|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/2501 |
13.11.2026 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/2501
tat-12 ta’ Novembru 2026
li jemenda l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi (REACH) fir-rigward taċ-ċomb f’ċertu tagħmir tas-sajd
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kummissjoni 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 68(1) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
L-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 jistabbilixxi restrizzjonijiet fuq il-manifattura, it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ ċerti sustanzi, taħlitiet u oġġetti perikolużi. L-entrata 63 ta’ dak l-Anness fiha restrizzjonijiet fir-rigward taċ-ċomb (Nru CAS 7439-92-1, Nru KE 231-100-4) u tal-komposti taċ-ċomb (“ċomb”), inkluża restrizzjoni fuq iċ-ċomb fil-pritkuni sparati fl-artijiet mistagħdra jew fl-inħawi tagħhom li ġiet introdotta bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2021/57 (2). |
|
(2) |
Iċ-ċomb huwa kklassifikat skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) bħala tossiku ħafna għall-ħajja akkwatika u tossiku għar-riproduzzjoni, minħabba l-effetti negattivi tiegħu fuq il-fertilità u l-iżvilupp tas-sistema nervuża tal-fetu u tal-wild, li jwassal għal ħsara permanenti u telf tal-kwozjent tal-intelliġenza (IQ). Ma ġie identifikat l-ebda limitu sikur għall-konċentrazzjoni taċ-ċomb li taħtu ċ-ċomb ma jkollu l-ebda effett ħażin fuq is-saħħa tal-bniedem. Iċ-ċomb huwa assoċjat ukoll ma’ riskju akbar ta’ mard kardjovaskulari, tal-kliewi u tas-sistema nervuża ċentrali fl-adulti. Barra minn hekk, l-esponiment għaċ-ċomb jista’ jkollu firxa ta’ effetti tossikoloġiċi akuti u kroniċi, inkluża l-mewt fl-annimali, b’mod partikolari fl-għasafar (4). |
|
(3) |
L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha huma Partijiet Kontraenti tal-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni tal-Ispeċi Migratorji tal-Annimali Selvaġġi (CMS) (5). Il-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Prevenzjoni tal-Avvelenament (PPWG) ħejja Linji Gwida għall-Prevenzjoni tar-Riskju tal-Avvelenament għall-Għasafar Migratorji (“Linji Gwida”), li ġew adottati fl-2014 permezz tar-Riżoluzzjoni 11.15 tas-CMS. Il-Linji Gwida jirrakkomandaw kemm l-eliminazzjoni gradwali tal-użu tal-munizzjon taċ-ċomb fil-ħabitats kollha kif ukoll l-eliminazzjoni gradwali tal-użu tal-piżijiet tas-sajd taċ-ċomb f’żoni fejn intwera li l-għasafar migratorji huma partikolarment f’riskju ta’ avvelenament miċ-ċomb. |
|
(4) |
Fis-16 ta’ Lulju 2019, il-Kummissjoni talbet (6) lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (“l-Aġenzija”), skont l-Artikolu 69(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, tħejji dossier (“id-dossier tal-Anness XV”) biex tindirizza t-tħassib dwar is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent ikkawżat miċ-ċomb: (i) fil-munizzjon, inkluż il-pritkuni wżati f’terreni għajr artijiet mistagħdra u balal użati kemm f’artijiet mistagħdra kif ukoll f’terreni għajr artijiet mistagħdra; u (ii) fit-tagħmir tas-sajd. Il-mandat ma kienx ikopri użi ta’ munizzjon għall-isparar fuq ġewwa, jew għal użi mill-pulizija, mill-militar u minn forzi oħra tas-sigurtà. |
|
(5) |
Fl-24 ta’ Marzu 2021, l-Aġenzija ppubblikat id-dossier tal-Anness XV (7), li fih ikkonkludiet li ċ-ċomb fil-munizzjon u f’ċertu tagħmir tas-sajd joħloq riskju għall-ambjent u għas-saħħa tal-bniedem, b’mod partikolari għal popolazzjonijiet vulnerabbli bħat-tfal, li mhuwiex ikkontrollat b’mod adegwat u li jeħtieġ li jiġi indirizzat madwar l-Unjoni kollha. L-Aġenzija kkonkludiet li l-inġestjoni minn għasafar u annimali oħra ta’ munizzjon ibbażat fuq iċ-ċomb mhux irkuprat, ta’ piżijiet ibbażati fuq iċ-ċomb (“piżijiet taċ-ċomb”) u ta’ lixkiet ibbażati fuq iċ-ċomb (“lixkiet taċ-ċomb”) minn attivitajiet ta’ kaċċa, ta’ sparar sportiv u ta’ sajd tirriżulta fl-avvelenament u l-mewt frekwenti tal-annimali. Barra minn hekk, sabet li l-akkumulazzjoni taċ-ċomb fil-kampijiet tal-isparar sportiv tista’ tirriżulta fil-lissija tal-ilma tal-wiċċ imniġġes biċ-ċomb fil-korsiji tal-ilma lokali u tista’ taffettwa l-ilma ta’ taħt l-art, b’riżultat li potenzjalment jiġu vvelenati n-nies, il-bhejjem u l-fawna selvaġġa. L-Aġenzija kkonkludiet ukoll li hemm riskji għas-saħħa tal-bniedem assoċjati mal-konsum tal-laħam tal-annimali maqtula b’munizzjon taċ-ċomb, b’mod partikolari għat-tfal ta’ 7 snin u iżgħar, jew meta jiġu manifatturati munizzjon taċ-ċomb, piżijiet jew lixkiet fid-dar. |
|
(6) |
L-Aġenzija stmat li, jekk ikomplu r-rilaxxi attwali taċ-ċomb mill-isparar u mis-sajd fl-Unjoni, madwar 876 000 tunnellata ta’ ċomb se jiġu rilaxxati fl-ambjent matul l-20 sena li ġejjin. Dan se jpoġġi mill-inqas: (i) 7 miljun għasfur f’riskju ta’ avvelenament bl-inġestjoni ta’ piżijiet u lixkiet; (ii) 135 miljun għasfur f’riskju ta’ avvelenament bl-inġestjoni ta’ pritkuni taċ-ċomb; u (iii) 14-il miljun għasfur f’riskju ta’ avvelenament bl-inġestjoni taċ-ċomb permezz tal-konsum tal-ikel. Barra minn hekk, l-Aġenzija stmat li, kull sena, madwar 13,8 miljun individwu mill-familji tal-kaċċaturi, inklużi 1,1 miljun tifel u tifla ta’ 7 snin jew iżgħar, huma vulnerabbli għall-esponiment għaċ-ċomb mil-laħam tal-kaċċa. |
|
(7) |
F’dan l-isfond, l-Aġenzija pproponiet restrizzjoni taċ-ċomb fil-munizzjon u f’ċertu tagħmir tas-sajd li kienet tinkludi, fost l-oħrajn, restrizzjoni fuq it-tqegħid fis-suq u l-użu taċ-ċomb f’konċentrazzjoni ta’ 1 % jew aktar f’piżijiet, f’lixkiet, f’wajers tas-sajd u f’piżijiet li jinqalgħu mil-lenza. Barra minn hekk, l-Aġenzija pproponiet li timponi obbligi ta’ informazzjoni fuq il-bejjiegħa bl-imnut ta’ dawk il-prodotti u obbligi ta’ tikkettar fuq il-fornituri tal-munizzjon. Ir-restrizzjoni proposta kienet maħsuba biex tnaqqas l-emissjonijiet taċ-ċomb b’madwar 630 000 tunnellata, li minnhom 48 300 tunnellata mill-użu evitat taċ-ċomb fit-tagħmir tas-sajd, matul l-20 sena wara l-introduzzjoni tagħha. Dan ikun tnaqqis ta’ 72 % meta mqabbel ma’ sitwazzjoni mingħajr ir-restrizzjoni proposta. Ir-restrizzjoni tipprevjeni wkoll it-telf tal-IQ f’madwar 7 000 tifel u tifla fl-Unjoni kull sena, li jwassal għal iffrankar fl-ispejjeż tal-benefiċċji soċjali ta’ madwar EUR 70 miljun fis-sena. |
|
(8) |
Fid-dossier tal-Anness XV tagħha, l-Aġenzija identifikat ħafna alternattivi għaċ-ċomb fit-tagħmir tas-sajd (bħar-ram isfar, il-konkrit, iċ-ċagħaq, l-azzar, il-landa, iż-żingu u t-tungstenu), iżda rrikonoxxiet li xi wħud minn dawn l-alternattivi, speċjalment ir-ram isfar u ż-żingu, jagħmlu ħsara wkoll lill-ambjent. L-Aġenzija nnutat li l-alternattivi għall-wajers tas-sajd taċ-ċomb huma disponibbli b’mod wiesa’ fil-ħwienet tal-bejgħ bl-imnut u li l-piżijiet li jinqalgħu mil-lenza jistgħu jiġu sostitwiti b’tekniki differenti jew b’piżijiet alternattivi li mhumiex maħsuba biex jinqalgħu matul l-użu u għalhekk ma jikkawżawx rilaxx dirett u intenzjonat taċ-ċomb fl-ambjent. |
|
(9) |
L-Aġenzija rrakkomandat li r-restrizzjonijiet fuq il-wajers tas-sajd u piżijiet li jinqalgħu mil-lenza jenħtieġ li japplikaw mill-iktar fis possibli, minħabba d-disponibbiltà ta’ alternattivi u l-ħtieġa li jiġi evitat ir-rilaxx dirett u intenzjonat taċ-ċomb fl-ambjent. Sabiex l-operaturi jkunu jistgħu jadattaw ruħhom għar-regoli l-ġodda u jistabbilixxu l-miżuri meħtieġa ta’ ġestjoni tar-riskju, l-Aġenzija rrakkomandat applikazzjoni differita tar-restrizzjonijiet fuq oġġetti għajr il-wajers tas-sajd u l-piżijiet li jinqalgħu mil-lenza fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dossier skont l-Anness XV u tal-obbligi ta’ informazzjoni u ta’ tikkettar. |
|
(10) |
L-Aġenzija kkunsidrat deroga għall-piżijiet imwaħħla li jiżnu 0,06 g jew inqas u li jitqiegħdu fis-suq f’imballaġġ reżistenti għat-tixrid u għat-tfal iżda ddeċidiet li żżomm ir-restrizzjoni minħabba r-riskju residwu għall-għasafar. |
|
(11) |
Għadd limitat biss ta’ Stati Membri għandhom fis-seħħ dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprojbixxu l-użu taċ-ċomb fis-sajd biex jitnaqqsu l-emissjonijiet taċ-ċomb u l-esponiment għalih. Id-dossier tal-Anness XV wera li hija meħtieġa azzjoni fl-Unjoni kollha biex jiġi indirizzat ir-riskju assoċjat maċ-ċomb f’ċertu tagħmir tas-sajd sabiex jiġi żgurat livell armonizzat ta’ protezzjoni madwar l-Unjoni. |
|
(12) |
Fit-2 ta’ Ġunju 2022, il-Kumitat għall-Istima tar-Riskji (RAC) tal-Aġenzija adotta opinjoni skont l-Artikolu 70 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 rigward id-dossier tal-Anness XV. Fl-opinjoni tiegħu, l-RAC qabel mal-konklużjoni tal-Aġenzija li l-użu taċ-ċomb fis-sajd joħloq firxa wiesgħa ta’ riskji kemm għas-saħħa tal-bniedem kif ukoll għall-ambjent. L-RAC ikkonkluda li r-restrizzjoni proposta mill-Aġenzija hija l-iktar miżura xierqa għall-Unjoni kollha biex jiġu indirizzati r-riskji identifikati. |
|
(13) |
L-RAC ma appoġġax deroga għall-piżijiet imwaħħla li jiżnu 0,06 g jew inqas, anki jekk jitqiegħdu fis-suq f’imballaġġ reżistenti għat-tixrid u għat-tfal, peress li dan inaqqas il-livell ta’ protezzjoni ambjentali pprovdut mir-restrizzjoni. |
|
(14) |
L-RAC appoġġa r-rekwiżiti ta’ tikkettar u ta’ informazzjoni proposti mill-Aġenzija għaċ-ċomb f’ċertu tagħmir tas-sajd. Madankollu, l-RAC irrakkomanda li tiġi evitata l-konfużjoni billi jiżdied il-limitu ta’ konċentrazzjoni taċ-ċomb li jkun jiskatta l-applikazzjoni tar-rekwiżiti minn 0,3 % għal 1 % skont il-piż, sabiex jiġi allenzat mal-limitu ta’ konċentrazzjoni li jiskatta l-projbizzjoni fuq it-tqegħid fis-suq u l-użu tiegħu. |
|
(15) |
Fit-2 ta’ Diċembru 2022, l-SEAC adotta opinjoni skont l-Artikolu 71(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006. Din ikkonkludiet li r-restrizzjoni proposta tkun l-aktar miżura xierqa għall-Unjoni kollha biex jiġu indirizzati r-riskji identifikati mill-RAC, dment li l-kundizzjonijiet jiġu mmodifikati kif propost mill-SEAC. Dik il-konklużjoni tqis il-proporzjonalità tal-benefiċċji soċjoekonomiċi tal-miżura mal-ispejjeż soċjoekonomiċi tagħha. |
|
(16) |
L-SEAC ma setax jasal għal konklużjoni dwar jekk deroga għall-użu taċ-ċomb f’piżijiet imwaħħla li jiżnu 0,06 g jew inqas tkunx iġġustifikata għal raġunijiet soċjoekonomiċi. Dan kien dovut għal nuqqas ta’ evidenza dwar id-disponibbiltà u l-prestazzjoni teknika ta’ alternattivi u dwar l-impatti soċjoekonomiċi ta’ restrizzjoni fuq dan l-użu. |
|
(17) |
L-SEAC ma kellux biżżejjed informazzjoni biex jasal għal konklużjoni dwar jekk il-kost tal-għoti ta’ informazzjoni fil-punt tal-bejgħ (kif propost mill-Aġenzija u appoġġat mill-RAC) ikunx iġġustifikat bis-sħiħ, jew jekk miżuri edukattivi oħra jistgħux jinfluwenzaw b’mod aktar effettiv l-imġiba tax-xiri. L-SEAC qabel mal-RAC li l-istess limitu ta’ konċentrazzjoni ta’ 1 % skont il-piż li ġie propost għar-restrizzjoni tat-tqegħid fis-suq u l-użu taċ-ċomb f’ċertu tagħmir tas-sajd jenħtieġ li japplika wkoll għar-rekwiżiti ta’ tikkettar u ta’ informazzjoni sabiex tiġi evitata l-konfużjoni u jiġi ffaċilitat l-infurzar. L-SEAC appoġġa wkoll il-proposta tal-RAC li jiġu applikati r-rekwiżiti ta’ tikkettar u ta’ informazzjoni għal alternattivi li fihom ir-ram u l-ligi tar-ram biss meta l-kontenut ta’ ċomb ikun ta’ 3 % jew aktar skont il-piż. |
|
(18) |
Il-Forum għall-Iskambju ta’ Informazzjoni dwar l-Infurzar (“Forum”) ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 77(4), il-punt (h), tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006. Ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu ġew ikkunsidrati. |
|
(19) |
Fis-27 ta’ Frar 2023, l-Aġenzija ressqet l-opinjoni tal-RAC u tal-SEAC (8) lill-Kummissjoni. |
|
(20) |
Meta jitqiesu d-dossier tal-Anness XV, l-opinjoni tal-RAC u tal-SEAC, l-impatt soċjoekonomiku u d-disponibbiltà ta’ alternattivi, il-Kummissjoni hija tal-fehma li hemm riskju inaċċettabbli għall-ambjent u għas-saħħa tal-bniedem ikkawżat mill-użu taċ-ċomb fil-munizzjon u f’ċertu tagħmir tas-sajd, u li dan ir-riskju jeħtieġ li jiġi indirizzat mal-Unjoni kollha. Għalhekk jixraq li jiġi ristrett it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ tali munizzjon u tagħmir tas-sajd. |
|
(21) |
Sabiex titnaqqas il-kumplessità u tiżdied iċ-ċarezza legali, il-Kummissjoni tqis li r-restrizzjoni taċ-ċomb fil-munizzjon u f’ċertu tagħmir tas-sajd, kif proposta fid-dossier tal-Anness XV, indirizzata fl-opinjoni tal-RAC u tal-SEAC, u vvalutata fil-parir ipprovdut mill-Forum, jenħtieġ li tiġi adottata mill-Kummissjoni permezz ta’ żewġ regolamenti separati. |
|
(22) |
Ir-restrizzjoni jenħtieġ li tapplika għat-tqegħid fis-suq ta’ ċertu tagħmir tas-sajd kemm għas-sajd kummerċjali kif ukoll għas-sajd rikreattiv. B’kuntrast ma’ dan, fir-rigward tal-użu, il-Forum qajjem speċifikament il-kwistjoni li l-infurzar tal-projbizzjoni tal-użu għas-sajd rikreattiv ikun diffiċli ħafna peress li jikkonċerna persuni u djar privati. Barra minn hekk, l-użu tat-tagħmir tas-sajd għas-sajd rikreattiv se jonqos maż-żmien fi kwalunkwe każ bħala riżultat tar-restrizzjoni fuq it-tqegħid fis-suq. Konsegwentement, ir-restrizzjoni fuq l-użu ta’ ċertu tagħmir tas-sajd jenħtieġ li tapplika biss għas-sajd kummerċjali, u dan ir-Regolament jenħtieġ li ma jarmonizzax l-użu taċ-ċomb fit-tagħmir tas-sajd għas-sajd rikreattiv u, għalhekk, jenħtieġ li ma jipprevjenix lill-Istati Membri milli jadottaw miżuri biex jiżguraw il-protezzjoni tal-ambjent jew tas-saħħa tal-bniedem f’dak ir-rigward. |
|
(23) |
Ir-restrizzjoni taċ-ċomb f’ċertu tagħmir tas-sajd jenħtieġ li tapplika għal tali tagħmir tas-sajd b’konċentrazzjoni ta’ ċomb ta’ 1 % jew aktar skont il-piż. Il-limitu ta’ konċentrazzjoni ta’ 1 % jitqies li huwa biżżejjed biex jindirizza r-riskju identifikat u jista’ jinkiseb faċilment mill-produtturi ta’ alternattivi, minħabba li xi wħud minn dawk l-alternattivi x’aktarx li jkun fihom iċ-ċomb bħala impurità. |
|
(24) |
Il-Kummissjoni hija tal-fehma li piżijiet li jiżnu aktar minn 1 kg mhumiex f’riskju li jinbelgħu mill-għasafar u għalhekk ma għandhomx jiġu ristretti. Il-Kummissjoni tqis ukoll li r-restrizzjoni fuq it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ wajers tas-sajd u ta’ piżijiet li jinqalgħu mil-lenza jenħtieġ li tapplika wara perjodu ta’ 6 xhur biss, sabiex jiġi evitat malajr ir-rilaxx dirett u intenzjonat taċ-ċomb fl-ambjent filwaqt li l-operaturi xorta jingħataw biżżejjed żmien biex jadattaw ruħhom għar-restrizzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni taqbel mal-Aġenzija, mal-RAC u mal-SEAC li piż li jkun magħluq, inkorporat jew minsuġ f’xibka jew fuq lenza ma jikkontribwixxix għar-riskju identifikat għall-annimali, b’mod partikolari għall-għasafar. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li tali piżijiet jenħtieġ li ma jkunux koperti mir-restrizzjoni. |
|
(25) |
Għal-lixkiet tas-sajd li fihom il-ligi tar-ram, hija ġġustifikata deroga li tippermetti f’dawk il-lixkiet konċentrazzjoni ta’ ċomb ogħla minn 1 % iżda inqas minn 3 % skont il-piż sabiex jiġu evitati bidliet fil-makkinarju li jwasslu għal żidiet kbar fil-kostijiet tal-produzzjoni u tiġi żgurata l-produzzjoni kontinwa tal-lixkiet tar-ram isfar, li huma l-aktar alternattivi komuni għal-lixkiet taċ-ċomb u li bħalissa fihom iċ-ċomb f’konċentrazzjoni ta’ bejn 1 % u 3 %. Madankollu, jenħtieġ li din id-deroga tiġi rieżaminata wara 10 snin biex jiġi vverifikat jekk ġewx żviluppati ligi tar-ram ġodda li fihom inqas minn 1 % ta’ ċomb skont il-piż. |
|
(26) |
Il-Kummissjoni tirrikonoxxi d-diffikultajiet tekniċi involuti biex jinstabu alternattivi għaċ-ċomb li huma kemm malleabbli biżżejjed kif ukoll tqal biżżejjed biex jintużaw f’piżijiet imwaħħla żgħar ħafna. Għalhekk, hija tqis li deroga għall-użu taċ-ċomb f’piżijiet imwaħħla li jiżnu 0,06 g jew inqas hija ġġustifikata jekk jitqiegħdu fis-suq f’imballaġġ reżistenti għat-tixrid u għat-tfal sabiex jiġu minimizzati r-rilaxxi aċċidentali fl-ambjent. Il-Kummissjoni tqis ukoll li din id-deroga jenħtieġ li tiġi rieżaminata wara 10 snin biex jiġi evalwat jekk ġewx żviluppati alternattivi ġodda u jekk id-deroga għadhiex ġustifikata. |
|
(27) |
Il-Kummissjoni taqbel mal-Aġenzija u mal-RAC li huwa ġġustifikat rekwiżit għall-bejjiegħa bl-imnut li juru informazzjoni f’punti tal-bejgħ fiżiċi u online, kif ukoll fuq l-imballaġġ, sabiex l-utenti jiġu mwissija dwar ir-riskji tal-użu tal-piżijiet u tal-lixkiet taċ-ċomb. |
|
(28) |
Sabiex tiġi evitata ħela bla bżonn, jenħtieġ li r-restrizzjoni ma tapplikax għall-użu ta’ ċerti piżijiet u lixkiet tas-sajd għas-sajd kummerċjali li tqiegħdu fis-suq fl-Unjoni qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din ir-restrizzjoni. |
|
(29) |
Xi Stati Membri għandhom dispożizzjonijiet nazzjonali fis-seħħ għall-protezzjoni tal-ambjent jew tas-saħħa tal-bniedem li jipprojbixxu jew jirrestrinġu l-użu taċ-ċomb fil-lixkiet, fil-piżijiet jew fil-wajers tas-sajd li huma aktar stretti minn dawk stabbiliti f’dan ir-Regolament. Jekk dawk l-Istati Membri jkollhom bilfors inaqqsu l-livell eżistenti tagħhom ta’ protezzjoni mill-esponiment għaċ-ċomb biex jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament, dan jista’ jwassal biex jiżdied l-użu taċ-ċomb f’dawk l-Istati Membri. Dan ma jkunx kompatibbli mal-livell għoli ta’ protezzjoni li jitlob l-Artikolu 114(3) tat-Trattat. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew iżommu dispożizzjonijiet aktar stretti għall-użu ta’ ċertu tagħmir tas-sajd. |
|
(30) |
Għaldaqstant jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 jiġi emendat kif xieraq. |
|
(31) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat imwaqqaf skont l-Artikolu 133 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 huwa emendat skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Novembru 2026.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/1907/oj.
(2) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2021/57 tal-25 ta’ Jannar 2021 li jemenda l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi (REACH) rigward iċ-ċomb fil-pritkuni sparati fl-artijiet mistagħdra jew fl-inħawi tagħhom (ĠU L 24, 26.1.2021, p. 19, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/57/oj).
(3) Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006. (ĠU L 353 31.12.2008, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/1272/oj).
(4) Il-Kumitat għall-Istima tar-Riskji (RAC) u l-Kumitat għall-Analiżi Soċjoekonomika (SEAC), Background document to the Opinion on the Annex XV dossier proposing restrictions on Lead in shot, p. 3, https://echa.europa.eu/documents/10162/28acf817-61a6-3ca6-4e85-a71ef0e07740.
(5) https://www.cms.int/en/convention-text.
(6) https://echa.europa.eu/documents/10162/17233/rest_lead_ammunition_COM_request_en.pdf.
(7) L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, Annex XV Restriction Report – Lead in outdoor shooting and fishing, 24 ta’ Marzu 2021, https://echa.europa.eu/documents/10162/da9bf395-e6c3-b48e-396f-afc8dcef0b21.
(8) Il-Kumitat għall-Istima tar-Riskji (RAC) u l-Kumitat għall-Analiżi Soċjoekonomika (SEAC), Opinion on an Annex XV dossier proposing restrictions on lead and its compounds, it-2 ta’ Diċembru 2022, https://echa.europa.eu/documents/10162/2c82ef18-ce5d-4b4f-8ff0-002932154acc.
ANNESS
Fl-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, fl-entrata 63, it-tieni kolonna, jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:
|
|
|
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2026/2501/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)