28.10.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 280/41


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/2084

tal-25 ta’ Ottubru 2022

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1345 li tagħti appoġġ temporanju skont ir-Regolament (UE) 2020/672 lir-Repubblika Ċeka biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad fl-emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672 tad-19 ta’ Mejju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ Strument Ewropew għal appoġġ temporanju biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad f’emerġenza (SURE) wara t-tifqigħa tal-COVID-19 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Wara talba mingħand iċ-Ċekja fis-7 ta’ Awwissu 2020, il-Kunsill, permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1345 (2), ta assistenza finanzjarja liċ-Ċekja fil-forma ta’ self li jammonta għal massimu ta’ EUR 2 000 000 000 b’maturità medja massima ta’ 15-il sena, u b’perjodu ta’ disponibbiltà ta’ 18-il xahar, bil-ħsieb li tikkomplementa l-isforzi nazzjonali taċ-Ċekja biex tindirizza l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 u tirreaġixxi għall-konsegwenzi soċjoekonomiċi ta’ dik it-tifqigħa għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom.

(2)

Is-self kellu jintuża miċ-Ċekja biex jiġu ffinanzjati l-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili, kif imsemmija fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1345.

(3)

It-tifqigħa tal-COVID-19 ipparalizzat parti sostanzjali mill-forza tax-xogħol fiċ-Ċekja. Dan wassal għal żidiet ripetuti f’daqqa u qawwija fin-nefqa pubblika fiċ-Ċekja fir-rigward tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 3, il-punti (a), (c), (d) u (e) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1345.

(4)

It-tifqigħa tal-COVID-19 u l-miżuri straordinarji implimentati miċ-Ċekja fl-2020, fl-2021 u fl-2022 biex titrażżan dik it-tifqigħa u l-impatt soċjoekonomiku u l-impatt marbut mas-saħħa tagħha kellhom u għadu qed ikollhom impatt drammatiku fuq il-finanzi pubbliċi. Fl-2020, iċ-Ċekja kienet mistennija li jkollha defiċit u dejn tal-gvern estiż ta’ 5,8 % u 37,7 % tal-prodott domestiku gross (PDG), rispettivament, li kibru għal 5,9 % u 41,9 % rispettivament fi tmiem l-2021. Skont il-previżjoni tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni, iċ-Ċekja mistennija jkollha defiċit u dejn tal-gvern estiż ta’ 4,3 % u 42,8 % tal-PDG, rispettivament, sa tmiem l-2022. Skont il-previżjoni interim tas-sajf tal-2022 tal-Kummissjoni, il-PDG taċ-Ċekja huwa projettat li jiżdied bi 2,3 % fl-2022.

(5)

Fit-22 ta’ Settembru 2022, iċ-Ċekja talbet assistenza finanzjarja ulterjuri mill-Unjoni fl-ammont ta’ EUR 2 500 000 000 bil-ħsieb li tkompli tikkumplimenta l-isforzi nazzjonali tagħha li wettqet fl-2020, fl-2021 u l-2022 biex tindirizza l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 u tirreaġixxi għall-konsegwenzi soċjoekonomiċi tat-tifqigħa għall-ħaddiema u għal dawk li jaħdmu għal rashom. B’mod partikolari, iċ-Ċekja kompliet testendi u temenda skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili ppreżentati fil-premessi minn (6) sa (9).

(6)

L-iskema ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar magħrufa bħala l-Programm “Antivirus”, kif imsemmi fl-Artikolu 3, il-punt (a), tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1345, tfasslet biex tikkumpensa l-kostijiet tal-pagi tal-impjegaturi privati li kellhom jissospendu jew inaqqsu b’mod sinifikanti l-attività ekonomika tagħhom bħala konsegwenza diretta tal-miżuri meħuda mill-awtoritajiet (l-Għażla “A”), jew indirettament b’riżultat tal-effetti ekonomiċi negattivi tal-pandemija tal-COVID-19 (l-Għażla “B”). Hija kellha bħala l-bażi legali tagħha r-Riżoluzzjoni tal-Gvern Nru 353 tal-31 ta’ Marzu 2020, kif emendata, u l-Artikolu 120 tal-Att Nru 435/2004 Coll. (3), dwar l-impjiegi, kif emendat. Il-Programm ġie estiż u emendat bl-Għażla “A plus” permezz tar-Riżoluzzjoni tal-Gvern Nru 1039 tal-14 ta’ Ottubru 2020 sabiex jipprovdi kumpens sħiħ tal-kostijiet tal-pagi lil min iħaddem imġiegħel jissospendi jew inaqqas l-attività tiegħu minħabba miżuri meħuda mill-awtoritajiet. Il-Programm ġie estiż ukoll permezz ta’ diversi deċiżjonijiet tal-gvern, bl-Għażla “A” tkun attiva mit-12 ta’ Marzu 2020 sat-28 ta’ Frar 2022, l-Għażla “A plus” mill-1 ta’ Ottubru 2020 sal-31 ta’ Mejju 2021 u l-Għażla “B” mit-12 ta’ Marzu 2020 sal-31 ta’ Mejju 2021 u mill-1 ta’ Novembru 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2021.

(7)

L-ewwel bonus kumpensatorju għal dawk li jaħdmu għal rashom, l-hekk imsejjaħ Programm “Pětadvacítka”, kif imsemmi fl-Artikolu 3, il-punt (c), tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1345, introdott bil- “Liġi Nru 159/2020 Coll.” (4), ipprovda lil dawk li jaħdmu għal rashom li ġew imġiegħla jissospendu jew inaqqsu b’mod sinifikanti l-attività ekonomika tagħhom lil hinn mill-volatilità normali tan-negozju b’riżultat tar-riskji tas-saħħa pubblika tal-COVID-19 jew il-miżuri ta’ kriżi meħuda mill-awtoritajiet pubbliċi b’bonus ta’ kumpens ta’ CZK 500 għal kull jum kalendarju għal kull persuna. “Pětadvacítka” kienet attiva mit-12 ta’ Marzu 2020 sat-8 ta’ Ġunju 2020. Introdott bil-Liġi Nru 461/2020 Coll. (5), l-emenda sussegwenti tagħha, il-Programm “bonus kumpensatorju tal-ħarifa” dam mill-5 ta’ Ottubru 2020 sal-15 ta’ Frar 2021 u pprovda bonus tat-taxxa ta’ CZK 500 għal kull jum kalendarju għal dawk li jaħdmu għal rashom sfurzati jissospendu jew inaqqsu b’mod sinifikanti l-attività ekonomika tagħhom b’riżultat tar-riskji għas-saħħa pubblika jew miżuri ta’ kriżi meħuda mill-awtoritajiet pubbliċi. Il-Liġi Nru 95/2021 Coll. (6) u r-riżoluzzjonijiet tal-Gvern relatati (Nru 154/2021 (7) u 188/2021 (8)) introduċew emenda oħra, imsejħa l-“bonus kumpensatorju ġdid għall-2021” li kien attiv mill-1 ta’ Frar 2021 sal-31 ta’ Mejju 2021 u li żied l-ammont tal-bonus tat-taxxa għal CZK 1 000 kuljum. L-aħħar emenda ta’ dan il-bonus kumpensatorju għal dawk li jaħdmu għal rashom, il-“bonus kumpensatorju għall-2022”, introdott mil-Liġi Nru 519/2021 Coll. (9), ammonta wkoll għal 1 000 CZK kuljum u dam għaddej mit-22 ta’ Novembru 2021 sal-31 ta’ Jannar 2022.

(8)

L-eżenzjoni parzjali tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u tas-saħħa dovuti minn dawk li jaħdmu għal rashom), kif imsemmi fl-Artikolu 3, il-punt (d), tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1345, kellha bħala bażi ġuridika l-“Liġi Nru 136/2020 Coll.” (10) (għas-sigurtà soċjali) u l-“Liġi Nru 134/2020 Coll.” (11) (għas-sigurtà tas-saħħa); L-Istat assuma l-ħlas tal-kontribuzzjoni korrispondenti dovuta kull xahar minn Marzu sa Awwissu 2020 tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u tas-saħħa dovuti minn dawk li jaħdmu għal rashom. Filwaqt li l-Programm intemm f’Awwissu 2020, kellhom jitħallsu ammonti addizzjonali fl-2021 b’riżultat tas-saldi relatati ma’ pagamenti bil-quddiem imħallsa minn dawk li jaħdmu għal rashom fl-2020. Il-miżura tikkonsisti fi dħul mitluf għall-Gvern, li għall-fini tal-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2020/672 jista’ jitqies ekwivalenti għan-nefqa pubblika.

(9)

L-“Allowance għall-kura” għal dawk li jaħdmu għal rashom, kif imsemmi fl-Artikolu 3, il-punt (e), tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1345, kellha bħala bażi ġuridika r-Riżoluzzjonijiet tal-Gvern Nru 262 tad-19 ta’ Marzu 2020 (12), Nru 311 tas-26 ta’ Marzu 2020, Nru 354 tal-31 ta’ Marzu 2020, Nru 514 tal-4 ta’ Mejju 2020, Nru 552 tat-18 ta’ Mejju 2020, Nru 1053 tas-16 ta’ Ottubru 2020, Nru 1260 tat-30 ta’ Novembru 2020 u Nru 446 tal-10 ta’ Mejju 2021 u l-Artikolu 14 tal-Att Nru 218/2000 Coll. (13) dwar ir-regoli baġitarji, kif emendat, li japplika għal dawk li jaħdmu għal rashom fil-produzzjoni primarja agrikola u tal-forestrija, u l-Artikolu 3, il-punt (h) tal-Liġi Nru 47/2002 Coll. (14), kif emendata, dwar appoġġ għall-SMEs, li japplika għal dawk kollha li jaħdmu għal rashom. Il-Programm jikkumpensa t-telf ta’ dħul imġarrab minn dawkli jaħdmu għal rashom bħala konsegwenza tal-ħtieġa li jieħdu ħsieb it-tfal jew persuni dipendenti mill-kura b’riżultat tal-għeluq ta’ faċilitajiet ta’ kura tat-tfal u dawk soċjali. L-ammont ta’ appoġġ ta’ kuljum huwa ta’ CZK 424 għal Marzu 2020 u CZK 500 għal perjodu minn April sa Ġunju 2020. Il-Programm ġie estiż għall-perjodu minn Ottubru 2020 sa Mejju 2021 meta pprovda appoġġ ta’ kuljum ta’ CZK 400.

(10)

Iċ-Ċekja tissodisfa l-kundizzjonijiet għat-talba ta’ assistenza finanzjarja stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/672. Iċ-Ċekja pprovdiet lill-Kummissjoni b’evidenza xierqa li n-nefqa pubblika attwali u ppjanata żdiedet b’EUR 5 349 588 352 mill-1 ta’ Frar 2020 b’riżultat tal-miżuri nazzjonali meħuda biex jiġu indirizzati l-effetti soċjoekonomiċi tat-tifqigħa tal-COVID-19. Din tikkostitwixxi żieda f’daqqa u qawwija minħabba li hija relatata ma’ estensjoni ta’ miżuri nazzjonali eżistenti dwar l-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili li jkopru proporzjon sinifikanti ta’ impriżi u tal-forza tax-xogħol fiċ-Ċekja. Iċ-Ċekja beħsiebha tiffinanzja EUR 215 333 982 tal-ammont miżjud tan-nefqa permezz tal-fondi tal-Unjoni u EUR 634 254 370 permezz tal-finanzjament tagħha stess.

(11)

Il-Kummissjoni kkonsultat liċ-Ċekja u vverifikat iż-żieda għal għarrieda u qawwija fin-nefqa pubblika reali u ppjanata direttament relatata mal-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili, kif imsemmija fit-talba tat-22 ta’ Settembru 2022, f’konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2020/672.

(12)

Għalhekk jenħtieġ li tingħata assistenza finanzjarja bil-għan li ċ-Ċekja tiġi megħjuna tindirizza l-effetti soċjoekonomiċi tat-taqlib ekonomiku gravi kkawżat mit-tifqigħa tal-COVID-19. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tieħu d-deċiżjonijiet rigward il-maturitajiet, il-qies u r-rilaxx tal-ħlasijiet parzjali u tal-partijiet f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali.

(13)

Minħabba li l-perjodu ta’ disponibbiltà indikat fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1345 skada, huwa meħtieġ perjodu ta’ disponibbiltà ġdid għall-assistenza finanzjarja addizzjonali. Il-perjodu ta’ disponibbiltà għall-assistenza finanzjarja ta’ 18-il xahar mogħtija bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1345 jenħtieġ li jiġi estiż b’21 xahar u b’konsegwenza ta’ dan il-perjodu ta’ disponibbiltà totali jenħtieġ li jkun ta’ 39 xahar mill-ewwel jum wara li tidħol fis-seħħ id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1345.

(14)

Jenħtieġ li ċ-Ċekja u l-Kummissjoni jqisu din id-Deċiżjoni fil-ftehim dwar is-self imsemmi fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2020/672.

(15)

Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tkun mingħajr preġudizzju għall-eżitu ta’ kull proċedura relatata ma’ distorsjonijiet tal-operat tas-suq intern li tista’ titwettaq, b’mod partikolari skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat. Din ma twarrabx il-ħtieġa li l-Istati Membri jinnotifikaw każijiet ta’ għajnuna potenzjali mill-Istat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108 tat-Trattat.

(16)

Jenħtieġ li ċ-Ċekja tinforma lill-Kummissjoni fuq bażi regolari bl-implimentazzjoni tan-nefqa pubblika ppjanata, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tivvaluta l-punt sa fejn iċ-Ċekja tkun implimentat dik in-nefqa.

(17)

Id-deċiżjoni li tingħata assistenza finanzjarja ttieħdet b’kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet eżistenti u mistennija taċ-Ċekja, kif ukoll it-talbiet għal assistenza finanzjarja skont ir-Regolament (UE) 2020/672 diġà ppreżentati jew ippjanati li jiġu ppreżentati minn Stati Membri oħrajn, filwaqt li jiġu applikati l-prinċipji ta’ trattament ugwali, solidarjetà, proporzjonalità u trasparenza,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1345 hija emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 u 2 huma sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-Unjoni għandha tagħmel disponibbli self liċ-Ċekja li jammonta għal massimu ta’ EUR 4 500 000 000. Is-self għandu jkollu maturità medja massima ta’ 15-il sena.

2.   Il-perjodu ta’ disponibbiltà għall-għajnuna finanzjarja mogħtija b’din id-Deċiżjoni għandu jkun ta’ 39-il xahar li jibdew mill-ewwel jum wara li din id-Deċiżjoni ssir effettiva.”;

(b)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   L-ewwel ħlas parzjali għandu jiġi rilaxxat soġġett għad-dħul fis-seħħ tal-ftehim tas-self previst fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2020/672. Kwalunkwe ħlas parzjali sussegwenti għandu jiġi rilaxxat f’konformità mat-termini ta’ dak il-ftehim ta’ self jew, fejn rilevanti, ikun soġġett għad-dħul fis-seħħ ta’ addendum għal dan, jew ta’ ftehim ta’ self emendat konkluż bejn iċ-Ċekja u l-Kummissjoni li jissostitwixxi l-ftehim ta’ self oriġinali.”;

(2)

L-Artikolu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 3

Iċ-Ċekja tista’ tiffinanzja l-miżuri li ġejjin:

(a)

il-Programm ‘Antivirus’ kif previst fir-‘Riżoluzzjoni tal-Gvern Nru 353 tal-31 ta’ Marzu 2020’, kif emendata, li l-bażi legali tagħha huwa l-Artikolu 120 tal-‘Liġi Nru 435/2004 Coll., dwar l-impjiegi’, kif emendata u estiża bir-Riżoluzzjoni tal-Gvern Nru 1039 tal-14 ta’ Ottubru 2020 u b’diversi deċiżjonijiet tal-gvern;

(b)

l-Għażla C tal-Programm ‘Antivirus’, kif prevista fil-‘Liġi Nru 300/2020 Coll.’;

(c)

il-Programm ‘Pětadvacítka’, il-bonus ta’ kumpens għal dawk li jaħdmu għal rashom, kif previst fil-‘Liġi Nru 159/2020 Coll.’, kif emendata bil-‘bonus kumpensatorju tal-ħarifa’ kif previst fil-‘Liġi Nru 461/2020 Coll.’, il-‘bonus kumpensatorju l-ġdid għall-2021’ kif previst fil-‘Liġi Nru 95/2021 Coll.’ u r-‘Riżoluzzjonijiet tal-Gvern Nru 154/2021 u 188/2021’ relatati u l-‘bonus kumpensatorju għall-2022’ kif previst fil-‘Liġi Nru 519/2021 Coll.’;

(d)

l-eżenzjoni parzjali tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u tas-saħħa dovuti minn dawk li jaħdmu għal rashom, kif previst fil-‘Liġi Nru 136/2020 Coll.’ (għas-sigurtà soċjali) u l-‘Liġi Nru 134/2020 Coll.’ (għas-sigurtà tas-saħħa);

(e)

l-‘Allowance għall-kura’ għal dawk li jaħdmu għal rashom, kif previst fir-‘Riżoluzzjonijiet tal-Gvern Nru 262 tad-19 ta’ Marzu 2020, Nru 311 tas-26 ta’ Marzu 2020, Nru 354 tal-31 ta’ Marzu 2020, Nru 514 tal-4 ta’ Mejju 2020, Nru 552 tat-18 ta’ Mejju 2020’, u kif l-aħħar emendati u estiżi bir-‘Riżoluzzjoni tal-Gvern Nru 446 tal-10 ta’ Mejju 2021’, u l-Artikolu 14 tal-‘Liġi Nru 218/2000 Coll.’ dwar ir-regoli baġitarji, kif emendata, li tapplika għal dawk li jaħdmu għal rashom fil-produzzjoni primarja agrikola u tal-forestrija, u l-Artikolu 3, il-punt (h), tal-‘Liġi Nru 47/2002 Coll.’ dwar l-appoġġ lill-SMEs, kif emendata, li tapplika għall-ħaddiema għal rashom l-oħra kollha.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ċeka.

Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha lid-destinatarju.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-25 ta’ Ottubru 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

J. SÍKELA


(1)   ĠU L 159, 20.5.2020, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1345 tal-25 ta’ Settembru 2020 li tagħti appoġġ temporanju skont ir-Regolament (UE) 2020/672 lir-Repubblika Ċeka biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad fl-emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19 (ĠU L 314, 29.9.2020, p. 17).

(3)  Il-Liġi Nru 435/2004 Coll. l-Att dwar l-Impjiegi, kif emendat, ippubblikat fil-Kollezzjoni tal-liġijiet numru 143 mit-23 ta’ Lulju 2004.

(4)  Il-Liġi Nru 159/2020 Coll. dwar bonus ta’ kumpens relatat ma’ miżuri ta’ kriżi marbuta mal-inċidenza tal-coronavirus tas-SARS CoV-2, kif emendata, ippubblikata fil-Kollezzjoni tal-liġijiet numru 59 tal-14 ta’ April 2020.

(5)  Il-Liġi Nru 461/2020 Coll. dwar bonus ta’ kumpens b’rabta mal-projbizzjoni jew ir-restrizzjoni ta’ attivitajiet kummerċjali relatati mal-okkorrenza tal-coronavirus tas-SARS CoV-2, kif emendata, ippubblikata fil-Kollezzjoni tal-liġijiet numru 189 tat-13 ta’ Novembru 2020.

(6)  Il-Liġi Nru 95/2021 Coll. dwar bonus ta’ kumpens għall-2021, kif emendata, ippubblikata fil-Kollezzjoni tal-liġijiet numru 38 tas-26 ta’ Frar 2021.

(7)  Ir-Riżoluzzjoni tal-Gvern Nru 154/2021 Coll. dwar il-Bonus ta’ Kumpens għall-2021, kif emendata, ippubblikata fil-Kollezzjoni tal-liġijiet numru 60 tal-31 ta’ Marzu 2021.

(8)  Ir-Riżoluzzjoni tal-Gvern Nru 188/2021 Coll. dwar id-determinazzjoni tal-perjodu ta’ bonus li jmiss tal-bonus ta’ kumpens għall-2021, kif emendata, ippubblikata fil-Kollezzjoni tal-liġijiet numru 79 tas-7 ta’ Mejju 2021.

(9)  Il-Liġi Nru 519/2021 Coll. dwar bonus ta’ kumpens għall-2022, kif emendata, ippubblikata fil-Kollezzjoni tal-liġijiet numru 226 tat-23 ta’ Diċembru 2021.

(10)  Il-Liġi Nru 136/2020 Coll. dwar ċerti aġġustamenti fil-qasam tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u l-kontribuzzjonijiet għall-polza tal-assigurazzjoni tal-impjieg u tal-pensjoni tal-istat b’rabta ma’ miżuri ta’ emerġenza matul l-epidemija fl-2020, kif emendata, ippubblikata fil-Kollezzjoni tal-liġijiet numru 48 tas-27 ta’ Marzu 2020.

(11)  Il-Liġi Nru 134/2020 Coll. li temenda l-Liġi Nru 592/1992 Coll., dwar il-primjums tal-assigurazzjoni tas-saħħa pubblika, kif emendata, ippubblikata fil-Kollezzjoni tal-liġijiet numru 48 tas-27 ta’ Marzu 2020.

(12)  Ir-Riżoluzzjoni tal-Gvern Nru 262/2020 Coll. dwar l-adozzjoni ta’ miżura ta’ kriżi, kif emendata, ippubblikata fil-Kollezzjoni tal-liġijiet numru 42 tad-19 ta’ Marzu 2020.

(13)  Il-Liġi Nru 218/2000 Coll. dwar ir-regoli baġitarji, kif emendata, ippubblikata fil-Kollezzjoni tal-liġijiet numru 65 tal-21 ta’ Lulju 2000.

(14)  Il-Liġi Nru 47/2002 Coll. dwar l-appoġġ għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, kif emendata, ippubblikata fil-Kollezzjoni tal-liġijiet numru 20 tat-8 ta’ Frar 2002.