SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

16 ta’ Lulju 2026 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Akkordji – Abbuż minn pożizzjoni dominanti – Artikoli 101 u 102 TFUE – Implimentazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni – Deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni li tordna spezzjoni – Tfittxija fil-bini tal-impriżi kkonċernati – Sekwestru ta’ dokumenti professjonali li jirriżultaw minn komunikazzjonijiet permezz ta’ posta elettronika – Mandat maħruġ mill-Uffiċċju tal-Prosekutur – Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għar-rispett għall-ħajja privata u għall-komunikazzjonijiet – Dritt għall-protezzjoni tad-data personali – Rekwiżiti proċedurali – Assenza ta’ awtorizzazzjoni minn qabel minn qorti”

Fil-Kawżi magħquda C‑258/23 sa C‑260/23,

li għandha bħala suġġett tliet talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal da Concorrência, Regulação e Supervisão (il-Qorti tal-Kompetizzjoni, tar-Regolamentazzjoni u tas-Sorveljanza, il-Portugall), permezz ta’ deċiżjonijiet tal‑21 ta’ April 2023, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑24 ta’ April 2023, fil-proċeduri

IMI – Imagens Médicas Integradas S. A. (C‑258/23),

Synlabhealth II S. A. (C‑259/23),

SIBS – Sociedade Gestora de Participações Sociais S. A.,

SIBS, Cartões – Produção e Processamento de Cartões S. A.,

SIBS Processos – Serviços Interbancários de Processamento S. A.,

SIBS International S. A.,

SIBS Pagamentos S. A.,

SIBS Gest S. A.,

SIBS Forward Payment Solutions S. A.,

SIBS MB S. A. (C‑260/23)

vs

Autoridade da Concorrência,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

Komposta minn K. Lenaerts, President, T. von Danwitz, Viċi-president, K. Jürimäe, C. Lycourgos, I. Jarukaitis, O. Spineanu-Matei, M. Condinanzi u F. Schalin, Presidenti ta’ Awla, S. Rodin (Relatur), E. Regan, N. Piçarra, A. Kumin, N. Jääskinen, S. Gervasoni u N. Fenger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. Medina,

Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑3 ta’ Ġunju 2025,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal IMI – Imagens Médicas Integradas S. A., minn A. Dias Henriques, R. Oliveira, M. Rodrigues Caldeira u M. Valente, advogados,

–

għal Synlabhealth II S. A., minn A. Martins Ferreira, advogado,

–

għal SIBS – Sociedade Gestora de Participações Sociais S.A. et, minn M. de Abreu Castelo Branco, J. Pateira Ferreira u C. Pinto Correia, advogados,

–

għall-Autoridade da Concorrência, minn D. Cardoso, A. Cruz Nogueira u S. Parodi, advogadas,

–

għall-Gvern Portugiż, minn C. Alves, P. Barros da Costa u A. Oliveira Santos, bħala aġenti,

–

għall-Gvern Ċek, minn L. Halajová, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

–

għall-Gvern Elleniku, minn K. Boskovits, bħala aġent,

–

għall-Gvern Finlandiż, minn H. Leppo, bħala aġenta,

–

għall-Gvern Żvediż, minn F.‑L. Göransson, bħala aġenta,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Berghe, P. Caro de Sousa u E. Rousseva, bħala aġenti,

–

għall-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, minn C. Simpson, E. Gromnicka u M.-M. Joséphidès, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑23 ta’ Ottubru 2025,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ tliet kawżi bejn diversi impriżi u l-Autoridade da Concorrência (l-Awtorità tal-Kompetizzjoni, il-Portugall) dwar il-legalità ta’ miżuri ta’ tfittxija kif ukoll ta’ eżami, ta’ ġbir u ta’ sekwestru ta’ provi fil-bini ta’ dawn l-impriżi fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet immexxija minn din l-awtorità u relatati ma’ prattiki antikompetittivi msemmija fl-Artikoli 101 u 102 TFUE.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

It-Trattat FUE

3

L-Artikolu 101 TFUE jipprovdi:

“1.   Is-segwenti għandhom ikunu inkompatibbli mas-suq intern u għandhom ikunu projbiti: l-akkordji kollha bejn impriżi, id-deċiżjonijiet kollha ta’ […] assoċjazzjonijiet bejn impriżi u l-prattiċi kollha miftiehma li jistgħu jolqtu l-kummerċ bejn l-Istati Membri u li jkollhom bħala għan jew riżultat tagħhom il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern, partikolarment dawk li jinvolvu:

a)

l-iffissar dirett jew indirett tal-prezzijiet ta’ l-akkwist jew tal-bejgħ, jew ta’ kondizzjonijiet oħra tan-negozju,

b)

il-limitazzjoni jew kontroll tal-produzzjoni, tas-swieq, ta’ l-iżvilupp tekniku jew ta’ l-investiment,

c)

it-taqsim tas-swieq jew it-taqsim ta’ fonti ta’ provvista,

d)

l-applikazzjoni ta’ kondizzjonijiet differenti għal transazzjonijiet ekwivalenti ma partijiet oħra, li b’hekk jiġu mqiegħda fi żvantaġġ kompetittiv,

e)

is-suġġettar tal-konklużjoni ta’ kuntratt għall-aċċettazzjoni, mill-parti l-oħra, ta’ obbligi addizzjonali li, jew min-natura tagħhom jew skond l-użu kummerċjali, ma jkollhom l-ebda konnessjoni mas-suġġett ta’ dawk il-kuntratti.

2.   L-akkordji jew deċiżjonijiet projbiti bid-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu jkunu awtomatikament nulli.

[…]”

4

Skont l-Artikolu 102 TFUE:

“Safejn il-kummerċ bejn l-Istati Membri jista’ jiġi milqut, kull abbuż minn impriża waħda jew iktar minn pożizzjoni dominanti fi ħdan is-suq intern, jew fi ħdan parti sostanzjali tiegħu, jkun inkompatibbli mas-suq intern u jkun projbit.

Eżempji ta’ abbuż bħal dan huma:

a)

l-impożizzjoni diretta jew indiretta ta’ prezzijiet inġusti ta’ l-akkwist jew tal-bejgħ, jew kondizzjonijiet oħra inġusti ta’ kummerċ,

b)

il-limitazzjoni tal-produzzjoni, tas-swieq jew ta’ l-iżvilupp tekniku bi ħsara għall-konsumaturi,

c)

l-applikazzjoni ta’ kondizzjonijiet differenti għal transazzjonijiet ekwivalenti ma’ partijiet oħra, li b’hekk jiġu mqiegħda fi żvantaġġ kompetittiv,

d)

is-suġġettar tal-konklużjoni ta’ kuntratti għall-aċċettazzjoni mill-parti l-oħra, ta’ obbligi addizzjonali li, jew min-natura tagħhom jew skond l-użu kummerċjali, ma jkollhom l-ebda konnessjoni mas-suġġett ta’ dawk il-kuntratti.”

Il‑Karta

5

L-Artikolu 7 tal-Karta jiddikjara:

“Kull persuna għandha d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħha, ta’ darha u tal-kommunikazzjonijiet tagħha.”

6

Skont l-Artikolu 8 tal-Karta:

“1.   Kull persuna għandha d-dritt għall-protezzjoni ta’ data personali li tirrigwardaha.

2.   Din id-data għandha tiġi trattata b’mod ġust għal finijiet determinati u abbażi tal-kunsens tal-persuna kkonċernata jew fuq bażi oħra leġittima stabbilita mil-liġi. Kull persuna għandha d-dritt ta’ aċċess għad-data miġbura li għandha x’taqsam magħha u d-dritt li tikseb ir-rettifika tagħha.

[…]”

Ir-Regolament Nru 1/2003

7

Il-premessa 26 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), jiddikjara:

“L-esperjenza turi li hemm każijiet fejn rekords tal-kummerċ huma miżmuma d-dar tad-diretturi jew xi nies oħra li jaħdmu għal din l-impriża. Sabiex tissalvagwardja l-effettività tal-ispezzjonijiet, għallura, uffiċjali u persuni oħra awtorizzati mil-Kummissjoni għandu jkollhom is-setgħa li jidħlu f’kwalunkwe siti fejn ir-rekords tal-kummerċ jistgħu ikunu qed jinżammu, inkluż djar privati. Madankollu, l-eserċitazzjoni ta’ dawn il-poteri għandhom ikunu suġġet għal awtorizzazzjoni ta’ l-awtoritajiet ġudizzjarji.”

8

Skont l-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament, “[f]ejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri u qrati nazzjonali japplikaw liġijiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għal ftehim, deċiżjonijiet min assoċjazzjonijiet tal-impriża jew prattiċi miftiehma fis-sens ta’ l-Artikolu [101](1) [TFUE] li jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri fis-sens ta’ din id-disposizzjoni, dawn ħa japplikaw ukoll l-Artikolu [101 TFUE] għal ftehim bħal dawn, deċiżjonijiet jew prattiċi miftiehma. Fejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’l-Istati Membri jew qrati nazzjonali japplikaw liġijiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għal xi kwalunkwe abbuż projbit mil-Artikolu [102 TFUE], dawn ħa japplikaw ukoll l-Artikolu [102 TFUE]”.

9

L-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament jiddikjara:

“L-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri għandhom ikollhom is-setgħa li japplikaw l-[Artikoli 101 u 102 TFUE] f’każijiet individwali. Għal dan il-għan, jaggixxu fuq l-inizjattiva proprja tagħha jew fuq xi ilment, dawn jistgħu jieħdu d-deċiżjonijiet li ġejjin:

–

jirrikjedu li xi ksur jiġi mitmum,

–

jordnaw miżuri ntermedjarji,

–

jaċċettaw rbit,

–

jimponu multi, perjodu ta’ pagamenti penali jew xi pieni oħra previsti mil-liġijiet nazzjonali tagħhom.

Fejn fuq bażi ta’ l-informazzjoni li għandhom fil-pussess tagħhom il-kondizzjonijiet għal projbizzjoni m’humiex milħuqa huma għandhom jiddeċiedu li ma hemmx każ li jkun hemm azzjoni mil-parti tagħhom.”

10

L-Artikolu 20 tal-istess regolament, dwar “Is-setgħa ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni”, jipprovdi:

“1.   Sabiex tagħmel id-doveri assenjati lilha min dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista’ tagħmel l-ispezzjonijiet neċessarji ta’ l-impriża u assoċjazzjoni ta’ l-impriża.

2.   L-uffiċjali u persuni oħra li jakkompanjawhom awtorizzati mil-Kummissjoni jagħmlu spezzjoni għandhom is-setgħa li:

(a)

li jidħlu f’kwalunkwe siti, art u metodi tat-trasport ta’ l-impriża u l-assoċjazzjoni tal-impriża;

(b)

li jeżaminaw il-kotba u rekords oħra relatati mal-kummerċ, irrespettivament tal-mod kif innhu maħżun;

(ċ)

li jieħu jew jikseb f’kwalunkwe forma: kopji ta’ jew estratti min dawn il-kotba jew rekords:

[…]

3.   L-uffiċjali u l-persuni l-oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni biex jagħmlu l-ispezzjoni ħa jeserċitaw il-poteri tagħhom malli jipproduċu awtorizzazzjoni bil-miktub li jispeċiefikaw is-suġġett u l-għan tal-ispezzjoni u l-pieni previsti mil-Artikolu 23 f’każ li jipproduċu l-kotba rikjesti u rekords oħra relatati mal-kummerċ jkun inkomplut jew fejn hemm risposti għad-domandi mistoqsija taħt paragrafu 2 tal-preżent Artikolu jkun inkorret jew qarrieqi. F’ħin tajjeb qabel l-ispezzjoni, il-Kummissjoni ħa tagħti notifikazzjoni ta’ l-ispezzjoni lill-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu qed isseħħ.

4.   Impriżi jew assoċjazzjonijiet tal-impriża huma rikjesti li jissottomettu għall-ispezzjonijiet ordnati b’deċiżjoni mil-Kummissjoni. Id-deċiżjoni ħa tispeċifika s-suġġet u l-għan tal-ispezzjoni, taħtar id-data li fiha għandha tibda u tindika l-pieni previsti mil-Artikoli 23 u 24 u d-dritt li tar-reviżjoni tad-deċiżjoni mil-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Kummissjoni ħa tieħu deċiżjoni wara li tikkonsulta l-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandha isseħħ l-ispezzjoni.

[…]

6.   Fejn l-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mil-Kummissjoni jsibu li l-impriża topponi xi speżjoni ordnata skond dan l-Artiklu, l-Istat Membru konċernat jtihom l-assistenza neċessarja, titlob fejn hu approprjat l-assistenza tal-puliżija jew ta’ l-awtorità infurzatura oħra ekwivalenti, Sabiex tħallihom jikkonduċu l-ispezzjoni tagħhom.

7.   Jekk l-assistenza prevista min paragrafu 6 tirrikjedi l-awtorizzazzjoni ta’ xi awtorità ġudizzjarja bi qbil mar-regoli nazzjonali, awtorizzazzjoni bħal din trid tapplika għaliha. Awtorizzazzjoni bħal din tista’ ukoll tapplika għaliha bħala miżura ta’ prekawzjoni.

[…]”

11

L-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 1/2003, intitolat “L-ispezzjoni ta’ siti oħra”, jipprevedi:

“1.   Jekk suspett raġunevoli jeżisti li l-kotba u rekords relatati mal-kummerċ u mas-suġġett tal-ispezzjoni, li jistgħu ikunu ta’ rilevanza li juru vjolazzjoni serja ta’ l-Artikolu [101] jew l-Artikolu [102 TFUE], ikunu qed jinżammu f’siti oħra, art jew meżi tat-trasport, inkluż id-djar tad-diretturi, managers u membri oħra tal-istaff ta’ l-impriża u l-assoċjazzjonijiet ta’ l-impriża konċernati, il-Kummissjoni tista’ b’deċiżjoni tordna li ssir spezzjoni f’premises oħra, art jew meżi tat-trasport.

2.   Id-deċiżjoni ħa tispeċifika is-suġġet u l-għan tal-ispezzjoni, taħtar id-data li fiha tibda u tindika d-dritt li jkollha reviżjoni tad-deċiżjoni mil-Qorti tal-Ġustizzja. Id-deċiżjoni b’mod partikolari ssemmi r-raġunijiet li mexxew lill-Kummissjoni li tikkonkludi li suspett f’sens ta’ paragrafu 1 jeżisti. Il-Kummissjoni ħa tieħu deċiżjonijiet wara lil jikkonsultaw lil awtorità tal-kompetizzjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu ħa ssir l-ispezzjoni.

3.   Deċiżjoni adottata skond paragrafu 1 ma tistax tiġi maħruġa qabel ma jkun hemm awtorizzazzjoni mil-awtorità ġudizzjarja nazzjonali ta’ l-Istat Membru kunċernat. L-awtorità ġudizzjarja nazzjonali ħa tikkontrolla li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tkun awtentikà u li l-miżuri ta’ infurzar maħsuba la huma arbitrarji u lanqas ikunu eċċessivi wara li kkunsidraw b’mod partikolari għas-serjetà tal-ksur suspettat, għall-importanza tal-provi mfitxjia, għal-involviment ta’ l-impriża kunċernata u probabilta’ raġunevoli li l-kotba tal-kummerċ u rekords relatati mar-raġuni ta’ l-ispezzjoni jinżammu fuq il-post li għalih inġabet l-awtorizzazzjoni mitluba. L-awtorità ġudizzjarja nazzjonali tista’ tistaqsi lill-Kummissjoni, direttament jew mill-awtorita’ tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru, għall-ispjegazzjonijiet dettaljati fuq dawk l-elementi li huma neċessarji biex iħallu l-kontrol tal-proporzjonalità tal-miżuri ta’ infurzar maħsuba.

Madankollu, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali tista’ ma tistaqsix in-neċessità ta’ l-ispezzjoni u lanqas tiddemanda li tiġi provduta bl-informazzjoni tal-file tal-Kummissjoni. Id-dritt legali tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni ħa tkun suġġetta għar-reviżjoni biss mil-Qorti tal-Ġustizzja.

[…]”

Il-GDPR

12

Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2, iktar ’il quddiem il- “GDPR”), jipprovdi, fl-Artikolu 9 tiegħu, intitolat “Ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data personali”:

“1.   L-ipproċessar ta’ data personali, li jiżvela oriġini razzjali jew etnika, opinjonijiet politiċi, twemmin reliġjuż jew filosofiku, jew sħubija fi trade union, u l-ipproċessar ta’ data ġenetika, data bijometrika sabiex tidentifika b’mod uniku persuna fiżika, data dwar is-saħħa jew data dwar il-ħajja sesswali u l-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna fiżika huma projbiti.

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika jekk japplika wieħed minn dawn li ġejjin:

[…]

(g)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ interess pubbliku sostanzjali, fuq il-bażi tal-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, li għandha tkun proporzjonata mal-għan segwit, tirrispetta l-essenza tad-dritt għall-protezzjoni tad-data u tipprevedi miżuri xierqa u speċifiċi sabiex tissalvagwardja d-drittijiet fundamentali u l-interessi tas-suġġett tad-data;

[…]”

Id-Direttiva (UE) 2019/1

13

Id-Direttiva (UE) 2019/1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2018 sabiex l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jingħataw setgħat biex ikunu inforzaturi aktar effettivi, u biex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern (ĠU 2019, L 11, p. 3), tiddikjara, fil-premessi 30 sa 34 tagħha:

“(30)

Is-setgħat investigattivi tal-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali tal-kompetizzjoni jenħtieġ li jkunu adegwati biex jilqgħu l-isfidi tal-infurzar tal-ambjent diġitali, u jenħtieġ li jippermettu lill-[awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni] jiksbu l-informazzjoni kollha marbuta mal-impriża jew l-assoċjazzjoni ta’ impriżi li tkun soġġetta għall-miżura ta’ investigazzjoni, f’forma diġitali, inkluż id-data miksuba b’mod forensiku, irrispettivament mill-mezz li l-informazzjoni tkun maħżuna fuqu, bħal pereżempju fuq laptops, mobiles, apparat portabbli ieħor jew cloud storage.

(31)

L-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali tal-kompetizzjoni jenħtieġ li jkunu jistgħu jwettqu l-ispezzjonijiet kollha meħtieġa tal-binjiet tal-impriżi u l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi fejn, f’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jistgħu juru li hemm raġunijiet validi għas-suspett ta’ ksur tal-Artikolu 101 jew 102 TFUE. Jenħtieġ li din id-Direttiva ma tipprevjenix lill-Istati Membri milli jirrikjedu awtorizzazzjoni minn qabel minn awtorità ġudizzjarja nazzjonali għal tali spezzjonijiet.

(32)

Sabiex tkun effettiva, is-setgħa tal-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali tal-kompetizzjoni biex iwettqu spezzjonijiet jenħtieġ li tippermettilhom jaċċessaw informazzjoni li tkun aċċessibbli għall-impriża jew għall-assoċjazzjoni ta’ impriżi jew għall-persuna soġġetta għall-ispezzjoni, u li tkun marbuta mal-impriża jew l-assoċjazzjoni ta’ impriżi investigata. Din neċessarjament jenħtieg li tinkludi s-setgħa li jfittxu dokumenti, fajls jew data fuq apparat li ma jkunx identifikat b’mod preċiż minn qabel. Mingħajr tali setgħa, ikun impossibbli li tinkiseb l-informazzjoni meħtieġa għall-investigazzjoni fejn l-impriżi jew l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi jadottaw attitudni ostruttiva jew jirrifjutaw li jikkooperaw. Is-setgħa li jeżaminaw kotba jew rekords jenħtieġ li tkopri l-forom kollha ta’ korrispondenza, inkluż messaġġi elettroniċi, irrispettivament minn jekk jidhirx li dawn għadhom ma nqrawx jew tħassru.

(33)

Sabiex jitnaqqas id-dewmien bla bżonn tal-ispezzjonijiet, l-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali tal-kompetizzjoni jenħtieġ li jkollhom is-setgħa li jkomplu jfittxu, u jagħżlu kopji jew siltiet minn kotba u rekords marbuta man-negozju tal-impriża jew tal-assoċjazzjoni ta’ impriżi li jkunu qed jiġu spezzjonati fil-binjiet tal-awtorità jew f’postijiet deżinjati oħra. Tali tfittxijiet jenħtieġ li jiżguraw ir-rispett dovut kontinwu tad-drittijiet tad-difiża tal-impriżi.

(34)

L-esperjenza turi li r-rekords ta’ negozju jistgħu jinżammu fid-djar tad-diretturi, il-maniġers u membri oħra tal-persunal tal-impriżi jew tal-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi, b’mod partikolari minħabba użu akbar ta’ arranġamenti tax-xogħol aktar flessibbli. Sabiex jiġi żgurat li l-ispezzjonijiet ikunu effettivi, l-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali tal-kompetizzjoni jenħtieġ li jkollhom is-setgħa li jidħlu fi kwalunkwe bini, inkluż djar privati, jekk jistgħu juri li jeżisti suspett raġonevoli li r-rekords tan-negozju li jistgħu jkunu rilevanti biex jagħtu prova tal-ksur tal-Artikolu 101 jew 102 TFUE qed jinżammu f’dak il-bini. L-eżerċizzju ta’ dik is-setgħa jenħtieġ li jkun soġġett għall-kisba mill-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali tal-kompetizzjoni tal-awtorizzazzjoni minn qabel minn awtorità ġudizzjarja nazzjonali, li tista’ tinkludi prosekutur pubbliku f’ċerti sistemi legali nazzjonali. Jenħtieġ li dan ma jimpedixxix lill-Istati Membri, f’każijiet ta’ urġenza estrema, mill jafdaw il-kompiti ta’ awtorità ġudizzjarja nazzjonali lil awtorità amministrattiva nazzjonali tal-kompetizzjoni li taġixxi bħala awtorità ġudizzjarja jew, eċċezzjonalment, milli jippermettu li tali spezzjonijiet jitwettqu bil-kunsens ta’ dawk soġġetti għall-ispezzjoni. […]”

14

L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Setgħa tal-ispezzjoni ta’ bini tan-negozju”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali tal-kompetizzjoni jkunu jistgħu jwettqu l-ispezzjonijiet għal għarrieda kollha meħtieġa tal-impriżi u tal-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi għall-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom, awtorizzati jew maħtura mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni biex iwettqu dawn l-ispezzjonijiet, ikollhom, bħala minimu, s-setgħa:

(a)

li jidħlu fi kwalunkwe bini, biċċa art, u mezz tat-trasport tal-impriżi u tal-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi;

(b)

li jeżaminaw il-kotba u rekords oħrajn marbuta man-negozju irrispettivament mill-mezz li fuqu jkunu maħżuna, u li jkollhom id-dritt ta’ aċċess għal kwalunkwe informazzjoni li tkun aċċessibbli għall-entità soġġetta għall-ispezzjoni;

(c)

li jieħdu jew jiksbu, fi kwalunkwe forma, kopji ta’, jew siltiet minn, tali kotba jew rekords u, fejn iqisu xieraq, li jkomplu jagħmlu tali tfittxijiet għall-informazzjoni u l-għażla ta’ kopji jew siltiet fil-bini tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jew fi kwalunkwe bini deżinjat ieħor;

[…]

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi u l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi jkunu meħtieġa joqogħdu għall-ispezzjonijiet msemmija fil-paragrafu 1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li meta impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi topponi spezzjoni li tkun ġiet ordnata minn awtorità amministrattiva nazzjonali tal-kompetizzjoni u/jew li tkun ġiet awtorizzata minn awtorità ġudizzjarja nazzjonali, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jkunu jistgħu jiksbu l-assistenza meħtieġa tal-pulizija jew ta’ awtorità ekwivalenti tal-infurzar sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-ispezzjoni. Assistenza bħal din tista’ tinkiseb ukoll bħala miżura ta’ prekawzjoni.

3.   Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti skont il-liġi nazzjonali għall-awtorizzazzjoni minn qabel għal spezzjonijiet bħal dawn minn awtorità ġudizzjarja nazzjonali.”

15

L-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Setgħa tal-ispezzjoni ta’ bini ieħor”, jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jekk ikun jeżisti suspett raġonevoli li kotba jew rekords oħrajn marbuta man-negozju u mas-suġġett tal-ispezzjoni, li jistgħu jkunu rilevanti sabiex jiġi ppruvat ksur tal-Artikolu 101 jew l-Artikolu 102 TFUE, ikunu qed jinżammu fi kwalunkwe bini, art jew mezz tat-trasport għajr dawk imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-Direttiva, inkluż id-djar ta’ diretturi, maniġers, u membri oħra tal-persunal tal-impriżi jew l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi, l-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali tal-kompetizzjoni jkunu jistgħu jwettqu spezzjonijiet għal għarrieda fit-tali bini, biċċa art u mezz tat-trasport.

2.   Spezzjonijiet bħal dawn ma għandhomx jitwettqu mingħajr l-awtorizzazzjoni minn qabel ta’ awtorità ġudizzjarja nazzjonali.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom, awtorizzati jew maħtura mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni biex iwettqu spezzjoni skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu bħala minimu jkollhom is-setgħat stipulati fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 6(2).”

16

Skont l-Artikolu 32 tal-istess Direttiva, “[l]-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tipi ta’ provi li huma ammissibbli bħala evidenza quddiem awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni jinkludu dokumenti, dikjarazzjonijiet bil-fomm, messaġġi elettroniċi, reġistrazzjonijiet u kull oġġett ieħor li jkun fih informazzjoni, irrispettivament mill-forma li tieħu u mill-mezz li fuqu tkun maħżuna l-informazzjoni.

Id-dritt Portuġiż

17

L-Artikolu 34 tal-Constituição da República Portuguesa (il-Kostituzzjoni tar-Repubblika Portugiża), intitolat “Invjolabbiltà tal-abitazzjoni u tal-korrispondenza”, jipprevedi:

“1.   L-abitazzjoni u s-sigriet tal-korrispondenza kif ukoll mezzi oħra ta’ komunikazzjoni privata huma invjolabbli.

[…]

4.   L-awtoritajiet pubbliċi huma pprojbiti milli jinterferixxu fil-korrispondenza, fit-telekomunikazzjonijiet jew fi kwalunkwe mezz ieħor ta’ komunikazzjoni, ħlief l-każijiet previsti mil-liġi dwar il-proċeduri kriminali.”

18

Il-lei n.o 19/2012 que aprova o novo regime da conrência, revogando as Leis n.os 18/2003, de 11 de junho, e 39/2006, de 25 de agosto, e procede à segunda alteração f’Lei n.o 2/99, de 13 de janeiro (il-Liġi Nru 19/2012 li tapprova s-Sistema l-Ġdida tal-Kompetizzjoni, li tirrevoka l-Liġijiet Nru 18/2003 tal‑11 ta’ Ġunju, u Nru 39/2006 tal‑25 ta’ Awwissu, u li tipproċedi għat-Tieni Emenda tal-Liġi Nru 2/99 tat‑13 ta’ Jannar), tat‑8 ta’ Mejju 2012 (Diário da República, l-Ewwel Serje, Nru 89) (iktar ’il quddiem il- “Liġi dwar il-Kompetizzjoni”), tipprovdi, fl-Artikolu 2(3) u (5) tagħha:

“3.   Din il-Liġi għandha tiġi interpretata b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni Ewropea u fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, inkluż fil-qasam ta’ dawk il-prattiki antikompetittivi li ma humiex tali li jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

[…]

5.   Fil-kuntest tal-Artikoli 101 u 102 [TFUE], l-applikazzjoni ta’ din il-liġi tosserva l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea u tal-[Karta].”

19

Skont l-Artikolu 18 ta’ din il-liġi:

“1.   Fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħha ta’ sanzjoni, l-Awtorità tal-kompetizzjoni għandha tingħata d-drittijiet li ġejjin, permezz tal-korpi jew tal-uffiċjali tagħha:

[…]

c)

twettaq, fil-binjiet, fl-artijiet jew fil-mezzi ta’ trasport ta’ impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ impriżi, operazzjonijiet ta’ tfittxija, ta’ eżami, ta’ rkupru u ta’ sekwestru ta’ siltiet minn kitbiet u ta’ dokumenti oħra, ikun xi jkun il-mezz tagħhom, kull meta tali passi jirriżultaw meħtieġa sabiex tinkiseb prova;

[…]

2.   Il-proċeduri previsti fil-punti (c) u (d) tal-paragrafu preċedenti huma suġġetti għall-awtorizzazzjoni tal-awtorità ġudizzjarja kompetenti.

[…]”

20

L-Artikolu 20(1) tal-imsemmija liġi jipprovdi li s-sekwestru ta’ dokumenti, tkun xi tkun in-natura jew il-mezz tagħhom, huma awtorizzati, ordnati jew ivvalidati permezz ta’ deċiżjoni tal-awtorità ġudizzjarja.

21

L-Artikolu 20(6) tal-istess liġi jipprevedi li, fil-każ ta’ sekwestru f’banek jew f’istituzzjonijiet ta’ kreditu oħra ta’ dokumenti koperti mis-sigriet bankarju, hija meħtieġa l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-qorti istruttorja.

22

Fil-verżjoni inizjali tiegħu, l-Artikolu 21 tal-Liġi dwar il-Kompetizzjoni kien ifformulat kif ġej:

“Għandhom kompetenza għall-finijiet tal-awtorizzazzjoni tal-proċeduri previsti fil-punti (c) u (d) tal-Artikolu 18(1), fl-Artikolu 19 u fl-Artikolu 20, l-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-ġurisdizzjoni fejn hi rreġistrata l-Awtorità tal-Kompetizzjoni jew, jekk dan ikun espressament previst, il-qorti istruttorja tal-istess ġurisdizzjoni.”

23

L-Artikolu 21 tal-Liġi dwar il-Kompetizzjoni, kif emendata bil-lei n.o17/2022 (il-Liġi Nru 17/2022), tas‑17 ta’ Awwissu 2022, jipprevedi:

“L-awtorità ġudizzjarja kompetenti tal-ġurisdizzjoni fejn hi rreġistrata l-Awtorità tal-Kompetizzjoni hija awtorizzata tawtorizza l-proċeduri previsti fil-punti (a) sa (d) tal-Artikolu 18(1), fl-Artikolu 19 u fl-Artikolu 20.”

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

24

L-Awtorità tal-Kompetizzjoni fetħet investigazzjonijiet f’numru ta’ setturi ekonomiċi fil-Portugall bil-għan li tiddetermina l-eżistenza ta’ prattiki antikompetittivi kuntrarji, b’mod partikolari, għall-Artikoli 101 u 102 TFUE. B’mod iktar partikolari, dawn l-investigazzjonijiet kienu jikkonċernaw, rispettivament, prattika miftiehma potenzjali bejn impriżi li taw lok għal żieda fil-prezzijiet waqt il-provvista ta’ servizzi ta’ teleradjoloġija lil sptarijiet li jagħmlu parti mis-servizz nazzjonali tas-saħħa (Kawża C‑258/23), akkordju potenzjali relatat mal-prezz tat-testijiet “Covid‑19” mitluba mingħand l-awtoritajiet tas-saħħa pubblika Portugiżi (Kawża C‑259/23) u suspett ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti fil-qasam tal-ipproċessar tal-pagamenti (Kawża C‑260/23).

25

F’dan il-kuntest, l-Awtorità tal-Kompetizzjoni qieset li kien neċessarju li twettaq spezzjonijiet fil-bini tal-kumpanniji IMI – Imagens Médicas Integradas S. A. u Synlabhealth II S. A. kif ukoll tal-grupp SIBS (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti fil-kawża prinċipali”), għall-finijiet ta’ eżami, ta’ ġbir u ta’ sekwestru ta’ provi. It-talbiet indirizzati lill-awtorità ġudizzjarja kompetenti, jiġifieri l-Uffiċċju tal-Prosekutur Portugiż, sabiex tinkiseb l-awtorizzazzjoni minn qabel sabiex jitwettqu dawn l-ispezzjonijiet intlaqgħu.

26

Skont il-mandati maħruġa mill-Uffiċċju tal-Prosekutur, l-Awtorità tal-Kompetizzjoni kienet awtorizzata tipproċedi, minn naħa, għas-sekwestru tad-dokumenti kollha direttament jew indirettament marbuta ma’ prattiki antikompetittivi, b’mod partikolari ittri elettroniċi u dokumenti interni intiżi għall-komunikazzjoni ta’ informazzjoni bejn livelli ġerarkiċi differenti u għat-tħejjija ta’ deċiżjonijiet fil-qasam tal-politika kummerċjali tal-impriżi, u, min-naħa l-oħra, għall-eżami u għall-kopja tal-informazzjoni li jkun fihom. F’dak li jirrigwarda speċifikament il-miżuri ta’ spezzjoni previsti fir-rigward ta’ IMI u ta’ Synlabhealth II, dawn il-mandati kienu jeskludu s-sekwestru ta’ provi fil-bini ddedikat għall-kura tas-saħħa u għall-arkivjar ta’ dokumenti koperti mis-sigriet mediku.

27

Matul l-ispezzjonijiet imwettqa, minn Jannar 2021 sa Marzu 2022, fil-bini tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, l-Awtorità tal-Kompetizzjoni eżaminat il-posta elettronika tal-impjegati ta’ dawn l-impriżi u wettqet is-sekwestru ta’ fajls informatiċi kkunsidrati bħala rilevanti għall-finijiet tal-investigazzjonijiet tagħha. Għalhekk, ġew issekwestrati 1405, 731 u 10797 fajls informatiċi rispettivament.

28

L-imsemmija impriżi kkontestaw il-legalità ta’ dawn l-ispezzjonijiet quddiem it-Tribunal da Concorrência, Regulação e Supervisão (il-Qorti tal-Kompetizzjoni, ta’ Regolamentazzjoni u ta’ Sorveljanza, il-Portugall), li hija l-qorti tar-rinviju.

29

Din il-qorti tirrileva li l-Liġi dwar il-Kompetizzjoni tagħti lill-Awtorità tal-Kompetizzjoni s-setgħa li tissekwestra dokumenti, irrispettivament mill-mezz tagħhom, bil-kundizzjoni li tkun ingħatat awtorizzazzjoni minn qabel mill-Uffiċċju tal-Prosekutur. L-imsemmija qorti tirrileva wkoll li, skont l-Artikolu 20 tal-Liġi dwar il-Kompetizzjoni, awtorizzazzjoni minn qabel mogħtija minn qorti hija meħtieġa biss f’ċerti każijiet, jiġifieri meta l-awtorizzazzjoni tirrigwarda spezzjonijiet imwettqa fid-dar ta’ persuna fiżika, fi stabbiliment bankarju, f’uffiċċju tal-avukati jew inkella fi klinika medika.

30

Skont l-istess qorti, id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi jagħmlu parti mil-loġika sottostanti għad-dritt kriminali, jiġifieri li l-intervent ta’ qorti istruttorja huwa neċessarju meta mezz li jippermetti li jinkisbu provi jista’ jikser drittijiet fundamentali, filwaqt li, fil-każijiet l-oħra, l-approvazzjoni ta’ spezzjoni mill-Uffiċċju tal-Prosekutur, bħala awtorità ġudizzjarja kompetenti, titqies li hija suffiċjenti.

31

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tindika, qabel kollox, li, skont il-ġurisprudenza tal-qrati Portugiżi kompetenti f’dan il-qasam, spezzjoni fi ħdan impriża sabiex tinvestiga l-eżistenza ta’ prattiki antikompetittivi ma tistax tippreġudika d-drittijiet fundamentali. B’mod partikolari, il-messaġġi tal-impjegati ta’ din l-impriża ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala “korrispondenza”, protetta mill-Artikolu 7 tal-Karta, meta jiġu trażmessi permezz tal-indirizz tal-mailbox elettroniku kondiviż tagħha.

32

Sussegwentement, din il-qorti tirreferi għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1/2003, dwar is-setgħat investigattivi tal-Kummissjoni. Hija tirrileva li, bis-saħħa tal-Artikolu 20 ta’ dan ir-regolament, hija tista’ twettaq l-ispezzjonijiet kollha neċessarji tal-impriżi u tal-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi, u tikkontrolla, f’dan il-kuntest, il-kotba kif ukoll kull “dokument professjonali” ieħor, ikun xi jkun il-mezz tagħhom. Bis-saħħa tal-Artikolu 21 tal-imsemmi regolament, spezzjonijiet f’bini ieħor, bħar-residenza tal-kapijiet ta’ impriżi, tad-diretturi u tal-membri tal-persunal, huma wkoll possibbli, iżda jeħtieġu l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-awtorità ġudizzjarja kompetenti. Barra minn hekk, il-premessa 26 tal-istess regolament tikklassifika d-dokumenti li jinsabu fil-mailboxes elettroniċi tal-impriżi bħala “dokumenti professjonali”.

33

Ulterjorment, il-qorti tar-rinviju ssemmi d-Direttiva 2019/1, dwar is-setgħat tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri. Mill-premessi 30 u 32 kif ukoll mill-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva jirriżulta li dawn l-awtoritajiet għandhom ikunu awtorizzati jiksbu l-informazzjoni kollha dwar l-impriża kkonċernata minn miżura investigattiva, indipendentement mill-mezz li fuqu din l-informazzjoni tkun maħżuna. Għal dan l-għan, l-imsemmija awtoritajiet għandhom ikunu jistgħu jissekwestraw il-forom kollha ta’ korrispondenza, inklużi l-messaġġi elettroniċi.

34

Din il-qorti tirrileva, barra minn hekk, li, bis-saħħa tal-Artikolu 2(3) u (5) tagħha, il-Liġi dwar il-Kompetizzjoni għandha tiġi interpretata b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni, inkluż fir-rigward ta’ prattiki antikompetittivi li ma humiex tali li jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Barra minn hekk, fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn l-aħħar dispożizzjonijiet, l-applikazzjoni ta’ din il-liġi għandha ssir fl-osservanza tal-Karta.

35

Fl-aħħar nett, l-imsemmija qorti ssostni li d-dokumenti inkwistjoni f’dawn il-kawżi jikkonċernaw l-attività kummerċjali tal-impriżi milquta mill-miżuri ta’ spezzjoni. F’dan il-każ, kwalunkwe posta elettronika hija ta’ natura istituzzjonali, peress li hija l-proprjetà esklużiva ta’ dawn l-impriżi, li jimponu unilateralment fuq l-impjegati tagħhom il-kundizzjonijiet għall-użu ta’ dan il-mezz ta’ komunikazzjoni matul il-perijodu tar-relazzjoni funzjonali li torbothom. Barra minn hekk, konformement mar-regoli interni tal-imsemmija impriżi, tali posta elettronika hija limitata għal użu funzjonali. L-użu tiegħu għal finijiet personali u għal finijiet li jaqgħu taħt il-ħajja privata tal-impjegat huwa, għaldaqstant, ipprojbit.

36

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu, min-naħa l-oħra, li l-posta elettronika tal-impjegati tagħhom għandha tiġi protetta bħala “korrispondenza” u li tali dokumenti ma jistgħux jiġu ssekwestrati fil-kuntest ta’ investigazzjoni dwar prattiki antikompetittivi pprojbiti mill-Artikoli 101 u 102 TFUE. Sussidjarjament, huma jsostnu li s-sekwestru ta’ dawn l-ittri teħtieġ, fi kwalunkwe każ, l-awtorizzazzjoni minn qabel ta’ qorti istruttorja.

37

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li, f’kull waħda mill-kawżi mressqa quddiemha, it-Tribunal da Concorrência, Regulação e Supervisão (il-Qorti tal-Kompetizzjoni, ta’ Regolamentazzjoni u ta’ Sorveljanza) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Id-dokumenti professjonali inkwistjoni, trażmessi permezz tal-posta elettronika, huma ‘korrispondenza’ skont l-Artikolu 7 tal-[Karta]?

2)

L-Artikolu 7 tal-Karta jipprekludi s-sekwestru ta’ dokumentazzjoni professjonali, li tirriżulta minn komunikazzjonijiet stabbiliti bejn amministraturi [diretturi] u kollaboraturi [impjegati] ta’ impriżi permezz ta’ indirizzi ta’ posta elettronika, meta tkun inkwistjoni investigazzjoni ta’ ftehim u prattiki pprojbiti mill-Artikolu 101 TFUE (li kien l-Artikolu 81 KE)?

3)

L-Artikolu 7 tal-Karta jipprekludi s-sekwestru ta’ tali dokumentazzjoni professjonali, permezz ta’ awtorizzazzjoni minn qabel tal-awtorità ġudizzjarja, in casu, il-Ministério Público (l-Uffiċċju tal-Prosekutur), li l-kompetenzi tiegħu huma li jirrappreżenta lill-Istat, li jiddefendi l-interessi ddeterminati mil-liġi, li jeżerċita l-azzjoni kriminali fid-dawl tal-prinċipju ta’ legalità u li jiddefendi l-legalità demokratika, skont il-Kostituzzjoni [tar-Repubblika Portugiża] u li jaġixxi b’mod awtonomu mill-organi l-oħra ta’ poter ċentrali, reġjonali u lokali?”

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

38

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Ġunju 2023, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda, skont l-Artikolu 54(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jgħaqqad il-Kawżi C‑258/23, C‑259/23 u C‑260/23 għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali kif ukoll tas-sentenza.

39

Fil‑5 ta’ Marzu 2024, dawn il-kawżi magħquda ġew assenjati lir-Raba’ Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex hija tiddeċiedi mingħajr seduta għas-sottomissjonijiet orali, iżda bil-benefiċċju ta’ talbiet speċifiċi dwar it-tielet domanda preliminari.

40

Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fl‑20 ta’ Ġunju 2024, peress li l-fażi orali tal-proċedura sussegwentement ingħalqet.

41

Fid‑9 ta’ Ottubru 2024, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, minħabba t-tluq tal-Imħallef Relatur minħabba t-tmiem tal-mandat tiegħu, li tassenja mill-ġdid dawn il-kawżi magħquda lil Imħallef Relatur ġdid.

42

Billi qieset, b’mod partikolari, li l-kwistjoni dwar l-implikazzjonijiet tas-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Bezirkshauptmannschaft Landeck (Tentattiv ta’ aċċess għad-data personali maħżuna fuq telefon ċellulari) (C‑548/21, EU:C:2024:830), għar-risposta għat-tielet domanda preliminari magħmula f’kull waħda minn dawn il-kawżi kien jistħoqqilha l-attenzjoni ta’ kulleġġ ġudikanti estiż, ir-Raba’ Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 60(3) tar-Regoli tal-Proċedura, talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tibgħat dawn il-kawżi quddiem l-Awla Manja.

43

Fit‑18 ta’ Marzu 2025, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tibgħat l-imsemmija kawżi quddiem l-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja u fetħet mill-ġdid il-fażi orali tal-proċedura.

Fuq l-ammissibbiltà

44

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kkontestaw l-ammissibbiltà tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari fl-intier tagħhom.

45

Fl-ewwel lok, huma jsostnu, essenzjalment, li dawn it-talbiet ma jissodisfawx ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u li d-domandi magħmula huma irrilevanti.

46

Qabel kollox, fil-Kawża C‑258/23, IMI tqis li l-qorti tar-rinviju naqset milli tipprovdi lill-Qorti tal-Ġustizzja l-elementi neċessarji sabiex tifhem il-kuntest fattwali u ġuridiku tal-kawża prinċipali, kif ukoll milli tesponi l-kwistjonijiet legali li hija tqajjem. B’mod partikolari, hija ssostni li, peress li l-qorti tar-rinviju ma ressqitx għall-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja s-sentenza Nru 91/2023 tat-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Portugall) tas‑16 ta’ Marzu 2023, Kawża Nru 559/2020, li permezz tagħha din tal-aħħar iddikjarat bħala antikostituzzjonali r-regola li l-Awtorità tal-Kompetizzjoni hija awtorizzata tipperkwiżixxi u tissekwestra posta elettronika miftuħa bil-kunsens tal-Uffiċċju tal-Prosekutur, ma huwiex iggarantit li r-risposta li ser tingħata mill-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi magħmula tkun kemm jista’ jkun kompleta u utli. Sussegwentement, fil-Kawża C‑259/23, Synlabhealth II tqis ukoll li t-talba għal deċiżjoni preliminari tonqos milli ssemmi diversi fatti essenzjali għall-komprensjoni tal-kawża prinċipali, tad-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli kif ukoll tar-rabta li teżisti bejn dawn tal-aħħar u d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li tagħhom qed tintalab l-interpretazzjoni. Fl-aħħar nett, fil-Kawża C‑260/23, il-kumpanniji tal-grupp SIBS isostnu li d-domandi magħmula huma irrilevanti fir-rigward tas-suġġett ta’ din it-tilwima, li jfisser li għandha ssir evalwazzjoni tal-legalità tal-miżuri inkwistjoni fid-dawl tad-dritt Portugiż, u mhux tal-Karta.

47

Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha titressaq il-kawża u li hija responsabbli għad-deċiżjoni ġudizzjarja konsegwenti, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta tiddeċiedi (sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2023, Lin, C‑107/23 PPU, EU:C:2023:606, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

Minn dan isegwi li d-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2023, Lin, C‑107/23 PPU, EU:C:2023:606, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49

Għandu jitfakkar ukoll, skont ġurisprudenza stabbilita, li issa hija riflessa fl-Artikolu 94(a) u (b) tar-Regoli tal-Proċedura, li n-neċessità li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali teħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi magħmula mill-qorti nazzjonali jew, tal-inqas, tispjega l-ipoteżijiet fattwali li fuqhom huma bbażati dawn id-domandi. Barra minn hekk, huwa indispensabbli, kif jiddikjara l-Artikolu 94(c), ta’ dan ir-regolament, li t-talba għal deċiżjoni preliminari tinkludi espożizzjoni tar-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50

Barra minn hekk, l-informazzjoni pprovduta fid-deċiżjoni tar-rinviju ma għandhiex biss tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposti utli, iżda għandha wkoll tagħti lill-Gvernijiet tal-Istati Membri kif ukoll lill-partijiet l-oħra kkonċernati l-possibbiltà li jressqu osservazzjonijiet konformement mal-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51

F’dan il-każ, it-talbiet għal deċiżjoni preliminari jinkludu biżżejjed elementi sabiex jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja tifhem kemm il-kuntest ġuridiku u fattwali tal-kawżi prinċipali kif ukoll is-sens u l-portata tad-domandi preliminari magħmula. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju ppreċiżat ir-raġunijiet li wassluha tressaq dawn it-talbiet lill-Qorti tal-Ġustizzja u r-rabta li, fil-fehma tagħha, teżisti bejn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, inklużi dawk tal-Karta, indikati fl-imsemmija talbiet, u dawk tad-dritt Portugiż applikabbli għal dan it-tilwim.

52

F’dan ir-rigward, mit-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li dawn huma intiżi li jiksbu kjarifika mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-portata tal-protezzjoni offruta mill-Artikolu 7 tal-Karta kontra l-miżuri ta’ sekwestru ta’ dokumenti professjonali li jirriżultaw minn komunikazzjonijiet permezz ta’ posta elettronika bejn diretturi u impjegati ta’ impriżi, f’kuntest li jaqa’ taħt l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, tal-Artikoli 101 u 102 TFUE.

53

L-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha tagħti lid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija fit-talbiet għal deċiżjoni preliminari jkollha influwenza fuq l-eżami, mill-qorti tar-rinviju, tal-legalità tas-sekwestri ta’ dokumenti mwettqa mill-Awtorità tal-Kompetizzjoni fl-assenza ta’ awtorizzazzjoni minn qabel maħruġa minn qorti.

54

Barra minn hekk, kemm il-kontenut tal-osservazzjonijiet bil-miktub kif ukoll il-kontenut tal-interventi magħmula waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali juri l-fatt li l-persuni kkonċernati ma kellhom ebda diffikultà sabiex jikkonċepixxu l-kuntest fattwali u legali tad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, sabiex jifhmu s-sens u l-portata tad-dikjarazzjonijiet fattwali li fuqhom huma bbażati, sabiex jieħdu konjizzjoni tar-raġunijiet li għalihom il-qorti tar-rinviju qieset li kien neċessarju li tagħmilhom kif ukoll, fl-aħħar mill-aħħar, sabiex jieħdu pożizzjoni b’mod komplet u utli dwar dan is-suġġett.

55

Għaldaqstant, l-ewwel motiv ta’ inammissibbiltà mqajjem mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali għandu jiġi miċħud.

56

Fit-tieni lok, fil-Kawża C‑259/23, Synlabhealth II issostni li, f’dan il-każ, l-Awtorità tal-Kompetizzjoni marret lil hinn mil-limiti tal-mandat maħruġ mill-Uffiċċju tal-Prosekutur meta wettqet l-ispezzjonijiet u s-sekwestri fil-bini ta’ din il-kumpannija u li din tal-aħħar ma nstemgħetx dwar id-domandi preliminari magħmula, bi ksur tar-rekwiżiti proċedurali previsti mid-dritt Portugiż – raġuni li għaliha hija ppreżentat rikors kontra d-deċiżjoni tar-rinviju. Peress li ċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża għadhom ma ġewx stabbiliti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrifjuta li tiddeċiedi jew, tal-inqas, tissospendi l-proċedura sakemm tingħata d-deċiżjoni mit-Tribunal da Relação de Lisboa (il-Qorti tal-Appell ta’ Liżbona, il-Portugall) fil-kuntest tal-appell mid-deċiżjoni ta’ rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-kawża C‑260/23, il-kumpanniji tal-grupp SIBS isostnu wkoll li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari sar fi żmien meta l-fatti tal-kawża prinċipali la kienu għadhom ġew stabbiliti u lanqas ma kienu għadhom ġew diskussi.

57

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddeċiedi f’liema stadju tal-proċedura hemm lok, għaliha, li tressaq domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2008, Coleman, C‑303/06, EU:C:2008:415, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58

Għalhekk, ladarba l-Qorti tal-Ġustizzja tinsab adita b’talba għall-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tkunx manifestament mingħajr rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali u ladarba jkollha l-informazzjoni neċessarja sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha, hija għandha tirrispondi dawn id-domandi mingħajr ma tkun meħtieġa tevalwa hija stess il-preżunzjoni ta’ fatti li fuqhom ibbażat ruħha l-qorti tar-rinviju – preżunzjoni li sussegwentement ikollha tiġi vverifikata minn din tal-aħħar, jekk jirriżulta li dan ikun neċessarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2008, Coleman, C‑303/06, EU:C:2008:415, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59

Għaldaqstant, it-tieni motiv ta’ inammissibbiltà mqajjem mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali għandu wkoll jiġi miċħud.

60

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, id-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju huma ammissibbli.

Fuq il-mertu

61

Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta, fir-rigward tal-azzjoni tal-Istati Membri, huwa definit fl-Artikolu 51(1) tagħha, li skontu d-dispożizzjonijiet tal-Karta japplikaw għall-Istati Membri biss meta dawn jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni. Din id-dispożizzjoni tikkonferma l-ġurisprudenza stabbilita li tgħid li d-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni huma intiżi li jiġu applikati fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni, iżda mhux barra minn tali sitwazzjonijiet (ara s-sentenzi tas‑26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 19, kif ukoll tas‑6 ta’ Marzu 2025, D. K. (Żvestiment ta’ Mħallef), C‑647/21 u C‑648/21, EU:C:2025:143, punt 38).

62

Peress li l-kawżi prinċipali jirrigwardaw il-kwistjoni tar-rispett tad-drittijiet fundamentali waqt l-ispezzjonijiet imwettqa minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet għal ksur tal-Artikoli 101 u 102 TFUE u, għaldaqstant, sitwazzjonijiet ta’ implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet tal-Karta huma applikabbli.

Fuq l-ewwel domanda

63

Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7 tal-Karta għandux jiġi interpretat fis-sens li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “komunikazzjonijiet”, fis-sens ta’ dan l-artikolu, posta elettronika ta’ natura professjonali, skambjata bejn l-impjegati u d-diretturi ta’ impriża permezz tal-mailbox elettronika tagħha.

64

Fil-fatt, għandu jiġi ppreċiżat li, minkejja li l-qorti tar-rinviju semmiet il-kunċett ta’ “korrispondenza”, dan l-artikolu issa jirreferi għal dak ta’ “komunikazzjonijiet”. Kif jirriżulta mill-iSpjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17), il-kelma il-kelma “korrispondenza” ġiet sostitwita b’“komunikazzjonijiet” sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-iżvilupp tekniku.

65

Mill-Artikolu 52(3) tal-Karta jirriżulta li, sa fejn din tinkludi drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), is-sens u l-portata tagħhom għandhom ikunu l-istess bħal dawk mogħtija lilhom mill-KEDB. Madankollu, din id-dispożizzjoni ma tipprekludix li d-dritt tal-Unjoni jagħti protezzjoni iktar estensiva.

66

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 7 tal-Karta, dwar id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, jinkludi drittijiet li jikkorrispondu għal dawk iggarantiti mill-Artikolu 8(1) tal-KEDB. Għaldaqstant, konformement mal-Artikolu 52(3) tal-Karta, jeħtieġ li l-Artikolu 7 jingħata l-istess tifsira u l-istess portata bħal dawk mogħtija lill-Artikolu 8(1) tal-KEDB, kif interpretat mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Ottubru 2010, McB., C‑400/10 PPU, EU:C:2010:582, punt 53; tal‑15 ta’ Novembru 2011, Dereci et, C‑256/11, EU:C:2011:734, punt 70, kif ukoll tas‑17 ta’ Diċembru 2015, WebMindLicenses, C‑419/14, EU:C:2015:832, punt 70).

67

Issa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jirriżulta li l-komunikazzjonijiet li joriġinaw minn bini professjonali, l-istess bħal dawk li joriġinaw mid-dar, jistgħu jiġu inklużi fil-kunċetti ta’ “ħajja privata” u ta’ “korrispondenza” msemmija fl-Artikolu 8 tal-KEDB. Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ippreċiżat li, sabiex jiġi ddeterminat jekk dawn il-kunċetti humiex applikabbli, l-aspettattivi raġonevoli fil-qasam tal-protezzjoni u tar-rispett tal-ħajja privata kienu kriterju importanti iżda mhux neċessarjament deċiżiv (ara l-Qorti EDB, 5 ta’ Settembru 2017, Bărbulescu vs Ir‑Rumanija, CE:ECHR:2017:0905JUD006149608, § 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68

Għalhekk, peress li l-interċettazzjonijiet ta’ telekomunikazzjonijiet jikkostitwixxu ndħil fl-eżerċizzju tad-dritt iggarantit mill-Artikolu 8(1) tal-KEDB, dawn jikkostitwixxu wkoll limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-dritt korrispondenti stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta (sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2015, WebMindLicenses, C‑419/14, EU:C:2015:832, punt 71).

69

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li l-istess japplika għas-sekwestru ta’ ittri elettroniċi mwettaq matul spezzjonijiet f’bini professjonali jew kummerċjali ta’ persuna fiżika jew fil-bini ta’ kumpannija kummerċjali, li jikkostitwixxu wkoll indħil fl-eżerċizzju tad-dritt iggarantit fl-Artikolu 8 tal-KEDB (sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2015, WebMindLicenses, C‑419/14, EU:C:2015:832, punt 72).

70

Barra minn hekk, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 31 tal-konklużjonijiet ippreżentati fl‑20 ta’ Ġunju 2024, il-klassifikazzjoni tal-posta elettronika bħala “korrispondenza”, fis-sens tal-Artikolu 8(1) tal-KEDB, u, għaldaqstant, bħala “komunikazzjonijiet”, fis-sens tal-Artikolu 7 tal-Karta, hija indipendenti miċ-ċirkustanza li dawn l-ittri kienu diġà ġew irċevuti mid-destinatarju tagħhom, irrispettivament minn jekk ikunux inqraw, ma jkunux inqraw jew ikunu tħassru, indipendenti mill-fatt li l-komunikazzjoni tkun intbagħtet minn bini jew minn tagħmir professjonali (Qorti EDB, 11 ta’ Jannar 2024, Arregui vs Spanja, CE:ECHR:2024:0111JUD004254118, § 31 u l-ġurisprudenza ċċitata), jew permezz ta’ mailbox elettroniku professjonali (Qorti EDB, 3 ta’ April 2007, Copland vs Ir-Renju Unit, CE:ECHR:2007:0403JUD006261700, § 41 u 42), jew l-indirizz tal-mittent jew tad-destinatarju jkun dak ta’ persuna ġuridika (Qorti EDB, 14 ta’ Marzu 2013, Bernh Larsen Holding AS et vs In-Norveġja, CE:ECHR:2013:0314JUD002411708, § 106), jew, ulterjorment, indipendenti mill-kwistjoni dwar jekk il-kontenut tagħhom huwiex ta’ natura privata jew le (Qorti EDB, 16 ta’ Diċembru 1992, Niemietz vs Il‑Ġermanja, CE:ECHR:1992:1216JUD001371088, § 32 in fine).

71

Għalhekk, il-fatt li, fid-dawl tal-forma jew tal-kontenut tagħha, posta elettronika tista’ tiġi kklassifikata bħala “professjonali” ma jippermettix li din tiġi mċaħħda mill-protezzjoni li l-Artikolu 7 tal-Karta jiggarantixxi lill-komunikazzjonijiet. F’dan ir-rigward, fis-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tal‑5 ta’ Settembru 2017, Bărbulescu vs Ir‑Rumanija (CE:ECHR:2017:0905JUD006149608, punt 74), dwar kawża li fiha messaġġi privati kienu ntbagħtu minn kompjuter professjonali, ġie ppreċiżat li regola stabbilita mill-persuna li timpjega li timponi fuq l-impjegati l-obbligu li jastjenu minn kull attività personali fuq il-post tax-xogħol tagħhom u li tipprojbixxihom milli jużaw ir-riżorsi tal-impriża għal finijiet personali kienet irrilevanti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni bħala “korrispondenza” skont l-Artikolu 8(1) tal-KEDB.

72

Fl-aħħar nett, din il-protezzjoni testendi wkoll għad-data personali ġġenerata mit-traffiku ta’ tali posta elettronika ta’ natura professjonali, li hija wkoll protetta mill-Artikolu 8 tal-Karta (Qorti EDB, 16 ta’ Ottubru 2007, Wieser u Bicos Beteiligungen GmbH vs L-Awstrija, CE:ECHR:2007:1016JUD007433601, § 45).

73

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 7 tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li posta elettronika ta’ natura professjonali, skambjata bejn l-impjegati u d-diretturi ta’ impriża permezz tal-mailbox elettronika tagħha, taqa’ taħt il-kunċett ta’ “komunikazzjonijiet”, fis-sens ta’ dan l-artikolu.

Fuq it-tieni u t-tielet domandi

74

Permezz tat-tieni u t-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 7 tal-Karta għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi s-sekwestru, awtorizzat minn qabel minn awtorità ġudizzjarja, bħall-Prosekutur Pubbliku Portugiż, li huwa awtonomu u inkarigat b’mod partikolari li jeżerċita, f’isem l-interess pubbliku, l-azzjoni kriminali kif ukoll li jiddefendi l-legalità demokratika, ta’ posta elettronika ta’ natura professjonali, skambjata bejn l-impjegati u d-diretturi ta’ impriża, waqt spezzjoni mwettqa minn awtorità tal-kompetizzjoni fil-kuntest ta’ investigazzjoni dwar ksur tal-Artikolu 101 jew tal-Artikolu 102 TFUE.

75

Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta li tkun utli għaliha u li tippermettilha tiddeċiedi l-kawża li jkollha quddiemha. Fid-dawl ta’ dan, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li, jekk ikun il-każ, għandha tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu sarulha. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tieħu inkunsiderazzjoni regoli tad-dritt tal-Unjoni li għalihom il-qorti nazzjonali ma tkunx għamlet riferiment fil-formulazzjoni tad-domandi tagħha (sentenzi tal‑20 ta’ Marzu 1986, Tissier, 35/85, EU:C:1986:143, punt 9, u tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Bezirkshauptmannschaft Landeck (Tentattiv ta’ aċċess għad-data personali maħżuna fuq telefon ċellulari), C‑548/21, EU:C:2024:830, punt 60).

76

Effettivament, il-fatt li, formalment, qorti nazzjonali tkun, formalment, ifformulat domanda preliminari billi rreferiet għal ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdi lil din il-qorti l-punti kollha ta’ interpretazzjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li titressaq quddiemha, irrispettivament minn jekk għamlitx riferiment għalihom jew le fil-formulazzjoni tad-domandi tagħha. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tislet, mill-elementi kollha pprovduti mill-imsemmija qorti, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ rinviju, l-elementi tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima (sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Bezirkshauptmannschaft Landeck (Tentattiv ta’ aċċess għad-data personali maħżuna fuq telefon ċellulari), C‑548/21, EU:C:2024:830, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

77

F’dan il-każ, permezz tat-tieni u t-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-legalità ta’ sekwestri ta’ posta elettronika, skambjati bejn l-impjegati u d-diretturi ta’ impriża, imwettqa fl-okkażjoni ta’ spezzjonijiet magħmula mill-Awtorità tal-Kompetizzjoni fil-bini professjonali jew kummerċjali ta’ din l-impriża fil-kuntest ta’ investigazzjoni għal ksur tal-Artikoli 101 jew 102 TFUE. B’mod iktar preċiż, din il-qorti tistaqsi jekk tali sekwestri jistgħux jiġu awtorizzati minn awtorità ġudizzjarja, bħall-Prosekutur Pubbliku Portugiż, jew jekk dawn jirrikjedux neċessarjament l-awtorizzazzjoni minn qabel ta’ qorti.

78

Għalkemm il-qorti tar-rinviju tillimita ruħha sabiex tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7 tal-Karta, li jirrikonoxxi lil kull persuna d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħha, ta’ darha u tal-komunikazzjonijiet tagħha, f’tali kuntest, għandu jiġi rrilevat li d-dokumenti koperti mis-sekwestri inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħu jikkonċernaw mhux biss “komunikazzjonijiet”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 7, iżda wkoll data personali, protetta mill-Artikolu 8 tal-Karta. Il-fatt li l-informazzjoni miġbura tidħol fil-kuntest ta’ attività professjonali ma huwiex tali li jipprekludilha l-klassifikazzjoni bħala data personali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ April 2025, Ministerstvo zdravotnictví (Data dwar ir-rappreżentant ta’ persuna ġuridika), C‑710/23, EU:C:2025:231, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

79

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar ukoll li filwaqt li d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali huwa marbut mill-qrib mad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja stabbilit mill-Artikolu 7 tal-Karta, huwa jikkomplementah (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke u Eifert, C‑92/09 u C‑93/09, EU:C:2010:662, punt 47, kif ukoll tat‑18 ta’ Diċembru 2025, Storstock holms Lokaltrafik, C‑422/24, EU:C:2025:980, punt 40).

80

F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, jeħtieġ li jiġu fformulati mill-ġdid it-tieni u t-tielet domanda preliminari u li jitqies li, permezz tagħhom, dik il-qorti tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu s-sekwestru, mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel maħruġa minn qorti, ta’ posta elettronika skambjata bejn l-impjegati u d-diretturi ta’ impriża, waqt spezzjoni mwettqa minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni fil-bini professjonali jew kummerċjali ta’ impriżi ssuspettati li wettqu ksur tal-Artikolu 101 jew tal-Artikolu 102 TFUE.

81

Fir-rigward tal-portata tad-drittijiet irrikonoxxuti mill-Karta, għandu jitfakkar li d-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tagħha ma jidhrux li huma prerogattivi assoluti, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-dawl tal-funzjoni tagħhom fis-soċjetà (sentenzi tal‑21 ta’ Ġunju 2022, Ligue des droits humains, C‑817/19, EU:C:2022:491, punt 112, kif ukoll tat‑22 ta’ Novembru 2022, Luxembourg Business Registers, C‑37/20 u C‑601/20, EU:C:2022:912, punt 45).

82

Fil-fatt, l-Artikolu 52(1) tal-Karta jaċċetta li jistgħu jsiru limitazzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ drittijiet, bħal dawk stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tagħha, sakemm dawn il-limitazzjonijiet ikunu previsti mil-liġi, josservaw il-kontenut essenzjali ta’ dawn id-drittijiet u libertajiet u li, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ikunu neċessarji u jissodisfaw effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor (sentenzi tad‑9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke u Eifert, C‑92/09 u C‑93/09, EU:C:2010:662, punt 50, kif ukoll tat‑8 ta’ Diċembru 2022, Google (Tneħħija ta’ referenza ta’ kontenut allegatament ineżatt), C‑460/20, EU:C:2022:962, punt 57).

83

F’dan il-każ, għandu jitqies li s-sekwestru ta’ posta elettronika mwettaq matul spezzjonijiet f’bini professjonali jew kummerċjali ta’ persuna fiżika jew fil-bini ta’ kumpannija kummerċjali jikkostitwixxu limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-dritt għall-ħajja privata stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2015, WebMindLicenses, C‑419/14, EU:C:2015:832, punt 72).

84

F’dan il-każ, fir-rigward tal-posta elettronika skambjata bejn id-diretturi u l-impjegati ta’ impriża, kif ukoll tad-dokumenti professjonali li jirriżultaw minnha, huwa evidenti li, sa fejn din il-posta elettronika u dawn id-dokumenti jistgħu wkoll jinkludu data personali, is-sekwestru mwettaq minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni fil-kuntest ta’ investigazzjoni jikkostitwixxi wkoll limitazzjoni għall-eżerċizzju tad-dritt iggarantit mill-Artikolu 8 tal-Karta.

85

Tali limitazzjonijiet jistgħu, għalhekk, iseħħu biss jekk ikunu previsti mil-liġi, jekk josservaw il-kontenut essenzjali ta’ dawn id-drittijiet, jekk effettivament jissodisfaw għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni u jekk josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

86

F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, ir-rekwiżit marbut mal-osservanza tal-prinċipju ta’ legalità, jidher, f’dan il-każ, li dan ġie ssodisfatt. Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li huwa paċifiku li l-miżuri inkwistjoni fil-kawżi prinċipali huma bbażati fuq l-Artikoli 18 sa 21 tal-Liġi dwar il-Kompetizzjoni, li jippermettu b’mod partikolari lill-Awtorità tal-Kompetizzjoni twettaq fil-bini tal-impriżi ssuspettati li wettqu ksur tal-Artikoli 101 u 102 TFUE “operazzjonijiet ta’ tfittxija, ta’ eżami, ta’ rkupru u ta’ sekwestru ta’ siltiet minn kitbiet u ta’ dokumenti oħra, ikun xi jkun il-mezz tagħhom, kull meta tali passi jirriżultaw meħtieġa sabiex tinkiseb prova”.

87

Fit-tieni lok, fir-rigward tar-rispett tal-kontenut essenzjali tad-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, għandu jiġi osservat li, għalkemm miżuri ta’ tfittxija u ta’ sekwestru ta’ dokumenti, bħal dawk imwettqa fil-kawżi prinċipali, jimplikaw aċċess għal komunikazzjonijiet, fis-sens tal-Artikolu 7 tagħha, dawn huma intiżi esklużivament sabiex jiksbu aċċess għall-kontenut tal-posta elettronika u tal-mailboxes elettroniċi li huma relatati mas-suġġett tal-investigazzjoni kif iddefinit fid-deċiżjoni ta’ spezzjoni. Barra minn hekk, dawn il-miżuri jirrigwardaw posta elettronika skambjati permezz tal-mailbox professjonali tal-impriżi kkonċernati, kif ukoll dokumenti u data personali tal-persuni fiżiċi impjegati minn dawn l-impriżi li huma limitati, bħala prinċipju, għal aspetti tal-ħajja professjonali ta’ dawn il-persuni fiżiċi, bl-esklużjoni ta’ informazzjoni dwar il-ħajja privata u tal-familja tagħhom, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 7.

88

Għandu jingħad ukoll li jidher li s-sekwestru tal-komunikazzjonijiet professjonali tad-diretturi u tal-impjegati ta’ impriża li hija s-suġġett ta’ investigazzjoni la jwassal, bħala regola ġenerali, għall-ġbir mingħajr limiti ta’ data personali u lanqas għall-aċċess ġeneralizzat għaliha, peress li l-ġbir ta’ din id-data li tinsab f’dawn il-komunikazzjonijiet huwa limitat għad-data li għandha rabta mal-aġir antikompetittiv previst mill-ftuħ tal-investigazzjoni mmexxija mill-Awtorità tal-Kompetizzjoni. Barra minn hekk, l-imsemmija data ma tistax tintuża għal finijiet oħra għajr dawk tal-identifikazzjoni ta’ dan l-aġir. Minn dan jirriżulta li, sa fejn, fl-osservanza tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni, inkluż tal-GDPR, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tillimita l-iskopijiet tal-ipproċessar tad-data miġbura u tistabbilixxi regoli li jirregolaw dan l-ipproċessar, inklużi ż-żamma u t-trasferiment ta’ din id-data, is-sekwestru tal-posta elettronika inkwistjoni fil-kawżi prinċipali ma jistgħux jitqiesu li huma ta’ natura li jippreġudikaw il-kontenut essenzjali tal-Artikolu 8 tal-Karta.

89

F’dawn iċ-ċirkustanzi, bla ħsara għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, jidher li s-sekwestri tad-dokumenti msemmija fil-kawżi prinċipali ma jippreġudikawx il-kontenut essenzjali tad-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta.

90

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-punt dwar jekk, f’dan il-każ, dan l-indħil jissodisfax għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, għandu jiġi rrilevat li l-ispezzjonijiet u s-sekwestri ta’ komunikazzjonijiet u ta’ dokumenti u mezzi oħra, imwettqa mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni meta japplikaw, konformement mal-Artikolu 3(1) u mal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1/2003, l-Artikoli 101 jew 102 TFUE, għandhom l-għan li jidentifikaw prattiki kuntrarji għal dawn id-dispożizzjonijiet. Is-setgħat ta’ investigazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għandhom għalhekk l-għan li jippermettu lil dawn iwettqu l-missjoni tagħhom li tiġi żgurata l-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni fis-suq intern, ġaladarba tali regoli għandhom l-għan li jevitaw li l-kompetizzjoni tiġi distorta għad-detriment tal-interess ġenerali, tal-impriżi individwali u tal-konsumaturi, u b’hekk jikkontribwixxu sabiex jiġi żgurat il-benesseri ekonomiku fl-Unjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2002, Roquette Frères, C‑94/00, EU:C:2002:603, punt 42).

91

Kif jirriżulta, essenzjalment, mill-Protokoll (Nru 27) dwar is-Suq Intern u l-Kompetizzjoni anness mat-Trattat FUE u mat-Trattat UE, is-suq intern, kif iddenfinit fl-Artikolu 3 TUE u fl-Artikolu 26(2) TFUE, jinkludi sistema li tiggarantixxi li ma jkunx hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni – li huwa indispensabbli għall-funzjonament tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige, C‑52/09, EU:C:2011:83, punt 20; tat‑22 ta’ Marzu 2022, bpost, C‑117/20, EU:C:2022:202, punt 46, kif ukoll tat‑22 ta’ Marzu 2022, Nordzucker et, C‑151/20, EU:C:2022:203, punt 51). Ir-rwol tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni fl-effettività ta’ din is-sistema, u l-kontribut tagħhom għall-implimentazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, li huma, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, dispożizzjonijiet ta’ ordni pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, International Skating Union vs Il‑Kummissjoni, C‑124/21 P, EU:C:2023:1012, punt 192 u l-ġurisprudenza ċċitata), huwa essenzjali f’dan ir-rigward. Għaldaqstant, il-garanzija ta’ kompetizzjoni mhux distorta għandha titqies li hija għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta.

92

Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, skont ġurisprudenza stabbilita, il-proporzjonalità ta’ miżuri li minnhom jirriżulta ndħil fid-drittijiet iggarantiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta teħtieġ l-osservanza tar-rekwiżiti ta’ adegwatezza u ta’ neċessità kif ukoll dik relatata man-natura proporzjonata ta’ dawn il-miżuri meta mqabbla mal-għan imfittex (sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2022, Luxembourg Business Registers, C‑37/20 u C‑601/20, EU:C:2022:912, punt 63 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

93

Il-limitazzjonijiet li jistgħu jitqiegħdu fuq drittijiet u libertajiet stabbiliti fil-Karta għandhom isiru fil-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju, filwaqt li huwa mifhum li, meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi mfittxija, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva. Barra minn hekk, għan ta’ interess ġenerali ma jistax jiġi segwit mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li huwa għandu jiġi rrikonċiljat mad-drittijiet fundamentali affettwati mill-miżura inkwistjoni, u dan billi jkun hemm kunsiderazzjoni bbilanċjata bejn, minn naħa, dan l-għan ta’ interess ġenerali u, min-naħa l-oħra, id-drittijiet inkwistjoni, sabiex jiġi żgurat li l-inkonvenjenzi kkawżati minn din il-miżura ma jkunux sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet mixtieqa. B’hekk, il-possibbiltà li tiġi ġġustifikata limitazzjoni għad-drittijiet iggarantiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-gravità tal-indħil ikkawżat minn tali limitazzjoni u filwaqt li jiġi vverifikat li l-importanza tal-għan ta’ interess ġenerali mfittex minn din il-limitazzjoni hija proporzjonata ma’ din il-gravità (sentenzi tat‑22 ta’ Novembru 2022, Luxembourg Business Registers, C‑37/20 u C‑601/20, EU:C:2022:912, punt 64, kif ukoll tat‑8 ta’ Diċembru 2022, Orde van Vlaamse Balies et, C‑694/20, EU:C:2022:963, punt 41).

94

Barra minn hekk, sabiex jiġi ssodisfatt ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni li tinvolvi l-indħil għandha tipprevedi wkoll regoli ċari u preċiżi li jirregolaw il-portata u l-applikazzjoni tal-miżuri li hija tipprevedi u li jimponu rekwiżiti minimi, b’tali mod li l-persuni kkonċernati jkollhom garanziji suffiċjenti li jippermettu li d-data personali tagħhom tiġi protetta b’mod effikaċi kontra r-riskji ta’ abbuż. B’mod partikolari, hija għandha tindika f’liema ċirkustanzi u taħt liema kundizzjonijiet tista’ tittieħed miżura li tipprevedi l-ipproċessar ta’ tali data, biex b’hekk jiġi żgurat li l-indħil ikun limitat għal dak li huwa strettament neċessarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2022, Luxembourg Business Registers, C‑37/20 u C‑601/20, EU:C:2022:912, punt 65 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

95

F’dan il-każ, l-ewwel nett, is-setgħat ta’ investigazzjoni u ta’ sekwestru ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, ta’ dokumenti u ta’ data professjonali oħra mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni huma intiżi sabiex jidentifikaw l-eżistenza ta’ prattiki antikompetittivi pprojbiti mill-Artikoli 101 u 102 TFUE u huma, konsegwentement, xierqa sabiex jikkontribwixxu għat-twettiq tal-għan ta’ interess ġenerali, imsemmi fil-punt 91 ta’ din is-sentenza, li jikkonsisti fil-preżervazzjoni ta’ kompetizzjoni mhux distorta fis-suq intern. L-importanza ta’ dan l-għan tista’ tiġġustifika ndħil fid-drittijiet iggarantiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta.

96

It-tieni nett, fir-rigward tar-rekwiżit ta’ neċessità, għandu jitfakkar li dan huwa ssodisfatt meta l-għan imfittex mill-miżuri inkwistjoni ma jkunx jista’ raġonevolment jintlaħaq b’mod daqstant effikaċi permezz ta’ mezzi oħra li jippreġudikaw inqas id-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati, b’mod partikolari d-drittijiet għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali ggarantiti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta (sentenzi tas‑26 ta’ Jannar 2023, Ministerstvo na vatreshnite raboti (Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika mill-pulizija), C‑205/21, EU:C:2023:49, punt 126, kif ukoll tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Bezirkshauptmannschaft Landeck (Tentattiv ta’ aċċess għad-data personali maħżuna fuq telefon ċellulari), C‑548/21, EU:C:2024:830, punt 88).

97

F’dan ir-rigward, jidher li, fl-investigazzjoni u l-iskoperta ta’ prattiki antikompetittivi kuntrarji għall-Artikoli 101 u 102 TFUE, ebda mezz ieħor, daqstant effikaċi u inqas ta’ preġudizzju għad-drittijiet għar-rispett tal-komunikazzjonijiet u għall-protezzjoni tad-data personali, ma jippreżenta ruħu bħala alternattiva sodisfaċenti għas-sekwestru ta’ dokumenti li jirriżultaw minn posta elettronika skambjata bejn id-diretturi u l-impjegati tal-impriża kkonċernata minn miżuri ta’ spezzjoni mwettqa minn awtorità tal-kompetizzjoni.

98

Kif enfasizzat l-Avukata Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 21 tal-konklużjonijiet tagħha, ippreżentati fit‑23 ta’ Ottubru 2025, il-posta elettronika skambjata f’kuntest professjonali permezz ta’ mailboxes jikkostitwixxu waħda mis-sorsi prinċipali għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni sabiex tiġi identifikata l-eżistenza ta’ aġir antikompetittiv. Id-dritt ta’ awtorità tal-kompetizzjoni li tagħmel kopji ta’ ġabra ta’ posta elettronika, għalhekk, jagħmel parti mis-setgħa ta’ kontroll għad-dispożizzjoni ta’ dik l-awtorità (ara, b’analoġija, fir-rigward tas-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni permezz tal-Artikolu 20(2)(b) tar-Regolament Nru 1/2003, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Nexans France u Nexans vs Il‑Kummissjoni, C‑606/18 P, EU:C:2020:571, punt 63). F’dan ir-rigward, l-Artikolu 32 tad-Direttiva 2019/1 jinkludi l-messaġġi elettroniċi fost il-provi li għandhom jitqiesu bħala ammissibbli quddiem l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni. Sitwazzjoni fejn, bħala prinċipju, dawn l-awtoritajiet jiġu mċaħħda mis-setgħa li jissekwestraw tali komunikazzjonijiet elettroniċi professjonali hija ta’ natura li tippreġudika t-tmexxija effettiva tal-ġlieda kontra l-akkordji u l-abbużi minn pożizzjoni dominanti fi ħdan is-suq intern rikjesta mill-Artikoli 101 u 102 TFUE.

99

Madankollu, għalkemm l-Istati Membri, jistgħu jqisu li huwa neċessarju li jirrikorru għal perkwiżizzjonijiet u għal sekwestri sabiex jistabbilixxu l-prova materjali ta’ aġir irregolari, jeħtieġ li l-leġiżlazzjoni u l-prattika tagħhom f’dan il-qasam joffru garanziji adegwati u suffiċjenti kontra l-abbużi (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 25 ta’ Frar 1993, Funke vs Franza, CE:ECHR:1993:0225JUD001082884, § 57, kif ukoll Qorti EDB, 21 ta’ Diċembru 2010, Société Canal Plus et vs Franza, CE:ECHR:2010:1221JUD002940808, § 54 in fine).

100

It-tielet nett, fir-rigward tan-natura proporzjonata tal-limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta li tirriżulta mis-sekwestru tal-posta elettronika, din għandha tiġi evalwata fil-kuntest li taqa’ fih tali limitazzjoni, billi jiġu bbilanċjati, f’kull każ, l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Bezirkshauptmannschaft Landeck (Tentattiv ta’ aċċess għad-data personali maħżuna fuq telefon ċellulari), C‑548/21, EU:C:2024:830, punt 89).

101

Fir-rigward tal-limitazzjoni kkawżata minn sekwestri mwettqa fil-kuntest ta’ spezzjonijiet magħmula minn awtorità tal-kompetizzjoni, taħt tali elementi jaqgħu, b’mod partikolari, il-gravità tal-limitazzjoni hekk imqiegħda fuq l-eżerċizzju tad-dritt fundamentali inkwistjoni u ċ-ċirkustanzi li fihom din seħħet.

102

Fir-rigward tal-gravità tal-limitazzjoni prodotta mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti s-sekwestru, mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel maħruġa minn qorti, mill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni, ta’ posta elettronika fil-kuntest ta’ investigazzjoni dwar prattiki li jmorru kontra l-Artikoli 101 u 102 TFUE, għandu jiġi rrilevat li s-sekwestru ta’ korrispondenza professjonali minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni huwa ġeneralment irregolat minn garanziji proċedurali intiżi li jiżguraw, b’mod partikolari, is-sigurtà, l-integrità u l-kunfidenzjalità ta’ din id-data. Kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 33 tal-konklużjonijiet tagħha ppreżentati fit‑23 ta’ Ottubru 2025, kull investigazzjoni mwettqa mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għandha tkun ibbażata fuq deċiżjoni ta’ spezzjoni debitament immotivata, li għandha tkun ibbażata fuq suspetti raġonevoli dwar l-eżistenza ta’ ksur, minn impriża, tar-regoli tal-kompetizzjoni previsti mit-Trattat FUE. Fir-rigward tas-sekwestru ta’ posta elettronika, meta l-investigaturi jirrikorru għal softwer ta’ investigazzjoni informatika, il-proċedura ta’ indiċjar li tippreċedi t-tfittxija ta’ informazzjoni kummerċjali rilevanti għall-investigazzjoni għandha titwettaq permezz tal-użu ta’ kliem essenzjali ddefiniti meta mqabbel mas-suġġett predeterminat tal-investigazzjoni.

103

Fir-rigward taċ-ċirkustanzi li fihom seħħet il-limitazzjoni imposta fuq l-eżerċizzju tad-dritt fundamentali inkwistjoni, għandu jitfakkar li għandha ssir distinzjoni, bħala prinċipju, bejn is-sitwazzjoni li fiha ssir l-ispezzjoni fil-bini professjonali tal-impriżi jew tal-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi inkwistjoni u dik li fiha ssir din l-ispezzjoni f’bini ieħor, inkluż fid-djar privati ta’ persuni fiżiċi.

104

Għalkemm id-dritt fundamentali għall-invjolabbiltà tal-abitazzjoni jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li issa huwa espress fl-Artikolu 7 tal-Karta, li jikkorrispondi għall-Artikolu 8 tal-KEDB, xorta jibqa’ l-fatt li l-indħil pubbliku jista’ jidħol iktar fil-fond meta dan jikkonċerna bini jew attivitajiet professjonali jew kummerċjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2015, Deutsche Bahn et vs Il‑Kummissjoni, C‑583/13 P, EU:C:2015:404, punti 19 u 20 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

105

Fil-fatt, is-setgħat investigattivi mogħtija lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni huma, essenzjalment, iddefiniti sew, irrispettivament minn jekk jirrigwardawx, b’mod partikolari l-esklużjoni mill-portata tal-investigazzjoni tad-dokumenti li ma jkunux ta’ natura professjonali, tad-dritt għal għajnuna legali, taż-żamma tal-kunfidenzjalità tal-korrispondenza bejn avukati u klijenti kif ukoll tal-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni u tal-possibbiltà li jiġi ppreżentat rikors quddiem il-qrati tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2015, Deutsche Bahn et vs Il-Kummissjoni, C‑583/13 P, EU:C:2015:404, punt 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni huma b’mod partikolari obbligati jikkonformaw ruħhom mal-GDPR fil-kuntest tal-investigazzjonijiet li huma jwettqu.

106

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar, b’mod partikolari, l-Artikolu 8 tal-KEDB jirriżulta li, fil-qasam tal-ispezzjonijiet fil-bini kummerċjali ta’ impriża, l-assenza ta’ ħruġ minn qabel ta’ awtorizzazzjoni ta’ spezzjoni minn qorti, li setgħet tillimita jew tikkontrolla l-iżvolġiment ta’ din l-ispezzjoni, tista’ tiġi kkontrobilanċjata minn stħarriġ ġudizzjarju ex post facto tal-legalità u n-neċessità ta’ tali miżura istruttorja bil-kundizzjoni li dan l-istħarriġ ikun effikaċi fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża inkwistjoni. Dan jimplika li l-persuni kkonċernati jistgħu jiksbu stħarriġ ġudizzjarju effettiv, fil-fatt u fid-dritt, tal-miżura kontenzjuża u tal-iżvolġiment tagħha. Meta operazzjoni meqjusa bħala irregolari tkun diġà seħħet, ir-rimedju jew ir-rimedji disponibbli għandhom jippermettu li l-persuna kkonċernata tingħata rimedju xieraq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2023, Casino Guichard‑Perrachon u AMC vs Il‑Kummissjoni, C‑690/20 P, EU:C:2023:171, punt 38 kif ukoll il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iċċitata).

107

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, konformement mal-indikazzjonijiet imfakkra iktar ’il fuq dwar l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni ma jirrikjedux il-ħruġ minn qorti ta’ awtorizzazzjoni minn qabel għal spezzjoni mwettqa f’bini professjonali. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 20(6) u (7) tar-Regolament Nru 1/2003 u l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2019/1, iddedikati għall-ispezzjonijiet imwettqa fil-bini professjonali tal-impriżi rispettivament mill-Kummissjoni Ewropea u mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, ma jeħtiġux awtorizzazzjoni minn qabel minn qorti nazzjonali jew minn entità amministrattiva indipendenti, anki meta tiġi ssekwestrata posta elettronika, iżda jirreferu, f’dan ir-rigward, għall-obbligi stabbiliti mid-dritt nazzjonali billi jippermettu lill-Istati Membri jipprevedu li tkun meħtieġa awtorizzazzjoni minn awtorità ġudizzjarja għall-finijiet tal-eżerċizzju tas-setgħat ta’ spezzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni.

108

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta ma jipprekludux, bħala prinċipju, il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li b’applikazzjoni tagħha, fil-kuntest ta’ investigazzjoni dwar allegat ksur tal-Artikolu 101 jew tal-Artikolu 102 TFUE, l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tipproċedi, f’bini professjonali jew kummerċjali, għas-sekwestru ta’ posta elettronika li l-kontenut tagħha jkun relatat mas-suġġett tal-ispezzjoni mingħajr ma jkollha awtorizzazzjoni minn qabel maħruġa minn qorti.

109

Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat, l-ewwel nett, li, fl-assenza ta’ tali awtorizzazzjoni minn qabel maħruġa minn qorti, il-protezzjoni tal-individwi kontra ksur arbitrarju mill-awtorità pubblika tad-drittijiet iggarantiti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta teżiġi regolamentazzjoni u limitazzjoni stretta tal-miżuri inkwistjoni. Għalhekk, kemm l-ispezzjoni kif ukoll is-sekwestru jistgħu jkunu kompatibbli ma’ dawk id-dispożizzjonijiet biss jekk il-leġiżlazzjoni u l-prattika nazzjonali joffru garanziji adegwati u suffiċjenti kontra l-abbuż u l-arbitrarjetà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2015, WebMindLicenses, C‑419/14, EU:C:2015:832, punt 77). Tali salvagwardji għandhom, b’mod partikolari, jieħdu l-forma ta’ stħarriġ ġudizzjarju ex post komplet tal-miżuri inkwistjoni. Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita mfakkra fil-punt 106 ta’ din is-sentenza, dan l-istħarriġ għandu jipprovdi rimedju xieraq lill-persuni kkonċernati, li jippermetti wkoll li tiġi evalwata l-ammissibbiltà tal-provi miġbura.

110

F’dan il-każ, mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li l-ispezzjonijiet u s-sekwestri ma seħħewx fl-assenza ta’ kwalunkwe proċedura ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, peress li dawn ġew awtorizzati minn awtorità ġudizzjarja, jiġifieri mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Portugiż, li, skont il-Kostituzzjoni tar-Repubblika Portugiża, huwa awtonomu meta mqabbel mal-korpi l-oħra tal-awtoritajiet ċentrali, reġjonali u lokali, u huwa inkarigat b’mod partikolari li jeżerċita, f’isem l-interess pubbliku, l-azzjoni kriminali kif ukoll li jiddefendi l-legalità demokratika. L-awtorizzazzjoni mogħtija minn din l-awtorità ġudizzjarja tidher li hija ta’ natura li tikkontribwixxi għar-regolamentazzjoni legali stretta tal-ispezzjonijiet u tas-sekwestri mwettqa mill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tad-determinazzjoni tal-opportunità, tat-tul u tal-portata materjali tagħhom.

111

Għalhekk, meta, bħal fil-kawżi prinċipali, awtorizzazzjoni minn qabel ma tkunx inħarġet minn qorti iżda tkun inħarġet mill-Uffiċċju tal-Prosekutur, huwa essenzjali li tali proċedura ta’ stħarriġ ġudizzjarju ex post tinfetaħ għall-persuni kkonċernati u li din tissodisfa b’mod sħiħ ir-rekwiżiti mfakkra fil-punti 106 u 109 ta’ din is-sentenza.

112

It-tieni nett, għandha tiġi ddikjarata riżerva fir-rigward tal-ispezzjonijiet li jagħtu lok għas-sekwestru ta’ telefons ċellulari, ta’ kompjuters jew ta’ kwalunkwe mezz informatiku ieħor li ma jkunx jappartjeni lill-impriżi li l-bini tagħhom jiġi spezzjonat, iżda li jkun jappartjeni lil persuni fiżiċi bħad-diretturi u l-impjegati tagħhom.

113

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju indikat li s-sistema ta’ posta elettronika inkwistjoni fil-kawżi prinċipali hija “limitata għal użu funzjonali” u li l-użu tagħha għal finijiet personali u għal finijiet li jaqgħu taħt il-ħajja privata tal-impjegati huwa “pprojbit” mir-regoli interni tal-impriżi inkwistjoni. Għalkemm it-talbiet għal deċiżjoni preliminari jsemmu perkwiżizzjoni mwettqa fil-posta elettronika jew fil-mailbox elettroniku tal-impjegati, madankollu dawn ma jippreċiżawx liema huma l-mezzi li fuqhom inżammet il-posta elettronika inkwistjoni u li għaliha setgħu jaċċedu l-ispetturi. Għalhekk ma jistax jiġi eskluż, mill-qari tal-mandat maħruġ mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Portugiż, li jagħmel riferiment għal “kwalunkwe mezz informatiku jew kompjuter”, li fost il-mezzi kkonċernati kien hemm telefons ċellulari, kompjuters jew mezzi informatiċi oħra li ma jappartjenux lil dawn l-impriżi iżda li jappartjenu lid-diretturi u lill-impjegati tagħhom.

114

Issa, għalkemm, fl-okkażjoni ta’ spezzjonijiet imwettqa minn awtorità tal-kompetizzjoni fil-bini professjonali ta’ impriża, l-investigaturi huma msejħa jissekwestraw it-telefons ċellulari, il-kompjuters jew kwalunkwe mezz informatiku ieħor li ma jappartjenix lil din l-impriża, iżda li jappartjeni lid-diretturi u lill-impjegati tagħha, l-aċċess għad-data li tinsab f’dawn l-apparati għandu, jekk ikun il-każ wara li jiġi ssiġillat, ikun suġġett għall-istħarriġ minn qabel ta’ qorti jew ta’ entità amministrattiva indipendenti.

115

Fil-fatt, peress li tali apparati jistgħu jintużaw simultanjament għal finijiet privati u għal finijiet professjonali jew kummerċjali, l-aċċess għal dawn tal-aħħar jista’, skont il-kontenut ta’ dawn l-apparati, mhux biss jirrigwarda data dwar it-traffiku diġitali u l-lokalizzazzjoni, iżda wkoll fotografiji u l-browsing history fuq l-internet imwettqa mill-istess apparati, jew jista’ saħansitra jirrigwarda l-kontenut tal-komunikazzjonijiet privati mwettqa minnhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Bezirkshauptmannschaft Landeck (Tentattiv ta’ aċċess għad-data personali maħżuna fuq telefon ċellulari), C‑548/21, EU:C:2024:830, punt 92).

116

L-aċċess għal tali ġabra ta’ data jista’ jippermetti li jinsiltu konklużjonijiet iddettaljati ħafna dwar il-ħajja privata tal-persuna kkonċernata, bħar-rutina tal-ħajja ta’ kuljum, il-postijiet ta’ residenza permanenti jew temporanji, l-ispostamenti ta’ kuljum jew oħrajn, l-attivitajiet eżerċitati, ir-relazzjonijiet soċjali ta’ din il-persuna u l-ambjenti soċjali ffrekwentati minnha. Barra minn hekk, ma jistax jiġi eskluż li din id-data tkun tista’ tiżvela kategoriji speċifiċi ta’ data, fis-sens tal-Artikolu 9 tal-GDPR. L-aċċess għad-data maħżuna f’tali apparati jista’ għalhekk jagħti lok għal indħil serju, jew saħansitra partikolarment serju, fid-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Bezirkshauptmannschaft Landeck (Tentattiv ta’ aċċess għad-data personali maħżuna fuq telefon ċellulari), C‑548/21, EU:C:2024:830, punti 93 sa 95).

117

Huwa b’mod partikolari sabiex jiġi żgurat li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jiġi osservat f’kull każ konkret, billi jiġu bbilanċjati l-elementi rilevanti kollha, li huwa essenzjali li, meta l-aċċess tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għad-data personali jinvolvi r-riskju ta’ ndħil serju, jew saħansitra partikolarment serju, fid-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata, dan l-aċċess ikun suġġett għal stħarriġ minn qabel imwettaq jew minn qorti jew minn entità amministrattiva indipendenti (sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Bezirkshauptmannschaft Landeck (Tentattiv ta’ aċċess għad-data personali maħżuna fuq telefon ċellulari), C‑548/21, EU:C:2024:830, punt 102).

118

Dan l-istħarriġ minn qabel jeħtieġ li l-qorti jew l-entità amministrattiva indipendenti inkarigata li twettqu jkollha s-setgħat kollha u tippreżenta l-garanziji kollha neċessarji sabiex tiżgura konċiljazzjoni tal-interessi leġittimi u tad-drittijiet differenti inkwistjoni. B’mod iktar partikolari, fir-rigward ta’ spezzjoni mmexxija minn awtorità tal-kompetizzjoni, tali stħarriġ jirrikjedi li din il-qorti jew din l-entità tkun f’qagħda li tiżgura ekwilibriju ġust bejn, minn naħa, l-interessi leġittimi marbuta mal-ħtiġijiet tal-investigazzjoni u, min-naħa l-oħra, id-drittijiet fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali tal-persuni li d-data tagħhom tkun ikkonċernata mill-aċċess (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Bezirkshauptmannschaft Landeck (Tentattiv ta’ aċċess għad-data personali maħżuna fuq telefon ċellulari), C‑548/21, EU:C:2024:830, punt 103).

119

F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll li, bħala prinċipju, huwa d-dritt nazzjonali li għandu l-prerogattiva li jiddetermina r-regoli relatati mal-ammissibbiltà tal-provi miġbura, madankollu bil-kundizzjoni li dawn ir-regoli ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li dawn ma jkunux tali li l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni jkun impossibbli fil-prattika jew ikun eċċessivament diffiċli (prinċipju ta’ effettività) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, la Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punti 222 sa 225).

120

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux is-sekwestru mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel maħruġa minn qorti ta’ posta elettronika skambjata bejn l-impjegati u d-diretturi ta’ impriża, waqt spezzjoni mwettqa minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni fil-bini professjonali jew kummerċjali ta’ impriżi ssuspettati li wettqu ksur tal-Artikolu 101 jew tal-Artikolu 102 TFUE, bil-kundizzjoni li tkun prevista regolamentazzjoni stretta tas-setgħat ta’ din l-awtorità kif ukoll garanziji adegwati u suffiċjenti kontra l-abbużi u l-arbitrarjetà, bħal stħarriġ ġudizzjarju ex post effettiv tal-miżuri inkwistjoni.

Fuq l-ispejjeż

121

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

posta elettronika ta’ natura professjonali, skambjata bejn l-impjegati u d-diretturi ta’ impriża permezz tal-mailbox elettronika tagħha, taqa’ taħt il-kunċett ta’ “komunikazzjonijiet”, fis-sens ta’ dan l-artikolu.

 

2)

L-Artikoli 7 u 8, tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

ma jipprekludux is-sekwestru mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel maħruġa minn qorti ta’ posta elettronika skambjata bejn l-impjegati u d-diretturi ta’ impriża, waqt spezzjoni mwettqa minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni fil-bini professjonali jew kummerċjali ta’ impriżi ssuspettati li wettqu ksur tal-Artikolu 101 jew tal-Artikolu 102 TFUE, bil-kundizzjoni li tkun prevista regolamentazzjoni stretta tas-setgħat ta’ din l-awtorità kif ukoll garanziji adegwati u suffiċjenti kontra l-abbużi u l-arbitrarjetà, bħal stħarriġ ġudizzjarju ex post effettiv tal-miżuri inkwistjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.