|
19.7.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 256/56 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1176
tas-16 ta’ Lulju 2021
li jemenda l-Annessi III, V, VII u IX tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-ġenotipar tal-każijiet pożittivi ta’ TSE fil-mogħoż, tad-determinazzjoni tal-età fl-annimali ovini u kaprini, tal-miżuri applikabbli f’merħla jew f’qatgħa bi scrapie atipika u tal-kundizzjonijiet għall-importazzjonijiet ta’ prodotti ta’ oriġini bovina, ovina u kaprina
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 li jistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta’ ċertu enċefalopatija sponġiformi (1) li tinxtered, u b’mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 23 u l-frażi introduttorja u l-punt (m) tal-Artikolu 23a tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 jistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta’ ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered (transmissible spongiform encephalopathies, TSEs) fl-annimali. Dan jikkategorizza l-Istati Membri, il-pajjiżi terzi jew ir-reġjuni tagħhom, skont ir-riskju ta’ enċefalopatija sponġiformi tal-ifrat (bovine spongiform encephalopathy, BSE) tagħhom, f’kategoriji b’riskju tal-BSE negliġibbli, b’riskju tal-BSE kkontrollat jew b’riskju tal-BSE indeterminat. |
|
(2) |
L-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 jistabbilixxi regoli dwar is-sistema ta’ monitoraġġ għall-prevenzjoni tat-TSEs, inkluż il-monitoraġġ tal-annimali ovini u kaprini. Il-punt 8 tal-Parti II tal-Kapitolu A tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 jipprevedi l-ġenotipar obbligatorju ta’ każijiet pożittivi ta’ TSE fin-nagħaġ, u l-obbligu li kwalunkwe każ ta’ TSE li jinstab f’nagħġa tal-ġenotip ARR/ARR jiġi rrappurtat minnufih lill-Kummissjoni. In-nagħaġ tal-ġenotip ARR/ARR huma kkunsidrati bħala reżistenti għall-iscrapie klassika, u għalhekk kwalunkwe każ ta’ din il-marda f’nagħaġ bħal dawn huwa sejba mhux mistennija li tirrikjedi l-attenzjoni. Għal din ir-raġuni, jenħtieġ li dan jiġi nnotifikat minnufih sabiex ikun jista’ jiġi soġġett għal investigazzjoni ulterjuri. |
|
(3) |
Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 kien emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2020/772 (2), f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Opinjoni Xjentifika tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà tal-ikel (EFSA) tal-5 ta’ Lulju 2017 dwar ir-reżistenza Ġenetika għall-enċefalopatiji sponġiformi li jinxterdu (TSE) fil-mogħoż (3), sabiex jiġi rikonoxxut li l-mogħoż jistgħu jkunu wkoll reżistenti ġenetikament għar-razez tal-iscrapie klassika, magħrufa li jseħħu b’mod naturali fil-popolazzjoni tal-mogħoż tal-Unjoni, meta jkollhom wieħed mill-alleli K222, D146 jew S146. Ir-Regolament (UE) 2020/772 emenda l-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 billi introduċa regoli li jillimitaw il-qtil u l-qerda ta’ annimali kaprini, f’merħla fejn ġie kkonfermat każ ta’ scrapie klassika, għal dawk biss li jkunu suxxettibbli għal din il-marda. Madankollu, l-emendi li saru fl-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 bir-Regolament (UE) 2020/772 ma koprewx il-ġenotipar ta’ każijiet pożittivi ta’ TSE fil-mogħoż. Għalhekk jenħtieġ li l-punt 8 tal-Parti II tal-Kapitolu A tal-Anness III u l-punt 8 tal-Parti I.A tal-Kapitolu B tal-Anness III jiġu emendati biex jipprevedu għall-monitoraġġ u għar-rapportar xieraq tal-ġenotip ta’ każijiet pożittivi fil-mogħoż. |
|
(4) |
Barra minn hekk, ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 jistabbilixxi regoli dwar materjal speċifikat riskjuż, u jipprevedi, fost l-oħrajn, li materjal speċifikat riskjuż irid jitneħħa u jintrema f’konformità mal-Anness V tiegħu u mar-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). B’mod aktar partikolari, il-punt 1(b) tal-Anness V tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 jiddefinixxi materjal speċifikat riskjuż, fl-annimali ovini u kaprini tal-età ta’ ’l fuq minn 12-il xahar, li jrid jitneħħa u jintrema f’konformità mal-Anness V tiegħu u mar-Regolament (KE) Nru 1069/2009. |
|
(5) |
Minħabba n-natura speċifika tat-trobbija tal-annimali ovini u kaprini, rari jkun possibbli li d-data tat-twelid eżatta ta’ dawn l-annimali ovini u kaprini tiġi ddeterminata u għalhekk din id-data mhix inkluża fir-reġistru tal-istabbiliment meħtieġ f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 21/2004 (5). Għalhekk, qabel l-emenda tal-Anness V tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/969 (6), kien hemm il-ħtieġa għat-tneħħija tal-materjal speċifikat riskjuż f’annimali ovini u kaprini li għandhom aktar minn 12-il xahar jew f’annimali ovini u kaprini b’sinna inċiżiva permanenti li spuntat fil-ħanek. |
|
(6) |
Ir-Regolament (UE) 2018/969 emenda l-Anness V tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 billi żied il-possibbiltà li jintuża metodu approvat mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li jwettaq it-tbiċċir biex jiġu identifikati l-annimali ovini u kaprini li għandhom aktar minn 12-il xahar. Din il-possibilità ġiet miżjuda fl-2018 iżda minn meta saret din l-emenda, l-ebda Stat Membru ma għamel użu minnha. Barra minn hekk, din il-possibbiltà kienet maħsuba biex tiġi applikata biss fl-Istati Membri u mhux biex tiġi estiża għall-pajjiżi terzi. Għaldaqstant, fl-interess taċ-ċarezza u ċ-ċertezza tad-dritt, issa huwa xieraq li titħassar. Għalhekk jenħtieġ li l-possibbiltà li jintuża metodu approvat mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li jwettaq it-tbiċċir biex jiġu identifikati l-annimali ovini u kaprini li għandhom aktar minn 12-il xahar, titħassar mill-punt 1(b) tal-Anness V tar-Regolament (KE) Nru 999/2001. |
|
(7) |
L-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 jistabbilixxi l-miżuri għall-kontroll u għall-eradikazzjoni tat-TSEs, inkluż l-iscrapie atipika. B’mod partikolari, il-Kapitolu B ta’ dak l-Anness jistabbilixxi l-miżuri li jridu japplikaw wara li tiġi kkonfermata l-preżenza ta’ TSE f’annimali bovini, ovini u kaprini. Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 630/2013 (7) emenda l-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 sabiex jitneħħew il-miżuri kollha ta’ restrizzjoni fuq il-moviment ta’ annimali ovini u kaprini fejn ikun ġie kkonfermat każ ta’ scrapie atipika, iżda żamm sorveljanza ikbar għal sentejn f’dawk il-qatgħat jew merħliet sabiex tinġabar aktar data xjentifika dwar l-iscrapie atipika. Mid-data tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 630/2013 inġabar ammont sinifikanti ta’ data. Għalhekk jenħtieġ li l-miżura stabbilita fil-punt 2.2.3 tal-Kapitolu B tal-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 999/2001, li mhijiex relatata mat-tħassib dwar is-saħħa pubblika, issa titħassar. |
|
(8) |
Il-Kapitolu C tal-Anness IX tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-importazzjoni fl-Unjoni ta’ prodotti bovini, ovini u kaprini. Dawn ir-rekwiżiti jvarjaw skont l-istatus tal-BSE tal-pajjiż jew tar-reġjun ta’ oriġini tal-prodotti, kif ukoll skont l-istatus tal-BSE tal-pajjiż jew tar-reġjun tal-oriġini tal-annimali li minnhom ġew il-prodotti. L-istatus tal-BSE ta’ pajjiżi jew ta’ reġjuni skont ir-riskju tal-BSE tagħhom huwa stabbilit fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/453/KE (8), li telenka l-pajjiżi jew ir-reġjuni b’riskju tal-BSE negliġibbli u b’riskju tal-BSE kkontrollat u tipprevedi li l-pajjiżi jew ir-reġjuni l-oħra kollha jridu jitqiesu li għandhom riskju tal-BSE indeterminat. |
|
(9) |
Rekwiżiti speċifiċi huma stabbiliti fil-punti (g) u (h) tat-Taqsima B tal-Kapitolu C tal-Anness IX tar-Regolament (KE) Nru 999/2001, biex jiġi indirizzat il-każ tal-importazzjoni tal-prodotti minn pajjiż jew reġjun b’riskju negliġibbli tal-BSE li ġej minn annimali li joriġinaw minn pajjiż jew reġjun b’riskju tal-BSE indeterminat: il-punt (g) jistabbilixxi li l-annimali ma jridux ikunu rċevew alimentazzjoni bid-dqiq mil-laħam u l-għadam mitħun u bil-qrieqeċ derivati mir-ruminanti; u l-punt (h) jistabbilixxi li l-prodotti jridu jkunu ġew prodotti u ġestiti f’manjiera li tiżgura li ma kienx fihom u ma kinux kontaminati b’tessut nervuż u limfatiku espost matul il-proċess ta’ dissussar. |
|
(10) |
Ir-rekwiżiti speċifiċi stabbiliti fil-punti (g) u (h) tat-Taqsima B tal-Kapitolu C tal-Anness IX tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 huma konsistenti mar-rekwiżiti stabbiliti fil-punti 1(a) u 1(c)(ii) tat-Taqsima D ta’ dak il-Kapitolu, għall-importazzjoni diretta fl-Unjoni minn pajjiż jew reġjun b’riskju tal-BSE indeterminat. Madankollu, dawn ir-rekwiżiti speċifiċi mhumiex stabbiliti fit-Taqsima C tal-Kapitolu C tal-Anness IX tar-Regolament (KE) Nru 999/2001, li tistabbilixxi r-rekwiżiti għall-importazzjonijiet minn pajjiż jew reġjun b’riskju tal-BSE kkontrollat. Għaldaqstant, bħalissa huwa permess, minħabba dik l-omissjoni mhux intenzjonata, li jiġu importati fl-Unjoni u minn pajjiż jew reġjun b’riskju tal-BSE kkontrollat, prodotti li ġejjin minn annimali li joriġinaw minn pajjiż jew reġjun b’riskju tal-BSE indeterminat li ma jikkonformawx ma’ dawk ir-rekwiżiti speċifiċi. Għalhekk jenħtieġ li r-rekwiżiti speċifiċi stabbiliti fil-punti (g) u (h) tat-Taqsima B tal-Kapitolu C tal-Anness IX tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 jiddaħħlu fit-Taqsima C tal-Kapitolu C ta’ dan l-Anness. |
|
(11) |
Għalhekk jenħtieġ li l-Annessi III, V, VII u IX tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 jiġu emendati skont dan. |
|
(12) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Annessi III, V, VII u IX tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 huma emendati f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Lulju 2021.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 147, 31.5.2001, p. 1.
(2) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2020/772 tal-11 ta’ Ġunju 2020 li jemenda l-Annessi I, VII u VIII tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-miżuri ta’ eradikazzjoni għal enċefalopatiji sponġiformi li jinxterdu fil-mogħoż u fir-razez fil-periklu li jintilfu (ĠU L 184, 12.6.2020, p. 43)
(3) EFSA Journal 2017; 15(8):4962.
(4) Ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (Regolament dwar prodotti sekondarji tal-annimali) (ĠU L 300, 14.11.2009, p. 1).
(5) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 21/2004 tas-17 ta’ Diċembru 2003 li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ annimali ovini u kaprini u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 u d-Direttiva 92/102/KEE u 64/432/KEE (ĠU L 5, 9.1.2004, p. 8).
(6) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/969 tad-9 ta’ Lulju 2018 li jemenda l-Anness V tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti għat-tneħħija ta’ materjali speċifiċi ta’ riskju mir-ruminanti żgħar (ĠU L 174, 10.7.2018, p. 12).
(7) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 630/2013 tat-28 ta’ Ġunju 2013 li jemenda l-Annessi għar-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi r-regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta’ ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered (ĠU L 179, 29.6.2013, p. 60).
(8) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/453/KE tad-29 ta’ Ġunju 2007 li tistabbilixxi l-istatus tal-BSE ta’ Stati Membri jew pajjiżi terzi jew reġjuni tagħhom skont ir-riskju tal-BSE (ĠU L 172, 30.6.2007, p. 84).
ANNESS
L-Annessi III, V, VII u IX tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 huma emendati kif ġej:
|
(1) |
L-Anness III huwa emendat kif ġej:
|
|
(2) |
Fl-Anness V, il-punt 1(b) huwa sostitwit b’dan li ġej:
|
|
(3) |
Fl-Anness VII, il-Kapitolu B huwa emendat kif ġej:
|
|
(4) |
Fl-Anness IX, il-Kapitolu C, it-taqsima C, il-punt 1, jiżdiedu s-subpunti li ġejjin:
|