31.10.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 311/80


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tad-29 ta' Ottubru 2014

dwar miżura meħuda mill-Ġermanja f'konformità mal-Artikolu 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 89/686/KEE li tirtira mis-suq u tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq tal-ilbies għall-ħarsien mis-sħana “Hitzeschutzazung FW Typ 3”

(notifikata bid-dokument C(2014) 7977)

(2014/760/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/686/KEE tal-21 ta' Diċembru 1989 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri rigward l-apparat personali protettiv (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 7 tagħha,

Billi:

(1)

F'Jannar tal-2014, l-awtoritajiet Ġermaniżi nnotifikaw lill-Kummissjoni dwar miżura ta' rtirar mis-suq u projbizzjoni ta' tqegħid fis-suq tal-mudell ta' lbies għall-ħarsien mis-sħana “Hitzeschutzanzug FW Typ 3” immanifatturat minn KONTEX Textile Hitze- und Isolierprodukte GmbH, Olgastrasse 46-48, 73614 Schorndorf (il-Ġermanja). Il-prodotti kellhom il-marka CE, skont id-Direttiva 89/686/KEE dwar l-apparat personali protettiv, wara li ġew ittestjati u eżaminati skont it-tip skont l-istandard armonizzat EN 1486:2007 Ilbies protettiv għall-ħaddiema tat-tifi tan-nar — Metodu tat-test u rekwiżiti għall-ilbies riflettiv għat-tifi tan-nar speċjalizzat.

(2)

Ilbies protettiv għall-ħaddiema tat-tifi tan-nar huwa tagħmir protettiv personali (TPP) ikklassifikati bħala Kategorija taċ-Ċertifikazzjoni III. TPP ta' dan it-tip, li huwa ddiżinjat biex iħares kontra perikli fatali jew riskji serji u irriversibli għas-saħħa, li l-manifattur jassumi li -utent mhux se jkun kapaċi li jagħraf l-effetti diretti tagħhom fil-ħin, huma soġġetti għal eżaminazzjoni tal-approvazzjoni tat-tip KE u verifika tal-garanzija tal-kwalità KE mill-korp notifikat ikkummissjonat mill-manifattur.

(3)

L-awditu mwettaq mill-Institut für Arbeitsschutz der Deutschen Gesetzlichen Unfallversicherung (IFA — L-Istitut għas-Saħħa Okkupazzjonali u s-Sikurezza tal-Fond Statutorju ta' Assigurazzjoni tal-Inċidenti Ġermaniż) f'St Augustin (referenza tat-test 2013 22805, is-7 ta' Awwissu 2013) wera li l-valuri għat-trasferiment tas-sħana (sħana radjanti) taħt it-Taqsima 6.2 u t-trasferiment tas-sħana (sħana konvettiva) taħt it-Taqsima 6.3 tal-istandard armonizzat imsemmi hawn fuq ma ntlaħqux. Għaldaqstant, ir-rekwiżiti bażiċi ta' saħħa u sigurtà li ġejjin, stabbiliti fl-Anness II tad-Direttiva 89/686/KEE ma ntlaħqux:

—

3.6.1 Materjali li minnhom huwa magħmul it-TPP u komponenti oħra;

—

3.6.2 TPP komplut lest għall-użu.

(4)

Bħala konsegwenza, l-ilbies għall-ħarsien mis-sħana jippreżenta r-riskju li jittrasferixxi s-sħana waqt it-tifi tan-nar, u dan iwassal biex il-ħaddiema tat-tifi tan-nar ikunu esposti għal ħarqiet li jheddu l-ħajja jew għar-riskju li jmutu bil-ħruq.

(5)

Fl-opinjoni tal-awtoritajiet Ġermaniżi, peress li r-rekwiżiti bażiċi rilevanti dwar il-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà mhumiex sodisfatti u l-ebda ċertifikat ta' eżaminazzjoni tat-tip KE validu ma ġie ppreżentat, l-ilbies għall-ħarsien mis-sħana ma jistax jitqiegħed fis-suq. Fil-fatt, l-ilbies għall-ħarsien mis-sħana ma jilħaqx ir-rekwiżiti tal-Ordni Ġermaniża dwar it-tqegħid fis-suq ta' tagħmir protettiv personali (it-8 ProdSV) u l-użu tiegħu jpoġġi fil-periklu s-sikurezza, is-saħħa u l-ħajja tal-ħaddiema tat-tifi tan-nar u persuni oħra.

(6)

Il-Kummissjoni kitbet lill-manifattur u stednitu jibgħat l-osservazzjonijiet tiegħu dwar il-miżuri meħuda mill-awtoritajiet Ġermaniżi. S'issa għadha ma waslet l-ebda tweġiba.

(7)

Fid-dawl tad-dokumentazzjoni disponibbli, il-Kummissjoni tqis li l-ilbies għall-ħarsien mis-sħana Hitzeschutzanzug FW Typ 3 naqas milli jikkonforma mal-klawżoli § 6.2. u § 6.3 tal-istandard armonizzat EN 1486:2007 imsemmi fir-rekwiżiti bażiċi tas-saħħa u s-sigurtà 3.6.1 Materjali li minnhom huwa magħmul it-TPP u komponenti oħra u 3.6.2 TPP komplut lest għall-użu. stabbiliti fl-Anness II tad-Direttiva 89/686/KEE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-miżura meħuda mill-awtoritajiet Ġermaniżi, li tikkonsisti fl-irtirar mis-suq u l-projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq tal-ilbies għall-ħarsien mis-sħana Hitzeschutzanzug FW Typ 3 manifatturati minn KONTEX Textile Hitze- und Isolierprodukte GmbH, hija ġustifikata.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta' Ottubru 2014.

Għall-Kummissjoni

Ferdinando NELLI FEROCI

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 399, 30.12.1989, p. 18.