KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SHARPSTON
ippreżentati fid-19 ta’ Diċembru 2019 ( 1 )
Kawża C‑714/18 P
ACTC GmbH
vs
L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO)
“Appell – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Regolament (KE) Nru 207/2009 – Applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea ‘tigha’ – Oppożizzjoni magħmula mill-proprjetarju tat-trade mark preċedenti tal-Unjoni Ewropea ‘TAIGA’ – Ċaħda parzjali tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni – Artikolu 8(1)(b) – Evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni – Evalwazzjoni tax-xebh fuq livell kunċettwali tas-sinjali f’kunflitt – Artikolu 42(2) – Prova tal-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti – Prova tal-użu ‘għal parti tal-prodotti jew servizzi’ – Identifikazzjoni ta’ sottokategorija awtonoma ta’ prodotti”
I. Introduzzjoni
|
1. |
Din il-kawża għandha twassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tippronunzja ruħha fuq il-portata tal-kunċett ta’ “parti tal-prodotti jew servizzi” li għalih jirreferi l-Artikolu 42(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas-26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] ( 2 ), kif emendat bir-Regolament (UE) 2015/2424 ( 3 ), li jirregola l-prova dwar l-użu ġenwin ta’ trade mark preċedenti tal-Unjoni Ewropea fil-kuntest ta’ proċedura ta’ oppożizzjoni ppreżentata mill-proprjetarju ta’ din it-trade mark. |
|
2. |
Għalkemm dan il-kunċett ġie interpretat mill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea sa mis-sentenza tal-14 ta’ Lulju 2005, Reckitt Benckiser (España) vs UASI – Aladin (ALADIN) ( 4 ), il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu ma kellhiex l-okkażjoni biex tikkonferma l-prinċipji mislutin mill-Qorti Ġenerali u li fuqhom tistrieħ is-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2018, ACTC vs EUIPO – Taiga (tigha) ( 5 ), li hija s-suġġett ta’ dan l-appell (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), ippreżentat minn ACTC GmbH. |
|
3. |
Dan l-appell joffri, għaldaqstant, l-okkażjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex teżamina komponent essenzjali tal-analiżi dwar l-eżistenza ta’ użu ġenwin mit-trade mark preċedenti tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri l-portata materjali ta’ dan l-użu, skont is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Leno Merken ( 6 ), li kienet tirrigwarda l-portata territorjali tal-użu msemmi. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tippronunzja ruħha fuq il-kriterju li jeħtieġ li jintuża sabiex tiddefinixxi subkategorija ta’ prodotti u/jew ta’ servizzi li fir-rigward tagħhom ikun sar użu ġenwin mit-trade mark preċedenti tal-Unjoni Ewropea. |
|
4. |
Skont it-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser ikunu limitati għall-analiżi tal-kwistjonijiet ta’ liġi prinċipali ġodda li jqumu f’dan il-każ, jiġifieri dawk imqajma mill-ewwel aggravju tal-appell, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 207/2009, kif ukoll mit-tielet ilment tat-tieni parti tat-tieni aggravju ta’ dan l-appell, li jirrigwarda l-evalwazzjoni tax-xebh, fuq livell kunċettwali, tas-sinjali li huma f’kunflitt. |
II. Il-kuntest ġuridiku
|
5. |
L-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, jipprovdi li: “1. Jekk issir oppożizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark m’għandhiex tiġi milqugħa: […]
|
|
6. |
L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(1) ta’ dan ir-regolament huwa fformulat b’dan il-mod: “Jekk, fi żmien ħames snin wara r-reġistrazzjoni, il-proprjetarju ma jkunx għamel użu ġenwin mit-trade mark [tal-Unjoni] f’konnessjoni mal-prodotti jew mas-servizzi li għalihom tkun reġistrata, […] it-trade mark [tal-Unjoni] għandha tkun soġġetta għas-sanzjonijiet li jipprovdi dan ir-Regolament, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet xierqa għal dan in-nuqqas ta’ użu”. |
|
7. |
L-Artikolu 42(2) tal-imsemmi regolament jipprovdi: “Fuq talba tal-applikant, il-proprjetarju ta’ trade mark [tal-Unjoni] preċedenti li jkun għamel notifika għandu iġib provi li, waqt il-perjodu ta’ ħames snin qabel id-data ta’ pubblikazzjoni tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, ikun sar użu ġenwin mit-trade mark [tal-Unjoni] preċedenti [fl-Unjoni Ewropea] f’konnessjoni mal-prodotti jew servizzi li għalihom hija tkun reġistrata u li huwa qiegħed isemmi bħala ġustifikazzjoni għall-oppożizzjoni tiegħu, jew li hemm raġunijiet validi għalfejn m[a hijiex] tintuża, sakemm it-trade mark [tal-Unjoni] preċedenti tkun f’dik id-data ilha reġistrata għal mhux inqas minn ħames snin. F’nuqqas ta’ provi ta’ din ix-xorta, l-oppożizzjoni għandha tiġi miċħuda. Jekk it-trade mark Komunitarja preċedenti tkun intużat f’konnessjoni ma’ parti biss mill-prodotti jew servizzi li għalihom tkun reġistrata, hija għandha, għall-finijiet tal-eżaminazzjoni tal-oppożizzjoni, titqies li hija reġistrata biss f’konnessjoni ma’ dik il-parti tal-prodotti jew servizzi”. |
III. Il-fatti li wasslu għall-kawża
|
8. |
Il-fatti tal-kawża ġew esposti fid-dettall fis-sentenza appellata, b’mod partikolari, fil-punti 1 sa 10 tagħha, li għalihom ser nagħmel riferiment f’dan ir-rigward. Il-fatti essenzjali u neċessarji sabiex jinftiehmu dawn il-konklużjonijiet jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej. |
|
9. |
Din il-kawża toriġina mill-oppożizzjoni mressqa minn Taiga AB, proprjetarja tat-trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea “TAIGA” (iktar ’il quddiem it-“trade mark preċedenti”), għar-reġistrazzjoni tas-sinjal verbali “tigha” (iktar ’il quddiem it-“trade mark mitluba”), mitluba minn ACTC, għall-prodotti li jaqgħu, fost l-oħrajn, taħt il-klassi 25 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice ( 7 ) u li tikkorrispondi għad-deskrizzjoni li ġejja: “Ħwejjeġ; ħwejjeġ għal barra; ħwejjeġ ta’ taħt; prodotti għall-ilbies fis-saqajn, xedd tar-ras (kpiepel) u kpiepel; żraben u bwiez tax-xogħol; fradal tax-xogħol; ingwanti; ċinturini u peduni”. |
|
10. |
Din l-oppożizzjoni hija bbażata fuq l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. |
|
11. |
Permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Frar 2015, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni. Taiga appellat kontra din id-deċiżjoni. Permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Diċembru 2016 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), ir-raba’ Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) annulla parzjalment id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, jiġifieri għall-prodotti inkwistjoni kollha, inklużi fil-klassi 25 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice, u ċaħad, konsegwentement, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni li tikkonċerna lil dawn il-prodotti. |
|
12. |
Fl-ewwel lok, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li l-użu tat-trade mark preċedenti kien ġie pprovat, b’mod partikolari, għal ċerti prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 25 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice (ħwejjeġ; ħwejjeġ għal barra; ħwejjeġ ta’ taħt; xedd tar-ras (kpiepel) u kpiepel; fradal tax-xogħol; ingwanti; ċinturini u peduni). |
|
13. |
Fit-tieni lok, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, wara li kkonstata li t-territorju rilevanti kien dak tal-Unjoni Ewropea, u li l-konsumaturi juru livell ta’ attenzjoni għoli meta jixtru l-prodotti li jaqgħu taħt it-trade mark preċedenti u livell ta’ attenzjoni medju għal dak li jikkonċerna prodotti li jaqgħu taħt it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni (ħwejjeġ, xedd tas-saqajn, xedd ir-ras u basktijiet), il-Bord tal-Appell ikkunsidra, b’mod partikolari, li l-prodotti inkwistjoni, inklużi fil-klassi 25 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice, kienu identiċi jew simili għall-prodotti koperti mit-trade mark preċedenti, li s-sinjali f’kunflitt kienu jinxtiebhu ħafna fuq livell viżwali, identiċi fuq livell fonetiku, talinqas għall-konsumaturi anglofoni, u li dawn is-sinjali ma setgħu ikunu assoċjati ma’ ebda kunċett għall-parti l-kbira mill-pubbliku rilevanti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bord tal-Appell ikkonstata, għal dak li jikkonċerna l-prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 25 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice, probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks f’kunflitt. |
IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali
|
14. |
Fit-13 ta’ Frar 2017, ir-rikorrenti ppreżentat rikors quddiem il-Qorti Ġenerali intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Insostenn tar-rikors tagħha r-rikorrenti invokat, essenzjalment, żewġ motivi bbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 207/2009 u, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tal-istess regolament. |
|
15. |
Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan ir-rikors kollu kemm hu. |
V. It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
16. |
Permezz tal-appell tagħha, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, prinċipalment, li tannulla s-sentenza appellata kif ukoll id-deċiżjoni kkontestata u, sussidjarjament, li tannulla din is-sentenza u li tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali. Hija titlob ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż. |
|
17. |
L-EUIPO jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-imsemmi appell u biex tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż. |
|
18. |
Taiga titlob, min-naħa tagħha, li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad dan l-appell u li tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż, inklużi dawk li hija sofriet. |
VI. Evalwazzjoni
|
19. |
Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tqajjem żewġ aggravji. |
|
20. |
L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq il-ksur mill-Qorti Ġenerali tal-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 207/2009. Permezz ta’ dan l-aggravju, l-appellanti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tippronunzja ruħha dwar ir-regoli u l-prinċipji applikabbli għad-definizzjoni ta’ sottokategorija ta’ prodotti fil-kuntest tat-turija ta’ użu ġenwin mit-trade mark preċedenti ( 8 ). |
|
21. |
It-tieni aggravju huwa, min-naħa tiegħu, ibbażat fuq il-ksur, mill-Qorti Ġenerali, tal-Artikolu 8(1)(b) ta’ dan ir-regolament, fejn l-appellanti tikkritika l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks li huma f’kunflitt u, b’mod partikolari, fir-rigward tal-modalitajiet tal-eżami li jirrigwarda x-xebh kunċettwali tas-sinjali li huma f’kunflitt. |
A. Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 207/2009
1. Is-sentenza appellata
|
22. |
Quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appellanti sostniet li l-provi tal-użu mressqa minn Taiga ma kinux jippermettu li jiġi pprovat użu ġenwin tat-trade mark preċedenti għall-kategorija ta’ “ħwejjeġ”, meħuda fit-totalità tagħha, li jaqgħu taħt il-klassi 25 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice. L-appellanti kkritikat b’mod partikolari lill-Bord tal-Appell li ma kkonstatax l-eżistenza ta’ sottokategorija awtonoma ta’ prodotti koperti mit-trade mark preċedenti, li kienet tirreferi biss għal ħwejjeġ għal barra li jipproteġu kontra l-maltemp ( 9 ). |
|
23. |
Il-Qorti Ġenerali eżaminat l-argumenti tal-appellanti fil-punti 23 sa 37 tas-sentenza appellata. Din fakkret, qabel kollox, fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, id-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikoli 15 u 42 tar-Regolament Nru 207/2009. Imbagħad, il-Qorti Ġenerali fakkret il-prinċipji li hija siltet mill-ġurisprudenza tagħha stess, minn naħa, fil-punti 29 sa 31 tas-sentenza appellata, fir-rigward tar-ratio legis tal-Artikolu 42 ta’ dan ir-regolament, u min-naħa l-oħra, fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, fir-rigward tal-kriterji li jeħtieġ li jintużaw biex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ sottokategorija awtonoma ta’ prodotti fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
|
24. |
Għall-finijiet tal-analiżi, jidhirli li huwa utli li jiġu riprodotti l-imsemmija punti:
|
|
25. |
Huwa fi tmiem din it-tfakkira tar-regoli tad-dritt u tal-prinċipji ġurisprudenzjali applikabbli li l-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-punti 33 sa 36 tas-sentenza appellata, jekk il-provi pprovduti minn Taiga kinux jippermettu effettivament li tiġi stabbilita sottokategorija awtonoma ta’ prodotti li jiġbru biss il-ħwejjeġ għal barra li jipproteġu kontra l-maltemp. |
|
26. |
Għall-ewwel, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-oġġetti kkonċernati mill-provi tal-użu prodotti minn Taiga għandhom “l-istess użu, peress li huma intiżi li jkopru l-ġisem tal-bniedem, li jaħbuh, li jlibbsuh u li jipproteġuh kontra l-elementi” u “ma jistgħux, fi kwalunkwe każ, jitqiesu bħala “essenzjalment differenti” fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 31 tas-sentenza appellata ( 12 ). |
|
27. |
Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-karatteristiċi partikolari li għandhom dawn il-prodotti huma, fil-prinċipju, mingħajr effett, peress li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 32 tas-sentenza appellata, huma irrilevanti għad-definizzjoni ta’ sottokategorija ta’ prodotti ( 13 ). |
|
28. |
Fil-punt 37 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet għaldaqstant l-imsemmi motiv. |
2. Analiżi
|
29. |
Permezz tal-ewwel aggravju tal-appell tagħha, l-appellanti tikkritika l-punt 34 tas-sentenza appellata li fih il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-oġġetti inklużi fil-provi tal-użu prodotti minn Taiga, kellhom l-istess użu, peress li huma intiżi li “jkopru l-ġisem tal-bniedem, li jaħbuh, li jlibbsuh u li jipproteġuh kontra l-elementi”. |
|
30. |
L-appellanti ssostni li din l-analiżi hija vvizzjata b’żewġ żbalji ta’ liġi, peress li l-Qorti Ġenerali injorat regoli u prinċipji li stabbilixxiet hija stess fis-sentenzi tagħha Reckitt Benckiser (España) vs UASI – Aladin (ALADIN) u Mundipharma vs UASI – Altana Pharma (RESPICUR). |
|
31. |
Dan l-ewwel aggravju jinqasam f’żewġ partijiet. |
|
32. |
Permezz tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli bbażat l-evalwazzjoni tagħha mhux fuq il-prodotti li għalihom kienet ġiet irreġistrata t-trade mark preċedenti, iżda biss fuq il-prodotti indikati fil-provi tal-użu prodotti minn Taiga. Fil-fehma tagħha, il-kwistjoni li kellha tirrispondi għaliha l-Qorti Ġenerali hija dik dwar jekk it-trade mark preċedenti kinitx irreġistrata għal kategorija ta’ prodotti suffiċjentement wiesgħa biex, taħtha, ikunu jistgħu jiġu identifikati diversi sottokategoriji li jistgħu jiġu kkunsidrati b’mod awtonomu, b’mod li l-użu jikkonċerna biss prodotti speċifiċi li jaqgħu taħt kategorija iktar wiesgħa. |
|
33. |
Permezz tat-tieni parti tal-imsemmi aggravju, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li dawn il-prodotti huma intiżi għal ħafna użi, jiġifieri, biex ikopru, jaħbu, jlibbsu jew jipproteġu l-ġisem tal-bniedem, li huma intiżi wkoll għal pubbliku differenti u, fl-aħħar nett, li jinbiegħu fi ħwienet ukoll differenti, b’mod li l-imsemmija prodotti huma distinti mill-prodotti tal-ħwejjeġ koperti mit-trade mark mitluba. |
|
34. |
Infakkar, preliminarjament, li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi dwar il-punt dwar jekk l-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti ġiex effettivament ipprovat għal sottokategorija ta’ prodotti distinta mill-kategorija ġenerika tal-ħwejjeġ li jaqgħu taħt il-klassi 25 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice. Hija l-evalwazzjoni tal-fatti rilevanti u tal-provi li, fil-prinċipju u skont ġurisprudenza stabbilita, għandha kompetenza biex tagħmilhom il-Qorti Ġenerali biss ( 14 ). |
|
35. |
Min-naħa l-oħra, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi dwar il-prinċipji u r-regoli tad-dritt użati mill-Qorti Ġenerali għall-finijiet tal-evalwazzjoni tagħha. Fil-fatt, il-kunċett ta’ “parti tal-prodotti jew servizzi” imsemmi fl-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 207/2009 jtendi li jippreċiża l-portata materjali tal-użu, ħaġa li tikkostitwixxi komponent essenzjali għall-finijiet tal-analiżi tal-eżistenza ta’ użu serju tat-trade mark. |
|
36. |
Għalkemm l-appellanti ma tressaq ebda kritika fir-rigward tal-ġurisprudenza użata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenzi Reckitt Benckiser (España) vs UASI – Aladin (ALADIN) u Mundipharma vs UASI – Altana Pharma (RESPICUR), fil-fehma tiegħu huwa indispensabbli li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar it-termini tal-imsemmija ġurisprudenza sabiex mhux biss tiddeċiedi dwar l-ilmenti mressqa mill-appellanti fil-kuntest ta’ dan l-appell, iżda wkoll biex tikkonferma jew tannulla ġurisprudenza li fuqha l-Qorti Ġenerali ilha tibbaża ruħha għal diversi snin. |
a) Ir-regoli u prinċipji użati mill-Qorti Ġenerali fis-sentenzi Reckitt Benckiser (España) vs UASI – Aladin (ALADIN) u Mundipharma vs UASI – Altana Pharma (RESPICUR)
|
37. |
Nippreċiża mill-ewwel li naqbel mal-kunsiderazzjonijiet esposti mill-Qorti Ġenerali fis-sentenzi Reckitt Benckiser (España) vs UASI – Aladin (ALADIN) u Mundipharma vs UASI – Altana Pharma (RESPICUR), riprodotti fil-punt 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet. |
|
38. |
Fil-fatt, naħseb li l-interpretazzjoni li din użat għall-kunċett ta’ “parti tal-prodotti jew servizzi”, li jinsab fl-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 207/2009 tippermetti, qabel kollox, li tiggarantixxi l-funzjoni essenzjali tat-trade mark. Din l-interpretazzjoni hija għaldaqstant konformi mar-regoli stabbiliti mil-leġiżlatur tal-Unjoni f’dan ir-regolament u mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “użu ġenwin” tat-trade mark preċedenti. |
|
39. |
Infakkar li l-funzjoni essenzjali tat-trade mark hija li tiggarantixxi lill-konsumaturi l-identità tal-oriġini tal-prodott jew tas-servizz iddenominat mit-trade mark, billi tippermettih jiddistingwi dan il-prodott jew dan is-servizz mingħajr konfużjoni possibbli minn dawk li għandhom oriġini oħra ( 15 ). |
|
40. |
Biex tkun tista’ tiġi żgurata din il-funzjoni, ir-Regolament Nru 207/2009 jagħti lill-proprjetarju tat-trade mark ġabra ta’ drittijiet u fakultajiet sabiex, bl-użu esklużiv tas-sinjal distintiv u l-identifikazzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi li joħorġu minnha, tkun tista’ tiġi stabbilita kompetizzjoni leali u mhux distorta fis-suq. Madankollu, dawn id-drittijiet għandhom ikunu limitati għal dak li huwa strettament neċessarju għat-twettiq ta’ dan l-għan, iktar u iktar meta, b’kuntrast mal-protezzjoni mogħtija mit-titoli l-oħra ta’ proprjetà intellettwali u industrijali, il-protezzjoni mogħtija mid-dritt tat-trade mark tista’ tkun għal żmien indefinit. |
|
41. |
Il-leġiżlatur tal-Unjoni ħa ħsieb għaldaqstant li t-trade marks ikunu jistgħu jaqdu l-funzjoni essenzjali tagħhom filwaqt li jiżguraw li d-dritt tat-trade mark ma jkunx iddevjat mill-funzjoni tiegħu biex jinkiseb vantaġġ kompetittiv mhux dovut. |
|
42. |
Għaldaqstant, mill-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 207/2009 jirriżulta li l-protezzjoni ta’ trade mark preċedenti hija ġġustifikata biss fejn din tkun is-suġġett ta’ “użu ġenwin [fl-Unjoni] f’konnessjoni mal-prodotti jew mas-servizzi li għalihom tkun reġistrata” ( 16 ). |
|
43. |
Għal dan il-għan, l-Artikolu 42(2) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li l-applikant għal trade mark tal-Unjoni Ewropea jista’ jeżiġi l-prova li t-trade mark preċedenti kienet is-suġġett ta’ “użu ġenwin” fl-Unjoni matul il-ħames snin ta’ qabel il-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni għat-trade mark li kienet is-suġġett ta’ oppożizzjoni ( 17 ). Il-leġiżlatur tal-Unjoni kkunsidra għaldaqstant li perijodu ta’ ħames snin kien raġonevoli sabiex wieħed ikun jista’ jevalwa n-natura ġenwina tal-użu. |
|
44. |
Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kunċett ta’ “użu ġenwin” huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni ( 18 ). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, trade mark tkun is-suġġett ta’ “użu ġenwin” meta hija tintuża skont il-funzjoni essenzjali tagħha, bl-esklużjoni ta’ użi ta’ natura simbolika li għandhom l-għan biss li jżommu d-drittijiet mogħtija mit-trade mark ( 19 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra, fil-fatt, li trade mark li ma tintużax tikkostitwixxi tfixkil mhux biss għall-kompetizzjoni – peress li tillimita l-firxa ta’ sinjali li jistgħu jiġu rreġistrati minn oħrajn bħala trade mark u ċċaħħad lill-kompetituri mill-possibbiltà li jużaw din it-trade mark jew trade mark simili meta jitqiegħdu fis-suq intern prodotti jew servizzi identiċi jew simili għal dawk protetti mit-trade mark inkwistjoni – iżda wkoll għall-moviment liberu tal-merkanzija u għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ( 20 ). |
|
45. |
Nikkonstata li l-prinċipji użati mill-Qorti Ġenerali fis-sentenzi Reckitt Benckiser (España) vs UASI – Aladin (ALADIN) u Mundipharma vs UASI – Altana Pharma (RESPICUR) huma konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
46. |
Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali eżaminat, fis-sentenza Reckitt Benckiser (España) vs UASI – Aladin (ALADIN) u fil-kuntest tal-Artikolu 43(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja ( 21 ) (li sar l-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 207/2009), il-kwistjoni tal-portata tal-protezzjoni li għandha tingħata f’każ ta’ “użu parzjali” tat-trade mark preċedenti, jiġifieri ta’ trade mark li l-użu ġenwin tagħha intwera biss għal “parti tal-prodotti jew servizzi” li għalihom ġiet irreġistrata din it-trade mark. Filwaqt li telqet mill-premessa li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 43 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 207/2009) jikkostitwixxu limitazzjoni għad-drittijiet li l-proprjetarju tat-trade mark preċedenti jislet mir-reġistrazzjoni tagħha, il-Qorti Ġenerali interpretat il-kunċett ta’ “parti tal-prodotti jew servizzi” imsemmi fl-imsemmija dispożizzjoni b’mod li t-trade mark preċedenti tkun tista’ qabel kollox tiżgura l-funzjoni essenzjali tagħha. L-interpretazzjoni li hija użat tipprova għaldaqstant toħloq bilanċ ġust bejn, minn naħa, iż-żamma u l-preżervazzjoni tad-drittijiet esklużivi mogħtija, għal dan il-għan, lill-proprjetarju tat-trade mark preċedenti u, min-naħa l-oħra, il-limitazzjoni ta’ dawn tal-aħħar sabiex jevitaw li trade mark użata b’mod parzjali tgawdi minn protezzjoni estiża minħabba biss li ġiet irreġistrata għal firxa wiesgħa ta’ prodotti jew servizzi ( 22 ). |
|
47. |
Il-portata tal-kategoriji ta’ prodotti jew servizzi li għalihom tkun ġiet irreġistrata t-trade mark hija element determinanti għal dan il-bilanċ ( 23 ). |
|
48. |
Il-Qorti Ġenerali tislet għaldaqstant żewġ tipi ta’ sitwazzjonijiet. |
|
49. |
L-ewwel sitwazzjoni hija dik fejn it-trade mark preċedenti ġiet irreġistrata għal prodotti jew servizzi ddefiniti b’mod partikolarment “preċiż u ċirkoskritt” u għaldaqstant, li jagħmlu kategorija iktar omoġenja ta’ prodotti jew ta’ servizzi. F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ma huwiex possibbli li jsiru suddiviżjonijiet sinjifikattivi fil-kategorija kkonċernata, peress li l-prova tal-użu ġenwin tat-trade mark għall-imsemmija prodotti jew servizzi tkopri neċessarjament din il-kategorija kollha għall-finijiet tal-oppożizzjoni ( 24 ). |
|
50. |
Naqbel mar-raġunament tal-Qorti Ġenerali. Fir-rigward tal-prodotti li jaqgħu taħt kategorija ta’ prodotti ftit jew wisq omoġenja, il-konsumatur li jkun jixtieq jakkwista prodott li jaqa’ taħt din il-kategorija jaħseb jew jirriskja li jaħseb fit-trade mark preċedenti u f’dak li din it-trade mark ser tiggarantilu fir-rigward tal-kwalità tal-prodott, pereżempju. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa ġġustifikat u suffiċjenti, fil-fehma tiegħi, li jiġi pprovat l-użu ġenwin tat-trade mark għal parti mill-prodotti li jaqgħu taħt l-imsemmija kategorija. Dan jippermetti li tiġi evitata l-probabbiltà ta’ konfużjoni msemmija fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, iżda wkoll li jiġu protetti l-interessi kummerċjali tal-proprjetarju tat-trade mark preċedenti. Fil-fatt, wieħed ma għandux, billi jeżiġi provi eċċessivi dwar l-użu ġenwin, jillimita indebitament id-drittijiet esklużivi li jibbenefika minnhom dan tal-aħħar biex jespandi l-firxa ta’ prodotti fi ħdan l-istess kategorija omoġenja. |
|
51. |
It-tieni sitwazzjoni hija dik fejn it-trade mark preċedenti tkun ġiet irreġistrata għal kategorija eteroġenja kbira ta’ prodotti jew ta’ servizzi. Il-Qorti Ġenerali tippreżumi, f’dan il-każ, li huwa possibbli li wieħed jikkontempla diversi sottokategorija li jistgħu jiġu kkunsidrati b’mod awtonomu, bil-kundizzjoni li dawn is-sottokategoriji jkunu koerenti, ħaġa li timplika li dawn jixbhu l-prodotti jew servizzi “analogi” jew li ma humiex “essenzjalment differenti” ( 25 ). F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li l-prova tal-użu ġenwin tat-trade mark għal parti minn dawn il-prodotti jew servizzi twassal biss għall-protezzjoni, fi proċedimenti ta’ oppożizzjoni, ta’ dik jew dawk is-sottokategoriji li għalihom jappartjenu l-prodotti jew is-servizzi li għalihom it-trade mark ġiet effettivament użata ( 26 ). |
|
52. |
Naqbel ukoll ma’ din l-analiżi. Fil-fatt, fir-rigward tal-prodotti miġburin fi ħdan kategorija eteroġenja ta’ prodotti li jaqgħu madankollu taħt l-istess klassi ta’ prodotti, teżisti mhux biss inqas probabbiltà ta’ konfużjoni f’moħħ il-pubbliku rilevanti, iżda wkoll inqas ġustifikazzjoni biex jiġu protetti l-interessi kummerċjali tal-proprjetarju tat-trade mark preċedenti. Jekk dan tal-aħħar irreġistra t-trade mark tiegħu għal firxa wiesgħa ta’ prodotti li huwa jkun jista’ eventwalment jikkummerċjalizza, iżda li, evidentement, huwa għadu ma qiegħedx fis-suq, huwa jimblokka l-aċċess tal-kompetituri tiegħu għal suq vast ta’ prodotti. Is-soluzzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali tippermetti għaldaqstant li tiggarantixxi r-rispett tad-drittijiet rikonoxxuti lill-proprjetarju tat-trade mark preċedenti, b’mod partikolari dak li jibbenefika minn protezzjoni għal dak li jirrigwarda l-prodotti jew is-servizzi analogi għal dak li għalihom huwa seta’ jipprova użu ġenwin u dak li jespandi l-firxa ta’ prodotti tiegħu lil dawn tal-aħħar, filwaqt li jrendi disponibbli t-trade mark għall-prodotti jew għas-servizzi li, peress li huma “ddivrenzjati biżżejjed” ( 27 ), jidħlu taħt kategorija oħra jew sottokategorija ta’ prodotti jew ta’ servizzi. |
|
53. |
Fit-tieni lok, sabiex tidentifika sottokategorija “koerenti” ta’ prodotti li jistgħu jiġu kkunsidrati b’mod awtonomu, il-Qorti Ġenerali tibbaża ruħha fuq il-kriterju tal-għan jew tal-użu intenzjonat tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni, peress li n-natura jew il-karatteristiċi ta’ dawn tal-aħħar huma, fil-fehma tagħha, irrilevanti għall-iskopijiet ta’ din l-evalwazzjoni ( 28 ). |
|
54. |
Għal darba oħra, ma nistax ħlief naqbel ma’ din l-evalwazzjoni. |
|
55. |
Minn naħa, dan jippermetti, fil-fehma tiegħi, li jiġu ppreżervati mill-aħjar id-drittijiet esklużivi li jibbenefika minnhom il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti. Fil-fatt, id-definizzjoni ta’ sottokategorija awtonoma ta’ prodotti li tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss l-għan, iżda wkoll in-natura u l-karatteristiċi partikolari ta’ dawn tal-aħħar twassal biex tillimita b’mod strett wisq il-kamp materjali li fuqu wieħed jeżerċita dawn id-drittijiet u, b’mod partikolari, id-drittijiet li jibbenefika minnhom dan tal-aħħar biex jiżviluppa u jespandi l-firxa ta’ prodotti tiegħu li għalihom ġiet irreġistrata t-trade mark preċedenti. Għalkemm il-kriterji bbażati fuq in-natura u l-karatteristiċi tal-prodotti huma, minnhom innifishom, kriterji importanti, dawn huma iktar rilevanti fl-istadju tad-definizzjoni tal-pubbliku rilevanti u tal-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni. |
|
56. |
Min-naħa l-oħra, nirrileva li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat l-approċċ tal-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-fondatezza ta’ limitazzjoni ta’ prodotti proposta minn applikant għal trade mark skont l-Artikolu 43(1) tar-Regolament Nru 207/2009. |
|
57. |
Fil-fatt, fis-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, UASI vs Kessel medintim ( 29 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kriterju tal-għan u tal-użu intenzjonat tal-prodotti inkwistjoni kien jikkostitwixxi kriterju li jippermetti li jiddefinixxi b’mod suffiċjentement preċiż sottokategorija ta’ prodotti kkontemplata fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea, li jissodisfa għaldaqstant ir-rekwiżit ta’ ċarezza meħtieġ mill-Artikolu 43(1) tar-Regolament Nru 207/2009 ( 30 ). Għaldaqstant, kif jirriżulta impliċitament mill-punt 39 tal-imsemmija sentenza ( 31 ), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat il-ġurisprudenza użata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza Mundipharma vs UASI – Altana Pharma (RESPICUR), li skontha l-għan tal-prodott jew tas-servizz inkwistjoni huwa kriterju essenzjali fid-definizzjoni ta’ sottokategorija ta’ prodotti jew ta’ servizzi inkwantu l-konsumatur ifittex, iktar minn kull ħaġa oħra, prodott jew servizz li jkun jista’ jissodisfa l-bżonnijiet speċifiċi tiegħu ( 32 ). |
|
58. |
Fil-fehma tiegħi, xejn ma jipprekludi li l-analiżi adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, UASI vs Kessel medintim ( 33 ), għal dak li jirrigwarda d-definizzjoni ta’ sottokategorija ta’ prodotti fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 43(1) tar-Regolament Nru 207/2009, tiġi trasposta fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 42(2) ta’ dan ir-regolament. Jidhirli, fil-fatt, li d-definizzjoni ta’ sottokategorija ta’ prodotti, kemm jekk fil-kuntest ta’ oppożizzjoni jew ta’ limitazzjoni, għandha tistrieħ fuq kriterji identiċi, b’mod li dan ikun jista’ jippermetti li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, isir il-paragun bejn il-prodotti inkwistjoni, iddefiniti abbażi tal-istess kriterji. |
|
59. |
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jidhirli, konsegwentement, li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tikkonferma r-regoli u l-prinċipji li l-Qorti Ġenerali użat fis-sentenzi Reckitt Benckiser (España) vs UASI – Aladin (ALADIN) u Mundipharma vs UASI – Altana Pharma (RESPICUR), għall-iskopijiet tad-definizzjoni ta’ sottokategorija ta’ prodotti u/jew ta’ servizzi fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 207/2009. |
|
60. |
F’dan l-istadju, jeħtieġ li tiġi eżaminata l-fondatezza tal-ewwel aggravju mressaq mill-appellanti, liema aggravju jinqasam f’żewġ partijiet. |
b) Fuq l-ewwel parti tal-ewwel aggravju, ibbażata fuq applikazzjoni żbaljata tal-metodu intiż biex tiġi stabbilita sottokategorija awtonoma ta’ prodotti
|
61. |
Infakkar li, permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti ssostni li, fil-punt 34 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta evalwat l-eżistenza ta’ sottokategorija awtonoma ta’ prodotti abbażi biss tal-prodotti msemmija fil-provi dwar l-użu prodotti minn Taiga. Skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali kellha teżamina jekk it-trade mark preċedenti kinitx irreġistrata għal kategorija ta’ prodotti suffiċjentement wiesgħa biex fi ħdanha jkunu jistgħu jiġu identifikati diversi sottokategoriji li jistgħu jiġu kkunsidrati b’mod awtonomu. |
|
62. |
Inqis li din il-parti hija infondata. |
|
63. |
Peress li l-proprjetarju tat-trade mark preċedenti pprova l-użu ġenwin ta’ din it-trade mark għal parti mill-prodotti li għalihom din hija rreġistrata, il-kwistjoni dwar jekk dawn il-prodotti jaqgħux taħt sottokategorija li tista’ tkun ikkunsidrata b’mod awtonomu għandha tiġi evalwata in concreto fid-dawl, qabel kollox, ta’ dawn il-prodotti. Għaldaqstant, din ma tinvolvix li jiġu ddefiniti, b’mod astratt, is-sottokategoriji ta’ prodotti, iżda fil-fatt li jitqiegħdu f’perspettiva l-prodotti li għalihom ikun sar użu ġenwin mit-trade mark preċedenti meta mqabbla mal-kategorija tal-prodotti koperti mill-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ din it-trade mark. |
|
64. |
Għandu jiġi kkonstatat, meta jinqraw il-punti 33 u 34 tas-sentenza appellata, li l-Qorti Ġenerali pproċediet b’dan il-mod. Fil-fatt, mill-punt 33 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-Qorti Ġenerali eżaminat jekk l-oġġetti involuti fil-provi dwar l-użu prodotti minn Taiga kinux jikkostitwixxu sottokategorija awtonoma “meta mqabbla mal-prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 25 [fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice]”, jiġifieri meta mqabbla mal-kategorija iktar ġenerali tal-prodotti koperti mit-trade mark preċedenti. Bil-fatt li fil-punt 34 tas-sentenza appellata kkonkludiet li dawn l-oġġetti “ma jistgħux, fi kwalunkwe każ, jiġu kkunsidrati bħala ‘essenzjalment differenti’ fis-sens ta[s-sentenza Reckitt Benckiser (España) vs UASI – Aladin (ALADIN)]”, il-Qorti Ġenerali qiegħdet, b’mod korrett, f’perspettiva l-oġġetti li għalihom ġie pprovat l-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti mal-prodotti li jaqgħu taħt il-kategorija iktar ġenerali tal-ħwejjeġ li għalihom ġiet irreġistrata din it-trade mark. |
|
65. |
Konsegwentement, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-ewwel parti tal-ewwel aggravju bħala infondat. |
c) Fuq it-tieni parti tal-ewwel aggravju, ibbażata fuq applikazzjoni skorretta tal-kriterji intiżi għad-determinazzjoni ta’ sottokategorija awtonoma ta’ prodotti
|
66. |
It-tieni parti tal-ewwel aggravju tikkonsisti f’żewġ ilmenti. |
1) Fuq l-ewwel ilment, dwar il-kriterju tal-għan u tal-użu intenzjonat tal-prodotti
|
67. |
Insostenn tal-ewwel ilment, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ma applikatx b’mod korrett il-kriterju tal-għan u tal-użu intenzjonat tal-prodotti inkwistjoni sabiex tidentifika sottokategorija koerenti ta’ prodotti li tista’ tkun ikkunsidrata b’mod awtonomu. Din issostni li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-għanijiet differenti ta’ dawn il-prodotti jew tal-użi multipli li huma intiżi għalihom dawn tal-aħħar għall-finijiet ta’ tali identifikazzjoni, peress li l-użi jikkonsistu, b’mod partikolari, biex “ilibbsu” jew “jipproteġu” ġisem il-bniedem, u dan, skontha, b’mod li jeskludu lil xulxin reċiprokament. |
|
68. |
Jidhirli li dan l-ilment huwa ammissibbli inkwantu l-appellanti tikkontesta mhux il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-għan u tal-użu intenzjonat tal-prodotti li għalihom intwera użu ġenwin, iżda l-mod li bih il-Qorti Ġenerali applikat il-kriterju tal-għan u tal-użu intenzjonat għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ sottokategorija awtonoma ta’ prodotti fis-sens tal-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 207/2009. |
|
69. |
Madankollu, jidhirli li l-kritika magħmula mill-appellanti hija infondata. |
|
70. |
Il-kriterju tal-għan u tal-użu intenzjonat tal-prodotti ma għandux bħala għan li jiddefinixxi b’mod astratt jew artifiċjali s-sottokategoriji awtonomi ta’ prodotti, iżda għandu jkun applikat b’mod koerenti u konkret. |
|
71. |
Issa, prodott isegwi għanijiet li l-progress u l-għarfien itendu li jimmultiplikaw. Il-prodotti tal-ħasil, pereżempju, ma humiex biss intiżi għat-tindif tal-ġilda, iżda wkoll għall-kura, medika jew le, tal-ġilda. Bl-istess mod, il-prodotti tal-ħwejjeġ jaqdu, lil hinn mill-funzjoni primarja tagħhom, jiġifieri li jgħattu, jaħbu jew ukoll jipproteġu ġisem il-bniedem kontra l-maltemp, funzjoni estetika komuni, billi jikkontribwixxu għall-immaġni esterna tal-konsumatur. Jekk dan tal-aħħar ifittex ħwejjeġ biex jipproteġuh mix-xita, kemm jekk ħwejjeġ għal barra jew ukoll kapell, jew biex jipproteġu mill-kesħa, bħalma huma l-ħwejjeġ ta’ taħt jew, ukoll ingwanti jew peduni, lanqas huwa eskluż li dan ifittex dawk il-ħwejjeġ li huma l-isbaħ estetikament. Kull wieħed minn dawn l-għanijiet ma jistgħux evidentement jiġu kkunsidrati b’mod iżolat biex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ sottokategorija distinta ta’ prodotti. Kieku dan kien il-każ, dan jillimita għal darba oħra d-drittijiet li jibbenefika minnhom il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti biex jespandi jew itejjeb il-firxa ta’ prodotti tiegħu. Barra minn hekk, dan jiskoraġġixxi manifestament ir-riċerka u l-iżvilupp li d-dritt tat-trade mark irid ġustament li jinkoraġġixxi. |
|
72. |
B’hekk, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kellha raġun li ma tiddistingwix l-użi li jikkonsistu f’li “jipproteġu” ġisem il-bniedem, li “jlibbsuh” jew ukoll li “jaħbuh” u li “jkopruh” li għalihom huma intiżi l-prodotti tal-ħwejjeġ, peress li, iktar milli jeskludu lil xulxin reċiprokament, dawn l-użi differenti jingħaqdu flimkien għall-iskopijiet tat-tqegħid ta’ dawn il-prodotti fis-suq. |
|
73. |
Madankollu ninnota li dawn l-għanijiet differenti jkunu jikkostitwixxu element li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-pubbliku rilevanti, tal-livell ta’ attenzjoni tiegħu, kif ukoll tal-probabbiltà ta’ konfużjoni. |
|
74. |
Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dawn l-elementi, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad dan l-ewwel ilment tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, bħala infondat. |
2) Fuq it-tieni lment, dwar il-kriterji bbażati fuq in-natura u fuq il-karatteristiċi tal-prodotti inkwistjoni
|
75. |
Permezz tat-tieni lment, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ma ħaditx debitament inkunsiderazzjoni l-fatt li l-prodotti inkwistjoni kienu intiżi għal pubbliku differenti u li kienu, barra minn hekk, mibjugħa fi ħwienet differenti ukoll, b’mod li dawn il-prodotti jiddistingwu ruħhom mill-prodotti tal-ħwejjeġ li jaqgħu taħt it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni. |
|
76. |
Dan l-ilment għandu mill-ewwel jiġi miċħud bħala infondat. |
|
77. |
Fil-fatt, mill-ġurisprudenza li għadni kif eżaminajt jirriżulta li l-kriterji li ma humiex l-għan u l-użu intenzjonat tal-prodotti inkwistjoni, bħalma huwa l-pubbliku li għalih huma intiżi jew ukoll il-katina ta’ distribuzzjoni tagħhom, ma humiex, bħala regola ġenerali, rilevanti biex jiddefinixxu sottokategorija ta’ prodotti li jistgħu jiġu kkunsidrati b’mod awtonomu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, wieħed ma jistax jikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet xi żball ta’ liġi billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni, għall-iskopijiet tal-evalwazzjoni tagħha, dawn il-kriterji. |
|
78. |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, nipproponi konsegwentement li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-ewwel aggravju tal-appell bħala infondat. |
B. Fuq l-eżami speċifiku tat-tieni aggravju
|
79. |
Skont kif mitlub mill-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet huma limitati għall-analiżi tat-tieni parti ta’ dan it-tieni aggravju u, b’mod partikolari, għat-tielet ilment tiegħu. |
|
80. |
Sabiex jinftiehem aħjar il-kuntest li sar fih dan l-ilment, nippreċiża li, permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet b’mod żbaljat li teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks f’kunflitt. L-ewwel parti ta’ dan l-aggravju hija bbażata fuq evalwazzjoni żbaljata tax-xebh, u saħansitra l-identiċità, tal-prodotti inkwistjoni. It-tieni parti tal-imsemmi aggravju tikkonsisti, min-naħa tagħha, fi tliet ilmenti, li jirrigwardaw l-evalwazzjoni tax-xebh rispettivament viżwali, fonetiku u kunċettwali tas-sinjali f’kunflitt. Finalment, it-tielet parti tat-tieni aggravju tikkonċerna l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni li wettqet il-Qorti Ġenerali. |
|
81. |
F’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, it-tielet ilment tat-tieni parti tat-tieni aggravju, dan huwa bbażat fuq evalwazzjoni żbaljata tal-Qorti Ġenerali għal dak li jirrigwarda x-xebh kunċettwali tas-sinjali f’kunflitt. L-appellanti tikkritika, essenzjalment, l-analiżi tal-Qorti Ġenerali li skontha hija kkonkludiet li d-differenzi kunċettwali bejn it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni u t-trade mark preċedenti ma kinux ġew stabbiliti fit-territorju tal-Unjoni meħud fit-totalità tiegħu, b’mod li dawn ma kinux f’pożizzjoni li jinnewtralizzaw ix-xebh viżwali u fonetiku eżistenti bejn is-sinjali f’kunflitt. |
|
82. |
Insostenn ta’ dan l-ilment, l-appellanti tinvoka żewġ argumenti. |
|
83. |
F’dak li jirrigwarda l-ewwel argument, l-appellanti tikkritika l-analiżi tal-Qorti Ġenerali li tinsab fil-punt 71 tas-sentenza appellata, li skontha hija kkonstatat li l-appellanti naqset milli turi li l-kelma “taïga” kellha tifsira preċiża għall-konsumaturi medji li jinsabu fin-Nofsinhar tal-kontinent Ewropew kif ukoll għall-konsumaturi li jitkellmu bl-Ingliż. |
|
84. |
Skont l-appellanti, din l-analiżi hija żbaljata. Fil-fatt, fil-punt 18 tar-rikors promotur tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, hija approfondiet dan l-argument u uriet b’mod mhux ikkontestat li din il-kelma kienet tifforma parti mil-lingwa kurrenti tal-lingwa Franċiża u hija, barra minn hekk, parti mit-tagħlim ġenerali madwar l-Ewropea fid-dawl tad-daqs taż-żona li jirreferi għaliha dan il-kunċett. |
|
85. |
Fil-fehma tiegħi, dan l-argument huwa manifestament inammissibbli. |
|
86. |
Għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 71 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li “ebda element fil-proċess ma [kien] jippermetti li jintwera li l-kelma ‘taïga’ [kellha] sinjifikat preċiż u immedjat għall-konsumaturi medji li [kienu] jinsabu fil-partijiet mit-territorju tal-Unjoni li ma humiex it-tramuntana u l-lvant tal-kontinent Ewropew u li [kienu] jifformaw parti sostanzjali mill-konsumaturi tal-Unjoni” u li dan kien japplika wkoll “b’mod partikolari, għall-konsumaturi medji tan-nofsinhar tal-kontinent Ewropew u tal-konsumaturi li jitkellmu bl-Ingliż”. |
|
87. |
Issa, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li hija biss il-Qorti Ġenerali li għandha tevalwa l-valur li għandu jingħata lill-provi mressqa quddiemha. Għalhekk, l-evalwazzjoni ta’ dawn il-provi ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ tal-iżnaturament ta’ dawn il-provi, kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell ( 34 ). |
|
88. |
Fil-kuntest tal-appell tagħha, nikkonstata li l-appellanti ma pprovatx, u lanqas allegat, li l-evalwazzjoni li tinsab fil-punt 71 tas-sentenza appellata kienet ibbażata fuq żnaturament tal-provi. Barra minn hekk, nirrileva, b’mod sussidjarju, li, b’kuntrast ma’ dak li hija tallega, l-appellanti ma approfondietx l-argumenti esposti fil-punt 18 tar-rikors promotur tagħha. |
|
89. |
Konsegwentement, dan l-ewwel argument għandu jiġi miċħud, fil-fehma tiegħi, bħala manifestament inammissibbli. |
|
90. |
Għal dak li jirrigwarda, f’dan il-każ, it-tieni argument, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li kisret il-ġurisprudenza tagħha dwar l-evalwazzjoni tax-xebh kunċettwali tas-sinjali f’kunflitt. |
|
91. |
Hija tikkunsidra, fil-fatt, li l-analiżi li tinsab fil-punt 67 tas-sentenza appellata, li fi tmiemha l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-appellanti ma wrietx li l-kelma “taïga” kellha tifsira ċara u speċifika f’moħħ il-pubbliku rilevanti kompost mill-konsumaturi tal-Unjoni meħuda fit-totalità tagħhom, ma ssib ebda sostenn fil-ġurisprudenza li din semmiet espressament, jiġifieri s-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2003, Phillips-Van Heusen vs UASI – Pash Textilvertrieb und Einzelhandel (BASS) ( 35 ). Barra minn hekk, l-appellanti ssostni li, skont is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2013, Eckes-Granini vs UASI – Panini (PANINI) ( 36 ), ikun biżżejjed li kelma tkun tinftiehem f’parti biss mill-Unjoni biex wieħed jikkonkludi li jeżistu differenzi kunċettwali bejn is-sinjali f’kunflitt. |
|
92. |
Wara eżami ta’ din il-ġurisprudenza, inqis li ebda waħda minn dawn iż-żewġ kritiċi ma hija fondata. |
|
93. |
F’dak li jikkonċerna l-ewwel kritika, ibbażata fuq ir-riferiment żbaljat għas-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2003, Phillips-Van Heusen vs UASI – Pash Textilvertrieb und Einzelhandel (BASS) ( 37 ), huwa utli li jitfakkar li, fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li differenzi kunċettwali bejn is-sinjali f’kunflitt huma tali li jinnewtralizzaw, fil-biċċa l-kbira, ix-xebh viżwali u fonetiku jekk waħda mit-trade marks inkwistjoni għandha, f’moħħ il-“pubbliku rilevanti”, tifsira ċara u speċifika, b’mod li dan il-pubbliku jista’ jifimha immedjatament. |
|
94. |
Irrid nirrimarka, qabel kollox, li, fid-dawl tal-kliem użati mill-Qorti Ġenerali fl-imsemmija sentenza, din kellha dritt tikkonkludi, fis-sentenza appellata, li, għall-konsumaturi kollha li jinsabu fit-territorju tat-28 Stat Membru tal-Unjoni, il-kelma “taiga” ma kinitx tfakkarhom, b’mod ċar u immedjatament, fit-tagħlim tagħhom tal-ġeografija, b’mod li huma jassoċjawha b’mod faċli mal-foresta boreali. |
|
95. |
Dan premess, nirrimarka fil-fatt li, fis-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2003, Phillips-Van Heusen vs UASI – Pash Textilvertrieb und Einzelhandel (BASS) ( 38 ), il-Qorti Ġenerali rreferiet għall-“pubbliku rilevanti” mingħajr ebda referenza jew preċiżazzjoni oħra, filwaqt li fil-punt 67 tas-sentenza appellata, din ippreċiżat li dan kien il-pubbliku rilevanti “kompost mill-konsumaturi tal-Unjoni meħuda fit-totalità tagħhom”. Hija din il-preċiżazzjoni “meħuda fit-totalità tagħhom” li l-appellanti tikkontesta f’dan il-każ. |
|
96. |
Issa, ma naħsibx li, billi żiedet din il-preċiżazzjoni, il-Qorti Ġenerali kisret il-ġurisprudenza tagħha jew wettqet xi żball ta’ liġi. |
|
97. |
Kif jirriżulta mill-punt 67 tas-sentenza appellata, il-preċiżazzjoni “meħuda fit-totalità tagħhom” ittendi li turi li jeħtieġ li tittieħed inkunsiderazzjoni l-perċezzjoni tal-konsumaturi li jinsabu fl-Istati kollha li jifformaw lill-Unjoni. Hija tippermetti għaldaqstant lill-Qorti Ġenerali tiċħad l-argument tar-rikorrenti li huwa bbażat fuq il-perċezzjoni tal-konsumaturi li jinsabu “f’ħafna mill-pajjiżi [tal-Unjoni]”. |
|
98. |
Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali applikat il-ġurisprudenza tagħha li skontha, “[m]eta l-protezzjoni tat-trade mark preċedenti testendi għall-Unjoni Ewropea kollha, jeħtieġ li tittieħed inkunsiderazzjoni l-perċezzjoni tat-trade marks f’kunflitt mill-konsumatur tal-prodotti inkwistjoni f’dan it-territorju” ( 39 ). Issa, b’kuntrast mal-kawża li wasslet għas-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2003, Phillips-Van Heusen vs UASI – Pash Textilvertrieb und Einzelhandel (BASS) ( 40 ), li fiha l-pubbliku rilevanti kien magħmul mill-konsumaturi Ġermaniżi ( 41 ), fil-kawża prinċipali, il-pubbliku rilevanti kien magħmul, kif jirriżulta mill-punti 38 u 39 tas-sentenza appellata, minn konsumaturi li jinsabu fit-territorju tal-Unjoni. |
|
99. |
Finalment, nirrileva li r-riferiment għas-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2003, Phillips-Van Heusen vs UASI – Pash Textilvertrieb und Einzelhandel (BASS) ( 42 ), kien preċedut mill-kliem “ara, f’dan is-sens”. L-espressjoni “f’dan is-sens” tixhed ir-rieda tal-Qorti Ġenerali li tirreferi għall-prinċipju użat fis-sentenza msemmija filwaqt li tipproċedi b’applikazzjoni partikolari ta’ dan il-prinċipju għall-każ ineżami. Din l-espressjoni ma eżiġietx għaldaqstant li l-Qorti Ġenerali tirriproduċi f’termini identiċi l-prinċipju użat fis-sentenza msemmija u ppermettitilha, min-naħa l-oħra, fil-punt 67 tas-sentenza appellata, li tieħu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi partikolari tal-każ ineżami. |
|
100. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidhirli li wieħed ma jistax jikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball meta rreferiet għall-punt 54 tas-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2003, Phillips-Van Heusen vs UASI – Pash Textilvertrieb und Einzelhandel (BASS) ( 43 ). |
|
101. |
F’dak li jikkonċerna t-tieni kritika, dwar il-ksur mill-Qorti Ġenerali tas-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2013, Eckes-Granini vs UASI – Panini (PANINI) ( 44 ), jidhirli wkoll li din hija infondata. |
|
102. |
Fil-fatt, b’kuntrast ma’ dak li ssostni l-appellanti, din is-sentenza ma tippermettix li wieħed jiddeduċi li huwa biżżejjed li kelma tkun tinftiehem f’parti mill-Unjoni biex wieħed jikkonkludi li jeżistu differenzi kunċettwali li huma tali li jinnewtralizzaw ix-xebh viżwali u fonetiċi li jeżistu bejn is-sinjali f’kunflitt. |
|
103. |
Preliminarjament, għandu jitfakkar il-kuntest tal-kawża li wasslet għas-sentenza msemmija. |
|
104. |
F’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali kienet mitluba teżamina jekk kinitx teżisti, f’moħħ il-pubbliku rilevanti kompost mill-konsumaturi tal-Unjoni, differenza kunċettwali ċara bejn l-element “panini” li kien is-suġġett tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni u l-element “granini” li kien is-suġġett tat-trade mark preċedenti. |
|
105. |
Wara li kkonstatat, mill-ewwel, li l-element “granini” kien nieqes minn tifsira, il-Qorti Ġenerali eżaminat sa fejn il-pubbliku rilevanti kien jassoċja l-element “panini” ma’ kunċett partikolari. Għal dan il-għan, il-Qorti Ġenerali ddistingwiet, l-ewwel nett, il-pubbliku li jitkellem bit-Taljan li hija qieset perfettament kapaċi li jassoċja l-element “panini” ma’ ħobż żgħir jew sandwiċis magħmulin minn dan il-ħobż żgħir u li għalihom kienet teżisti differenza kunċettwali ċara bejn is-sinjali f’kunflitt, it-tieni nett, il-pubbliku li ma jitkellimx bit-Taljan, bħalma huma dawk li jitkellmu bl-Ispanjol jew bil-Franċiż, ukoll kapaċi li jassoċjaw l-element “panini” ma’ kunċett partikolari u, finalment, it-tielet nett, il-pubbliku li għalih dan l-element “panini” ma kellu ebda tifsira ( 45 ). |
|
106. |
Fi tmiem din l-analiżi, il-Qorti Ġenerali kkonfermat l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell, fejn dan kien ikkunsidra li, f’ċerti Stati Membri, bħal fl-Italja u fi Spanja, is-sinjali f’kunflitt kienu differenti fuq livell kunċettwali, filwaqt li, fi Stati Membri oħra, fejn l-element “panini” ma kellux tifsira, ma kien possibbli li jsir ebda paragun bejn is-sinjali f’kunflitt fuq livell kunċettwali ( 46 ). |
|
107. |
B’kuntrast ma’ dak li ssostni l-appellanti, il-Qorti Ġenerali ma sostnietx għaldaqstant fis-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2013, Eckes-Granini vs UASI – Panini (PANINI) ( 47 ), li huwa biżżejjed li parti biss mill-pubbliku rilevanti tassoċja t-terminu inkwistjoni ma’ kunċett partikolari biex tikkonkludi li jeżistu differenzi kunċettwali li jistgħu jinnewtralizzaw ix-xebh viżwali u fonetiċi bejn is-sinjali f’kunflitt. |
|
108. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, wieħed ma jistax jikkritika lill-Qorti Ġenerali li kisret, fis-sentenza appellata, ir-regoli li ġew applikati fis-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2013, Eckes-Granini vs UASI – Panini (PANINI) ( 48 ). |
|
109. |
Nippreċiża li, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali segwiet, fir-realtà, sistema ta’ analiżi paragunabbli ma’ dik li kienet adottat fis-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2013, Eckes-Granini vs UASI – Panini (PANINI) ( 49 ), peress li hija eżaminat sa fejn il-pubbliku rilevanti, li infakkar li huwa kompost mill-konsumaturi tal-Unjoni, kien f’pożizzjoni tali li jassoċja l-kelma “taïga” ma’ kunċett partikolari. Il-Qorti Ġenerali ddistingwiet b’mod partikolari:
|
|
110. |
Sa fejn, skont il-ġurisprudenza msemmija, it-tifsira ta’ kelma għandha tkun evalwata skont kif jifimha l-pubbliku rilevanti fit-totalità tiegħu u ma għandhiex tkun limitata biss għal-perċezzjoni tal-konsumaturi li jifformaw parti biss mit-territorju rilevanti, konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, fil-punt 73 tas-sentenza appellata, l-argument tar-rikorrenti li skontu t-tifsira tal-kelma “taïga” kienet tali li tinnewtralizza x-xebh viżwali u fonetiku li jeżisti bejn is-sinjali f’kunflitt. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali ma tistax tkun ikkritikata li wettqet żball ta’ liġi. |
|
111. |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, nipproponi, konsegwentement, li t-tielet ilment tat-tieni parti tat-tieni aggravju jiġi miċħud bħala parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment infondat. |
VII. Konklużjoni
|
112. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja, mingħajr preġudizzju la għall-ammissibbiltà u lanqas għall-fondatezza tal-aggravji l-oħra tal-appell imressaq minn ACTC GmbH, u lanqas għad-deċiżjoni dwar l-ispejjeż, tiċħad l-ewwel aggravju ta’ dan l-appell bħala infondat, kif ukoll it-tielet ilment tat-tieni parti tat-tieni aggravju ta’ dan l-appell, bħala li huwa parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment infondat. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) ĠU 2009, L 78, p. 1.
( 3 ) Regolament (UE) 2015/2424 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2015 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2869/95 dwar id-drittijiet pagabbli lill-Uffiċċju tal-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trademarks u Disinji) (ĠU 2015, L 341, p. 21, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 207/2009”). Ir-Regolament Nru 207/2009 ġie ssostitwit bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-14 ta’ Ġunju 2017, dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1).
( 4 ) T‑126/03, iktar ’il quddiem is-“sentenza Reckitt Benckiser (España) vs UASI – Aladin (ALADIN)”, EU:T:2005:288.
( 5 ) T‑94/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:539.
( 6 ) C-149/11, EU:C:2012:816.
( 7 ) Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Nice”).
( 8 ) Il-kwistjoni dwar l-użu ġenwin hija ta’ natura speċifika u preliminari, peress li twassal biex jiġi stabbilit jekk, għall-iskopijiet tal-eżami tal-oppożizzjoni, it-trade mark preċedenti tistax titqies li hija rreġistrata għall-prodotti jew għas-servizzi inkwistjoni, u għaldaqstant din il-kwistjoni ma tidħolx fil-kuntest tal-eżami tal-oppożizzjoni proprja, ibbażata fuq l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni ma’ din it-trade mark.
( 9 ) Fl-appell tagħha, l-appellanti ssostni li s-sottokategorija ta’ prodotti li ġiet invokata l-eżistenza tagħha tiġbor il-prodotti segwenti: “Ħwejjeġ, ħwejjeġ għal barra, ħwejjeġ ta’ taħt, xedd tar-ras (kpiepel) u kpiepel, ingwanti, ċinturini u peduni; peress li l-prodotti kollha msemmija hawn fuq għandhom jintużaw bħala ħwejjeġ għal barra li jipproteġu kontra l-maltemp (kesħa, riħ u/jew xita biss); fradal tax-xogħol” (enfasi miżjud minni).
( 10 ) Iktar ’il quddiem is-“sentenza Mundipharma vs UASI – Altana Pharma (RESPICUR)”.
( 11 ) Din il-ġurisprudenza ċċitata hija magħmula mis-sentenzi Mundipharma vs UASI – Altana Pharma (RESPICUR) (punti 29 u 31) kif ukoll tas-16 ta’ Mejju 2013, Aleris vs UASI – Carefusion 303 (ALARIS) (T‑353/12, mhux ippubblikata, EU:T:2013:257, punti 22 u 23).
( 12 ) Ara l-punt 34 tas-sentenza appellata.
( 13 ) Ara l-punt 35 tas-sentenza appellata.
( 14 ) Ara s-sentenzi tal-5 ta’ Settembru 2019, L-Unjoni Ewropea vs Guardian Europe u Guardian Europe vs L-Unjoni Ewropea (C‑447/17 P u C‑479/17 P, EU:C:2019:672, punt 137 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tat-13 ta’ Novembru 2019, Outsource Professional Services vs EUIPO (C-528/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:961, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 15 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2019, Landeskammer für Land- und Forstwirtschaft in Steiermark vs Schmid (C‑514/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:878, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 16 ) Ara wkoll, il-premessa 10 ta’ dan ir-regolament.
( 17 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-preċiżazzjonijiet magħmula mil-leġiżlatur tal-Unjoni fir-Regoli 15 sa 22 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol 1, p. 189), applikabbli għar-Regolament Nru 207/2009.
( 18 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-11 ta’ Marzu 2003, Ansul (C‑40/01, EU:C:2003:145, punti 25 sa 31).
( 19 ) Ara d-digriet tas-27 ta’ Jannar 2004, La Mer Technology (C-259/02, EU:C:2004:50, punt 27), kif ukoll is-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2019, Landeskammer für Land- und Forstwirtschaft in Steiermark/Schmid (C-514/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:878, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 20 ) Ara s-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Leno Merken (C‑149/11, EU:C:2012:816, punt 32).
( 21 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol 1, p. 146.
( 22 ) Ara s-sentenza Reckitt Benckiser (España) vs UASI – Aladin (ALADIN) (punt 51).
( 23 ) Ibidem (punt 44).
( 24 ) Ibidem (punt 45).
( 25 ) Hawnhekk użajt il-kliem użat mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza Reckitt Benckiser (España) vs UASI – Aladin (ALADIN) (punt 46).
( 26 ) Ara s-sentenza Reckitt Benckiser (España) vs UASI – Aladin (ALADIN) (punt 45).
( 27 ) Ibidem (punt 46).
( 28 ) Dan jirriżulta mill-ġurisprudenza mertu tas-sentenza Mundipharma vs UASI – Altana Pharma (RESPICUR). Ara wkoll il-punt 32 tas-sentenza appellata.
( 29 ) C-31/14 P, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2436.
( 30 ) Ara l-punt 37 ta’ din is-sentenza.
( 31 ) Fil-punt imsemmi, il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet espressament għall-punti 48 sa 50 tas-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2013, Kessel vs UASI – Janssen-Cilag (Premeno) (T‑536/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:586). Issa, dawn il-punti jikkonkludu r-raġunament adottat mill-Qorti Ġenerali li jinsab fil-punti 43 sa 47 tal-imsemmija sentenza.
( 32 ) Ara l-punt 29 ta’ din is-sentenza.
( 33 ) C‑31/14 P, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2436.
( 34 ) Ara s-sentenzi tal-5 ta’ Settembru 2019, L-Unjoni Ewropea vs Guardian Europe u Guardian Europe vs L-Unjoni Ewropea (C‑447/17 P u C‑479/17 P, EU:C:2019:672, punt 137 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), u tat-13 ta’ Novembru 2019, Outsource Professional Services vs EUIPO (C‑528/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:961, punt 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
( 35 ) T‑292/01, EU:T:2003:264.
( 36 ) T‑487/12, mhux ippubblikata, EU:T:2013:637.
( 37 ) T‑292/01, EU:T:2003:264.
( 38 ) Idem.
( 39 ) Sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2013, Hostel drap vs UASI – Aznar textil (MY drap) (T‑636/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:314, punt 22) (enfasi miżjuda minni).
( 40 ) T‑292/01, EU:T:2003:264.
( 41 ) Punt 43 ta’ din is-sentenza.
( 42 ) T‑292/01, EU:T:2003:264.
( 43 ) Idem.
( 44 ) T‑487/12, mhux ippubblikata, EU:T:2013:637.
( 45 ) Ara s-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2013, Eckes-Granini vs UASI – Panini (PANINI) (T‑487/12, mhux ippubblikata, EU:T:2013:637, punt 56).
( 46 ) Ibidem (punt 58).
( 47 ) T‑487/12, mhux ippubblikata, EU:T:2013:637.
( 48 ) Idem.
( 49 ) Idem.
( 50 ) Ara l-punt 70 tas-sentenza appellata.
( 51 ) Ara l-punt 71 tas-sentenza appellata.