7.2.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 38/20


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 113/2014

tal-4 ta’ Frar 2014

dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(1)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, huwa meħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenklatura oħra li hija bbażata, parzjalment jew kollha kemm hi fuqu, jew li żżid kwalunkwe subdiviżjoni magħha u li hija stabbilita b’dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan tal-applikazzjoni ta’ tariffi u miżuri oħrajn relatati mal-kummerċ tal-prodotti.

(3)

Skont dawk ir-regoli ġenerali, il-prodotti msemmija fil-kolonna (1) tat-tabella mniżżla fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi tan-NM indikata fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta’ dik it-tabella.

(4)

Huwa xieraq li jiġi pprovdut li informazzjoni tariffarja vinkolanti maħruġa fir-rigward tal-prodotti kkonċernati minn dan ir-Regolament li ma tikkonformax ma’ dan ir-Regolament tista’, għal ċertu perjodu, tibqa’ tiġi invokata mid-detentur skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 (2). Dan il-perjodu għandu jkun ta’ tliet xhur.

(5)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella mniżżla fl-Anness għandhom ikunu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta’ din it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni vinkolanti tat-tariffa li ma tikkonformax ma’ dan ir-Regolament tista’ tibqa’ tiġi invokata skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 għal perjodu ta’ tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Frar 2014.

Għall-Kummissjoni, F'isem il-President,

Algirdas ŠEMETA

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-prodotti

Klassifikazzjoni

(Kodiċi NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Apparat b’forma rettangolari (l-hekk imsejħa “kamera b’veloċità għolja”) li jinkludi lenti u ċirkwiterija elettronika bid-dimensjonijiet ta’ madwar 12 × 12 × 11 cm.

Jinkorpora memorja interna volatili ta’ 2 GB b’kapaċità li jaħżen b’mod temporanju immaġnijiet f’sekwenza b’tul massimu ta’ 1,54 sekonda b’1 000 frejm kull sekonda (fps) b’riżoluzzjoni sħiħa. L-immaġinijiet li jittieħdu jintilfu meta l-kamera tintefa.

Hija meħtieġa konnessjoni b’kejbil ma’ magna awtomatika tal-ipproċessar tad-dejta (ADP) għat-tħaddim u r-reġistrazzjoni tal-immaġinijiet fil-magna ADP.

Din tkun mgħammra b’sensur CMOS b’xater għat-teħid ta’ ritratti elettroniku, magħrufa wkoll bħala “flaxx fuq terminu qasir” (short duration flash) jew “immaġnijiet stroboskopiċi” (stroboscopic imaging).

Il-kamera hi mfassla biex tiġbed sekwenza ta’ immaġnijiet b’rata ta’ għeluq tax-xater (shutter rate) minn 60 sa 1 000 fps b’riżoluzzjoni sħiħa ta’ 1 024  × 1 024 pixel jew 109 500 fps b’riżoluzzjoni iktar baxxa ta’ 128 pixel × 16-il pixel. L-immaġnijiet li jinġibdu jistgħu jitqiesu individwalment jew jinqraw mill-ġdid (played back) bħala vidjow, pereżempju, f’moviment bil-mod.

L-immaġnijiet jistgħu jkunu soġġetti għal analiżi f’laboratorju jew ambjent simili għall-istudju, pereżempju, ta’ fenomeni ta’ veloċità ultra-għolja bħal testijiet ta’ ħabta tal-karozzi.

8525 80 19

Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-Regoli Ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda u mit-test tal-kodiċi tan-NM 8525 , 8525 80  u 8525 80 19 .

Ħażna temporanja fuq memorja volatili mhijiex meqjusa bħala reġistrazzjoni fil-kamera hekk kif l-immaġinijiet jintilfu wara li tintefa l-kamera. B’konsegwenza, il-klassifikazzjoni kemm bħala kameras diġitali skont is-subintestatura 8525 80 30 kif ukoll bħala vidjow kameras li jirrekordjaw ħsejjes u jiġbdu immaġnijiet meħuda minn kamera ta’ televiżjoni skont is-subintestatura 8525 80 91 hi eskluża (ara wkoll n-Noti ta’ Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata (HSEN) għall-intestatura 8525 , l-ewwel u l-ħames paragrafi tal-grupp (B)).

Għalhekk l-apparat għandu jiġi kklasifikat skont il-kodiċi NM 8525 80 19 bħala kameras oħrajn ta’ televiżjoni (ara wkoll HSEN għall-intestatura 8525 , ir-raba’ paragrafu tal-grupp (B)).