|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/1471 |
6.7.2026 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/1471
tat-3 ta’ Lulju 2026
li jikkoreġi r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2026/103 rigward il-miżuri tranżizzjonali
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar l-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2026/103 (2) ġedded l-awtorizzazzjoni tal-preparat ta’ Enterococcus lactis DSM 7134 għal perjodu ta’ 10 snin bħala addittiv tal-għalf għall-ħnieżer nisa fil-kategorija “addittivi żootekniċi” u fil-grupp funzjonali “stabbilizzaturi tal-flora intestinali”. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2026/103 ħassar ukoll ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1083/2014 (3). |
|
(2) |
Normalment il-miżuri tranżizzjonali jiġu pprovduti mat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni ta’ addittiv tal-għalf, u dawn jippermettu lill-partijiet interessati jħejju għal kwalunkwe modifika tat-termini tal-awtorizzazzjoni, meta r-raġunijiet ta’ sikurezza ma jkunux jeħtieġu l-applikazzjoni immedjata ta’ din il-modifika. Madankollu, bi żball ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2026/103 naqas milli jipprevedi dawn il-miżuri tranżizzjonali li jippermettu lill-partijiet interessati jħejju għar-rekwiżit il-ġdid li jikkonsisti fl-isem il-ġdid tal-addittiv inkluż fl-awtorizzazzjoni mġedda u l-ebda raġuni, inklużi raġunijiet ta’ sikurezza, ma kienet tirrikjedi l-applikazzjoni immedjata ta’ dik il-bidla fl-isem. |
|
(3) |
Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2026/103 jiġi kkoreġut kif xieraq billi jiġu previsti miżuri tranżizzjonali dwar l-introduzzjoni fis-suq u l-użu tal-preparat ta’ Enterococcus faecium DSM 7134, kif awtorizzat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1083/2014 għall-użu għall-ħnieżer nisa. |
|
(4) |
Sabiex jiġu evitati t-tfixkil fis-suq u l-konsegwenzi detrimentali għall-operaturi kkonċernati minħabba l-assenza tal-miżuri tranżizzjonali fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2026/103, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza u japplika b’mod retroattiv mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2026/103. |
|
(5) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Korrezzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2026/103
Fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2026/103 jiddaħħal l-Artikolu 2 a li ġej:
“Artikolu 2a
Miżuri tranżitorji
1. L-addittiv tal-għalf Enterococcus faecium DSM 7134, kif awtorizzat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1083/2014, u l-premixxeli li fihom dak l-addittiv, li huma maħsuba għall-ħnieżer nisa, u li jiġu prodotti u ttikkettati qabel is-7 ta’ Jannar 2027 f’konformità mar-regoli applikabbli qabel is-7 ta’ Lulju 2026 jistgħu jibqgħu jiġu introdotti fis-suq u jintużaw sakemm jispiċċaw l-istokkijiet ikkonċernati.
2. L-għalf kompost u l-materjali tal-għalf li fihom l-addittiv tal-għalf imsemmi fil-paragrafu 1, li huma maħsuba għall-ħnieżer nisa, u li jiġu prodotti u ttikkettati qabel is-7 ta’ Lulju 2027 f’konformità mar-regoli applikabbli qabel is-7 ta’ Lulju 2026 jistgħu jibqgħu jiġu introdotti fis-suq u jintużaw sakemm jispiċċaw l-istokkijiet ikkonċernati.”.
Artikolu 2
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-5 ta’ Frar 2026.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Lulju 2026.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2003/1831/oj.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2026/103 tal-15 ta’ Jannar 2026 dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni ta’ preparat ta’ Enterococcus lactis DSM 7134 bħala addittiv tal-għalf għall-ħnieżer nisa (detentur tal-awtorizzazzjoni: Lactosan GmbH&Co.KG) u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1083/2014 (ĠU L, 2026/103, 16.1.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/103/oj).
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1083/2014 tal-15 ta’ Ottubru 2014 dwar l-awtorizzazzjoni ta’ preparazzjoni ta’ Enterococcus faecium DSM 7134 (Bonvital) bħala addittiv tal-għalf għall-ħnieżer nisa (ĠU L 298, 16.10.2014, p. 5, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/1083/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/1471/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)