IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 11.6.2021
COM(2021) 312 final
2021/0145(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u l-membri tal-Organizzazzjoni tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (OSAKP), min-naħa l-oħra
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
Din il-proposta tikkonċerna l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja ta’ Ftehim ta’ Sħubija ġdid bejn l-Unjoni Ewropea (UE) u l-membri tal-Organizzazzjoni tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku. Magħruf qabel bħala l-“Grupp ta’ Stati AKP” (AKP), il-grupp sar l-Organizzazzjoni tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (OSAKP), organizzazzjoni internazzjonali, f’April 2020.
Sa mis-sena 2000, il-Ftehim ta’ Sħubija ta’ Cotonou kien il-qafas li jiggwida r-relazzjonijiet bejn l-UE u d-79 pajjiż tal-AKP. Huwa bbażat fuq id-djalogu politiku, u l-kooperazzjoni ekonomika, kummerċjali u ta’ żvilupp. Il-Ftehim, rivedut fl-2005 u fl-2010, skada fl-aħħar ta’ Frar 2020. Madankollu, peress li s-sħab kellhom bżonn aktar żmien biex jinnegozjaw il-Ftehim ta’ Sħubija suċċessur, il-Ftehim ta’ Cotonou ġie estiż b’mod tranżitorju darbtejn. L-ewwel, sal-31 ta’ Diċembru 2020 u t-tieni darba sat-30 ta’ Novembru 2021 jew sal-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta’ Sħubija l-ġdid (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim”), skont liema jiġi l-ewwel .
Hemm bżonn ħafna ta’ Ftehim modernizzat biex tiġi aġġornata r-relazzjoni UE-AKP biex tkun tirrifletti l-ambizzjonijiet ġodda li jirriżultaw mill-ħtiġijiet u l-isfidi li qed jitfaċċaw. Aktar interkonnessa minn qatt qabel, id-dinja nbidlet ħafna minn mindu ġie adottat il-Ftehim ta’ Cotonou, u hekk ukoll l-UE, is-sħab tagħha u l-aspirazzjonijiet konġunti tagħhom.
In-negozjati dwar Ftehim ġdid bdew f’Settembru 2018, ftit wara li l-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli biex jiftħu negozjati, u jinnegozjaw f’isem l-Unjoni Ewropea, dwar id-dispożizzjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni, ta’ Ftehim ta’ Sħubija bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-pajjiżi tal-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, min-naħa l-oħra u adottaw direttivi ta’ negozjati f’Ġunju 2018. Matul in-negozjati, il-Kunsill kien infurmat regolarment. Il-Kumitat speċjali stabbilit bid-deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati ġie kkonsultat matul in-negozjati. In-negozjaturi ewlenin inizjalaw l-abbozz tat-test tal-ftehim fil-15 ta’ April 2021, bl-eċċezzjoni tad-definizzjoni tal-partijiet għall-Ftehim.
L-għan ġenerali tal-Ftehim huwa li jistabbilixxi sħubija politika ambizzjuża u msaħħa, li tintroduċi dinamika ġdida u li tmur lil hinn mill-kooperazzjoni tradizzjonali għall-iżvilupp. Fil-Ftehim, se jingħataw setgħat lil kull reġjun. Dan se jippermetti lill-UE u lill-membri tal-OSKAP jiksbu ambizzjonijiet akbar fil-livell lokali, nazzjonali, reġjonali u internazzjonali.
L-objettivi speċifiċi tal-Ftehim il-ġdid huma li:
1.jiġu promossi, imħarsa u ssodisfati d-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji demokratiċi, l-istat tad-dritt u l-governanza tajba, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari lill-ugwaljanza bejn il-ġeneri;
2.jinbnew stati u soċjetajiet paċifiċi u reżiljenti, filwaqt li jiġi indirizzat it-theddid kontinwu u emerġenti għall-paċi u s-sigurtà;
3.jitrawwem l-iżvilupp tal-bniedem u dak soċjali u, b’mod partikolari, jinqered il-faqar u jiġu indirizzati l-inugwaljanzi, filwaqt li jiġi żgurat li kulħadd igawdi ħajja ta’ dinjità u li ħadd ma jitħalla jaqa’ lura, b’attenzjoni speċjali mogħtija lin-nisa u lill-bniet;
4.jiġi mobilizzat l-investiment, jiġi appoġġat il-kummerċ u jitrawwem l-iżvilupp tas-settur privat, bil-ħsieb li jinkiseb tkabbir sostenibbli u inklużiv u jinħolqu impjiegi deċenti għal kulħadd;
5.jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima, jiġi mħares l-ambjent u tiġi żgurata l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali; u
6.jiġi implimentat approċċ komprensiv u bilanċjat għall-migrazzjoni, sabiex jinkisbu l-benefiċċji ta’ migrazzjoni u mobilità sikuri, ordnati u regolari, titwaqqaf il-migrazzjoni irregolari, filwaqt li jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tagħha, b’rispett sħiħ għad-dritt internazzjonali u f’konformità mal-kompetenzi rispettivi tal-Partijiet.
Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-objettivi stabbiliti mill-Kunsill fid-direttivi ta' negozjati tiegħu inkisbu u li t-test negozjat hu aċċettabbli għall-Unjoni.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
Il-Ftehim ġie nnegozjat f’konformità mad-direttivi ta’ negozjar komprensivi adottati mill-Kunsill f’Ġunju 2018 dwar ir-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati dwar Ftehim ta’ Sħubija bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, li tibni fuq evalwazzjoni preċedenti, valutazzjoni tal-impatt u komunikazzjoni. Dawn id-dokumenti ta’ gwida kollha qiesu l-politiki u l-istrateġiji rilevanti tal-UE fid-diversi oqsma kkonċernati, kif ukoll dawk tas-sħab inkluż l-Aġenda 2063 tal-Unjoni Afrikana, l-Istrateġija Konġunta Afrika-UE tal-2007 (JAES), l-Istrateġija ta' Sħubija Konġunta UE-Karibew tal-2012, u l-Istrateġija tal-2006 għal Sħubija Msaħħa mal-Gżejjer tal-Paċifiku.
Is-sħubija l-ġdida tibni fuq diversi standards u miri miftiehma internazzjonalment. L-aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti (SDGs), u l-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima huma fil-qalba tal-Ftehim u tal-azzjoni futura tas-Sħab.
B’mod aktar speċifiku fil-livell tematiku, il-Ftehim huwa allinjat għalkollox mal-politiki eżistenti tal-UE:
·F’konformità mal-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà tal-Unjoni Ewropea, il-Ftehim ser jikkontribwixxi biex jinbnew soċjetajiet inklużivi, paċifiċi u reżiljenti. Huwa jrawwem approċċ komprensiv u integrat lejn il-kunflitti u l-kriżijiet u għandu l-għan li jindirizza l-kawżi ewlenin tagħhom, flimkien ma’ theddid għas-sigurtà ġdid jew li qed jespandi, bħat-terroriżmu, il-finanzjament tiegħu u l-estremiżmu vjolenti biex insemmu ftit minnhom. Id-djalogu politiku se jkun kruċjali fl-approfondiment ulterjuri tal-azzjonijiet f’dawn l-oqsma u, b’mod aktar ġenerali, fl-oqsma kollha koperti mis-sħubija. Billi jrawwem aktar kooperazzjoni politika, il-Ftehim jafferma mill-ġdid l-importanza tal-kooperazzjoni f’fora internazzjonali, iżda wkoll li jinbnew alleanzi fix-xena globali biex tinkiseb sistema multilaterali effettiva.
·F’konformità mal-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp, il-Ftehim jinkludi impenji komprensivi ispirati mill-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) skont l-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti, u li se jikkontribwixxu biex jintlaħqu dawn l-għanijiet. L-approċċ iffukat fuq in-nies tal-Ftehim iqis l-aspetti varji u interkonnessi tal-iżvilupp sostenibbli, kemm jekk huma ekonomiċi, soċjali, ambjentali jew relatati mas-sigurtà. Dawn id-dimensjonijiet importanti kollha, flimkien ma’ elementi trasversali oħrajn, bħaż-żgħażagħ, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, il-governanza tajba u d-drittijiet tal-bniedem, jikkomplementaw lil xulxin u ngħataw importanza partikolari. Flimkien, is-sħab se jaħdmu biex jipproteġu l-pjaneta, jeqirdu l-faqar fil-forom kollha tiegħu, jindirizzaw l-inugwaljanzi u jippromwovu l-koeżjoni soċjali.
·F’konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew, u l-politiki ambjentali tal-UE, il-Ftehim jirrikonoxxi l-ħtieġa li tittieħed azzjoni urġenti f’diversi livelli biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-pjaneta u tiġi miġġielda t-theddida serja tat-tibdil fil-klima, id-degradazzjoni ambjentali, u l-użu insostenibbli tar-riżorsi naturali. Is-sħab għandhom l-għan li jsaħħu r-rispons globali għat-tibdil fil-klima, jibnu reżiljenza u jaqdu rwol importanti fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi, li se jaġixxi bħala qafas ġenerali li jiggwida s-sħubija.
·F’konformità mal-Patt il-ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil, u l-politika tal-UE dwar il-migrazzjoni, il-Ftehim jadotta approċċ komprensiv u bbilanċjat, li jindirizza b’mod koerenti d-diversi dimensjonijiet interkonnessi kemm tal-migrazzjoni legali kif ukoll dik irregolari biex irawwem migrazzjoni u mobbiltà ġestiti tajjeb.
Il-proposta hija wkoll kompletament konsistenti ma’ politiki rilevanti oħra tal-Unjoni, relatati mal-prijoritajiet stabbiliti, bħall-enerġija, l-edukazzjoni, l-impjiegi, ir-riċerka u l-innovazzjoni u l-kummerċ.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Il-bażi ġuridika għall-konklużjoni ta’ dan il-Ftehim huwa l-Artikolu 217, flimkien mal-Artikolu 218(5) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
F’konformità mat-Trattati, il-Kummissjoni tagħmel proposta għall-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja ta’ ftehim tal-Unjoni biss.
•Proporzjonalità
Din l-inizjattiva ssegwi direttament l-objettiv tal-Unjoni fl-azzjoni esterna u tikkontribwixxi għall-prijorità politika tal-“UE bħala attur globali aktar b’saħħtu”. Hija f’konformità mal-orjentazzjonijiet tal-Istrateġija Globali tal-UE biex tikkoopera ma’ atturi oħra u biex tagħti spinta lis-sħubijiet esterni tagħha b’mod responsabbli, sabiex jinkisbu l-prijoritajiet esterni tal-UE. Il-proposta ssaħħaħ il-kooperazzjoni mar-reġjuni rispettivi, billi tippermetti approċċ aktar speċifiku u tappoġġa l-“Approċċ ta’ Afrika Waħda” tal-UE. Il-Ftehim propost jiffaċilita wkoll l-interazzjonijiet bejn id-diversi livelli ta’ governanza.
•Għażla tal-istrument
Din il-proposta hija f’konformità mal-Artikolu 218(5) TFUE, li jipprevedi l-adozzjoni mill-Kunsill tad-deċiżjonijiet dwar ftehimiet internazzjonali. Ma jeżisti ebda strument legali ieħor li jista’ jintuża sabiex jintlaħaq l-objettiv espress f’din il-proposta.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
·
Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
Kien importanti għall-UE u s-sħab tagħha li jqisu t-tagħlimiet meħuda mill-kooperazzjoni fit-tul tagħhom. Bħala parti mit-tħejjija tal-politika għal Ftehim ta’ Sħubija ġdid mal-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, saru għadd ta’ evalwazzjonijiet u konsultazzjonijiet speċifiċi qabel u matul in-negozjati biex jiġu kkonsultati l-fehmiet tal-pubbliku, tal-partijiet ikkonċernati u tas-sħab kif ukoll biex jinsiltu konklużjonijiet mill-kooperazzjoni UE-AKP f’dawn l-aħħar deċennji. Dawn jistgħu jinġabru f’żewġ kategoriji:
·Evalwazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija ta’ Cotonou (Cotonou Partnership Agreement, CPA)
·Konsultazzjonijiet pubbliċi
Il-konklużjonijiet u r-riżultati relatati ġew ikkunsidrati u huma riflessi fil-Ftehim propost.
•Valutazzjoni tal-impatt
Fl-2016, ġiet ippubblikata valutazzjoni tal-impatt (SWD (2016) 0380 final) flimkien ma’ Komunikazzjoni dwar ir-relazzjonijiet futuri tal-UE mal-pajjiżi tal-AKP (JOIN 2016 (52) final), li serviet bħala bażi għar-rakkomandazzjonijiet sussegwenti u għad-direttivi ta’ negozjar. Il-valutazzjoni kellha l-għan li tiddetermina liema tip ta’ format huwa meħtieġ biex jiġu organizzati u rregolati bl-aħjar mod ir-relazzjonijiet mas-sħab fl-Afrika, fil-Karibew u fil-Paċifiku. Il-valutazzjoni tal-impatt identifikat diversi opzjonijiet u t-triq ’il quddiem ippreferuta, li fl-aħħar intgħażlet, u li fil-qosor hija kif ġej: “L-opzjoni ppreferuta għall-UE hija dik ta’ sħubija ġdida bejn l-UE u l-pajjiżi AKP, fil-forma ta’ ftehim ġenerali li jinkludi “saqaf” li jelenka l-valuri, il-prinċipji u l-interessi komuni u jidentifika l-prinċipji ġenerali u t-toroq għall-kooperazzjoni fix-xena internazzjonali, u tliet sħubijiet li jistabbilixxu prijoritajiet u azzjonijiet speċifiċi għar-reġjun biex jiġu implimentati rispettivament fl-Afrika, fil-Karibew u fil-Paċifiku.”
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
Mhux applikabbli.
•Drittijiet fundamentali
Wieħed mill-objettivi tal-Ftehim huwa li jippromwovi u jiddefendi d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kif ukoll id-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-governanza tajba. Dan huwa aspett importanti minħabba x-xena internazzjonali li qed tinbidel b’setgħat emerġenti li mhux neċessarjament jikkondividu dawn il-valuri u l-prinċipji. F’konformità mal-Approċċ Komuni tal-UE dwar l-użu ta’ klawżoli politiċi, f’każijiet ta’ ksur tal-elementi essenzjali tal-Ftehim, il-Partijiet għandu jkollhom konsultazzjonijiet strutturati u sistematiċi. Meta ma tkunx tista’ tinstab soluzzjoni aċċettabbli għaż-żewġ naħat, il-Parti li tinnotifika tista’ tieħu miżuri xierqa.
4.IMPLIKAZZJONI GĦALL-BAĠIT
Il-Ftehim ma fih l-ebda protokoll finanzjarju. L-UE timpenja ruħha li tagħmel disponibbli l-livell xieraq ta’ riżorsi finanzjarji f’konformità mar-regolamenti u l-proċeduri interni tagħha.
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti ta’ monitoraġġ, evalwazzjoni u rapportar
L-implimentazzjoni tal-Ftehim se tiġi mmonitorjata permezz ta’ djalogu regolari ta’ sħubija, ref. Parti Ġenerali, Parti I, Artikolu 3(1). Il-Protokolli Reġjonali fihom dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ, ref. Il-Protokoll Reġjonali Afrikan, Parti I, Artikolu 6; Il-Protokoll Reġjonali tal-Karibew, Parti I, Artikolu 8 u l-Protokoll Reġjonali tal-Paċifiku, Parti I, Art. 8.
Il-Kunsill tal-Ministri tal-OSAKP-UE għandu jissorvelja l-implimentazzjoni effettiva u konsistenti tal-Ftehim u jadotta linji gwida ta’ politika u jieħu deċiżjonijiet biex jagħti effett lil aspetti speċifiċi meħtieġa għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim, ref. Parti Ġenerali, Parti V, Artikolu 88.
•Spjegazzjoni dettaljata tal-eżitu tan-negozjati
Il-Ftehim jistabbilixxi sħubija politika ambizzjuża u msaħħa bejn l-UE u l-membri tal-OSKAP, bl-objettiv li jiġu ġġenerati eżiti ta’ benefiċċju reċiproku dwar interessi komuni. Dan se jieħu l-forma ta’ ftehim ta’ assoċjazzjoni u se jiġi konkluż għal perjodu ta’ għoxrin sena.
B’mod aktar strateġiku, il-Ftehim jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni u l-iskala tal-kooperazzjoni tas-sħab, bl-għan ġenerali li jinbnew soċjetajiet aktar b’saħħithom. Din is-sħubija l-ġdida hija kisba politika u tirrappreżenta żvilupp importanti. Dan jibdel id-dinamika u jtejjeb ir-relazzjonijiet tas-sħab biex jiġu indirizzati l-aktar sfidi urġenti li speċifikament jiffaċċja kull reġjun. Il-Ftehim huwa f’sintonija mal-kuntesti reġjonali u globali, iżda wkoll mal-aħħar liġijiet, standards, avvanzi u, l-aktar importanti, miftiehma internazzjonalment u, l-aktar importanti, mal-ħtiġijiet tan-nies.
Dan joħloq qafas koerenti mal-pajjiżi sħab fil-livelli politiċi kollha, kemm jekk nazzjonali, (sub)-reġjonali jew f’livell ta’ sħubija b’dimensjoni globali. Il-Ftehim jirrakkomanda multilateraliżmu effettiv u jwitti t-triq għal aktar azzjonijiet politiċi u kkoordinati fix-xena dinjija fejn l-impatt tal-grupp jista’ jkun sinifikanti.
Struttura innovattiva “1 + 3”
Ir-relazzjoni tal-UE mal-membri tal-OSAKP ġiet approfondita, iżda ġiet ukoll ristrutturata biex tkun adattata għall-iskop tagħha, tkun iċċentrata fuq it-tliet reġjuni. Għaldaqstant, il-Ftehim issa jikkonsisti fi:
1. Parti Ġenerali (il-Fondazzjoni) komuni għall-pajjiżi kollha u magħmula minn:
Parti I - Dispożizzjonijiet Ġenerali, li jippreżentaw l-objettivi u l-prinċipji ġenerali.
Parti II - Prijoritajiet strateġiċi , maqsuma f’sitt titoli ewlenin:
·Titolu I - Id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-governanza f’soċjetajiet iċċentrati fuq in-nies u bbażati fuq id-drittijiet
·Titolu II - Il-paċi u s-sigurtà
·Titolu III - L-iżvilupp tal-bniedem u l-iżvilupp soċjali
·Titolu IV - It-tkabbir u l-iżvilupp ekonomiċi inklużivi u sostenibbli
·Titolu V - Is-sostenibbiltà ambjentali u t-tibdil fil-klima
Titolu VI - Migrazzjoni u mobbiltà
Parti III - Alleanzi globali u kooperazzjoni internazzjonali, li jiddeskrivu l-ambizzjonijiet politiċi ġodda fix-xena dinjija.
Parti IV - Mezzi ta’ kooperazzjoni u implimentazzjoni, li jiddeskrivu r-riżorsi diversifikati biex jinkisbu l-objettivi tas-sħubija.
Parti V - Qafas istituzzjonali, li jispjega l-konfigurazzjonijiet u s-sħab differenti involuti.
Parti VI - Dispożizzjonijiet finali, li jipprovdu dettalji dwar l-applikazzjoni tal-Ftehim.
Anness I: Il-proċessi ta’ ritorn u ta’ riammissjoni.
Anness II: Operazzjonijiet tal-Bank Ewropew tal-Investiment.
Dikjarazzjoni tal-UE dwar il-mezzi ta’ kooperazzjoni u implimentazzjoni.
Il-Ftehim ser jiġi rregolat b’mod differenti, kemm fil-livell ta’ sħubija kif ukoll f’dak reġjonali, skont il-kwistjonijiet u l-format ikkonċernati. B’mod partikolari, din il-Parti Ġenerali tal-Ftehim, li tapplika għall-pajjiżi kollha, se titmexxa mill-Kunsill tal-Ministri tal-OSAKP-UE (li mistenni jiltaqa’ kull tliet (3) snin) appoġġat minn Kumitat tal-Ambaxxaturi, Summits possibbli tal-OSAKP-UE (bi ftehim konġunt) u Assemblea Parlamentari Konġunta ġdida bejn l-OSAKP-UE (APK - laqgħa annwali u li l-membri tagħha huma wkoll membri tat-tliet assemblej parlamentari konġunti reġjonali).
2. Tliet Protokolli Reġjonali huma previsti bejn il-pajjiżi ta’ kull reġjun u l-UE rispettivament. Kull protokoll huwa mfassal apposta għall-ħtiġijiet u d-dinamika tar-reġjuni u b’hekk huwa adatt biex jindirizza l-isfidi partikolari ffaċċjati. Skont din il-loġika, kull reġjun se jkollu l-istruttura istituzzjonali proprja biex tiggwida l-protokoll inkwistjoni. Din tinkludi laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri f’intervall miftiehem mill-Partijiet, Kumitat tal-Ambaxxaturi, il-possibbiltà ta’ laqgħa fil-livell ta’ Kapijiet ta’ Stat/Gvern, u Assemblea Parlamentari Konġunta:
A.Protokoll Reġjonali għall-Afrika
Bi prijoritajiet imfassla apposta, dettaljati speċifikament skont il-ħtiġijiet tar-reġjun:
·It-tkabbir u l-iżvilupp ekonomiku inklużivi u sostenibbli
·L-iżvilupp tal-bniedem u l-iżvilupp soċjali
·L-ambjent, il-ġestjoni tar-riżorsi naturali u t-tibdil fil-klima
·Il-paċi u s-sigurtà
·Id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u governanza
·Migrazzjoni u mobbiltà
U governanza speċifika:
Kunsill tal-Ministri Afrika-UE, Kumitat Konġunt Afrika-UE; Assemblea Parlamentari Afrika-UE.
Dan se jrawwem approċċ komuni lejn l-Afrika. Il-Protokoll se jaġixxi bħala l-bażi ġuridika (ftehim ta’ assoċjazzjoni, simili għal dawk konklużi bejn l-UE u l-pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq) u l-gwida politika se tibni fuq l-eżitu tas-Summits bejn l-Unjoni Afrikana u l-Unjoni Ewropea.
B.Protokoll Reġjonali għall-Karibew
Bi prijoritajiet imfassla apposta, dettaljati speċifikament skont il-ħtiġijiet tar-reġjun:
·It-tkabbir u l-iżvilupp ekonomiku inklużivi u sostenibbli
·Is-sostenibbiltà ambjentali, it-tibdil fil-klima u l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali
·Id-drittijiet tal-bniedem, il-governanza, il-paċi u s-sigurtà
·Żvilupp tal-bniedem u koeżjoni soċjali
U governanza speċifika:
Kunsill tal-Ministri Karibew-UE, Kumitat Konġunt Karibew-UE, Assemblea Parlamentari Karibew-UE.
C.Protokoll Reġjonali għall-Paċifiku
Bi prijoritajiet imfassla apposta, dettaljati speċifikament skont il-ħtiġijiet tar-reġjun:
·Is-sostenibbiltà ambjentali u t-tibdil fil-klima
·Żvilupp ekonomiku inklużiv u sostenibbli
·L-oċeani, l-ibħra u s-sajd
·Is-sigurtà, id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-governanza
·L-iżvilupp tal-bniedem u l-iżvilupp soċjali
U governanza speċifika:
Kunsill tal-Ministri Paċifiku-UE, Kumitat Konġunt Paċifiku-UE, Assemblea Parlamentari Paċifiku-UE.
Sħubija ċċentrata fuq in-nies
Il-Ftehim imur lil hinn mill-predeċessur tiegħu f’diversi oqsma u jipprovdi opportunità biex ikun hemm rwol importanti f’ħafna oqsma.
Is-Sħab se jikkontribwixxu biex jinkisbu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (Sustainable Development Goals, SDGs), u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, bl-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima bħala oqfsa globali li jiggwidaw is-sħubija.
Il-Ftehim ifittex li joħloq opportunitajiet ekonomiċi ġodda għal kulħadd. Tingħata attenzjoni speċjali lit-tkabbir sostenibbli u inklużiv u lill-ħolqien tal-impjiegi. B’mod partikolari, l-istimolu tal-investiment u l-iżvilupp tas-settur privat se jkunu kruċjali biex jitħaffef l-iżvilupp sostenibbli, li għalih se jikkontribwixxu b’mod sinifikanti x-xjenza, it-teknoloġija, ir-riċerka, l-innovazzjoni u t-tranżizzjoni diġitali. Il-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet ekonomiċi u kummerċjali se tittejjeb ukoll, billi jiġu ffaċilitati l-flussi bilaterali tal-kummerċ u tal-investiment, jitnaqqsu l-ostakli tekniċi għall-kummerċ, jittejjeb l-akkwist pubbliku u tingħata protezzjoni lill-proprjetà intellettwali. Il-ftehimiet kummerċjali kollha eżistenti, bħall-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika (FSE), se jibqgħu fis-seħħ. Il-kooperazzjoni bejn is-sħab se tikkontribwixxi biex jinżammu standards ambjentali, soċjali u tax-xogħol għoljin.
Dan imur id f’id ma’ enfasi mġedda fuq it-tibdil fil-klima u s-sostenibbiltà ambjentali f’għadd ta’ oqsma. Billi jirrikonoxxu l-urġenza li tittieħed azzjoni u li t-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni naturali joħolqu theddida serja biex jinkiseb żvilupp sostenibbli, is-sħab qablu dwar impenji kbar biex jippreservaw u jipproteġu l-pjaneta, u l-ekosistemi u l-oċeani tagħha. F’konformità mal-miri tal-Ftehim ta’ Pariġi, ir-rispons għat-tibdil fil-klima se jissaħħaħ. Se jsiru sforzi konġunti biex jiġu indirizzati l-adattament, il-mitigazzjoni u l-indirizzar aħjar tad-diżastri naturali. Dan huwa parti minn approċċ globali li jirrispetta l-ambjent li jippromwovi l-iżvilupp sostenibbli ta’ ekonomija blu u jappoġġa t-tranżizzjoni lejn ekonomiji aktar ekoloġiċi (b’emissjonijiet baxxi/effiċjenti fl-użu tar-riżorsi).
Il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-membri tal-OSAKP għandha wkoll l-għeruq tagħha f’sett komuni ta’ valuri u prinċipji universali. Ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, id-dritt internazzjonali, il-prinċipji demokratiċi, u l-prinċipji stabbiliti fil-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti huma l-bażi għall-kooperazzjoni skont il-Ftehim. Dawn huma kkunsidrati bħala kwistjonijiet ewlenin biex jiggarantixxu li prijoritajiet reċiproċi oħra jiffjorixxu, bħall-impenji għall-istat tad-dritt u l-governanza tajba, li ġew imsaħħa fil-Ftehim. L-istess jgħodd għall-paċi u s-sigurtà, fejn se jiġi indirizzat theddid ġdid jew emerġenti, bħall-piraterija u t-traffikar ta’ persuni, id-drogi, l-armi u oġġetti illeċiti oħra, kif ukoll iċ-ċiberkriminalità u t-theddid għaċ-ċibersigurtà, li huma elementi essenzjali ta’ approċċ integrat lejn il-kunflitt, il-kriżi u l-kawżi ewlenin tagħhom.
Il-Ftehim irawwem kooperazzjoni msaħħa, kemm settorjali kif ukoll politika, inkluż dwar kwistjonijiet ta’ politika barranija ta’ interess komuni. Dawn jinkludu ż-żamma tal-paċi, it-terroriżmu, is-sitwazzjonijiet ta’ fraġilità, il-piena tal-mewt b’riżervi mingħajr preċedent, iżda wkoll l-infurzar tal-liġi u l-migrazzjoni u l-mobbiltà. Dwar dan tal-aħħar, impenji ġodda li jirriflettu approċċ komprensiv u bbilanċjat jindirizzaw id-diversi dimensjonijiet interkonnessi tal-migrazzjoni legali u irregolari b’mod koerenti. Biex irawwem migrazzjoni u mobbiltà ġestiti tajjeb, il-Ftehim jippromwovi kooperazzjoni msaħħa bejn is-sħab, l-aġenziji u l-istituzzjonijiet rilevanti, filwaqt li jtejjeb ir-ritorn u r-riammissjoni, bi prevedibbiltà u infurzabbiltà importanti. L-isfidi komuni se jiġu ttrattati aħjar, inklużi l-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni irregolari, it-traffikar u l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti.
Is-Sħubija trawwem bil-qawwa l-iżvilupp uman u soċjali, bl-objettiv li jiġu indirizzati l-faqar u l-inugwaljanzi, filwaqt li ħadd ma jitħalla lura. Kif rakkomandat fid-direttivi ta’ negozjati, fil-Ftehim saru impenji aktar b’saħħithom biex jittejbu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, is-servizzi soċjali, bħall-edukazzjoni u s-saħħa, u l-inklużività soċjali. Is-Sħab se jikkooperaw biex jindirizzaw aħjar id-diversi sfidi li jiġu ffaċċati bħas-sigurtà tal-ikel, it-tkabbir rapidu tal-popolazzjoni u l-kriżijiet globali tas-saħħa.
Id-djalogu ta’ sħubija ilu għal snin fil-qalba tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Istati OSAKP u l-Ftehim il-ġdid se jkompli jsaħħaħ din id-dimensjoni importanti. Dan jikkonċerna s-suġġetti kollha koperti mill-Ftehim, iżda wkoll suġġetti usa’ ta’ interess komuni.
Barra minn hekk, it-test innegozjat irawwem kooperazzjoni bejn diversi partijiet ikkonċernati, filwaqt li jirrikonoxxi l-importanza taż-żgħażagħ u ta’ diversi sħab inklużi l-awtoritajiet lokali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u s-settur privat fit-tiswir ta’ futur aħjar. Impenn attiv fi djalogu ta’ sħubija u proċessi ta’ kooperazzjoni, iżda wkoll ħidma kollaborattiva lejn implimentazzjoni effettiva tal-Ftehim se jkunu kruċjali.
L-elementi kollha msemmija hawn fuq huma interkonnessi u se jkunu kruċjali biex ir-relazzjonijiet ta’ bejnietna jittieħdu fil-livell li jmiss. Dan ifisser li l-Protokolli Reġjonali, l-interpretazzjoni u l-implimentazzjoni tagħhom iridu jirrispettaw f’kull ħin id-dispożizzjonijiet u l-prinċipji li jinsabu fil-Parti Ġenerali tal-Ftehim.
2021/0145 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u l-membri tal-Organizzazzjoni tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (OSAKP), min-naħa l-oħra
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 217, flimkien mal-Artikolu 218(5) u (8), t-tieni subparagrafu tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Fil-21 ta’ Ġunju 2018, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà biex jiftħu negozjati, u jinnegozjaw f’isem l-Unjoni, dwar id-dispożizzjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni, ta’ Ftehim ta’ Sħubija bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-pajjiżi tal-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, min-naħa l-oħra.
(2)In-negozjati dwar Ftehim ta’ Sħubija bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u l-membri tal-Organizzazzjoni tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”) ġew konklużi b’suċċess fil-15 ta’ April 2021 bl-eċċezzjoni tad-definizzjoni tal-partijiet għall-Ftehim.
(3)Il-Ftehim jirrifletti kemm ir-relazzjoni storikament mill-qrib kif ukoll ir-rabtiet dejjem aktar b’saħħithom li qed jiżviluppaw bejn l-Unjoni Ewropea u l-membri tal-Organizzazzjoni tal-Istati AKP, u x-xewqa tagħhom li jkomplu jsaħħu u jestendu r-relazzjonijiet tagħhom b’mod ambizzjuż u innovattiv. Il-Ftehim jiddefinixxi mill-ġdid ir-relazzjoni bejn l-UE u l-membri tal-Organizzazzjoni tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, inklużi l-prijoritajiet u l-metodi ta’ ħidma fl-oqsma differenti ta’ politika li jestendi għalihom il-Ftehim.
(4)Għalhekk jenħtieġ li l-Ftehim jiġi ffirmat f'isem l-Unjoni Ewropea f'konformità mal-Artikolu 98 tal-Ftehim, soġġett għall-konkluż tiegħu iktar ’il quddiem.
(5)Il-Ftehim ta’ Cotonou se jibqa’ japplika b’mod tranżitorju sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Novembru 2021. Jekk il-Ftehim ma jidħolx fis-seħħ mill-1 ta’ Diċembru 2021, il-kooperazzjoni bejn l-Unjoni u l-membri tal-Organizzazzjoni tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku jaqgħu għal livell li la huwa mixtieq u lanqas huwa fl-interess tal-Unjoni, u joħloq aktar tfixkil fir-relazzjoni bejn l-Unjoni u l-membri tal-Organizzazzjoni tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku. Sabiex jiġi evitat tfixkil bħal dan, jenħtieġ li l-Ftehim jiġi applikat b’mod proviżorju.
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-iffirmar tal-Ftehim ta' Sħubija bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u l-membri tal-Organizzazzjoni tal-Istati Afrikani, , tal-Karibew u tal-Paċifiku min-naħa l-oħra, huwa b'dan approvat f'isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Ftehim.
It-test tal-Ftehim li għandu jiġi ffirmat huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Id-Dikjarazzjoni tal-UE dwar il-mezzi ta’ kooperazzjoni u implimentazzjoni mehmuża ma' din id-Deċiżjoni għandha tiġi approvata f'isem l-Unjoni.
Artikolu 3
Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandu jistabbilixxi l-istrument tas-setgħat sħaħ soġġett għall-konklużjoni tal-Ftehim, għall-persuna (jew għall-persuni) indikata/indikati min-negozjatur tal-Ftehim biex jiffirma(w) il-Ftehim.
Artikolu 4
Sa ma jidħol fis-seħħ, il-Ftehim għandu jiġi applikat provviżorjament, skont l-Artikolu 98(4) tal-Ftehim, skont id-data prevista fih.
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President