|
12.1.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 9/15 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
ta’ l-14 ta’ Diċembru 2007
li tistabbilixxi l-Aġenzija Eżekuttiva tal-Kunsill Ewropew għar-Riċerka għall-ġestjoni tal-programm speċifiku Komunitarju “Ideat” fil-qasam tar-riċerka fil-fruntieri ta’ l-għarfien b’applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
(2008/37/KE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003 tad-19 ta’ Diċembru 2002 li jistipula l-istatut għall-aġenziji eżekuttivi li se jkunu fdati b’ċerti ħidmiet li għandhom x’jaqsmu mat-tmexxija tal-programmi Komunitarji, (1) u partikolarment l-Artikolu 3(1) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (KE) Nru 58/2003 jagħti l-poter lill-Kummissjoni li tistabbilixxi aġenziji eżekuttivi skond l-istatut ġenerali stabbilit minn dak ir-Regolament u jafdahom b’ċerti xogħlijiet ta’ ġestjoni konnessi ma’ wieħed jew aktar mill-programmi Komunitarji. |
|
(2) |
Il-ħolqien ta’ aġenzija eżekuttiva għandu l-għan li jgħin lill-Kummissjoni tiffoka fuq l-attivitajiet u l-ħidmiet ta’ qofol tagħha li ma jistgħux jiġu assenjati lil entitajiet esterni, mingħajr madankollu ma titlef il-kontroll fuq, jew ir-responsabbiltà aħħarija għal, l-attivitajiet li jitmexxew mill-aġenziji eżekuttivi msemmija. |
|
(3) |
Id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar is-Seba’ Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni (2007-2013) (2) jipprovdi għall-istabbiliment tal-Kunsill Ewropew ta’ Riċerka bħala mezz għall-implimentazzjoni tal-Programm Speċifiku Ideat (3). Il-Kunsill Ewropew tar-Riċerka għandu jikkonsisiti minn Kunsill Xjentifiku appoġġjat bi struttura speċifika ta’ implimentazzjoni. |
|
(4) |
Bid-Deċiżjoni 2007/134/KE tat-2 ta’ Frar 2007 li tistabbilixxi il-Kunsill Ewropew tar-Riċerka (4), il-Kummissjoni, minbarra li twaqqaf il-Kunsill Ewropew għar-Riċerka (KER) u l-Kunsill Xjentifiku, ħabbret it-twaqqif ta’ l-istruttura speċifika ta’ implimentazzjoni bħala aġenzija eżekuttiva, li trid tiġi stabbilita minn att separat f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 58/2003. |
|
(5) |
Il-ġestjoni tal-Programm Speċifiku Ideat tinvolvi l-implimentazzjoni ta’ proġetti ta’ riċerka li ma tinvolvix it-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ natura politika u li titlob livell għoli ta’ kompetenza xjentifika u finanzjarja matul iċ-ċiklu tal-proġett. |
|
(6) |
Id-delega, lil aġenzija eżekuttiva ta’ xogħlijiet konnessi ma’ l-implimentazzjoni tal-programm tista’ ssir b’separazzjoni ċara bejn l-istadji tal-programmar, li tiġi stabbilita mill-Kunsill Xjentifiku u adottata mill-Kumissjoni, u l-implimentazzjoni, li tkun fdata lill-aġenzija eżekuttiva, skond il-prinċipji u l-metodoloġija stabbilita mill-Kunsill Xjentifiku. |
|
(7) |
Analiżi ta’ l-ispejjeż vis-a-vis il-benefiċċju li twettqet għal dak il-għan uriet li l-użu ta’ aġenzija għall-ġestjoni ta’ l-attivitajiet tal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka jkun ta’ vantaġġ kemm f’termini finanzjarji kif ukoll f’termini mhux finanzjarji. |
|
(8) |
L-Aġenzija għandha timplimenta l-baġit operattiv skond ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1653/2004 tal-21 ta’ Settembru 2004 li jistabbilixxi regolament standard finanzjarju għall-aġenziji eżekuttivi skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003 li jfassal l-istatut għall-aġenziji eżekuttivi li jridu jiġu fdati b’ċerti kompiti fit-tmexxija tal-programmi tal-Komunità (5). |
|
(9) |
Il-miżuri previsti f’din id-deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat għall-Aġenziji Eżekuttivi, |
IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:
Artikolu 1
It-Twaqqif ta’ l-Aġenzija
1. B’dan qed tiġi mwaqqfa aġenzija eżekuttiva (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “l-Aġenzija”) għall-ġestjoni ta’ l-attività tal-Komunità fis-settur tar-riċerka, li l-istatut tagħha huwa rregolat mir-Regolament (KE) Nru 58/2003.
2. L-isem ta’ l-Aġenzija għandu jkun l-Aġenzija Eżekuttiva tal-Kunsill Ewropew għar-Riċerka.
Artikolu 2
Post
L-Aġenzija għandu jkollha l-uffiċċju tagħha fi Brussell.
Artikolu 3
Terminu ta’ żmien
L-Aġenzija hija b’dan stabbilita għal perjodu li jibda mill-1 ta’ Jannar 2008 u jintemm fit-31 ta’ Diċembru 2017.
Artikolu 4
Għanijiet u kompiti
1. B’dan, l-Aġenzija qed tiġi fdata, fil-qafas tas-Seba’ Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għal attivitajiet ta’ riċerka, żvilupp teknoloġiku u dimostrazzjoni (2007-2013) stabbilit bid-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE (minn issa ‘l quddiem imsejjaħ il-Programm Kwadru), b’dawn il-kompiti li ġejjin:
|
— |
il-ġestjoni ta’ fażijiet tul il-ħajja ta’ proġetti speċifiċi – kif stabbilit fid-deċiżjoni li tiddelega l-poteri lil din l-Aġenzija – fil-kuntest ta’ l-implimentazzjoni tal-Programm Speċifiku Ideat abbażi tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/972/KE (6) u l-programm ta’ ħidma li ġew adottati mill-Kummissjoni, kif ukoll il-kontrolli meħtieġa għal dak il-għan, u biex tadotta d-deċiżjonijiet rilevanti kull fejn il-Kummissjoni tagħtiha s-setgħa biex tagħmel dan; |
|
— |
l-adozzjoni ta’ l-istrumenti għall-eżekuzzjoni tal-baġit għad-dħul u l-ħruġ u l-implimentazzjoni, fil-każi fejn il-Kummissjoni tagħtiha s-setgħa li tagħmel dan, ta’ kull operazzjoni meħtieġa għat-tmexxija tal-Programm Speċifiku Ideat u, b’mod partikolari, dawk marbuta ma’ l-għoti tal-kuntratti u ta’ għotjiet; |
|
— |
il-ġbir, l-analizi, u t-trasferiment lill-Kummissjoni u lill-Kunsill Xjentifiku ta’ kull informazzjoni meħtieġa għall-gwida ta’ l-implimentazzjoni tal-programm Komunitarju. |
2. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddelega l-awtorità lill-Aġenzija għandha tiddefinixxi fid-dettal ix-xogħlijiet kollha fdati lilha u għandha tiġi emendata fid-dawl ta’ kull kompitu addizzjonali li jista’ jkun fdat lill-Aġenzija. Għandha tintbagħat, għall-finijiet ta’ informazzjoni, lill-Kumitat għall-Aġenziji Eżekuttivi.
Artikolu 5
Struttura organizzattiva
1. L-Aġenzija għandha titmexxa minn Kumitat ta’ Ġestjoni u minn Direttur maħtur mill-Kummissjoni.
2. Il-membri tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għandhom jinħatru għal perjodu ta’ sentejn.
3. Id-Direttur ta’ l-Aġenzija għandu jinħatar għal perjodu ta’ erba’ snin.
4. Il-ħatriet tal-membri tal-Kumitat ta’ Ġestjoni u tad-Direttur jistgħu jiġġeddu.
Artikolu 6
Għotjiet
L-Aġenzija għandha tirċievi għotjiet mdaħħla fil-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej meħuda mill-fondi allokati lill-Programm Speċifiku Ideat.
Artikolu 7
Superviżjoni u rapportaġġ
L-Aġenzija għandha tkun suġġetta għas-superviżjoni tal-Kummissjoni u għandha tirrapporta b’mod regolari dwar il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-programm li tkun responsabbli għalih skond l-arranġamenti u fl-intervalli stipulati fid-dokument ta’ delega.
Artikolu 8
Implimentazzjoni tal-baġit operattiv
L-Aġenzija għandha timplimenta l-baġit operattiv tagħha skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1653/2004.
Magħmul fi Brussell, 14 ta’ Diċembru 2007.
Għall-Kummissjoni
Janez POTOČNIK
Membru tal-Kummissjoni
(2) ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1.
(3) ĠU L 54, 22.2.2007, p. 81.
(4) ĠU L 57, 24.2.2007, p. 14.
(5) ĠU L 297, 22.9.2004, p. 6. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1821/2005 (ĠU L 293, 9.11.2005, p. 10).