European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2585

16.12.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2025/2585

tal-15 ta’ Diċembru 2025

li temenda d-Deċiżjoni 2012/642/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja u l-involviment tal-Belarussja fl-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-15 ta’ Ottubru 2012, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2012/642/PESK (1).

(2)

Fil-15 ta’ Diċembru 2020, il-Kunsill adotta konklużjonijiet li jappellaw għal aktar risponsi msaħħa fil-livell tal-Unjoni biex jiġi miġġieled it-theddid ibridu, inkluż id-diżinformazzjoni, u biex tissaħħaħ ir-reżiljenza. Il-Kunsill innota li teknoloġiji u kriżijiet ġodda jagħtu opportunitajiet lill-atturi ostili biex jespandu l-attivitajiet ta’ interferenza tagħhom. Dawk l-attivitajiet joħolqu sfidi addizzjonali għall-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

(3)

Wara l-adozzjoni tal-Boxxla Strateġika għas-Sigurtà u d-Difiża f’Marzu 2022, l-Unjoni stabbiliet sett ta’ għodod tal-Unjoni kontra theddid ibridu. Dak is-sett ta’ għodod jinkludi l-miżuri preventivi, kooperattivi, ta’ bini ta’ stabbiltà, restrittivi u ta’ appoġġ imsemmija fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-21 ta’ Ġunju 2022 dwar Qafas għal risposta koordinata tal-UE għal kampanji ibridi.

(4)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-21 ta’ Ġunju 2022, kif ukoll dawk tat-18 ta’ Lulju 2022, il-Kunsill tenna l-appell lir-Rappreżentant Għoli u lill-Kummissjoni biex jippreżentaw opzjonijiet, li jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, għal miżuri definiti sew li jistgħu jittieħdu kontra atturi involuti fil-Manipulazzjoni tal-Informazzjoni u Interferenza minn Barranin (“FIMI”) meta jkun neċesssarju li jiġu protetti l-ordni pubbliku u s-sigurtà fl-Unjoni. Dak l-appell sar fil-kuntest tal-Pjan ta’ Azzjoni kontra d-Diżinformazzjoni tal-2018, u s-Sistema ta’ Twissija Rapida li ġiet stabbilita fl-2019 biex jiġu ffaċilitati l-iskambju tal-informazzjoni u l-aħjar prattiki fost l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-Istati Membri b’rabta mal-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni.

(5)

Fi Frar 2023, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna ppubblika rapport dwar it-theddid tal-FIMI, fejn iddefinixxa l-FIMI bħala xejra ta’ mġiba fil-biċċa l-kbira mhux illegali li thedded jew li għandha l-potenzjal li tħalli impatt negattiv fuq il-valuri, il-proċeduri u l-proċessi politiċi. Din l-attività hija ta’ natura manipulattiva u ssir b’mod intenzjonat u kkoordinat minn atturi statali jew mhux statali, inkluż il-forzi bi prokura tagħhom ġewwa u barra mit-territorju tagħhom stess. Dak ir-rapport ġie segwit mill-iżvilupp tas-sett ta’ għodod FIMI, li ġie approvat mill-Kunsill f’Diċembru 2023 li jipprovdi qafas kondiviż għar-risponsi, flimkien mal-metodoloġija tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna għall-identifikazzjoni l-kampanji tal-FIMI u jingħata rispons għalihom.

(6)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tad-19 ta’ Frar 2024, il-Kunsill ikkundanna bil-qawwa l-attakki ibridi fil-fruntieri esterni tal-Unjoni, inkluż l-istrumentalizzazzjoni tal-migranti mir-reġim Belarussu, li fiha r-Russja kienet kompliċi, għal finijiet politiċi.

(7)

Fil-11 ta’ Diċembru 2024, il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni biex tappoġġa lill-Istati Membri fil-ġlieda kontra t-theddid ibridu mir-Russja u mill-Belarussja fl-użu tal-migrazzjoni bħala arma u fit-tisħiħ tas-sigurtà fil-fruntieri esterni tal-UE.

(8)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-21 ta’ Mejju 2024, il-Kunsill irrikonoxxa li l-atturi statali u mhux statali qed jużaw dejjem aktar tattiċi ibridi, li joħolqu theddida dejjem akbar għas-sigurtà tal-Unjoni, l-Istati Membri tagħha u s-sħab tagħha, u appella lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u lill-Istati Membri biex iżidu l-azzjoni biex jimmonitorjaw it-tentattivi minn atturi barranin biex jinterferixxu fil-proċess demokratiku tal-Unjoni.

(9)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-23 ta’ Ottubru 2025, il-Kunsill Ewropew ġibed l-attenzjoni għall-attakki ibridi intensifikati tar-Russja u l-Belarussja u l-ksur reċenti tal-ispazju tal-ajru tal-Unjoni.

(10)

Fid-29 ta’ Ottubru 2025, ir-Rappreżentant Għoli ħarġet dikjarazzjoni f’isem l-Unjoni Ewropea li tikkundanna l-azzjonijiet persistenti, provokattivi u inaċċettabbli tal-Belarussja kontra l-Unjoni u l-Istati Membri. L-inkursjonijiet ta’ blalen tal-arja meteoroloġiċi fl-ispazju tal-ajru tal-Litwanja mill-Belarussja, li fixklu mijiet ta’ titjiriet u kkawżaw telf sostanzjali lill-ajruporti Litwani u lil eluf ta’ vjaġġaturi, huma tentattiv biex jintimidaw liċ-ċittadini Ewropej billi jkunu ta’ theddid dirett għall-avjazzjoni ċivili u jirriskjaw li jiddestabbilizzaw Stat Membru tal-Unjoni. Dawk il-blalen tal-arja mhumiex biss għodod ta’ kuntrabandu, iżda l-inkursjonijiet tagħhom iseħħu fil-kuntest ta’ kampanja ibrida mmirata usa’, flimkien ma’ azzjonijiet oħra li jinkludu il-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti sponsorjata mill-Istat.

(11)

Għalhekk, il-Kunsill iqis li huwa meħtieġ li jiġi introdott fid-Deċiżjoni 2012/642/PESK kriterju addizzjonali għall-elenkar ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi li jkunu responsabbli għal, jimplimentaw, jappoġġaw, jibbenefikaw minn, ikunu involuti fi jew jiffaċilitaw azzjonijiet jew politiki attribwibbli lir-Repubblika tal-Belarussja li jdgħajfu jew jheddu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-istabbiltà jew is-sigurtà fl-Unjoni jew f’wieħed jew aktar mill-Istati Membri tagħha, f’organizzazzjoni internazzjonali, jew f’pajjiż terz, jew li jdgħajfu jew jheddu s-sovranità jew l-indipendenza ta’ wieħed jew aktar mill-Istati Membri tagħha, jew ta’ pajjiż terz, inkluż f’każijiet fejn dan jirriżulta fit-tfixkil tal-funzjonament tal-infrastruttura kritika, fejn ikun raġonevoli li wieħed jemmen li l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi kienu mill-inqas konxji mill-effetti potenzjali.

(12)

Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2012/642/PESK tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2012/642/PESK hija emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 3(1) huwa emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħlu l-punti li ġejjin:

“(ca)

li jkunu responsabbli għal, jimplimentaw, jappoġġaw, jibbenefikaw minn, ikunu involuti fi jew jiffaċilitaw azzjonijiet jew politiki attribwibbli lir-Repubblika tal-Belarussja li jdgħajfu jew jheddu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-istabbiltà jew is-sigurtà fl-Unjoni jew f’wieħed jew aktar mill-Istati Membri tagħha, f’organizzazzjoni internazzjonali jew f’pajjiż terz, jew li jdgħajfu jew jheddu s-sovranità jew l-indipendenza ta’ wieħed jew aktar mill-Istati Membri tagħha, jew ta’ pajjiż terz, permezz tal-azzjonijiet li ġejjin:

(i)

l-ippjanar, id-direzzjoni, l-involviment, dirett jew indirett fi, l-appoġġ, jew l-iffaċilitar b’xi mod ieħor tal-użu ta’ manipulazzjoni tal-informazzjoni u interferenza;

(ii)

l-ippjanar, id-direzzjoni, l-involviment, dirett jew indirett fi, l-appoġġ, jew l-iffaċilitar b’xi mod ieħor ta’ kwalunkwe azzjoni mmirata kontra l-funzjonament ta’ istituzzjonijiet demokratiċi, attivitajiet ekonomiċi jew servizzi ta’ interess pubbliku, inkluż permezz ta’ dħul mhux awtorizzat fit-territorju ta’ Stat Membru, inkluż l-ispazju tal-ajru tiegħu, jew immirata biex tinterferixxi ma’, tikkawża ħsara lil jew teqred infrastruttura kritika, inkluż permezz ta’ sabotaġġ jew attivitajiet ċibernetiċi malizzjużi bħala parti minn attivitajiet ibridi;

(iii)

l-ippjanar u d-direzzjoni ta’ azzjonijiet mifruxa jew sistematiċi li jfixklu l-funzjonament tal-infrastruttura kritika, l-involviment dirett jew indirett fihom, l-appoġġ għalihom, jew inkella l-iffaċilitar tagħhom;

(cb)

li jkunu persuni fiżiċi li jappoġġaw lill-persuni involuti fl-attivitajiet imsemmija fil-punt (ca);”

;

(b)

il-punt (f) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(f)

li jkunu persuni fiżiċi assoċjati mal-persuni msemmija fil-punti (b), (c), (ca), (d) jew (e).”.

(2)

L-Artikolu 4(1) huwa emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħlu l-punti li ġejjin:

“(ca)

persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi li jkunu responsabbli għal, jimplimentaw, jappoġġaw, jibbenefikaw minn, ikunu involuti fi jew jiffaċilitaw azzjonijiet jew politiki attribwibbli lir-Repubblika tal-Belarussja li jdgħajfu jew jheddu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-istabbiltà jew is-sigurtà fl-Unjoni jew f’wieħed jew aktar mill-Istati Membri tagħha, f’organizzazzjoni internazzjonali jew f’pajjiż terz, jew li jdgħajfu jew jheddu s-sovranità jew l-indipendenza ta’ wieħed jew aktar mill-Istati Membri tagħha, jew ta’ pajjiż terz, permezz tal-azzjonijiet li ġejjin:

(i)

l-ippjanar, id-direzzjoni, l-involviment, dirett jew indirett fi, l-appoġġ, jew l-iffaċilitar b’xi mod ieħor tal-użu ta’ manipulazzjoni tal-informazzjoni u interferenza;

(ii)

l-ippjanar, id-direzzjoni, l-involviment, dirett jew indirett fi, l-appoġġ, jew l-iffaċilitar b’xi mod ieħor ta’ kwalunkwe azzjoni mmirata kontra l-funzjonament ta’ istituzzjonijiet demokratiċi, attivitajiet ekonomiċi jew servizzi ta’ interess pubbliku, inkluż permezz ta’ dħul mhux awtorizzat fit-territorju ta’ Stat Membru, inkluż l-ispazju tal-ajru tiegħu, jew immirata biex tinterferixxi ma’, tikkawża ħsara lil jew teqred infrastruttura kritika, inkluż permezz ta’ sabotaġġ jew attivitajiet ċibernetiċi malizzjużi bħala parti minn attivitajiet ibridi;

(iii)

l-ippjanar u d-direzzjoni ta’ azzjonijiet mifruxa jew sistematiċi li jfixklu l-funzjonament tal-infrastruttura kritika, l-involviment dirett jew indirett fihom, l-appoġġ għalihom, jew inkella l-iffaċilitar tagħhom;

(cb)

persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi li jappoġġaw lill-persuni, l-entitajiet jew il-korpi involuti fl-attivitajiet imsemmija fil-punt (ca);”

;

(b)

il-punt (f) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(f)

persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjali mal-persuni, l-entitajiet jew il-korpi msemmija fil-punti (b), (c), (ca), (d) jew (da).”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Diċembru 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

K. KALLAS


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/642/PESK tal-15 ta’ Ottubru 2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja u l-involviment tal-Belarussja fl-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna (ĠU L 285, 17.10.2012, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/642/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/2585/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)