European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1966

29.9.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/1966

tas-16 ta’ Settembru 2025

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-estensjoni tal-iskadenza għall-adeżjoni tal-Każakistan mal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika, fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati ma’ istituzzjonijiet u l-amministrazzjoni pubblika tal-Unjoni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 336, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (il-“Konvenzjoni”) ġiet konkluża mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1075 (1) fir-rigward tal-istituzzjonijiet u l-amministrazzjoni pubblika tal-Unjoni, u bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1076 (2) fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, l-ażil u n-non-refoulement, u daħlet fis-seħħ għall-Unjoni fl-1 ta’ Ottubru 2023. Bħalissa hemm 39 Parti għall-Konvenzjoni, inkluż l-Unjoni u 22 Stat Membru.

(2)

Il-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa (il-“Kumitat tal-Ministri”) huwa l-korp deċiżjonali tal-Kunsill tal-Ewropa. Kull wieħed mis-46 membru tal-Kunsill tal-Ewropa huwa intitolat għal rappreżentant wieħed fil-Kumitat tal-Ministri, u kull rappreżentant huwa intitolat għal vot wieħed. L-Istati Membri kollha huma membri tal-Kunsill tal-Ewropa u b’hekk irrappreżentati fil-Kumitat tal-Ministri.

(3)

Skont l-Artikolu 76(1) tal-Konvenzjoni, il-Kumitat tal-Ministri jista’, wara konsultazzjoni mal-Partijiet għall-Konvenzjoni u wara li jikseb l-approvazzjoni unanima tagħhom, jiddeċiedi li jistieden lil Stat mhux membru tal-Kunsill tal-Ewropa biex jaderixxi mal-Konvenzjoni. Tali deċiżjoni tirrikjedi maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-Kumitat tal-Ministri u vot unanimu tar-rappreżentanti tal-Partijiet għall-Konvenzjoni intitolati li jkunu fil-Kumitat tal-Ministri.

(4)

Fit-22 ta’ April 2020, il-Kumitat tal-Ministri ddeċieda li jistieden lill-Każakistan jaderixxi mal-Konvenzjoni. F’konformità ma’ dik id-deċiżjoni, l-istedina kienet valida għal 5 snin mill-adozzjoni tagħha, jiġifieri, sat-23 ta’ April 2025.

(5)

Permezz ta’ ittra datata t-3 ta’ April 2025, il-Każakistan talab estensjoni tal-iskadenza għall-adeżjoni tal-Każakistan mal-Konvenzjoni ta’ sentejn, jiġifieri sat-23 ta’ April 2027, biex ikun jista’ jlesti l-proċeduri interni tiegħu.

(6)

Il-Kumitat tal-Ministri, fil-laqgħa tiegħu f’Settembru 2025, huwa mistenni jadotta deċiżjoni li tagħti lill-Każakistan estensjoni ta’ sentejn tal-iskadenza għall-adeżjoni mal-Konvenzjoni.

(7)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat tal-Ministri fir-rigward tal-estensjoni tal-iskadenza għall-adeżjoni tal-Każakistan mal-Konvenzjoni, peress li tali estensjoni jista’ jkollha effetti legali fuq l-Unjoni. L-effett tal-estensjoni jkun it-tiġdid tal-istedina li skadiet tal-Każakistan biex jaderixxi mal-Konvenzjoni, u għalhekk tista’ twassal għall-istabbiliment ta’ relazzjonijiet konvenzjonali bejn l-Unjoni u l-Każakistan fil-qafas tal-Konvenzjoni. L-effetti tal-estensjoni tista’ tinfluwenza wkoll il-mod li bih jittieħdu d-deċiżjonijiet fil-Kumitat tal-Partijiet tal-Konvenzjoni.

(8)

L-adeżjoni tal-Każakistan mal-Konvenzjoni tkun ta’ benefiċċju għall-Unjoni peress li testendi l-istandards ambizzjużi tal-Konvenzjoni għal dak il-pajjiż. Għalhekk, jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni tkun li l-Każakistan jingħata estensjoni ta’ sentejn tal-iskadenza għall-adeżjoni mal-Konvenzjoni sabiex il-Każakistan ilesti l-proċeduri interni tiegħu.

(9)

Peress li l-Unjoni mhijiex membru tal-Kunsill tal-Ewropa iżda huma l-Istati Membri kollha, il-pożizzjoni tal-Unjoni għandha tiġi espressa mill-Istati Membri, li jaġixxu b’mod konġunt,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-laqgħa tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa f’Settembru 2025, għandha tkun li tiġi appoġġata l-estensjoni tal-iskadenza għall-adeżjoni tal-Każakistan mal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika sat-23 ta’ April 2027.

Artikolu 2

Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 għandhom jesprimuha l-Istati Membri li huma membri tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa, li jaġixxu b’mod konġunt.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Settembru 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

M. BJERRE


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1075 tal-1 ta’ Ġunju 2023 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika fir-rigward tal-istituzzjonijiet u l-amministrazzjoni pubblika tal-Unjoni (ĠU L 143 I, 2.6.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/1075/oj).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1076 tal-1 ta’ Ġunju 2023 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika fir-rigward ta’ materji relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, l-ażil u n-non-refoulement (ĠU L 143 I, 2.6.2023, p. 4, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/1076/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/1966/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)