xejra korrispondenti mal-Unjoni kollha. Barra minn hekk, id-DUC rivedut tar-Rumanija għall-2024 huwa inqas mill-valur ta’ bażi għall-2014, li juri tnaqqis tad-DUC matul l-RP2 u l-RP3, anke jekk ix-xejra fit-tul tad-DUC mal-Unjoni kollha ma tintlaħaqx. Fl-aħħar nett, ir-Rumanija turi prestazzjoni tajba tal-kosteffiċjenza fir-rigward tal-valur ta’ bażi għall-2019, li huwa ferm anqas mill-medja tal-grupp komparatur korrispondenti. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li, fir-rigward tar-Rumanija, id-devjazzjoni mix-xejra tad-DUC fit-tul mal-Unjoni kollha, imsemmija fil-premessa (38), ma tipprekludix il-konsistenza tal-miri tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza mal-miri tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza mal-Unjoni kollha.

(41)

Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li r-Rumanija indirizzat b’mod adegwat ir-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/728 fir-rigward tar-reviżjoni tal-miri tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza lokali tagħha.

(42)

Fid-dawl ta’ dak li ntqal fil-premessi (29) sa (41), il-miri fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza inklużi fl-abbozz rivedut tal-pjan tal-prestazzjoni tar-Rumanija jenħtieġ li jitqiesu konsistenti mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha.

Rieżami tal-miri riveduti tal-kosteffiċjenza għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminal

(43)

Fir-rigward tal-ajruporti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 kif stabbilit fl-Artikoli 1(3) u (4) ta’ dak ir-Regolament, il-Kummissjoni kkomplementat il-valutazzjoni tagħha tal-abbozzi tal-miri tal-kosteffiċjenza en route permezz ta’ rieżami tal-abbozzi tal-miri tal-kosteffiċjenza għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminal f’konformità mal-punt 2.1(c) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.

(44)

Fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/728, il-Kummissjoni qajmet tħassib dwar il-miri tal-kosteffiċjenza fit-terminal proposti mir-Rumanija fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni mressaq fl-2021, u qieset li r-Rumanija kellha tiġġustifika aktar dawk il-miri jew tirrevedihom ’l isfel. Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li għall-kuntrarju, ir-Rumanija rrevediet dawk il-miri ’l fuq għas-snin 2022 u 2023, inkluż żieda fil-kostijiet determinati f’termini reali għas-sena 2023.

(45)

Il-Kummissjoni tosserva li x-xejra tad-DUC fit-terminal tar-Rumanija ta’ +4,2 % matul l-RP3 għadha ogħla mix-xejra tad-DUC en route ta’ +0,8 % matul l-RP3 u għadha ogħla mix-xejra reali tad-DUC fit-terminal ta’ -3,1 % osservata matul l-RP2. Barra minn hekk, ix-xejra tad-DUC fit-terminal għall-RP3 tjiebet biss bi ftit meta mqabbla mal-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni tar-Rumanija mressaq fl-2021, li fih ġiet osservata xejra tad-DUC fit-terminal ta’ +4,3 %.

(46)

Għalhekk, fid-dawl ta’ dak li ntqal fil-premessi (44) u (45), il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miri riveduti tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza fit-terminal tar-Rumanija għadhom iqajmu tħassib. Il-Kummissjoni għalhekk ittenni l-fehma tagħha li r-Rumanija jenħtieġ li tirrevedi ’l isfel dawk il-miri jew tipprovdi ġustifikazzjonijiet adegwati għal dawk il-miri, fosthom għall-kostijiet determinati miżjuda tas-sena 2023. Jenħtieġ li r-Rumanija tindirizza dak it-tħassib b’rabta mal-adozzjoni tal-pjan tal-prestazzjoni finali tagħha skont l-Artikolu 16(a) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.

Rieżami tal-iskemi ta’ inċentivi msemmija fl-Artikolu 11 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 li jikkomplementa l-valutazzjoni mill-Kummissjoni tal-miri tal-kapaċità

(47)

F’konformità mal-punt 2.1(f) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni kkomplementat il-valutazzjoni tagħha tal-miri tal-kapaċità permezz ta’ rieżami tal-iskemi ta’ inċentivi msemmija fl-Artikolu 11 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. F’dak ir-rigward, il-Kummissjoni eżaminat jekk l-iskemi ta’ inċentivi proposti jissodisfawx ir-rekwiżiti sostantivi stabbiliti fl-Artikolu 11(1) u (3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.

(48)

Fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/728, il-Kummissjoni kkonkludiet li r-Rumanija għandha tirrevedi l-iskema ta’ inċentivi tagħha biex jintlaħqu l-miri tal-kapaċità fit-terminal b’tali mod li l-iżvantaġġ finanzjarju massimu li jirriżulta minn dik l-iskema ta’ inċentivi jiġi stabbilit f’livell li jkollu impatt materjali fuq id-dħul f’riskju. Il-Kummissjoni tinnota li r-Rumanija rrevediet l-iskema ta’ inċentivi tagħha biex tilħaq il-miri tal-kapaċità fit-terminal billi stabbiliet l-iżvantaġġ finanzjarju massimu li jirriżulta f’livell ugwali għal 1 % tal-kostijiet determinati. Ir-reviżjoni tindirizza t-tħassib tal-Kummissjoni fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/728. Il-Kummissjoni ma għandha l-ebda osservazzjoni oħra dwar l-iskemi ta’ inċentivi stabbiliti fl-abbozz rivedut tal-pjan tal-prestazzjoni tar-Rumanija.

KONKLUŻJONI

(49)

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni ssib li l-miri tal-prestazzjoni inklużi fl-abbozz rivedut tal-pjan tal-prestazzjoni mressaq mir-Rumanija huma konsistenti mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-miri tal-prestazzjoni inklużi fl-abbozz rivedut tal-pjan tal-prestazzjoni mressaq mir-Rumanija, skont ir-Regolament (KE) Nru 549/2004, u elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni, huma konsistenti mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għat-tielet perjodu referenzjarju stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/891.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Rumanija.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Diċembru 2022.

Għall-Kummissjoni

Adina VĂLEAN

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 96, 31.3.2004, p. 1.

(2)   ĠU L 56, 25.2.2019, p. 1.

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/903 tad-29 ta’ Mejju 2019 li tistabbilixxi l-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għan-network tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru għat-tielet perjodu ta’ referenza li jibda fl-1 ta’ Jannar 2020 u li jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2024 (ĠU L 144, 3.6.2019, p. 49).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1627 tat-3 ta’ Novembru 2020 dwar miżuri eċċezzjonali għat-tielet perjodu ta’ referenza (2020-2024) tal-iskema ta’ prestazzjoni u imposti tal-ajru uniku Ewropew minħabba l-pandemija tal-COVID-19 (ĠU L 366, 4.11.2020, p. 7).

(5)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/891 tat-2 ta’ Ġunju 2021 li tistabbilixxi l-miri tal-prestazzjoni riveduti mal-Unjoni kollha għan-network tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru għat-tielet perjodu referenzjarju (2020-2024) u li tħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/903 (ĠU L 195, 3.6.2021, p. 3).

(6)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/728 tat-13 ta’ April 2022 dwar l-inkonsistenza ta’ ċerti miri tal-prestazzjoni li jinsabu fl-abbozzi tal-pjanijiet tal-prestazzjoni tal-blokok ta’ spazju tal-ajru nazzjonali u funzjonali ppreżentati mill-Belġju, mill-Ġermanja, mill-Greċja, minn Franza, minn Ċipru, mil-Latvja, mil-Lussemburgu, minn Malta, min-Netherlands, mir-Rumanija, u mill-Iżvezja skont ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għat-tielet perjodu referenzjarju u li tistabbilixxi rakkomandazzjonijiet għar-reviżjoni ta’ dawk il-miri (ĠU L 135, 12.5.2022, p. 4).


ANNESS

Miri tal-prestazzjoni inklużi fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni, imressqa mir-Rumanija skont ir-Regolament (KE) Nru 549/2004, li nstabu konsistenti mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għat-tielet perjodu referenzjarju

QASAM EWLIENI TAL-PRESTAZZJONI TAS-SIKUREZZA

Effettività tal-ġestjoni tas-sikurezza

Ir-Rumanija

Miri dwar l-effettività tal-ġestjoni tas-sikurezza, espressi bħala livell ta’ implimentazzjoni, li jvarjaw mil-livell A sa D tal-EASA

Fornitur tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru kkonċernat

Objettiv tal-ġestjoni tas-sikurezza

2022

2023

2024

ROMATSA

Politika u objettivi tas-sikurezza

C

C

C

Ġestjoni tar-riskju għas-sikurezza

C

C

D

Assigurazzjoni tas-sikurezza

C

C

C

Promozzjoni tas-sikurezza

C

C

C

Kultura tas-sikurezza

C

C

C

QASAM EWLIENI TAL-PRESTAZZJONI TAL-AMBJENT

Effiċjenza tat-titjir medja orizzontali en route tat-trajettorja reali

Ir-Rumanija

2022

2023

2024

Miri fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-ambjent, espressi bħala l-effiċjenza tat-titjir medja orizzontali en route tat-trajettorja reali

2,05  %

2,05  %

2,05  %

QASAM EWLIENI TAL-PRESTAZZJONI TAL-KAPAĊITÀ

Dewmien medju tal-ATFM en route f’minuti għal kull titjira

Ir-Rumanija

2022

2023

2024

Miri fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kapaċità, espressi f’minuti ta’ dewmien tal-ATFM għal kull titjira

0,04

0,04

0,04

QASAM EWLIENI TAL-PRESTAZZJONI TAL-KOSTEFFIĊJENZA

Kost unitarju determinat għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru en route

Żona tal-imposti en route tar-Rumanija

Valur bażi tal-2014

Valur bażi tal-2019

2020 - 2021

2022

2023

2024

Miri riveduti tal-kosteffiċjenza en route, espressi bħala kost unitarju determinat en route (f’termini reali bil-prezzijiet tal-2017)

165,00 RON

155,38 RON

298,87 RON

179,53 RON

163,47 RON

160,39 RON

36,13 EUR

34,03 EUR

65,45 EUR

39,32 EUR

35,80 EUR

35,13 EUR