Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fit‑22 ta’ Ottubru 2026 (1)

Kawża C‑633/25

Caixa Geral de Depósitos, S.A.

vs

Autoridade Tributária e Aduaneira

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Portugall))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxi Diretti – Direttiva 90/435/KEE (‘Direttiva dwar il-kumpanniji omm u s-sussidjarji’) – Applikabbiltà għas-sitwazzjonijiet purament interni – Traspożizzjoni eċċessiva ta’ direttiva – Distribuzzjoni tal-profitti minn kumpannija sussidjarja lill-kumpannija omm tagħha – Eżenzjoni mit-taxxa fil-livell tal-kumpannija omm – Prevenzjoni tat-taxxa doppja ekonomika – Perijodu minimu ta’ żamma tal-ishma tal-kumpannija omm fis-sussidjarja”






I.      Introduzzjoni

1.        Din il-kawża tirrigwarda l-mekkaniżmu eżistenti fl-Unjoni Ewropea sabiex tiġi evitata t-taxxa doppja ekonomika tat-tqassim tal-profitti bejn il-kumpanniji omm u s-sussidjarji. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja, għal darba oħra, għandha l-okkażjoni li tittratta (2) d-Direttiva 90/435/KEE (3) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-kumpanniji omm u s-sussidjarji”).

2.        L-isfond għal din il-kawża huwa tilwima bejn bank Portugiż, Caixa Geral de Depósitos S.A. (CGD), u l-awtorità tat-taxxa Portugiża dwar il-portata tat-tnaqqis ta’ ċerti dividendi mill-profitti taxxabbli tiegħu; dawn id-dividendi kienu tqassmu lil dan il-bank minn diversi kumpanniji stabbiliti wkoll fil-Portugall, bħala “sussidjarji”.

3.        F’dan il-kuntest, il-portata tad-dispożizzjoni dwar il-perijodu minimu ta’ żamma tal-ishma ta’ kumpannija omm fis-sussidjarji distributriċi fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva dwar il-kumpanniji omm u s-sussidjarji hija kontroversjali. Huwa ċert li dan il-perijodu minimu ta’ żamma huwa rilevanti sabiex tiġi ddeterminata l-kwalità ta’ kumpannija omm ta’ CGD. Għad irid jiġi ddeterminat jekk dan il-perijodu minimu ta’ żamma huwiex rilevanti wkoll, b’mod konkret, fir-rigward ta’ kull waħda mill-ishma li għalihom CGD irċeviet dividendi, sabiex dawn id-dividendi jkunu jistgħu jnaqqsu l-bażi taxxabbli ta’ CGD.

4.        Id-deċiżjoni preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja hija ta’ importanza li tmur lil hinn minn dan il-każ għal żewġ raġunijiet: minn naħa, id-Direttiva dwar il-kumpanniji omm u s-sussidjarji hija ta’ importanza prattika kunsiderevoli għall-attività tal-impriżi fis-suq intern (4). F’dan ir-rigward, għandhom b’mod partikolari jiġu evitati inċentivi ekonomiċi żbaljati minħabba t-taxxa doppja.

5.        Min-naħa l-oħra, il-kawża tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tirfina l-ġurisprudenza stabbilita, diġà ta’ 36 sena, dwar il-ġuriżdizzjoni preliminari tagħha stess fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet purament interni (ġurisprudenza msejħa “Dzodzi” (5)). Ir-raġuni konkreta hija t-“traspożizzjoni eċċessiva” (6) tad-Direttiva 90/435 mil-leġiżlatur Portugiż, li permezz tagħha dan estenda d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-kumpanniji omm u s-sussidjarji għal ċerti sitwazzjonijiet nazzjonali li fir-realtà ma hijiex intiża għalihom.

II.    Il‑kuntest ġuridiku

A.      Id‑dritt tal‑Unjoni

6.        Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-kumpanniji omm u s-sussidjarji huwa ddefinit fl-Artikolu 1(1) tagħha fil-verżjoni inizjali rilevanti tagħha f’dan il-każ, kif ġej:

“Kull wieħed mill-Istati Membri għandu japplika din id-Direttiva:

–        għat-tqassim tal-qligħ irċevut mill-kumpanji ta’ dan l-Istat li jkun ġej mill-kumpanniji sussidjarji fl-Istati Membri l-oħra,

–        għat-tqassim tal-qligħ mill-kumpanniji ta’ dan l-Istat lill-kumpanniji fl-Istati Membri l-oħra li tagħhom il-kumpanniji ta’ l-Istat ta’ l-ewwel ikunu sussidjarji.”

7.        Il-kunċetti ta’ “kumpannija omm” u ta’ “sussidjarja” huma ddefiniti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva dwar il-kumpanniji omm u s-sussidjarji kif ġej:

“1.      Għall-għanijiet sabiex tiġi applikata din id-Direttiva,

(a)      l-istatus tal-kumpannija ġenitur għandu jiġi attribwit għall-inqas lil kull kumpannija ta’ Stat Membru li twettaq il-kondizzjonijiet iddikjarati fl-Artikolu 2 u li jkollha sehem minimu ta’ 25 % fil-kapital ta’ kumpannija ta’ Stat Membru ieħor li twettaq l-istess kondizzjonijiet;

(b)      ‘(kumpannija) sussidjarja’ għandha tfisser dik il-kumpannija li l-kapital tagħha jinkludi s-sehem riferit fil‑(a).

2.      Bħala deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri għandu jkollhom il-għażla li:

–        jibdlu, permezz ta’ ftehim bilaterali, il-kriterju taż-żamma ta’ sehem fil-kapital bil-kriterju ta’ żamma ta’ sehem bid-drittijiet għall-vot,

–        li ma japplikawx din id-Direttiva għall-kumpanniji ta’ dan l-Istat Membru li għal perjodu taż-żmien mhux interrott ta’ mill-inqas sentejn rigward iż-żamma ta’ l-ishma li jikkwalifikawhom bħala kumpanniji ġenitur jew għal dawk mill-kumpanniji tagħhom li fihom kumpannija ta’ Stat Membru ieħor ma jżommux ishma minn dawn għal-perjodu taż-żmien mhux interrott ta’ mill-inqas sentejn.”

8.        Konformement mal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva:

“Meta kumpannija ġenitur, bis-saħħa ta’ l-assoċjazzjoni tagħha mal-kumpannija sussidjarja tagħha, tirċievi profitti mqassma, l-Istat tal-kumpannija ġenitur għandu, għajr meta din ta’ l-aħħar tiġi llikwidata, jew:

–        iżomm lura milli jintaxxa dawn il-profitti, jew

–        jintaxxa dan il-qligħ filwaqt li jawtorizza lill-kumpannija ġenitur biex tnaqqas mill-ammont tat-taxxa mistħoqqa dak il-frazzjon tat-taxxa fuq il-korporazzjonijiet imħallas mill-kumpannija sussidjarja li jkollu x’jaqsam ma’ dawn il-profitti u, jekk ikun xieraq, l-ammont tat-taxxa mnaqqsa imposta mill-Istat Membru li fih tkun tirresjiedi l-kumpannija sussidjarja, skond id-derogi pprovvduti fl-Artikolu 5, sal-limitu ta’ l-ammont tat-taxxa domestika korrispondenti.”

9.        Barra minn hekk, l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva dwar il-kumpanniji omm u s-sussidjarji jipprovdi:

“1.      Il-profitti li kumpannija sussidjarja tkun qassmet lill-kumpannija ġenitur tagħha għandhom, għall-inqas fejn din ta’ l-aħħar iżżomm minimu ta’ 25 % tal-kapital tal-kumpannija sussidjarja, jiġu eżentati mit-taxxa mnaqqsa.”

B.      Id-dritt Portugiż

10.      Kif jirriżulta mit-titolu tiegħu, l-Artikolu 46 tal-Código do Imposto sobre o Rendimento das Pessoas Coletivas (il-Kodiċi tat-Taxxa Fuq id-Dħul tal-Persuni Ġuridiċi, iktar ’il quddiem iċ-“CIRC”), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, kien jirregola l-“eliminazzjoni tat-taxxa doppja ekonomika tal-profitti mqassma” u kien ifformulat kif ġej, fl-estratt:

“1.      Għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-profitti taxxabbli tal-kumpanniji kummerċjali, tal-kumpanniji rregolati mid-dritt ċivili li jeżerċitaw attività kummerċjali, tas-soċjetajiet kooperattivi u tal-impriżi pubbliċi li għandhom is-sede tagħhom jew l-amministrazzjoni effettiva tagħhom fit-territorju Portugiż, il-profitti mqassma li huma inklużi bħala dħul fil-bażi taxxabbli għandhom jitnaqqsu, sakemm jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

[...]

(c)      Il-benefiċjarju għandu fil-kapital tal-kumpannija distributriċi b’mod dirett ta’ mill-inqas 10 % jew ta’ valur ta’ akkwist ta’ mill-inqas EUR 20 000 000 li huwa żamm b’mod mhux interrott matul is-sena ta’ qabel it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-profitti; jekk is-sehem ikun inżamm għal perijodu iqsar, dan għandu japplika bil-kundizzjoni li jinżamm sakemm jintlaħaq dan il-perijodu.

[...]

5)      Il-paragrafu 1 għandu japplika wkoll meta entità stabbilita fit-territorju Portugiż ikollha sehem f’entità stabbilita fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, skont it-termini u l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan il-paragrafu, bil-kundizzjoni li ż-żewġ entitajiet jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 90/435/KEE.

[...]

7)      It-tnaqqis previst fil-paragrafu 1 jammonta biss għal 50 % tad-dħul, inkluż fil-profitti taxxabbli, li jikkorrispondi għall-profitti ddistribwiti, meta ebda waħda mill-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 (b) u (c) ma tkun issodisfatta, kif ukoll għad-dħul irċevut skont ftehim ta’ sehem f’dividendi mqassma, sakemm il-kundizzjoni prevista fil-paragrafu 1(a) tiġi ssodisfatta f’kull każ.

[...]”

III. Il-fatti u l-kawża prinċipali

11.      CGD hija bank stabbilit fil-Portugall, ikkostitwita fil-forma ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata b’kapital esklużivament pubbliku.

12.      Fl‑2005, CGD ippreżentat lill-awtorità tat-taxxa Portugiża dikjarazzjoni fiskali rrettifikata għas-sena finanzjarja 2003. Hemmhekk, CGD talbet id-dritt li tnaqqas mill-profitt taxxabbli tagħha d-dividendi kollha li kienu tqassmu lilha minn erba’ kumpanniji Portugiżi differenti, li fihom hija kellha ishma b’valur ta’ akkwist ta’ iktar minn EUR 30 000 000 kull wieħed (7).

13.      Fl‑2009, l-awtorità tat-taxxa Portugiża kkonkludiet, wara li semgħet lil CGD, li CGD setgħet tnaqqas biss sa 50 % ta’ dawn id-dividendi mill-bażi taxxabbli tagħha. L-awtorità tat-taxxa mmotivat id-deċiżjoni tagħha billi indikat li CGD ma kinitx żammet l-ishma rilevanti kollha għal mill-inqas sena, kif meħtieġ mill-Artikolu 46(1)(c) taċ-CIRC. Għaldaqstant, huwa applikabbli biss l-Artikolu 46(7) taċ-CIRC, li jawtorizza biss tnaqqis ta’ 50 %.

14.      CGD ikkontestat din id-deċiżjoni, sa issa mingħajr suċċess, quddiem il-qrati amministrattivi Portugiżi, inizjalment permezz ta’ rikors għal annullament quddiem it-Tribunal Tributário de Lisboa (il-Qorti Fiskali ta’ Lisbona, il-Portugall), u sussegwentement, appell quddiem it-Tribunal Central Administrativo Sul (il-Qorti Amministrattiva Ċentrali tan-Nofsinhar, il-Portugall). Il-każ bħalissa jinsab pendenti quddiem is-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Portugall), li hija l-qorti tar-rinviju.

IV.    It-talba għal deċiżjoni preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

15.      Permezz ta’ sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2025, is-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Portugall) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 46(1)(c) tal-Código do Imposto sobre o Rendimento das Pessoas Coletivas (il-Kodiċi tat-Taxxa Fuq id-Dħul tal-Persuni Ġuridiċi) għandu jiġi interpretat konformement mal-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 90/435/KEE tat‑23 ta’ Lulju 1990 dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti? Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, interpretazzjoni tal-artikolu ċċitat iktar ’il fuq tal-Kodiċi tat-Taxxa Fuq id-Dħul tal-Persuni Ġuridiċi fis-sens li l-iskema tal-ħelsien mit-taxxa ekonomika doppja ma tapplikax għad-dividendi li jkunu joriġinaw minn ishma li ma kinux miżmuma għal mill-inqas sena, minkejja li l-benefiċjarja ta’ dawn id-dividendi tista’ tiġi kklassifikata bħala ‘kumpannija omm’ tal-kumpannija distributriċi minħabba l-fatt li hija kienet parallelament id-detentriċi, għal mill-inqas matul is-sena preċedenti għad-distribuzzjoni tad-dividendi, ta’ sehem fil-kapital azzjonarju tal-kumpannija distributriċi ta’ valur ta’ akkwist ta’ mill-inqas EUR 20 000 000, hija kompatibbli ma’ din id-dispożizzjoni tal-Unjoni?”

16.      Fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, CGD, il-Gvern Portugiż u dak Belġjan kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

V.      Analiżi ġuridika

17.      Qabel ma nindirizza l-mertu tad-domanda preliminari (taħt B.), jeħtieġ li jsiru xi osservazzjonijiet dwar il-ġuriżdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja (taħt A.).

A.      Fuq il-ġuriżdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

18.      Huwa paċifiku li, din il-kawża tikkonċerna sitwazzjoni purament interna li, bħala tali, ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-kumpanniji omm u s-sussidjarji, peress li huma biss il-kumpanniji Portugiżi li huma kkonċernati. Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 1(1) tagħha, id-Direttiva tapplika biss għad-distribuzzjoni tal-profitti bejn kumpanniji omm u sussidjarji fi Stati Membri differenti.

19.      Madankollu, il-Portugall “ittraspona b’mod eċċessiv” id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-kumpanniji omm u s-sussidjarji billi estenda l-mekkaniżmu tiegħu sabiex tiġi evitata t-taxxa doppja ekonomika tad-distribuzzjonijiet tal-profitti bejn il-kumpanniji omm u s-sussidjarji għal ċerti sitwazzjonijiet purament interni.

20.      Għalhekk inqis li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġuriżdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domanda preliminari, skont il-ġurisprudenza stabbilita tagħha, imsejħa “Dzodzi” (8). Dan jirriżulta mill-ispirtu u mill-għan tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 267 TFUE, li huwa li tiġi żgurata interpretazzjoni uniformi tar-regoli tal-Unjoni fl-Istati Membri kollha (9).

21.      Fil-fatt, anki f’sitwazzjonijiet purament interni, jista’ jkun hemm interess manifest tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni li fil-futur jiġu evitati diverġenzi ta’ interpretazzjoni (10), li jistgħu jwasslu għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, għal diskriminazzjonijiet kontra residenti nazzjonali jew għal proċeduri inkoerenti f’kawżi paragunabbli (11).

22.      Skont il-ġurisprudenza Dzodzi, tali interess tal-Unjoni jeżisti meta d-dritt nazzjonali ta’ Stat Membru jirreferi għall-kontenut ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni sabiex jiġu ddeterminati r-regoli applikabbli għal sitwazzjoni purament interna (12).

23.      Tali riferiment ma għandux neċessarjament ikun espliċitu. Għall-kuntrarju, hija r-rieda tal-leġiżlatur, pereżempju fil-kuntest tat-traspożizzjoni ta’ direttiva, li skontha huwa ried jittratta bl-istess mod is-sitwazzjonijiet koperti mid-direttiva u dawk li ma humiex koperti mid-direttiva, sitwazzjonijiet purament interni, u b’hekk, adatta l-leġiżlazzjoni nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni għaż-żewġ tipi ta’ sitwazzjonijiet (13). F’dan ir-rigward, huwa importanti wkoll li jiġi stabbilit jekk ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja torbotx lill-qorti tar-rinviju (14), peress li r-risposti mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhomx biss natura purament konsultattiva u mhux vinkolanti (15).

24.      Indipendentement mill-formulazzjoni eżatta tar-riferiment għad-dritt tal-Unjoni, huwa għalhekk determinanti, fil-kuntest ta’ evalwazzjoni globali, jekk, skont ir-rieda tal-leġiżlatur nazzjonali, ċerti regoli dwar sitwazzjonijiet interni humiex konformi b’mod ċar u vinkolanti mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, hija l-qorti nazzjonali li għandha tesponi l-elementi konkreti li skonthom “id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni saru applikabbli permezz tad-dritt nazzjonali b’mod dirett u mhux ikkundizzjonat” (16).

25.      Fil-fehma tiegħi, dan huwa dak li sar b’mod suffiċjenti f’dan il-każ. Fil-fatt, anki jekk dan huwa biss fil-qosor, il-qorti tar-rinviju stabbilixxiet, fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, rabta ċara mad-dritt tal-Unjoni. Minn naħa, hija rreferiet espressament għas-sentenza Leur-Bloem (17), waħda mill-każijiet ta’ applikazzjoni l-iktar magħrufa tal-ġurisprudenza Dzodzi, u għalhekk, tat x’tifhem li hija kienet tqis lilha nnifisha marbuta bl-interpretazzjoni mitluba mill-Qorti tal-Ġustizzja tad-Direttiva dwar il-kumpanniji omm u s-sussidjarji, anki lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Min-naħa l-oħra, mill-ispjegazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju jirriżulta, essenzjalment, li l-leġiżlatur Portugiż effettivament ried jittratta ċerti sitwazzjonijiet interni bl-istess mod bħal dawk irregolati mid-dritt tal-Unjoni, anki jekk il-formulazzjoni tal-Artikolu 46(1)(c) taċ-CIRC ma tinkludix, bħala tali, riferiment espliċitu għad-Direttiva. Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tikklassifika espressament lil CGD bħala “kumpannija omm” meta mqabbla mal-erba’ kumpanniji Portugiżi li tagħhom hija rċeviet id-dividendi inkwistjoni fil-kawża prinċipali; għalhekk, bħala prinċipju, CGD tqis li hija kklassifikata bħala li tibbenefika mill-vantaġġ fiskali fuq il-mudell tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar il-kumpanniji omm u s-sussidjarji.

26.      Min-naħa tiegħu, il-Gvern Portugiż ikkonferma espressament fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-għan tal-Artikolu 46(1)(c) taċ-CIRC (kuntrarjament għall-Artikolu 46(7) taċ-CIRC) ma kienx biss is-sempliċi traspożizzjoni tad-Direttiva dwar il-kumpanniji omm u s-sussidjarji, iżda wkoll l-estensjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni għal sitwazzjonijiet purament interni.

27.      Il-Qorti tal-Ġustizzja reċentement iddefinixxiet il-limiti tal-ġuriżdizzjoni tagħha skont il-ġurisprudenza Dzodzi (18) bħala dipendenti minn jekk id-dispożizzjonijiet tal-UE “mingħajr bidla fl-għan tagħhom jew fil-portata tagħhom, saru applikabbli mid-dritt nazzjonali minħabba riferiment dirett u inkundizzjonat mid-dritt nazzjonali” (19). Fil-każ preżenti, madankollu, ma jidhirx li nqabeż dan il-limitu.

28.      Għandu jiġi rrikonoxxut li, l-Artikolu 46(1)(c) taċ-CIRC ma jestendix b’mod ġenerali l-vantaġġ fiskali msemmi fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar il-kumpanniji omm u s-sussidjarji għas-sitwazzjonijiet interni kollha, iżda biss għall-kumpannija distributriċi tal-profitti li s-sehem tagħhom fil-kapital ta’ kumpannija li tiddistribwixxi il-profitti huwa ta’ mill-inqas 10 % jew, alternattivament, għandu valur minimu ta’ akkwist ta’ EUR 20 000 000. Hija timponi wkoll perijodu minimu ta’ żamma tal-ishma ta’ sena.

29.      Madankollu, kuntrarjament għal dak li jidher prima facie, din bl-ebda mod ma hija “bidla fis-suġġett” tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-kumpanniji omm u s-sussidjarji jew sempliċi riferiment “kundizzjonali” għalihom (20). Għall-kuntrarju, il-leġiżlatur nazzjonali sempliċement jiddefinixxi l-każijiet li fihom il-vantaġġ fiskali tad-Direttiva dwar il-kumpanniji omm u s-sussidjarji għandu japplika fil-Portugall lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni stess ta’ din id-direttiva. Fi kliem ieħor, hija tiddefinixxi liema kumpanniji fil-Portugall għandhom jitqiesu, f’sitwazzjonijiet purament interni, bħala kumpanniji omm meqjusa li jibbenefikaw mill-vantaġġ fiskali previst mid-dritt tal-Unjoni.

30.      Tali approċċ huwa diġà previst fl-Artikolu 3 tad-Direttiva dwar il-kumpanniji omm u s-sussidjarji (21). L-Artikolu 3(1)(a) ta’ din id-direttiva jipprevedi armonizzazzjoni minima u jawtorizza espressament ċerti derogi “downstream” f’dak li jirrigwarda d-daqs tas-sehem miżmum mill-kumpannija omm fis-sussidjarja, b’mod partikolari valur inferjuri għas-sehem minimu tal-kumpannija omm fis-sussidjarja. Barra minn hekk, it-tieni inċiż tal-Artikolu 3(2) tal-imsemmija direttiva jawtorizza lill-Istati Membri jipprevedu perijodu minimu ta’ żamma ta’ mhux iktar minn sentejn għal dan is-sehem.

31.      Bl-istess mod, l-Artikolu 46(1)(c) taċ-CIRC ma jbiddilx, għas-sitwazzjonijiet nazzjonali hekk imsemmija, l-għan jew il-portata tal-vantaġġ fiskali previst mid-Direttiva dwar il-kumpanniji omm u s-sussidjarji. Il-leġiżlatur Portugiż għażel wieħed miż-żewġ arranġamenti awtorizzati mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar il-kumpanniji omm u s-sussidjarji, jiġifieri l-eżenzjoni prevista fl-ewwel inċiż ta’ din id-dispożizzjoni għall-profitti ddistribwiti minn sussidjarja lill-kumpannija omm tagħha, u kellu l-intenzjoni li dawn jiġu applikati eżattament bl-istess mod għas-sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni u għas-sitwazzjonijiet interni.

32.      Fl-aħħar nett, ebda bidla fis-suġġett jew fil-portata tal-vantaġġ fiskali ma tirriżulta mis-sempliċi fatt li, fl-applikazzjoni prattika tad-dispożizzjonijiet rilevanti, l-awtorità tat-taxxa Portugiża tista’ tibbaża ruħha fuq interpretazzjoni żbaljata, u b’mod iktar preċiż, fuq approċċ restrittiv iżżejjed fir-rigward tal-perijodu minimu ta’ żamma li huwa ntaxxat hemmhekk. Huwa biżżejjed, sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha ġuriżdizzjoni, li ma jkunx hemm differenza bejn is-sitwazzjoni legali fis-seħħ għas-sitwazzjonijiet interni u dawk li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni. Il-kwistjoni dwar liema interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni hija fl-aħħar mill-aħħar korretta ma hijiex kwistjoni ta’ kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, iżda kwistjoni ta’ evalwazzjoni tal-mertu tad-domanda preliminari.

33.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġuriżdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domanda preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, konformement mal-ġurisprudenza Dzodzi (22).

B.      Fuq il-mertu

34.      Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-portata tal-perijodu minimu ta’ żamma tal-ishma ta’ kumpannija omm fis-sussidjarji tagħha, fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva dwar il-kumpanniji omm u s-sussidjarji, bħala kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-mekkaniżmu intiż sabiex tiġi evitata t-taxxa doppja previst fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva.

35.      B’mod konkret, għandu jiġi ddeterminat jekk id-Direttiva dwar il-kumpanniji omm u s-sussidjarji tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal-leġiżlazzjoni Portugiża kontenzjuża, li tipprovdi li d-dividendi ddistribwiti minn sussidjarja jistgħu jitnaqqsu mill-bażi taxxabbli tal-kumpannija omm sabiex tibbenefika minn vantaġġ fiskali, bħall-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva, biss sa fejn il-kumpannija omm tkun issodisfat b’mod konkret il-perijodu minimu ta’ żamma meħtieġ fir-rigward ta’ kull waħda mill-ishma kkonċernati tas-sussidjarja benefiċjarja ta’ dawn id-dividendi.

36.      Fil-fatt, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali kontenzjuża, ma huwiex biżżejjed li l-benefiċjarju tad-dividendi kellu, matul il-perijodu minimu ta’ żamma, biżżejjed ishma fil-kumpannija distributriċi tad-dividendi sabiex jiġi kklassifikat bħala kumpannija omm tagħha. Għall-kuntrarju, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tissuġġetta l-benefiċċju tal-vantaġġ fiskali previst mid-Direttiva dwar il-kumpanniji omm u s-sussidjarji għall-kundizzjoni addizzjonali li s-sehem tal-kumpannija rispettiv, li fuqha tkun saret distribuzzjoni ta’ dividend, tkun inżammet ukoll matul dan l-istess perijodu minimu ta’ żamma.

37.      Fil-fehma tiegħi, id-Direttiva dwar il-kumpanniji omm u s-sussidjarji tipprekludi kundizzjoni addizzjonali li hija ma tipprevedix sabiex tibbenefika mill-mekkaniżmu ta’ prevenzjoni tat-taxxa doppja previst fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, meta kumpannija benefiċjarja ta’ dividendi tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tkun kumpannija omm skont l-Artikolu 3(1)(a) u (2) tad-Direttiva dwar il-kumpanniji omm u s-sussidjarji, hija tista’, billi tibbenefika mill-vantaġġ fiskali msemmi fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva, tnaqqas mill-valur taxxabbli tagħha d-dividendi kollha li hija rċeviet, anki jekk kull waħda mill-ishma tagħha fil-kumpannija distributriċi, irremunerati minn dividendi, ma kinitx tilħaq hija stess il-perijodu minimu ta’ żamma.

38.      L-ewwel nett, il-kliem ċar tad-dispożizzjonijiet rilevanti jimmilita favur din il-konklużjoni (23). B’hekk, it-tieni inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva dwar il-kumpanniji omm u s-sussidjarji jippermetti li l-kumpanniji jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva, iżda mhux biss ċerti ishma f’dawn il-kumpanniji (24). Barra minn hekk, skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva, il-vantaġġ fiskali japplika għall-profitti mingħajr distinzjoni ulterjuri (25). Skont il-fehim lingwistiku normali, il-profitti kkonċernati huma għalhekk ikkunsidrati fl-intier tagħhom. Kieku l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jinkludi biss partijiet mill-profitti li jirriżultaw minn ishma ta’ ċertu perijodu minimu ta’ żamma, wieħed jista’ jistenna li jkun inkludih b’mod espliċitu fid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva.

39.      Minn perspettiva sistematika, dan huwa kkonfermat mill-approċċ f’żewġ stadji tad-Direttiva dwar il-kumpanniji omm u s-sussidjarji. Għalhekk, fl-ewwel lok, għandha tiġi ddeterminata l-kwalità ta’ kumpannija omm jew ta’ sussidjarja, fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, li għaliha, skont l-Artikolu 3(2) tal-istess direttiva, il-perijodu minimu ta’ żamma ta’ sehem jista’ jkun previst mid-dritt nazzjonali (26). Għaldaqstant, jekk teżisti kumpannija omm jew sussidjarja fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva, fit-tieni lok, il-mekkaniżmu ta’ eliminazzjoni tat-taxxa doppja previst fl-Artikolu 4(1), moqri flimkien mal-Artikolu 5(1) tal-imsemmija direttiva, dejjem japplika għall-kumpannija kkonċernata, mingħajr ma dan ikun suġġett għal kundizzjonijiet addizzjonali. B’hekk, il-perijodu minimu ta’ żamma huwa esklużivament rilevanti għall-kwalità ta’ kumpannija omm, bħala kwistjoni preliminari, ħa ngħid hekk, iżda ma huwiex rilevanti preċiżament għall-portata konkreta tat-tnaqqis tad-dividendi mill-bażi taxxabbli tagħhom. Il-kriterji rilevanti fl-ewwel stadju sabiex jiġi ddeterminat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-vantaġġ fiskali, fosthom il-perijodu minimu ta’ żamma, jistgħu jiġu applikati biss f’dan l-istadju, u preċiżament mhux ukoll fit-tieni stadju, meta jkun hemm il-konsegwenza ġuridika jew, fi kliem ieħor, l-effett konkret u l-portata tal-vantaġġ fiskali li għandu jingħata.

40.      Anki minn perspettiva teleoloġika, kull interpretazzjoni oħra tmur kontra l-għan ta’ prevenzjoni tat-taxxa doppja ekonomika (27). Hija biss in-newtralità fiskali totali tal-profitti (28) li twassal b’mod suffiċjenti għall-kooperazzjoni bejn il-kumpanniji koperta mid-Direttiva dwar il-kumpanniji omm u s-sussidjarji permezz ta’ investimenti transkonfinali f’kumpanniji oħra jew permezz tal-formazzjoni ta’ gruppi ta’ kumpanniji (29). Tnaqqis parzjali biss tad-dividendi mill-bażi taxxabbli tal-kumpannija omm ikun inqas konformi ma’ dan l-għan.

41.      Barra minn hekk, il-piż amministrattiv marbut mal-benefiċċju tal-vantaġġ fiskali previst fl-Artikolu 4(1) moqri flimkien mal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva dwar il-kumpanniji omm u s-sussidjarji jkun partikolarment ogħla jekk kumpannija omm ikollha tiddokumenta separatament għal kull waħda mill-ishma tagħha f’sussidjarja u turi l-perijodu li matulu hija kellha dan is-sehem konkret fil-mument tad-distribuzzjoni ta’ dividend. Dan imur ukoll kontra l-għan ta’ prevenzjoni effettiva tat-tassazzjoni doppja.

42.      Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Belġjan, interpretazzjoni iktar restrittiva lanqas ma hija neċessarja sabiex issir ġlieda kontra l-abbuż (30). Dak li huwa determinanti sabiex jiġu evitati l-abbużi huwa li kumpannija tiġi prekluża milli tikseb l-istatus ta’ kumpannija omm permezz ta’ xiri sporadiku u għal żmien qasir ta’ ishma u li tibbenefika għalhekk mill-vantaġġ fiskali previst mid-Direttiva dwar il-kumpanniji omm u s-sussidjarji. Fil-fatt, tali abbuż eventwali huwa diġà prekluż mill-fatt li s-sehem fis-sussidjarja, li għandha tiġi kklassifikata bħala kumpannija omm (10 % u 25 % rispettivament), jinżamm matul perijodu minimu ta’ żamma u mhux biss għal perijodu qasir. Sabiex jiġi evitat tali abbuż, ma huwiex neċessarju li kull sehem individwali li fih jiġu allokati d-distribuzzjonijiet tal-profitti tkun hija stess miżmuma matul il-perijodu minimu ta’ żamma legali.

 Konklużjoni intermedja

43.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, id-dritt tal-Unjoni jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 46(1)(c) taċ-CIRC, li tipprevedi li l-profitti ddistribwiti minn sussidjarja lill-kumpannija omm tagħha ma jistgħux jitnaqqsu kompletament mill-bażi taxxabbli tal-kumpannija omm fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar il-kumpanniji omm u s-sussidjarji, iżda biss sa fejn il-kumpannija omm kellha, l-ishma speċifiċi li għalihom dawn il-profitti huma attribwiti proporzjonalment, matul il-perijodu minimu ta’ żamma msemmi fit-tieni inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva dwar il-kumpanniji omm u s-sussidjarji.

VI.    Konklużjoni

44.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għat-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Portugall):

Id-dispożizzjonijiet magħquda tat-tieni inċiż tal-Artikolu 3(2) u tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/435/KEE tat‑23 ta’ Lulju 1990 dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-profitti ddistribwiti minn sussidjarja lill-kumpannija omm tagħha ma jistgħux jitnaqqsu kompletament mill-bażi taxxabbli tal-kumpannija omm, fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva, iżda biss sa fejn il-kumpannija omm kellha l-ishma speċifiċi li għalihom dawn il-profitti huma attribwiti proporzjonalment matul il-perijodu minimu ta’ żamma msemmi fit-tieni inċiż tal-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva.


1      Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tat‑12 ta’ Mejju 2022, Schneider Electric et (C‑556/20, EU:C:2022:378); tat‑12 ta’ Frar 2009, Cobelfret (C‑138/07, EU:C:2009:82); tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Les Vergers du Vieux Tauves (C‑48/07, EU:C:2008:758), u tal‑4 ta’ Ottubru 2001, Athinaïki Zythopoiïa (C‑294/99, EU:C:2001:505).


3      Direttiva tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 1990 dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 147).


4      Ara l-ewwel premessa tad-Direttiva dwar il-kumpanniji omm u s-sussidjarji; ara wkoll, sa fejn jikkonċerna l-verżjoni rriformulata tal-imsemmija direttiva, li l-kontenut huwa sa fejn huwa rilevanti għal din il-kawża, fil-biċċa l-kbira identika għall-verżjoni inizjali, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Neo Group (C‑203/25, EU:C:2026:423, punt 45).


5      Imsejħa skont is-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 1990, Dzodzi (C‑297/88 u C‑197/89, EU:C:1990:360); ara fid-dettall il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża, ETI et (C‑280/06, EU:C:2007:404, punti 21 sa 63).


6      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tat-30 ta’ Jannar 2020, I.G.I. (C‑394/18, EU:C:2020:56, punti 45 sa 54), tat‑18 ta’ Ottubru 2012, Nolan (C‑583/10, EU:C:2012:638, punti 45 sa 57), u tas‑16 ta’ Marzu 2006, Poseidon Chartering (C‑3/04, EU:C:2006:176, punt 17).


7      2003: Banco Comercial Português (6.03 %), Eletricidade de Portugal (4.84 %), Portugal Telecom (4.17 %) u Brisa Auto-Estradas de Portugal (5.10 %).


8      Is-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 1990, Dzodzi (C‑297/88 u C‑197/89, EU:C:1990:360) hija fundamentali. Din is-sentenza, sussegwentement, ġiet ikkonfermata diversi drabi, pereżempju, reċentement, permezz tas-sentenzi tat‑22 ta’ Ottubru 2024, Kolin Inşaat Turizm Sanayi ve Ticaret (C‑652/22, EU:C:2024:910, punt 53), u tat‑13 ta’ Ottubru 2022, Baltijas Starptautiskā Akadēmija u Stockholm School of Economics in Riga (C‑164/21 u C-318/21, EU:C:2022:785, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).


9      Ara, pereżempju, is-sentenzi tat‑18 ta’ Lulju 2013, Consiglio Nazionale die Geologi (C‑136/12, EU:C:2013:489, punt 28), tal‑21 ta’ Lulju 2011, Kelly (C‑104/10, EU:C:2011:506, punt 62), u tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Cartesio C‑210/06, EU:C:2008:723, punt 90, li jikkonċerna l-Artikolu 234 KE).


10      Hija fundamentali s-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 1990, Dzodzi (C‑297/88 u C‑197/89, EU:C:1990:360, punt 37); ara wkoll is-sentenzi tat‑22 ta’ Ottubru 2024, Kolin Inşaat Turizm Sanayi ve Ticaret (C‑652/22, EU:C:2024:910, punt 53), u tat‑13 ta’ Ottubru 2022, Baltijas Starptautiskā Akadēmija u Stockholm School of Economics in Riga (C‑164/21 u C‑318/21, EU:C:2022:785, punt 35).


11      Ara s-sentenzi tat‑30 ta’ Jannar 2020, I.G.I. (C‑394/18, EU:C:2020:56, punt 46), u tal‑10 ta’ Novembru 2011, FOGGIA-Sociedade Gestora de Participações Sociais (C‑126/10, EU:C:2011:718, punt 21).


12      Ara, pereżempju, is-sentenzi tat‑22 ta’ Ottubru 2024, Kolin Inşaat Turizm Sanayi ve Ticaret (C‑652/22, EU:C:2024:910, punt 53), tal‑15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten (C‑268/15, EU:C:2016:874, punt 53), tas‑17 ta’ Lulju 1997, Leur-Bloem (C‑28/95, EU:C:1997:369, punti 25 u 27), kif ukoll tat‑18 ta’ Ottubru 1990, Dzodzi (C‑297/88 u C‑197/89, EU:C:1990:360, punt 36), ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża ETI et (C‑280/06, EU:C:2007:404, punti 21 sa 63).


13      Sentenza tas‑17 ta’ Lulju 1997, Leur-Bloem (C‑28/95, EU:C:1997:369, punt 34).


14      Sentenza tat‑28 ta’ Marzu 1995, Kleinwort Benson (C‑346/93, EU:C:1995:85, punti 23 u 24); ara wkoll is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Les Vergers du Vieux Tauves (C‑48/07, EU:C:2008:758, punt 24).


15      Sentenza tat‑28 ta’ Marzu 1995, Kleinwort Benson (C‑346/93, EU:C:1995:85, punt 24).


16      Sentenzi tad‑29 ta’ Lulju 2024, LivaNova (C‑713/22, EU:C:2024:642, punt 45), u tat‑30 ta’ Jannar 2020, I.G.I. (C‑394/18, EU:C:2020:56, punt 48); ara wkoll is-sentenza tas‑27 ta’ April 2023, Banca A (Applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-amalgamazzjoni f’sitwazzjoni interna) (C‑827/21, mhux ippubblikata, EU:C:2023:355, punt 46).


17      Sentenza tas‑17 ta’ Lulju 1997 (C-28/95, EU:C:1997:369).


18      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 8 iktar ’il fuq.


19      Ara s-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2024, Kolin Inşaat Turizm Sanayi ve Ticaret (C‑652/22, EU:C:2024:910, punt 53); similarment ukoll is-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2022, Baltijas Starptautiskā Akadēmija u Stockholm School of Economics in Riga (C‑164/21 u C‑318/21, EU:C:2022:785, punt 35).


20      Dwar dawn il-kriterji, ara s-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2024, Kolin Inşaat Turizm Sanayi ve Ticaret (C‑652/22, EU:C:2024:910, punt 53).


21      Ara b’mod partikolari, f’dan ir-rigward, l-użu tal-kliem “għall-inqas” (l-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva dwar il-kumpanniji omm u s-sussidjarji) u “mill-inqas” (it-tieni inċiż tal-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva); b’mod partikolari fir-rigward tal-perijodu minimu ta’ żamma ta’ inqas minn sentejn, ara wkoll is-sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 1996, Denkavit et (C‑283/94, C‑291/94 u C‑292/94, EU:C:1996:387, punti 23 u 39).


22      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 8 iktar ’il fuq.


23      Ara s-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Argenta Spaarbank (C‑39/16, EU:C:2017:813, punti 30 u 40); min-naħa l-oħra kelli fehma differenti fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Argenta Spaarbank (C‑39/16, EU:C:2017:323, punti 35 u 36).


24      Bl-istess mod, il-verżjoni Ingliża (“companies”), Spanjola (“sociedades”), Franċiża (“société”), Taljana (“società”), Olandiża (“vennootschappen”) u Portugiża (“sociedades”).


25      Bl-istess mod, il-verżjoni Ingliża (“such profits”), Spanjola (“dichos beneficios”), Franċiża (“ces bénéfices”), Taljana (“tali utili”), Olandiża (“deze winst”) u Portugiża (“esses lucros”).


26      Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 1996, Denkavit et (C‑283/94, C‑291/94 u C‑292/94, EU:C:1996:387, punti 39 u 40).


27      Ara r-raba’ premessa u l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar il-kumpanniji omm u s-sussidjarji; kif ukoll is-sentenzi tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Deister Holding u Juhler Holding (C‑504/16 u C‑613/16, EU:C:2017:1009, punt 69), u tat‑12 ta’ Frar 2009, Cobelfret (C‑138/07, EU:C:2009:82, punt 29); ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Argenta Spaarbank (C‑39/16, EU:C:2017:323, punt 19).


28      Ara r-raba’ premessa 5 tad-Direttiva dwar il-kumpanniji omm u s-sussidjarji; ara wkoll is-sentenzi tat‑12 ta’ Mejju 2022, Schneider Electric et (C‑556/20, EU:C:2022:378, punti 44 u 45), tas‑26 ta’ Frar 2019, T Danmark u Y Denmark (C‑116/16 u C‑117/16, EU:C:2019:135, punti 78 u 112), u tat‑3 ta’ April 2008, Banque Fédérative du Crédit Mutuel (C‑27/07, EU:C:2008:195, punt 24); ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Argenta Spaarbank (C‑39/16, EU:C:2017:323, punt 19).


29      Ara l-ewwel u tielet premessa tad-Direttiva dwar il-kumpanniji omm u s-sussidjarji, kif ukoll is-sentenzi tas‑26 ta’ Frar 2019, T Danmark u Y Denmark (C‑116/16 u C‑117/16, EU:C:2019:135, punti 78 u 112), tal‑4 ta’ Ottubru 2001, Athinaïki Zythopoiïa (C‑294/99, EU:C:2001:505, punt 25), u tas‑17 ta’ Ottubru 1996, Denkavit et (C‑283/94, C‑291/94 u C‑292/94, EU:C:1996:387, punt 22).


30      Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 1996, Denkavit et (C‑283/94, C‑291/94 u C‑292/94, EU:C:1996:387, punt 31); ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Argenta Spaarbank (C‑39/16, EU:C:2017:323, punt 34).