KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SHARPSTON
ippreżentati fid-29 ta' Novembru 2007 ( 1 )
Kawża C-361/06
Feinchemie Schwebda GmbH u Bayer CropScience AG
vs
College voor de toelating van bestrijdingsmiddelen
“Prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti — Awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq — Ethofumesate — Direttivi 91/414/KEE u 2002/37/KE — Regolament (KEE) Nru 3600/1992 — Talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali”
|
1. |
F’dan il-każ, il-College van Beroep voor het bedrijfsleven (il-Qorti Amministrattiva għall-Kummerċ u għall-Industrija), tal-Olanda, talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tinterpreta l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/37/KE. ( 2 ) |
|
2. |
Id-Direttiva 2002/37 temenda d-Direttiva 91/414/KE. ( 3 ) Id-Direttiva 91/414 teżiġi li l-Istati Membri jiżguraw irwieħhom li l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (essenzjalment l-erbiċidi, il-pestiċidi u l-fungiċidi intiżi għat-trattament tal-pjanti) ma jitqiegħdux fis-suq jew jintużaw fit-territorju tagħhom sakemm ma jkunux ġew awtorizzati skont id-Direttiva. Prodott għall-protezzjoni tal-pjanti ma jistax jiġi awtorizzat jekk is-sustanzi attivi tiegħu ma jkunux elenkati fl-Anness I għad-Direttiva 91/414. Matul perijodu tranżitorju, madankollu, Stat Membru jista’ jawtorizza t-tqegħid fis-suq tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom sustanzi attivi li mhumiex elenkati fl-Anness I li diġà jkun ilhom sentejn fis-suq wara d-data tan-notifika tad-Direttiva. Se nirreferi għal tali awtorizzazzjoni bħala “awtorizzazzjoni eżistenti”. |
|
3. |
Id-Direttiva 2002/37 iżżid l-ethofumesate ma’ l-Anness I għad-Direttiva 91/414, taħt ċerti kundizzjonijiet. L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/37 jeżiġi li l-Istati Membri jirrevedu l-awtorizzazzjoni eżistenti mogħtija għal kull prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li jinkludi ethofumesate sabiex tkun żgurata l-konformità ma’ dawn il-kundizzjonijiet, u fejn ikun meħtieġ, li jemendaw jew jirtiraw l-awtorizzazzjoni skont id-Direttiva 91/414. |
|
4. |
F’dan il-każ, il-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja hija jekk id-detentur ta’ awtorizzazzjoni eżistenti għal prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li jinkludi ethofumesate bħala sustanza attiva jistax jiġi mitlub jipprovdi inkartament li jissodisfa l-eżiġenzi tal-Anness II għad-Direttiva 91/414 (li jinkludi r-rekwiżiti biex l-inkartament jitressaq għall-inklużjoni ta’ sustanza attiva fl-Anness I) bħala kundizzjoni biex tinżamm fis-seħħ l-awtorizzazzjoni tiegħu. |
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja rilevanti
Id-Direttiva 91/414
|
5. |
Il-premessi fil-preambolu tad-Direttiva 91/414 jirreferu għall-importanza tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti; għall-fatt li l-użu tagħhom jista’ jinvolvi riskji u periklu għall-bnedmin, għall-annimali u għall-ambjent; għax-xkiel għall-kummerċ li ġejjin minn regoli nazzjonali differenti li jirregolaw l-awtorizzazzjoni tagħhom u kemm hija mixtieqa l-eliminazzjoni ta’ tali xkiel bl-armonizzazzjoni ta’ dawn ir-regoli. ( 4 ) Regoli uniformi għandhom jipprovdu li l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti m’għandhomx jitqiegħdu fis-suq jew jintużaw mingħajr ma jkunu ġew awtorizzati skont dispożizzjonijiet li jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni, li, b’mod partikolari, għandu jipprevjeni l-awtorizzazzjoni ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li dwarhom ir-riskji għas-saħħa, għall-ilma ta’ taħt l-art u għall-ambjent ma kinux mistħarrġa b’mod xieraq. ( 5 ) Meta jiġu awtorizzati prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, jeħtieġ li jkun żgurat li ma jkollhom l-ebda effett inaċċettabbli fuq il-pjanti jew fuq il-prodotti għall-pjanti, l-ebda influwenza inaċċettabbli fuq l-ambjent b’mod ġenerali u, b’mod partikolari, l-ebda effett dannuż fuq saħħet il-bniedem jew l-annimal jew fuq l-ilma ta’ taħt l-art. ( 6 ) |
|
6. |
L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 91/414 jeżiġi li l-Istati Membri għandhom jipprovdu li prodott għall-protezzjoni tal-pjanti ma jistax jitqiegħed fis-suq u jintuża fit-territorju tagħhom sakemm ma jkunux awtorizzaw il-prodott b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tad-direttiva. |
|
7. |
L-Artikolu 4(1) jeżiġi li l-Istati Membri għandhom jaraw li prodott għall-protezzjoni tal-pjanti ma jkunx awtorizzat jekk, l-ewwel nett, is-sustanzi attivi tiegħu ma jkunux elenkati fl-Anness I u jekk il-kundizzjonijiet previsti fl-imsemmi Anness ma jiġux sodisfatti ( 7 ) u, it-tieni nett, jekk ma jiġux sodisfatti numru ta’ rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(b) sa (f). L-Artikolu 4(1)(b) sa (e) essenzjalment jikkonċerna s-sigurtà u l-effikaċja tal-prodott meta jintuża; u huwa fid-dawl tal-prinċipji uniformi msemmija fl-Anness VI li għandu jiġi eżaminat jekk ir-rekwiżiti tiegħu humiex sodisfatti. L-Artikolu 4(1)(f) jeżiġi li l-livelli massimi ta’ fdalijiet ikunu ġew stabbiliti mill-Istat Membru u nnotifikati u approvati mill-Kummissjoni. |
|
8. |
L-Artikolu 5 jipprovdi li sustanza attiva għandha tiġi inkluża fl-Anness I jekk jista’ jiġi mistenni li l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom din is-sustanza attiva mhux se jkollhom effetti dannużi fuq saħħet il-bniedem jew saħħet l-annimal jew fuq l-ilma ta’ taħt l-art jew influwenza inaċċettabbli fuq l-ambjent. |
|
9. |
L-Artikolu 6(1) jipprovdi li l-inklużjoni ta’ sustanza attiva fl-Anness I għandha tkun deċiża skont proċedura stabbilita. |
|
10. |
L-Artikolu 6(2) jeżiġi li Stat Membru li jirċievi applikazzjoni għall-inklużjoni ta’ sustanza attiva fl-Anness I għandu jara li inkartament li Stat Membru jemmen li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Anness II jintbagħat “mill-applikant” lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni, flimkien ma’ inkartament li huwa konformi ma’ l-Anness III dwar almenu prodott għall-protezzjoni tal-pjanti wieħed li fih din is-sustanza attiva. |
|
11. |
It-titolu tal-Artikolu 8 huwa “Miżuri u derogi transitorji”. L-Artikolu 8(1), li mhux rilevanti għal dan il-każ, għandu x’jaqsam ma’ l-arranġamenti għall-prodotti ġodda li fihom sustanzi attivi li għadhom ma ġewx approvati u elenkati. L-Artikolu 8(2) għandu x’jaqsam mal-prodotti eżistenti li fihom tali sustanzi attivi. |
|
12. |
L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8(2) jipprovdi li, b’deroga mill-Artikolu 4, “Stat Membru jista’, matul perijodu ta’ 12-il sena wara n-notifika [tad-Direttiva], jawtorizza t-tqegħid fis-suq ġewwa t-territorju tiegħu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom sustanzi attivi li ma jkunux jinsabu fl-Anness I li jkunu diġà qegħdin fis-suq sentejn wara n-notifika ta’ din id-Direttiva”. ( 8 ) |
|
13. |
It-tieni paragrafu tal-Artikolu 8(2) jeżiġi li l-Kummissjoni għandha tagħti bidu għal programm ta’ xogħol sabiex jiġu eżaminati b’mod gradwali dawn is-sustanzi attivi matul dan il-perijodu ta’ 12-il sena, u dan b’mod konformi ma’ regolament ( 9 ) adottat skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 19 tad-Direttiva. |
|
14. |
Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 8(2) jipprovdi: “Matul il-perijodu ta’ 12-il sena […] jista’ […] jiġi deċiż bi […] proċedura stabbilita […] illi s-sustanza tista’ tiġi inkluża fl-Anness I u taħt liema kondizzjonijiet jew, f’każijiet fejn ir-rekwiżiti tal-Artikolu 5 ma jkunux issodisfati jew it-tagħrif u l-informazzjoni ma jkunux ġew mogħtija fil-perijodu preskritt, li tali sustanzi attivi ma jiġux inklużi fl-Anness I. L-Istati Membri għandhom jaċċertaw ruħhom li l-awtorizzazzjonijiet relevanti jiġu mogħtija, irtirati jew varjati skont kif xieraq matul perijodu stabbilit.” |
|
15. |
L-Artikolu 13(1) jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jitolbu “lill-applikanti għal awtorizzazzjoni ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti sabiex jissottomettu ma’ l-applikazzjoni tagħhom” (a) inkartament li jissoddisfa l-Anness III; u (b) għal kull sustanza attiva fil-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti, inkartament li jissoddisfa l-Anness II. |
|
16. |
L-Artikolu 13(3)(d) jipprojbixxi lill-Istati Membri milli jagħmlu użu mill-informazzjoni li tissemma fl-Anness II għall-benefiċċju ta’ applikanti oħra mingħajr kunsens għal ħames snin mid-data tad-deċiżjoni, wara li jkunu rċevew informazzjoni ulterjuri meħtieġa għall-inklużjoni inizjali fl-Anness 1 tas-sustanza attiva, sabiex jiġu mibdula l-kundizzjonijiet għal inklużjoni fl-Anness I jew sabiex tinżamm tali inklużjoni. ( 10 ) |
|
17. |
L-Artikolu 13(6) jipprovdi li: “B’deroga mill-[Artikolu 13(1)], għal sustanzi attivi diġà fis-suq sentejn wara n-notifika ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri jistgħu, filwaqt li josservaw kif dovut id-dispożizzjonijiet tat-Trattat, ikomplu japplikaw ir-regoli nazzjonali preċedenti dwar rekwiżiti ta’ informazzjoni sakemm tali sustanzi ma jkunux inklużi fl-Anness I.” |
|
18. |
L-Anness II għad-Direttiva 91/414 jinkludi r-rekwiżiti sabiex l-inkartament jitressaq għall-iskop ta’ inklużjoni ta’ sustanza attiva fl-Anness I. L-Anness III jinkludi rekwiżiti sabiex l-inkaratament jitressaq għall-awtorizzazzjoni ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti. Minn hawn’il quddiem se nirreferi għal tali inkartamenti bl-espressjonijiet “l-inkartament fis-sens tal-Anness II” jew “l-inkartament fis-sens tal-Anness III”. |
|
19. |
L-Anness VI ( 11 ) jistabbilixxi prinċipji uniformi għall-evalwazzjoni ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti. |
|
20. |
Il-perijodu ta’ 12-il sena li jissemma fl-Artikolu 8(2) ġie estiż sal-31 ta’ Diċembru 2006 għas-sustanzi attivi evalwati fil-kuntest tal-ewwel stadju tal-programm tal-Kummissjoni għall-eżami ta’ tali sustanzi. ( 12 ) |
Ir-Regolament Nru 3600/92
|
21. |
Ir-Regolament Nru 3600/92 ( 13 ) jistabbilixxi l-proċedura għall-inklużjoni fl-Anness I għad-Direttiva 91/414 ta’ ċerti sustanzi attivi li jinsabu fi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti koperti minn awtorizzazzjonijiet eżistenti, li jissemmew fl-Artikolu 8(2) ta’ din id-Direttiva. |
|
22. |
Dawn is-sustanzi attivi jinkludu l-ethofumesate. ( 14 ) |
|
23. |
L-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 3600/92 jistabbilixxi l-proċedura li għandha tiġi segwita mill-produttur ( 15 ) ta’ sustanza attiva li tissemma fl-Anness I tar-Regolament li jixtieq jikseb l-inklużjoni tagħha fl-Anness I għad-Direttiva 91/414. |
|
24. |
Din il-proċedura tinbeda billi l-produttur jinnotifika lill-Kummissjoni. Se nirreferi għal produttur li nnotifika lill-Kummissjoni, b’mod konformi ma’ l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 3600/92, bħala n-“notifikant”. |
|
25. |
L-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 3600/92 jeżiġi li n-notifikanti, individwalment jew kollettivament, jibagħtu lill-awtorità nnominata, fit-terminu ta’ żmien stabbilit, għal sustanza attiva speċifika (a) inkartament fil-qosor li jinkludi informazzjoni fil-qosor għal kull punt tal-Annessi II u III għad-Direttiva 91/414, u (b) inkartament komplet li jinkludi informazzjoni kompleta għal kull punt ta’ dawk l-Annessi. |
Id-Direttiva 2002/37
|
26. |
Id-Direttiva 2002/37, li kienet adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 91/414, temenda din id-Direttiva tal-aħħar sabiex l-ethofumesate jiġi inkluż fl-Anness I tagħha, bla ħsara għal ċerti kundizzjonijiet. |
|
27. |
Il-preambolu għad-Direttiva 2002/37 jinkludi l-premessi li ġejjin:
[…]
|
|
28. |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2002/37 jemenda l-Anness I għad-Direttiva 91/414 biex l-ethofumesate jiġi miżjud miegħu u taħt l-intestatura “Dispożizzjonijiet speċifiċi”, jinkludi: “Użi bħala erbiċida biss jistgħu jkunu awtorizzati. Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformità l-Anness VI, il-konklużjonijiet tar-rapport ta' l-analiżi dwar l-ethofumesate, u partikolarment l-Appendiċi I u II tiegħu, kif iffinalizzat fil-Kumitat Permanenti tal-Katina ta' l-Ikel u s-Saħħa ta' l-Annimali fis-26 ta' Frar 2002 għandhom ikunu meqjusa. F'dan l-assessjar totali l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari għall-protezzjoni ta' l-ilma sotterran, meta s-sustanza tkun applikata fir-reġjuni b'ħamrija vulnerabbli u/jew kondizzjonijiet klimatiċi u għandhom japplikaw il-miżuri ta' mitigazzjoni tar-riskju, meta xieraq.” |
|
29. |
L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2002/37 jipprovdi li: “1. L-Istati Membri għandhom jirrevedu l-awtorizzazzjoni għal kull prodott tal-protezzjoni tal-pjanti li fih l-ethofumesate biex jassiguraw li l-kondizzjonijiet irrelatati ma’ l-ethofumesate stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE ikun hemm konformità magħhom. Meta meħtieġ, għandhom jemendaw jew jirtiraw l-awtorizzazzjoni bi qbil mad-Direttiva 91/414/KEE qabel l-1 ta’ Settembru 2003. 2. L-Istati Membri għandhom, għal kull prodott awtorizzat tal-protezzjoni tal-pjanti li fih l-ethofumesate jew bħala l-unika sustanza attiva jew bħala waħda minn diversi sustanzi attivi li kollha kienu elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE sal-1 ta’ Marzu 2003, jevalwaw mill-ġdid il-prodott bi qbil mal-prinċipji uniformi li hemm provvediment dwarhom fl-Anness VI tad-Direttiva 91/414/KEE, fuq il-bażi ta’ inkartament li jissodisfa l-ħtiġiet tal-Anness III tiegħu. Fuq il-bażi ta’ dik l-evalwazzjoni, għandhom jiddeterminaw jekk il-prodott jissodisfax il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1) (b), (ċ), (d) u (e) tad-Direttiva 91/414/KEE. Meta meħtieġ u sat-28 ta’ Frar 2007 l-aktar tard, għandhom jemendaw jew jirtiraw l-awtorizzazzjoni għal kull prodott bħal dan tal-protezzjoni ta’ pjanti.” |
|
30. |
Id-Direttiva 2002/37 daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Marzu 2003. ( 16 ) |
Id-Direttiva 2005/53/KE
|
31. |
Id-Direttiva 91/414 ġiet emendata minn direttivi oħra, fosthom id-Direttiva 2005/53/KE. ( 17 ) Il-preambolu għad-Direttiva 2005/53 jinkludi l-premessi li ġejjin:
|
|
32. |
L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2005/53 jipprovdi: “1. Skont id-Direttiva 91/414/KEE, fejn ikun meħtieġ, l-Istati Membri għandhom jemendaw jew jirtiraw awtorizzazzjonijiet eżistenti għal prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jinkludu [ċerti kimiċi] bħala sustanzi attivi sal-31 ta’ Awissu 2006. Sa din id-data, huma għandhom jivverifikaw partikolarment li l-kundizzjonijiet fl-Anness I għall-imsemmija Direttiva relatati ma’ [ċerti kimiċi] jiġu sodisfatti, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li ġew identifikati fil-parti B tal-inklużjonijiet li jikkonċernaw dawn is-sustanzi attivi, u li d-detentur tal-awtorizzazzjoni, ikollu, jew ikollu aċċess għal, inkartament li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Anness II għal dik id-Direttiva skont il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 13 tal-imsemmija Direttiva. 2. B’deroga mill-paragrafu 1, għal kull prodott għall-protezzjoni tal-pjanti awtorizzat li jinkludi [ċerti kimiċi] bħala l-unika sustanza attiva jew bħala waħda minn diversi sustanzi attivi li lkoll ġew elenkati fl-Anness I għad-Direttiva 91/414/KEE mhux iktar tard mit-28 ta’ Frar 2006, l-Istati Membri għandhom jevalwaw mill-ġdid il-prodott skont il-prinċipji uniformi previsti fl-Anness VI għad-Direttiva 91/414/KEE, fuq il-bażi ta’ inkartament li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Anness III għall-imsemmija Direttiva u li jqis il-parti B tal-inklużjonijiet fl-Anness I għal dik id-Direttiva rigward [ċerti kimiċi]. Fuq il-bażi ta’ din l-evalwazzjoni, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu jekk il-prodott jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(b), (ċ), (d) u (e) tad-Direttiva 91/414/KEE […].” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
|
33. |
Madankollu, fiż-żmien rilevanti, id-Direttiva 2005/53 kienet għadha ma daħlitx fis-seħħ. |
Id-dritt nazzjonali rilevanti
|
34. |
Il-qorti tar-rinviju ġibdet l-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-Artikolu 7(1)(c) tal-Liġi dwar il-Pestiċidi tal-1962, li jipprovdi dan li ġej: “1. Il-Bord għandu jirtira awtorizzazzjoni jew reġistrazzjoni […] jekk: […]
|
Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
|
35. |
Feinchemie Schwebda GmbH u Bayer CropScience AG (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”), produtturi ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, innotifikaw lill-Kummissjoni, skont il-proċedura stabbilita fir-Regolament Nru 3600/92, sabiex l-ethofumesate jiġi inkluż fl-Anness I għad-Direttiva 91/414. Insostenn tal-applikazzjoni tagħhom, huma ressqu inkartament fis-sens tal-Anness II. Bħala riżultat ta’ dan, b’effett mill-1 ta’ Marzu 2003, l-ethofumesate ġie miżjud mal-lista ta’ sustanzi attivi awtorizzati għal inklużjoni fi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fl-Anness I għad-Direttiva 91/414. |
|
36. |
Agrichem BV (iktar ’il quddiem “Agrichem”) kellha awtorizzazzjonijiet eżistenti għal seba’ prodotti li jinkludu l-ethofumesate bħala sustanza attiva. Hija ma intervenietx mar-rikorrenti bħala ko-notifikanti, u lanqas ma ressqet inkartament fis-sens tal-Anness II. |
|
37. |
Għall-bidu, l-awtorizzazzjonijiet ta’ Agrichem ġew irtirati mill-College voor de toelating van bestrijdingsmiddelen (il-Bord għall-Awtorizzazzjoni tal-Pestiċidi tal-Olanda, iktar ’il quddiem is-“CTB”), b’deċiżjonijiet tat-23 ta’ Jannar 2004, minħabba li ma kien tressaq l-ebda inkartament fis-sens tal-Anness II. Sussegwentement, dan l-irtirar ġie rrevokat b’deċiżjoni tad-19 ta’ Novembru 2004 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) fejn is-CTB qies li, skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/37, ma setax jintalab inkartament fis-sens tal-Anness II. |
|
38. |
Ir-rikorrenti kkontestaw din id-deċiżjoni quddiem il-College van Beroep voor het bedrijfsleven, li ressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
|
Sunt tal-osservazzjonijiet tal-partijiet
|
39. |
Ir-rikorrenti, Agrichem, il-Gvernijiet tal-Olanda u tal-Belġju u l-Kummissjoni, ressqu osservazzjonijiet bil-miktub, u kollha kemm huma, ħlief il-Gvern Belġjan, kienu preżenti għas-seduta tad-19 ta’ Settembru 2007. |
|
40. |
Bl-eċċezzjoni ta’ Agrichem, dawn il-partijiet kollha jikkontestaw il-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata. B’mod ġenerali, huma jsostnu li l-Artikolu 13(1) u (3) tad-Direttiva 91/414 joħloq sitwazzjoni fejn id-detentur ta’ awtorizzazzjoni eżistenti li ma jkunx notifikant għandu jkollu, jew ikollu aċċess għal, inkartament fis-sens tal-Anness II jew tal-Anness III qabel Settembru 2003. Jekk l-imsemmi detentur ma jkollux aċċess għal tali inkartament, l-Artikolu 13 jipprojbixxi lil Stat Membru mill-użu tal-informazzjoni inkluża f’inkartament eżistenti fis-sens tal-Anness II jew tal-Anness III li jkollu fil-pussess tiegħu għall-benefiċċju tad-detentur inkwistjoni billi tinżamm awtorizzazzjoni eżistenti. Huma jsostnu li, peress li d-Direttiva 2002/37 għandha tiġi interpretata fid-dawl tad-Direttiva 91/414, in-nuqqas ta’ dispożizzjoni espliċita fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/37 li tipprovdi li waqt il-proċess ta’ eżami mill-ġdid għandu jitressaq inkartament ma jaffetwax din il-projbizzjoni. |
|
41. |
L-argument ta’ Agrichem jiffoka fuq is-sempliċi kwistjoni ta’ kif id-Direttiva 2002/37 għandha tiġi interpretata bl-aħjar mod u kif dik id-Direttiva tista’ tiġi kkonċiljata mad-Direttiva 91/414. Skont Agrichem, id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dawn id-Direttivi ma jeżiġux li din ikollha fil-pussess tagħha inkartament komplet fis-sens tal-Anness II jew tal-Anness III fi tmiem it-terminu speċifikat fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/37. Agrichem issostni wkoll li l-imsemmija dispożizzjonijiet ma jobbligawx lil Stat Membru li jirtira awtorizzazzjoni eżistenti mingħand entità li ma jkollhiex fil-pussess tagħha tali inkartament fi tmiem dan it-terminu. |
L-evalwazzjoni
|
42. |
Il-kwistjoni prinċipali f’din il-kawża tikkonċerna l-interpretazzjoni korretta tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2002/37 u tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 91/414, u l-mod ta’ interazzjoni bejn dawn iż-żewġ Direttivi. |
L-iskop tad-Direttivi
|
43. |
Il-punt ta’ tluq għandu jkun l-eżami tal-iskop tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni. |
|
44. |
Ir-rikorrenti u l-Olanda jsostnu li l-iskop ta’ din il-leġiżlazzjoni huwa li jitħarsu l-proprjetà intelletwali, ir-riċerka u l-investimenti tal-kumpanniji li jiżviluppaw sustanzi attivi u li, fin-nuqqas ta’ tali protezzjoni, l-iżvilupp ta’ sustanzi attivi ġodda jieqaf. |
|
45. |
Minkejja li l-Kummissjoni tqis li d-direttivi prinċipalment għandhom l-għan li jħarsu l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, hija taqbel mar-rikorrenti li l-iżvilupp ta’ sustanzi attivi ġodda huwa essenzjali għall-protezzjoni tal-pjanti. Barra minn hekk, hija tqis li l-ħarsien tal-informazzjoni fid-Direttiva 91/414 huwa intiż sabiex iħares l-investimenti tal-kumpanniji li joperaw fl-ambitu tal-iżvilupp. |
|
46. |
Agrichem taqbel li l-għan prinċipali tad-Direttiva 91/414 huwa relatat mar-regolamentazzjoni tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti disponibbli fis-suq, iżda tikkontesta l-fatt li din ir-regolamentazzjoni tista’ twassal biex id-detentur ta’ awtorizzazzjoni eżistenti jkollu din l-awtorizzazzjoni rtirata. |
|
47. |
Fil-fehma tiegħi, jidher ċar mill-premessi fil-preambolu għad-Direttiva 91/414 ( 18 ) li l-iskop prinċipali ta’ din id-Direttiva huwa li jkun żgurat li t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jiġi rregolat, pjuttost milli jiġi żġurat il-ħarsien tad-drittijiet ta’ proprjetà intelletwali. Għandna nżommu f’moħħna dan l-iskop prinċipali meta neżaminaw id-dispożizzjoni speċifiċi tad-Direttivi 91/414 u 2002/37. |
Id-dispożizzjonijiet prinċipali
|
48. |
Fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-qorti tar-rinviju kienet tal-fehma li mill-kliem tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/37 ma kienx jidher li Stat Membru huwa obbligat li jtemm l-awtorizzazzjoni tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti inkwistjoni. |
|
49. |
Fid-deċiżjoni kkontestata, is-CTB segwa r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat Konsultattiv dwar l-Oġġezzjonijiet tiegħu u ddeċieda li ma kienx kompetenti biex jitlob inkartament fis-sens tal-Anness II sabiex, skont Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/37, insostenn tal-awtorizzazzjonijiet eżistenti ta’ Agrichem. |
L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2002/37
|
50. |
L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2002/37 jikkonċerna l-informazzjoni meħtieġa mid-detentur ta’ awtorizzazzjoni eżistenti u t-terminu ta’ żmien li fih id-detentur għandu jkollu din l-informazzjoni. |
|
51. |
Is-CTB iddikjara li l-awtorizzazzjonijiet għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jinkludu l-ethofumesate bħala sustanza attiva, f’kull każ, għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti mid-Direttiva 2002/37. La d-Direttiva 2002/37 u lanqas id-Direttiva 91/414 ma jistabbilixxu l-kundizzjoni li matul l-eżami tal-konformità għandu jintwera li awtorizzazzjoni eżistenti hija sostnuta minn inkartament fis-sens tal-Anness II. Is-CTB ikkonkluda li ma kellux il-kompetenza biex jitlob tali inkartament. |
|
52. |
Il-qorti tar-rinviju donnha taqbel mad-deċiżjoni kkontestata. Hija tindika li l-proċess ta’ eżami mill-ġdid tal-awtorizzazzjonijiet (li kellu jiġi kkompletat sa l-1 ta’ Settembru 2003) stabbilit mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/37 huwa intiż sabiex jiżgura li jkun hemm konformità mal-kundizzjonijiet relatati ma’ l-ethofumesate stabbiliti fl-Anness I. Bil-kontra, il-proċess ta’ evalwazzjoni mill-ġdid tal-awtorizzazzjonijiet eżistenti (li kellha tkun ikkompletata sat-28 ta’ Frar 2007) stabbilita mill-Artikolu 4(2) ta’ din id-Direttiva hija maħsuba sabiex tiddetermina jekk kull prodott għall-protezzjoni tal-pjanti jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(b), (c), (d) u (e) tad-Direttiva 91/414. Il-bażi għal din l-evalwazzjoni huwa inkartament fis-sens tal-Anness III. |
|
53. |
Il-qorti tar-rinviju tindika wkoll li mill-kliem tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/37 ma jidhirx biċ-ċar li l-Istati Membri huma meħtieġa jtemmu l-awtorizzazzjoni, jekk, qabel l-1 ta’ Settembru 2003, id-detentur tal-awtorizzazzjoni ma setax jipprovdi inkartament fis-sens tal-Anness II, peress li l-Artikolu 4(1) ma jeżiġix li d-detentur tal-awtorizzazzjoni għandu jressaq inkartament fis-sens tal-Anness II għall-eżami mill-ġdid. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tassumi li l-eżami mill-ġdid jista’ jsir fuq il-bażi ta’ data li diġà hija magħrufa mill-awtoritajiet li preċedentement taw l-awtorizzazzjoni. |
|
54. |
Agrichem ukoll taqbel mad-deċiżjoni kkontestata. Hija ssostni li l-ethofumesate ġie approvat (fuq il-bażi ta’ inkartament fis-sens tal-Anness II). Dan jimplika li ma teżisti l-ebda raġuni ta’ natura sanitarja biex tkun irtirata awtorizzazzjoni eżistenti. Hija qed issostni wkoll li t-termini mqassma fiż-żmien għall-eżami mill-ġdid tal-awtorizzazzjonijiet eżistenti skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/37, u għall-evalwazzjoni mill-ġdid, iktar sostanzjali, skont l-Artikolu 4(2) tagħha, jimplikaw li inkartament huwa meħtieġ fil-kuntest tal-evalwazzjoni mill-ġdid iżda mhux f’dak tal-eżami mill-ġdid. Il-ħtieġa ta’ inkartament għal eżami mill-ġdid skont l-Artikolu 4(1) twassal biex ma tantx ikun hemm differenza bejn iż-żewġ tipi ta’ evalwazzjoni. |
|
55. |
Bil-kontra, il-Kummissjoni ssostni li d-Direttiva 2002/37 ġiet adottata fuq il-premessa li l-Istati Membri ma jistgħux jawtorizzaw lil entità biex tqiegħed fis-suq prodott li jinkludi l-ethofumesate jekk din l-entità ma jkollhiex fil-pussess tagħha inkartament komplet. Konsegwentement, l-effett tal-Artikolu 4(1) huwa li l-Istat Membru kkonċernat għandu jirtira l-awtorizzazzjonijiet sakemm ma jkunx ipprovdut inkaratament komplet sal-1 ta’ Settembru 2003. |
|
56. |
Jidher li l-ewwel argument tal-Kummissjoni huwa korrett mill-formulazzjoni ċara tad-Direttiva 2002/37. Madankollu, dan ma jfissirx li parti li jkollha awtorizzazzjoni eżistenti m’għandhiex titħalla żżommha. |
|
57. |
L-Olanda u l-Kummissjoni ssuġġerew interpretazzjonijiet oħra tal-Artikolu 4. L-Olanda tissuġġerixxi li għalkemm mit-test tal-Artikolu 4(1) ma jidhirx li huwa meħtieġ inkartament, ir-rekwiżit għal inkartament mhuwiex f’kunflitt mal-kliem tal-Artikolu inkwistjoni. Il-Kummissjoni offriet żewġ interpretazzjonijiet possibbli tal-Artikoli 4(1) u 4(2). L-ewwel nett, il-Kummissjoni tissuġġerixxi li l-ewwel terminu (fl-Artikolu 4(1)) jikkorrispondi għall-preżentata ta’ inkartament fis-sens tal-Anness II, filwaqt li t-tieni terminu (fl-Artikolu 4(2)) jikkorrispondi għall-evalwazzjoni mill-ġdid tal-inkartament fis-sens tal-Anness III (fuq il-bażi li, peress li fis-suq jeżistu diversi prodotti, ikkostitwiti minn diversi sustanzi, l-eżami ta’ kull wieħed jieħu iktar żmien). Sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 4(1) huwa żejjed u sempliċement jiċċara r-rekwiżit ġenerali tal-preżentata ta’ inkartament fi tmiem l-ewwel perijodu. |
|
58. |
Fil-fehma tiegħi, l-interpretazzjonijiet offruti mill-Olanda u mill-Kummissjoni jinvolvu interpretazzjoni tal-Artikolu 4 li tmur kontra l-formulazzjoni ċara tiegħu, u fil-każ tal-ewwel argument tal-Kummissjoni, kontra l-formulazzjoni ċara tat-tmien premessa tad-Direttiva 2002/37. |
|
59. |
Jekk tiġi adottata l-interpretazzjoni l-iktar sempliċi ta’ din id-dispożizzjoni, il-proċedura ta’ eżami mill-ġdid tal-awtorizzazzjonijiet eżistenti stabblita fl-Artikolu 4(1) teżiġi biss informazzjoni bażika (bħal dik fl-Anness I), u mhux inkartament komplet fis-sens tal-Anness II jew tal-Anness III. Hija sempliċement tinvolvi l-kontroll li “li l-kondizzjonijiet fir-rigward tal-ethofumesate […] ikunu sodisfatti”. Hija ma teżiġix evalwazzjoni mill-ġdid kompleta tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti bħala tali (dan il-kompitu huwa stabbilit mill-Artikolu 4(2)). Għalhekk, loġikament, l-Artikolu 4(1) ma jinvolvix l-irtirar ta’ awtorizzazzjoni eżistenti minħabba li kumpannija li jkollha din l-awtorizzazzjoni ma jkollhiex aċċess għal inkartament fis-sens tal-Anness II (jew tal-Anness III). Fuq din il-bażi, id-domanda mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tingħata risposta pożittiva. |
|
60. |
Madankollu, huwa possibbli li l-kuntest leġiżlattiv li fih ġiet implementata d-Direttiva 2002/37 jista’ jipprovdi spjegazzjoni konvinċenti għal interpretazzjoni differenti tal-Artikolu 4(1). |
Ir-relazzjoni bejn iż-żewġ Direttivi
|
61. |
Il-partijiet kollha jaqblu li l-Artikolu 6 tad-Direttiva 91/414 jipprovdi qafas li jipprovdi għall-adozzjoni ta’ serje ta’ Direttivi, fosthom id-Direttiva 2002/37. Madankollu, il-kwistjoni tar-relazzjoni bejn iż-żewġ Direttivi hija materja kontenzjuża. |
|
62. |
Il-punt ta’ tluq tar-raġunament tal-partijiet li jipproponu li d-domanda preliminari tingħata risposta negattiva huwa li d-Direttiva 2002/37 għandha tiġi interpretata fid-dawl tad-Direttiva 91/414, u li ma tiġix meqjusa bħala lex specialis. Dan huwa għaliex id-Direttiva 2002/37 hija Direttiva tal-Kummissjoni, prevista fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 91/414, li temenda din id-Direttiva biss inkwantu tinkludi sustanza oħra fl-Anness I. Għaldaqstant, ir-rikorrenti isostnu li d-Direttiva 2002/37 għandha tiġi interpretata fid-dawl tad-Direttiva 91/414. |
|
63. |
Agrichem taċċetta dan l-argument iżda ssostni li jekk wieħed jeżamina l-kliem ċar tad-Direttiva 2002/37, id-Direttiva 91/414 ma tibdilx neċessarjament it-tifsira tad-Direttiva 2002/37, peress li t-tnejn huma komplementari. Agrichem issostni li d-Direttiva 91/414 tbiddel it-tifsira tad-Direttiva 2002/37 biss fil-każ ta’ kunflitt, li mhuwiex il-każ. |
|
64. |
Sussidjarjament, Agrichem issostni li, għalkemm l-adozzjoni tad-Direttiva 2002/37 kienet prevista mid-Direttiva 91/414, jibqa’ l-fatt li d-Direttiva 2002/37 tikkostitwixxi lex specialis, għaliex hija tittratta d-dispożizzjonijiet tranżitorji b’mod iktar speċifiku mill-Artikolu 8 tad-Direttiva 91/414. |
L-Artikolu 8 tad-Direttiva 91/414
|
65. |
L-Artikolu 8 espliċitament joħloq struttura intiża sabiex tirregola l-perijodu tranżitorju, li matulu jista’ jiġi deċiż li tiġi inkluża fl-Anness I sustanza attiva li tinsab fi prodott għall-protezzjoni tal-pjanti suġġett għal awtorizzazzjoni eżistenti. |
|
66. |
Il-Kummissjoni ssostni li l-iskema tranżitorja fl-Artikolu 8, li bis-saħħa tagħha Stat Membru jista’ japplika d-dispożizzjonijiet nazzjonali tiegħu, tintemm meta s-sustanza, li hija s-suġġett ta’ dawn id-dispżizzjonijiet, tiġi inkluża fl-Anness I. Il-Kummissjoni ssostni li ladarba sustanza attiva tiġi inkluża fl-Anness I, il-partijiet ikkonċernati kollha għandu jkollhom inkartament fis-sens tal-Anness II jew tal-Anness III skont il-leġiżlazzjoni Komunitarja. |
|
67. |
Madankollu, dan l-argument jirrappreżenta ċirku vizzjuż, għaliex jerġa’ jieħdok lura għall-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/37 jeżiġix jew le li entità li jkollha awtorizzazzjoni eżistenti għal prodott għall-protezzjoni tal-pjanti għandux ikollha fil-pussess tagħha inkartament fis-sens tal-Anness II. |
Id-Direttiva 2005/53
|
68. |
Ir-rikorrenti, l-Olanda u l-Kummissjoni jsostnu li, bil-kontra tad-Direttivi suċċessivi li jemendaw, id-Direttiva 2002/37 hija pjuttost anomalija, peress li tipprovdi għal terminu itwal għall-preżentata ta’ inkartament fis-sens tal-Anness II milli huwa previst mill-Artikolu 8 tad-Direttiva 91/414. Dawn il-partijiet semmew id-Direttiva 2005/53 bħala eżempju iktar tipiku ta’ direttiva li temenda. |
|
69. |
Dawn il-partijiet jiċċitaw l-Artikolu 3 ta’ din id-Direttiva, li jindika li, għas-sustanzi attivi miżjuda minn din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jivverfikaw li d-detentur tal-awtorizzazzjoni jkollu aċċess għal inkartament fis-sens tal-Anness II. Huma josservaw li l-għaxar premessa tad-Direttiva 2005/53 tindika b’mod ċar li l-Artikolu 13 tad-Direttiva 91/414 huwa maħsub biex japplika għad-detenturi ta’ awtorizzazzjonijiet eżistenti, u li d-detenturi kollha ta’ awtorizzazzjoni għandu jkollhom aċċess għal inkartament fis-sens tal-Anness II. |
|
70. |
Il-Kummissjoni għalhekk issostni li d-Direttiva 2002/37 għandha tinftiehem bħala waħda li tinkludi l-istess rekwiżiti, għar-raġuni li d-Direttiva 2005/53 sempliċement esprimiet b’mod espliċitu intenzjoni li kienet impliċita fid-Direttivi preċedenti rigward l-interazzjoni bejn id-Direttiva 91/414 u d-Direttivi li jemendawha. |
|
71. |
Agrichem issostni li l-interpretazzjoni proposta mill-Kummissjoni twassal għal applikazzjoni ta’ interpretazzjoni prospettiva (li tinsab fil-premessi) għal Direttiva preċedenti. Agrichem tqis li mhux biss tali interpretazzjoni tmur kontra l-prinċipju taċ-ċertezza legali, iżda hija wkoll eskluża mill-premessi nfushom. |
|
72. |
Jiena ma naqbilx ma’ l-argument tal-Kummissjoni. Il-ħdax-il premessa tad-Direttiva 2005/53 tindika, b’mod pjuttost espliċitu, li d-Direttiva 2005/53 ma taffetwax l-obbligi li rriżultaw minn Direttivi li jemendaw preċedenti. Iżda dan huwa eżattament l-effett tal-interpretazzjoni tal-Kummissjoni. Infakkar ukoll li d-Direttiva 2005/53 ma tikkonċernax l-ethofumesate; u li hija ma kinitx għadha daħlet fis-seħħ fiż-żmien rilevanti. |
|
73. |
Għalhekk jiena naqbel ma’ Agrichem li l-interpretazzjoni fil-preambolu tad-Direttiva 2005/53 m’għandhiex tiġi applikata b’mod retroattiv għad-Direttiva 2002/37. |
L-Artikolu 13 tad-Direttiva 91/414
|
74. |
Ir-relazzjoni bejn l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/37 u d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/414 hija ddefinita mit-tieni sentenza tal-Artikolu 4(1), li tipprovdi li l-emenda jew l-irtirar tal-awtorizzazzjonijiet għandhom isiru skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/414. |
|
75. |
L-unika dispożizzjoni tad-Direttiva 91/414 li tista’ twassal biex tiġi rtirata awtorizzazzjoni hija l-Artikolu 13. Dak l-Artikolu jikkonċerna l-użu tal-informazzjoni li tikkostitwixxi inkartament fis-sens tal-Anness II mressaq sabiex sustanza attiva tiġi miżjuda mal-lista ta’ sustanzi permessi li tinsab fl-Anness I tad-Direttiva 91/414. |
|
76. |
Għaldaqstant, ngħaddi għall-eżami ta’ din id-dispożizzjoni. |
Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 13(1)
|
77. |
Id-domanda essenzjali li għandna nwieġbu hija jekk il-kumpanniji fil-pożizzjoni ta’ Agrichem jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 13. Agrichem issostni li bħala detentur ta’ awtorizzazzjonijiet eżistenti, u mhux bħala kumpannija li tixtieq tqiegħed prodotti ġodda għall-protezzjoni tal-pjanti fis-suq, hija ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 13. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu mhumiex rilevanti għaliha. |
|
78. |
Agrichem tosserva li t-test tal-Artikolu 13 jirreferi għal “applikant”. L-eżami mill-ġdid skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/37 mhuwiex ibbażat fuq applikazzjoni. Għalhekk, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 13 ma jestendix għad-detenturi ta’ awtorizzazzjonijiet eżistenti. |
|
79. |
Barra minn hekk, Agrichem tfakkar li fis-sentenza Stichting Zuid-Hollandse Milieufederatie ( 19 ), l-Artikolu 13 huwa interpretat bħala applikabbli għal dawk l-entitajiet li japplikaw għal awtorizzazzjoni, pjuttost milli għad-detenturi ta’ awtorizzazzjonijiet eżistenti. Peress li l-awtorizzazzjonijiet eżistenti għal prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom l-ethofumesate għandhom jiġu kkonfermati permezz ta’ eżami mill-ġdid skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/37, il-validità ta’ tali awtorizzazzjonijiet m’għandhiex tkun affetwata millArtikolu 13, u m’għandhiex taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. |
|
80. |
Ir-rikorrenti jissuġġerixxu li d-definizzjoni tal-kelma “applikant” għandha tapplika għall-entitajiet kollha għajr l-applikanti notifikanti. Huma jsostnu li inkwantu d-Direttivi għandhom l-għan li jħarsu l-investimenti tal-kumpanniji li għamlu riċerka dwar ċerti sustanzi attivi u li żviluppawhom, l-Artikoli 4 u 13 flimkien joperaw biex joħolqu qafas għall-awtorizzazzjonijiet fejn ir-rekwiżiti li għandhom jiġu sodisfatti sabiex tinkiseb jew tinżamm awtorizzazzjoni ġew stabbiliti fl-Artikolu 13. |
|
81. |
Madankollu, dan l-argument jimplika l-preżenza ta’ kunċett ieħor (jiġifieri, dak ta’ “tinżamm”) fl-Artikolu 13. |
|
82. |
Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 13 jestendi għad-detenturi ta’ awtorizzazzjonijiet eżistenti u li tali detenturi għandhom jiġu trattati b’mod differenti mill-applikanti l-ġodda biss matul il-perijodu tranżitorju, li jiġi mitmum mill-Artikolu 13(6) meta l-prodott ikkonċernat jiġi miżjud ma’ l-Anness I. Ladarba sustanza tiġi inkluża fl-Anness I, għandu jiġi applikat l-Artikolu 13(1). |
|
83. |
Skont il-Kummissjoni, l-Artikolu 13 għandu l-għan li jħares lid-detenturi ta’ awtorizzazzjoni notifikanti billi jagħti l-awtorizzazzjonijiet futuri biss fuq il-bażi ta’ inkartament fis-sens tal-Anness II. Għal din ir-raġuni, l-Artikolu 13(1) għandu jiġi interpretat bħala applikabbli għad-detenturi ta’ awtorizzazzjonijiet eżistenti. Inkella, ikun hemm differenza fit-trattament bejn id-detenturi ta’ awtorizzazzjonijiet eżistenti (li għalihom ma huwa meħtieġ l-ebda inkartament) u l-applikanti l-ġodda għall-awtorizzazzjoni (li għalihom huwa meħtieġ l-inkartament) li mhux ġust. |
|
84. |
Ma naħsibx li din hija spejgazzjoni konvinċenti tar-raġuni li għaliha d-detentur ta’ awtorizzazzjoni eżistenti għandu jaġixxi bl-istess mod bħal applikant ġdid. Barra minn hekk, l-Artikolu 13(7) jidher li jistabbilixxi differenza bejn l-applikanti u d-detenturi ta’ awtorizzazzjonijiet eżistenti. |
|
85. |
Il-qorti tar-rinviju tissuġġerixxi li l-interpretazzjoni tal-ambitu tal-Artikolu 13(1) mogħtija mir-rikorrenti tista’ tagħti lill-parti notifikanti vantaġġ kompetittiv mhux iġġustifikat. Jiena naqbel magħha. Fil-fehma tiegħi, l-interpretazzjoni proposta mir-rikorrenti tammonta għal esklużjoni li tirriżulta mill-projbizzjoni totali tal-użu tas-sustanzi attivi miżjuda mal-lista fl-Anness I għad-Direttiva 91/414, li tapplika għall-partijiet kollha għajr l-entitajiet notifikanti effettivi. |
|
86. |
Għalkemm din il-lock-out iddum biss għal perijodu qasir minħabba l-Artikolu 13(3)(ċ) u l-Artikolu 13(3)(d), din hija miżura anti-kompetittiva. Jekk il-leġiżlatur kellu l-intenzjoni li jippermetti tali riżultat, wieħed jistenna li dan jiġi indikat b’mod espliċitu fil-leġiżlazzjoni, pjuttost milli jitħalla biex jiġi dedott indirettament. |
|
87. |
Tali esklużjoni jkollha wkoll l-effett li tipprojbixxi lil entitajiet li diġà ingħataw awtorizzazzjoni biex jużaw prodotti speċifiċi għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom tali sustanzi attivi milli jkomplu jużawhom. Fil-fehma tiegħi ikun kemm sproporzjonat kif ukoll anti-kompetittiv li jiġi rtirat dritt li nkiseb preċedentement, u li ngħata b’mod validu skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 91/414. |
|
88. |
M’iniex lesta li ninterpreta l-Artikolu 13(1) f’dan is-sens. Għalhekk nikkonkludi li detentur ta’ awtorizzazzjoni eżistenti ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 13(1). |
L-effett tal-Artikolu 13(3)
|
89. |
Argument alternattiv li ġie propost huwa li l-Artikolu 13(3) jipprojbixxi lil Stat Membru milli jagħmel użu mill-kontenut ta’ inkartament fis-sens tal-Anness II jew tal-Anness III għall-benefiċċju ta’ partijiet li m’għandhomx aċċess għal tali inkartament. |
|
90. |
Ir-rikorrenti jsostnu li l-Artikolu 13(3) tad-Direttiva 91/414 għandu l-għan li jħares l-investimenti tal-partijiet notifikanti permezz ta’ sistema ta’ “inkartament magħluq”. Huma jsostnu li għal perijodu ta’ ħames snin wara n-notifika, l-informazzjoni inkluża f’tali inkartamenti ma tistax tiġi użata minn, jew għall-benefiċċju ta’, l-ebda applikant għal awtorizzazzjoni li ma jkollux, jew ma jkollux aċċess għal, inkartament fis-sens tal-Anness II huwa nnifsu. |
|
91. |
B’risposta għal dan l-argument, Agrichem tindika li fil-fatt hija diġà kkompletat tali inkartament, iżda li ma setgħetx tagħmel dan fit-terminu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/37. Agrichem issostni li hija ma għamlet l-ebda profitt minn ħidmet ir-rikorrenti. |
|
92. |
Mil-lat legali, Agrichem issostni li skont interpretazzjoni korretta tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/37, dak kollu li kumpannija għandha tipproduċi sabiex iżżomm awtorizzazzjoni eżistenti hija l-informazzjoni fl-Anness I, li diġà hija pubblika. Għalhekk, din is-sistema topera bla problemi flimkien ma’ l-Artikolu 13 tad-Direttiva 91/414, li jillimita biss l-użu tal-informazzjoni fl-inkartamenti fis-sens tal-Anness II u tal-Anness III. Tali interpretazzjoni tikkorrispondi aħjar mal-kliem tad-Direttivi nfushom. |
|
93. |
Jiena ma ninterpretax l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/37 bħala wieħed li jeżiġi li d-detentur ta’ awtorizzazzjoni eżistenti jkollu aċċess għal inkartament fis-sens tal-Anness II jew tal-Anness III. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma jistgħux jistrieħu fuq l-Artikolu 13(3) tad-Direttiva 91/414 peress li dan tal-aħħar mhuwiex applikabbli f’tali sitwazzjoni. Agrichem għandha awtorizzazzjonijiet eżistenti għal ċerti prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom l-ethofumesate bħala sustanza attiva li ngħataw lilha b’mod konformi ma’ l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414. Hija mhijiex applikant ġdid u għaldaqstant ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 91/414. Mhuwiex neċessarju li hi jew l-Istat Membru jkollhom aċċess għal, jew li jagħmlu użu mill-informazzjoni f’inkartament fis-sens tal-Anness II jew tal-Anness III, sakemm issir evalwazzjoni mill-ġdid tal-awtorizzazzjonijiet eżistenti tagħha skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2002/37. |
Il-kwistjoni tal-protezzjoni tad-data
|
94. |
Kwistjoni sussidjarja tqum fir-rigward tal-protezzjoni tad-data, peress li d-data li għandha Agrichem ma kinitx biżżejjed sabiex tikkostitwixxi inkartament komplet fis-sens tal-Anness II. B’hekk tinqala’ l-kwistjoni jekk Agrichem għandhiex il-jedd li tirreferi għad-data li ttieħdet inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni Komunitarja tal-ethofumesate li wasslet għall-adozzjoni tad-Direttiva 2002/37. |
|
95. |
Din il-kwistjoni hija rilevanti biss meta, bil-kontra tal-fehma li esprimejt, id-Direttivi 91/414 u 2002/37 interpretati b’mod korrett jeżiġu li Agrichem tressaq inkartament komplet fis-sens tal-Anness II, b’tali mod li biex tagħmel dan hija għandu jkollha aċċess għall-informazzjoni mressqa mir-rikorrenti. Jidhirli li f’tali ċirikustanzi, tapplika l-leġiżlazzjoni ordinarja dwar il-protezzjoni tad-data, ( 20 ) fin-nuqqas ta’ kwalunkwe dispożizzjoni oħra li hija iktar speċifika. Dawn id-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-protezzjoni tad-data joffru l-possibbiltà li titqies il-ħtieġa li tiġi mħarsa l-kunfidenzjalità ta’ sigrieti kummerċjali. |
|
96. |
Fl-aħħar nett, nixtieq insemmi li fl-adozzjoni tiegħu tad-deċiżjoni kkontestata, is-CTB wera t-tħassib li jekk l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/37 jiġi interpretat litteralment (kif fil-fehma tiegħi għandu jkun), dan effettivament irendi lid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/414 mingħajr sens, partikolarment fir-rigward tal-protezzjoni tad-data. |
|
97. |
Jiena ma naqbilx ma’ din il-fehma. Il-fatt li Agrichem titħalla tkompli tuża dawn il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom l-ethofumesate bħala sustanza attiva li fir-rigward tagħhom hija għandha awtorizzazzjonijiet eżistenti ma jfissirx li hija tingħata permess biex ikollha aċċess għad-data meħtieġa sabiex jinħoloq inkartament fis-sens tal-Anness II. Dak kollu li huwa meħtieġ hija l-informazzjoni fl-Anness I, li hija pubblika. |
Konklużjoni
|
98. |
Fid-dawl ta’ dak li ngħad iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja twieġeb għad-domanda preliminari mressqa mill-College van Beroep voor het bedrijfsleven b’dan il-mod: “L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2002/37/KE, tat-3 ta’ Mejju 2002, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE li tinkludi l-ethofumesate bħala sustanza attiva, ma jeżiġix li l-Istati Membri, qabel l-1 ta’ Settembru 2003, itemmu awtorizzazzjoni mogħtija b’mod konformi ma’ l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE, tal-15 ta’ Lulju 1991, li jittratta dwar it-teqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, għal prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li fih l-ethofumesate bħala sustanza attiva minħabba li d-detentur ta’ dik l-awtorizzazzjoni m’għandux, jew m’għandux aċċess għal, inkartament li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Anness II għad-Direttiva 91/414.” |
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) Direttiva tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Mejju 2002 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE li tinkludi l-ethofumesate bħala sustanza attiva (ĠU L 117, p. 10).
( 3 ) Direttiva tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 230, p. 1).
( 4 ) Mit-tielet sas-sitt premessi.
( 5 ) Mis-seba’ sad-disa’ premessi.
( 6 ) L-għaxar premessa.
( 7 ) Artikolu 4(1)(a).
( 8 ) Huwa stabbilit li d-Direttiva ġiet innotifikata fis-26 ta’ Lulju 1991.
( 9 ) Ir-Regolament (KEE) Nru 3600/92 tal-11 ta’ Diċembru 1992, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-ewwel stadju tal-program ta’ xogħol imsemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414 (ĠU L 366, p. 10), kien regolament ta’ dan it-tip: ara, iktar ’il quddiem, il-punti 21 et seq.
( 10 ) Ittraduċejt mill-ġdid mit-test Franċiż tal-Artikolu 13(3)(d). Jidher ċar li l-verżjoni oriġinali tat-test Ingliż kienet żbaljata. Hija ġiet ifformulata mill-ġdid f’rettifika (ĠU 1992 L 170, p 40). L-Artikolu 13(3)(ċ) wkoll jillimita l-użu ta’ din l-informazzjoni.
( 11 ) Imdaħħal bid-Direttiva tal-Kunsill 94/43/KE tas-27 ta’ Lulju 1994, li tistabbilixxi l-Anness VI għad-Direttiva 91/414 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq tal-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti (ĠU L 227, p. 31).
( 12 ) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2076/2002 tal-20 ta’ Novembru 2002 li jestendi t-terminu msemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414 u dwar in-nuqqas ta’ inklużjoni ta’ xi sustanzi attivi fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva u l-irtirar ta’ awtorizzazjonijiet għall-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom dawn is-sustanzi (ĠU L 319, p. 3) kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1335/2005 tat-12 ta’ Awissu 2005 (ĠU L 211, p. 6).
( 13 ) Regolament (KEE) No 3600/92 iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9.
( 14 ) Elenkati fl-Anness I għar-Regolament Nru 3600/92.
( 15 ) Iddefinit bħala l-fabbrikant jew persuna innominata mill-fabbrikant bħala r-rappreżentant esklużiv tiegħu jew l-importatur fil-Komunità.
( 16 ) Artikolu 5.
( 17 ) Direttiva tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Settembru 2005 li temenda d-Direttiva 91/414 sabiex tinkludi l-chlorothalonil, il-chlorotoluron, is-cypermethrin, id-daminozide u t-thiophanate-methyl bħala sustanzi attivi (ĠU L 241, p. 51).
( 18 ) Stabbiliti fil-punt 5 iktar ’il fuq.
( 19 ) Sentenza tal-14 ta’ Settembru 2006, Stichting Zuid-Hollandse Milieufederatie, C-138/05, Ġabra p. I-8339, b’mod partikolari l-punt 46.
( 20 ) Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU L 281, p. 31) jew ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, p. 43) fil-każ ta’ informazzjoni mressqa jew miżmuma mill-istituzzjonijiet Komunitarji.