6.3.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 71/8


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/372

tas-27 ta’ Frar 2020

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali fir-rigward tal-adozzjoni ta’ emendi għall-Annessi 1, 3, 4, 6, 10, 11, 13, 14, 15, 16 u 18 tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (il-“Konvenzjoni ta’ Chicago”), li tirregola t-trasport bl-ajru internazzjonali, daħlet fis-seħħ fl-4 ta’ April 1947. Hija stabbilixxiet l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO).

(2)

L-Istati Membri tal-Unjoni huma Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Chicago u membri tal-ICAO, filwaqt li l-Unjoni għandha status ta’ osservatur f’ċerti korpi tal-ICAO.

(3)

Taħt l-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, il-Kunsill tal-ICAO għandu l-funzjoni li jadotta standards internazzjonali u prattiki rakkomandati.

(4)

Il-Kunsill tal-ICAO, fil-219-il sessjoni tiegħu li tibda fit-2 ta’ Marzu 2020, mistenni jadotta għadd ta’ emendi għall-Annessi 1, 3, 4, 6, 10, 11, 13, 14, 15, 16 u 18 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago (l-“emendi”), fl-oqsma tas-sikurezza, tal-ambjent u tan-navigazzjoni tal-ajru.

(5)

Ladarba jiġu adottati, l-emendi se jorbtu lill-Istati Membri kollha tal-ICAO, inklużi l-Istati Membri kollha tal-Unjoni, f’konformità mal-Konvenzjoni ta’ Chicago u fil-limiti stabbiliti fiha, u se jkunu kapaċi jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni.

(6)

Ikun għalhekk adatt li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill tal-ICAO fir-rigward tal-emendi.

(7)

Jenħtieġ li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni jkun limitat għall-kontenut tal-emendi, sa fejn dak il-kontenut jaqa’ f’qasam li huwa diġà, fil-parti l-kbira tiegħu, kopert minn regoli komuni tal-UE. Din id-Deċiżjoni mhijiex mistennija taffettwa d-distribuzzjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri fil-kamp tal-avjazzjoni.

(8)

Jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kunsill tal-ICAO tkun li tappoġġa l-politiki espressi fl-emendi, billi dawn jikkontribwixxu għat-titjib tas-sikurezza tal-avjazzjoni u tal-istandards ambjentali.

(9)

Jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni tiġi espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tal-Kunsill tal-ICAO, li jaġixxu b’mod konġunt,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) fil-219-il sessjoni tiegħu fir-rigward tal-adozzjoni ta’ emendi għall-Annessi 1, 3, 4, 6, 10, 11, 13, 14, 15, 16 u 18 tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (1) għandha tiġi espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tal-Kunsill tal-ICAO, li jaġixxu b’mod konġunt.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Frar 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

D. HORVAT


(1)  Ara d-dokument ST 6180/20 fis-sit http://register.consilium.europa.eu.