28.2.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 75/75


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-rwol tal-membri tal-familja li jipprovdu l-kura lill-persuni b’diżabilità u lill-anzjani: l-isplużjoni tal-fenomenu matul il-pandemija”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2023/C 75/11)

Relatur:

Pietro Vittorio BARBIERI

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

24.2.2022

Bażi legali

Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

 

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adozzjoni fis-sezzjoni

29.9.2022

Adozzjoni fil-plenarja

26.10.2022

Sessjoni plenarja Nru

573

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

170/0/0

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jesprimi tħassib dwar il-kundizzjonijiet tal-għajxien taċ-ċittadini li jipprovdu kura fit-tul lill-qraba b’diżabilità u b“mard kroniku u deġenerattiv, inklużi l-indeboliment konjittiv u l-mard onkoloġiku.

1.2.

Il-KESE jinnota li dawn is-sitwazzjonijiet saru saħansitra aktar drammatiċi matul il-pandemija tal-COVID-19, u b’hekk saru inevitabbli l-interventi strutturali fil-politiki u fis-servizzi soċjali.

1.3.

Sabiex jiġu ottimizzati l-politiki soċjali u jitfassal bl-aħjar mod l-appoġġ meħtieġ, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li tintlaħaq definizzjoni komuni tar-rwol u s-sitwazzjoni tal-membri tal-familja li jipprovdu kura fit-tul lill-qraba b’diżabilità, jew b’mard kroniku u deġenerattiv, fosthom l-indeboliment konjittiv u l-mard onkoloġiku, inkluża d-definizzjoni tal-karatteristiċi speċifiċi ta’ tali persuni u l-gradazzjoni tal-interventi tagħhom, u billi jiġi promoss ukoll ir-rwol tal-partijiet interessati fil-qasam tas-servizzi komunitarji.

1.4.

Il-KESE jinnota l-ħtieġa li l-fenomenu jiġi ddefinit aktar permezz ta’ studji u analiżi soċjoloġiċi, u statistika li jagħtu attenzjoni lill-impatti tal-kura fit-tul fuq il-membri tal-familja, irrispettivament minn jekk dawn ikunux qed jaħdmu fl-istess ħin.

1.5.

Il-KESE jqis li l-ġestjoni tal-fenomenu tal-membri tal-familja li jipprovdu l-kura għandu jkun ibbażat fuq azzjonijiet konġunti ta’ politika pubblika, ta’ min iħaddem permezz tad-djalogu soċjali u, fl-aħħar nett, ta’ min jipprovdi l-kura lill-familja stess u l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentawhom, u jiġi żgurat l-involviment tagħhom mit-tfassil tal-politika pubblika sal-implimentazzjoni tagħha.

1.6.

Il-KESE jenfasizza l-importanza li jiġu żgurati servizzi ta’ protezzjoni tas-saħħa, inklużi kura tas-saħħa preventiva u eżamijiet mediċi speċjalizzati u regolari, u li jiġi promoss taħriġ adegwat dwar kif wieħed għandu jieħu ħsieb is-saħħa tiegħu stess għaċ-ċittadini li jipprovdu kura fit-tul għal qrabathom.

1.7.

Il-KESE jitlob biex jiġu previsti investigazzjonijiet speċifiċi fis-sistemi nazzjonali tal-pensjonijiet, immirati li jiġbru elementi utli sabiex jikklassifikaw u jadattaw id-dritt għal forom alternattivi ta’ paga ordinarja għal dawk li huma kostretti li jirrinunzjaw ix-xogħol sabiex jieħdu ħsieb għal żmien twil lill-qraba b’kundizzjonijiet kroniċi u deġenerattivi jew b’diżabilitajiet.

1.8.

Il-KESE jinnota li f’dan il-fenomenu għadhom jeżistu d-differenzi bejn il-ġeneri u, f’konformità mal-Opinjoni dwar “Strateġija dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri (1)”, jitlob li tittieħed azzjoni biex din tiġi miġġielda, anke billi tissaħħaħ l-implimentazzjoni tal-indikazzjonijiet diġà espressi fid-Direttiva (UE) 2019/1158 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

1.9.

Il-KESE, filwaqt li jinnota li għad hemm għarfien limitat tal-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-persuni kkonċernati, jitlob li jiġi stabbilit Jum Ewropew għall-persuni li jipprovdu kura fit-tul għal qrabathom, bil-għan li jiżdied l-għarfien ta’ dan il-fenomenu u jiġu promossi politiki u miżuri ta’ appoġġ adatti.

1.10.

Il-KESE jenfasizza l-importanza li jiġu ggarantiti servizzi u appoġġ għall-akkomodazzjoni, għas-servizzi bbażati fid-djar b’attenzjoni partikolari għall-ħtiġijiet tas-saħħa u l-kura, kif ukoll għas-servizzi ta’ appoġġ psikoloġiku għal min jipprovdi l-kura u għall-unità domestika jew għall-persuna b’diżabilità.

1.11.

Il-KESE jenfasizza l-importanza li jitħeġġu u jiġu żgurati servizzi ta’ emerġenza f’każ ta’ avvenimenti mhux previsti, li jagħmluha impossibbli li jiġi pprovdut trattament fit-tul jew temporanju, u servizzi ta’ għajnuna, li jillimitaw l-effetti ta’ tagħbija eċċessiva u li tieħu fit-tul. Għandu jkun hemm ukoll faċilitar u proċeduri ffaċilitati li jnaqqsu l-proċeduri burokratiċi imposti fuq il-persuni li jindukraw.

1.12.

Il-KESE jqis li huma ċentrali l-provvista ta’ servizzi u appoġġ li jippermettu lill-persuna b’diżabilità tuża metodi ta’ awtosuffiċjenza barra mill-familja tal-oriġini, inkluż permezz ta’ perkorsi ta’ awtosuffiċjenza, soluzzjonijiet alternattivi ta’ akkomodazzjoni u perkorsi ta’ ħajja indipendenti għall-persuni b’diżabilità, politiki li inevitabbilment ikollhom impatti pożittivi anke fuq il-piż tal-kura tal-qraba tal-familja li minflok ikollhom jagħtu kura fit-tul.

1.13.

Il-KESE jitlob li l-Istati Membri jikkunsidraw l-adozzjoni ta’ miżuri, inkluż permezz ta’ trasferimenti monetarji biex jiġi miġġieled ir-riskju tal-faqar ta’ dawk li — minkejja politiki, servizzi u appoġġ speċifiċi għall-ġlieda kontra l-faqar — huma mġiegħla jċedu l-impjieg bi ħlas kollu jew parti minnu sabiex jipprovdu kura fit-tul lill-qraba tagħhom.

1.14.

Il-KESE jitlob li, fil-politiki tal-Istati Membri, tiġi mħeġġa l-provvista (kwalitattiva u kwantitattiva) ta’ ħaddiema tal-kura fit-tul.

1.15.

Il-KESE jappella għal inċentivi u appoġġ maħsuba għal partijiet li jipprovdu impjieg li jiffavorixxu l-flessibilità tax-xogħol u l-benesseri korporattiv, minbarra dawk diġà previsti mir-regoli tal-Istati Membri, favur il-ħaddiema li jwettqu kura kontinwa għall-membri tal-familja.

2.   Deskrizzjoni tal-fenomenu

2.1.

L-istatistika tal-Eurostat dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familja (3) ppubblikata fl-2018 wriet li aktar minn 300 miljun resident tal-UE kienu fil-grupp ta’ età ta’ bejn it-18 u l-64 sena u li, f’dan il-grupp, madwar terz kellhom responsabilitajiet ta’ kura. Dan ifisser li madwar 100 miljun persuna kienu qed jieħdu ħsieb tfal taħt l-età ta’ 15-il sena u/jew membri tal-familja dipendenti (morda, anzjani u/jew b’diżabilità) li għandhom 15-il sena jew aktar. Min-naħa l-oħra, madwar 200 miljun persuna fl-UE ma kellhom l-ebda responsabilità ta’ kura. Fost dawk li pprovdew il-kura, il-maġġoranza (74 %) ħadu ħsieb tfal taħt l-età ta’ 15-il sena li kienu jgħixu fid-dar tagħhom stess. Mis-26 % l-oħra, 3 % kienu jieħdu ħsieb tfal li jgħixu barra mill-familja, 7 % oħra kienu tfal li jgħixu kemm ġewwa kif ukoll barra mill-familja, 4 % tfal u membri tal-familja mhux awtosuffiċjenti u l-aħħar 12 % jinkludi biss membri tal-familja li mhumiex awtosuffiċjenti.

2.2.

Fl-2018, wieħed minn kull tliet residenti tal-UE ta’ bejn it-18 u l-64 sena kellu responsabilitajiet ta’ kura (34,4 %, meta mqabbel ma’ 65,6 % li ma kellhom l-ebda responsabilità ta’ dan it-tip). Fil-grupp responsabbli għall-kura kien hemm it-tqassim li ġej: 28,9 % kienu qed jieħdu ħsieb biss tfal taħt l-età ta’ 15-il sena, 4,1 % kienu qed jieħdu ħsieb membri tal-familja mhux awtosuffiċjenti ta’ 15-il sena jew aktar, u inqas minn 2 % kienu qed jieħdu ħsieb kemm tfal żgħar kif ukoll membri tal-familja li mhumiex awtosuffiċjenti.

2.3.

Il-maġġoranza ta’ dawk li jieħdu ħsieb membri tal-familja li mhumiex awtosuffiċjenti kienu nisa: 63 %, meta mqabbla ma’ 37 % tal-irġiel. Fi ħdan il-grupp ta’ età kkunsidrat (18-64 sena), dawn il-fornituri tal-kura kienu jappartjenu għall-gruppi ta’ età aktar avvanzata: 48,5 % kellhom bejn 55 u 64 sena u 35 % bejn 45 u 54 sena. 5,5 % biss kienu fil-grupp ta’ età ta’ bejn it-18 u l-44 sena.

2.4.

Fl-Istati Membri attwali kollha (27) u dawk li ma għadhomx membri (1) tal-UE (UE-28), kien hemm differenza ta’ 3,3 punti perċentwali bejn l-irġiel (2,5 %) u n-nisa (5,9 %) li jikkonfermaw li kienu naqqsu s-sigħat tax-xogħol jew waqfu jaħdmu għal aktar minn xahar fil-post attwali jew preċedenti tagħhom biex jgħinu lill-membri tal-familja morda, anzjani u/jew persuni b’diżabilità. L-akbar differenza nstabet fil-Bulgarija (6,8 punti perċentwali) u l-aktar waħda baxxa f’Ċipru (1,1 punt perċentwali), iżda kullimkien in-nisa kienu bidlu l-ħajja tax-xogħol tagħhom aktar ta’ spiss mill-irġiel (Eurostat, 2018).

2.5.

Fl-2018, 29,4 % tal-impjegati tal-UE-28 qalu li, b’mod ġenerali, jistgħu jaħdmu b’sigħat flessibbli (adattati) u jużaw ġranet sħaħ ta’ liv għal skopijiet ta’ kura. F’dan ir-rigward, madankollu, ġew osservati differenzi bejn l-Istati Membri tal-UE. L-ogħla rata ta’ impjegati bil-possibbiltà kemm li jaħdmu sigħat flessibbli kif ukoll li jieħdu l-liv għall-kura kienet fis-Slovenja (60,4 %), segwita mill-Finlandja (57,1 %) u d-Danimarka (55,1 %). L-aktar rati baxxi kienu fl-Ungerija (7,5 %), il-Polonja (7,3 %) u Ċipru (3,8 %). Min-naħa l-oħra, wieħed minn kull erba’ impjegati (25,2 %) qalu li ma kellhomx l-opportunità li jaħdmu sigħat tax-xogħol flessibbli jew li jieħdu ġranet sħaħ minħabba l-kura. Għal dawk li min-naħa l-oħra kellhom din il-possibbiltà, kien hemm differenzi konsiderevoli bejn l-Istati Membri, minn 6,9 % fil-Latvja u minn 7,7 % fis-Slovenja għal 58,6 % fil-Polonja u 58,7 % f’Ċipru (Eurostat, 2018).

2.6.

Effetti fuq is-saħħa: fl-2009 Elizabeth Blackburn, Carol Greider u Jack Szostak rebħu l-Premju Nobel fil-mediċina bl-iskoperta li wriet l-impatt bijoloġiku tal-istress tipiku ta’ dawk li jipprovdu kura fit-tul. Il-kura fit-tul kienet qassret it-telomeri ta’ ommijiet bi tfal bi bżonnijiet speċjali minn disa’ snin sa sbatax-il sena. L-impatt ta’ stress daqstant fit-tul huwa appoġġjat b’mod wiesa’ minn letteratura xjentifika internazzjonali.

2.7.

Matul is-seduta tal-4 ta’ Lulju 2022, il-Kummissjoni Ewropea ddikjarat li l-kura informali tkun tammonta għal bejn 33-39 biljun siegħa, ekwivalenti għal bejn 2,4 % u 2,7 % tal-PDG tal-UE. Il-QFP, jiġifieri l-ammont ta’ investiment tal-UE fi proġetti innovattivi għall-futur, huwa inqas minn nofs dan l-ammont, jew madwar 1,02 % tal-PDG.

2.8.

L-istejjer tal-ħajja tal-persuni li jieħdu ħsieb il-familja, miġbura mill-organizzazzjonijiet mhux governattivi ta’ persuni b’diżabilità, juru influwenzi qawwija u restrizzjonijiet fuq opportunitajiet għal relazzjonijiet soċjali, kif ukoll iż-żamma ta’ interessi kulturali u sportivi, minħabba l-attività ta’ kura personali li spiss tkun imprevedibbli u minħabba n-nuqqas ta’ alternattivi għall-assistenza pprovduta, li magħha tiżdied il-privazzjoni ta’ mumenti u spazji ta’ serħan.

2.9.

Fit-twettiq ta’ attivitajiet ta’ kura fit-tul għall-qraba b’diżabilità, mard kroniku u deġenerattiv, kif muri fil-letteratura statistika u fl-istejjer tal-ħajja, hemm disparità bejn il-ġeneri li taqa’ l-aktar fuq in-nisa; l-akbar impatt huwa rreġistrat f’termini ta’ rinunzja tax-xogħol, ta’ limitazzjoni tal-avvanz fil-karriera, ta’ tranżizzjoni sfurzata għal part-time u, b’mod aktar ġenerali, f’termini ta’ żieda fil-faqar materjali u immaterjali.

2.10.

Fl-UE, 25 % tan-nisa u 3 % tal-irġiel jgħidu li ma jistax ikollhom aċċess għal xogħol bi ħlas, jew li jistgħu jaħdmu part-time biss b’mod mhux intenzjonat, minħabba l-kompiti ta’ kura li jridu jwettqu għall-qraba, iż-żgħażagħ, l-anzjani u l-morda (4).

2.11.

Il-persuni li jieqfu jaħdmu ta’ spiss ma jkunux koperti minn ħlasijiet tas-sigurtà soċjali utli biex jibbenefikaw minn benefiċċji futuri ta’ pensjoni tax-xjuħija, u għalhekk huma destinati li jidħlu fis-sistema ta’ kura jew appoġġ għall-faqar.

2.12.

Il-kompressjoni u t-tnaqqis tas-servizzi għall-individwu u għall-familji, għalkemm b’mod differenti fid-diversi pajjiżi tal-UE, huma l-kawża ta’ piż żejjed saħansitra akbar għaċ-ċittadini li jipprovdu kura fit-tul lill-qraba b’diżabilità u b’mard kroniku u deġenerattiv, inkluż il-mard onkoloġiku.

2.13.

Billi dawn il-persuni li jindukraw mhumiex qed iwettqu xogħol f’qafas ta’ relazzjoni ta’ impjieg, huma ma jibbenefikawx minn miżuri ta’ protezzjoni tas-saħħa u miżuri ta’ prevenzjoni kontra l-mard li ġew stabbilizzati u kkonsolidati għall-impjegati.

2.14.

Jidher ċar mill-istejjer tal-ħajja ta’ dawk li jieħdu ħsieb il-familja li l-kura kontinwa u fit-tul, iżda mhux biss, spiss tirrappreżenta għażla obbligatorja jew sfurzata minħabba n-nuqqas ta’ servizzi ta’ kura, kif ukoll ix-xewqa li l-qarib ma jiġix istituzzjonalizzat; meta s-servizzi jkunu ta’ livell tajjeb, xorta jkun hemm piż residwu tal-kura ftit jew wisq sinifikanti.

2.15.

Id-dipendenza mill-kura tal-familja tal-oriġini minħabba n-nuqqas ta’ alternattivi, sostenn u appoġġ ħafna drabi tagħmilha impossibbli biex il-persuni b’diżabilità jibdew jgħixu b’mod awtonomu u indipendenti.

2.16.

Ir-riċerka tal-Eurofound “Il-ħajja, ix-xogħol u l-COVID-19” (5) sabet, matul il-pandemija, żieda sinifikanti fl-isforzi formali u informali tal-kura fid-dar u tnaqqis fl-użu tal-kura residenzjali.

2.17.

Ġeneralment, fin-nefqa tal-protezzjoni soċjali tal-pajjiżi tal-UE, l-ispejjeż għall-istituzzjonalizzazzjoni fi strutturi residenzjali, potenzjalment segreganti, huma fil-biċċa l-kbira u strateġikament preponderanti fir-rigward tal-politiki għall-appoġġ tal-għajxien awtonomu u l-għajxien indipendenti, u madankollu l-prinċipji u l-indikazzjonijiet tal-Istrateġija tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità 2021-2030, li fiha l-Kummissjoni Ewropea talbet lill-Istati Membri biex jimplimentaw prattiki tajba ta’ deistituzzjonalizzazzjoni fil-qasam tas-saħħa mentali u fir-rigward tal-persuni kollha b’diżabilità, inklużi l-minorenni, sabiex tissaħħaħ it-tranżizzjoni mill-kura istituzzjonali għas-servizzi ta’ appoġġ tal-komunità (ara l-punt 1.3).

2.18.

Il-fenomenu ta’ piż żejjed fil-qasam tal-kura jaffettwa numru differenti ta’ nies li l-partikolaritajiet tagħhom jaffettwaw l-intensità, it-tul ta’ żmien, it-tip ta’ kura pprovduta flimkien mal-progressività potenzjali tagħha, u konsegwentement il-piż żejjed: persuni b’diżabilità mentali, persuni b’diżabilità intellettwali severa, persuni b’dimenzja senili, b’mard kroniku, deġenerattiv u onkoloġiku; f’ħafna każijiet anke l-komponent strettament tal-kura tas-saħħa jitħalla f’idejn il-membru tal-familja.

2.19.

Għalkemm hemm differenzi kbar, għad hemm għadd ta’ stereotipi dwar il-kura pprovduta mill-qraba: pereżempju, hemm il-persistenza ta’ stereotip li jqis tali sitwazzjoni bħala waħda fejn huwa inevittabbli li sseħħ fatalità jew, għall-kuntrarju, li tkun għażla purament emozzjonali u konxja tal-membri tal-familja li jipprovdu l-kura huma stess. L-impożizzjoni ta’ kura personali lill-qraba ta’ persuni b’diżabilità, f’ċerti sitwazzjonijiet speċifiċi, iwassal għal diffikultajiet biex il-persuni b’diżabilità jgħixu b’mod awtonomu u indipendenti, u b’hekk dan jikkomprometti u jillimita l-għażliet u l-opportunitajiet tagħhom biex jgħixu ħajjithom kif jixtiequ.

2.20.

Għalkemm hemm differenzi kbar relatati mal-kwalità differenti tas-servizzi ta’ appoġġ, il-ġestjoni tal-emerġenzi (mard tal-assistent, sitwazzjonijiet partikolari akuti, emerġenzi marbuta mad-djar, il-kunflitt u l-istress mhux ikkontrollat…) tirrappreżenta fattur partikolarment importanti kemm f’avvenimenti eċċezzjonali kif ukoll fi stress u ansjetà relatati.

2.21.

F’sitwazzjonijiet ta’ pressjoni akbar, u fin-nuqqas ta’ soluzzjonijiet alternattivi għall-kura diretta mill-membri tal-familja, ix-xenarju ta’ assenza prevedibbli (telf tal-awtonomija personali, mard deġenerattiv, età, mewt) tal-qarib li jipprovdi l-kura huwa kawża ta’ ansjetà profonda u ġustifikata; l-ansjetà hija kkonfermata fil-każ ta’ nuqqas totali ta’ kura alternattiva. L-inkarigu esklużiv tal-piżijiet tal-kura għall-membru tal-familja jsir, b’mod partikolari f’każijiet ta’ intensità akbar, raġuni għall-konfinament tal-unità domestika kollha, b’effetti prevedibbli u xi kultant anki patoloġiċi.

2.22.

M’hemm l-ebda rikonoxximent uniformi fil-leġiżlazzjoni tal-UE tal-persuna involuta fil-kura ta’ qarib b’mard kroniku u deġenerattiv jew b’diżabilità, inkluż in-nuqqas ta’ rikonoxximent tas-servizzi li jipprovdu, iżda wkoll f’termini ta’ rikonoxximent tar-riskji u l-ħtiġijiet li tinvolvi l-attività tagħhom.

2.23.

Is-sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni, riskju u żvantaġġ akbar jidhru li huma relatati mal-kwalità u l-kwantità tas-servizzi lill-familja, lill-persuna, id-diżabilità u l-prattika ta’ għajxien indipendenti u servizzi bbażati fid-dar, b’mod partikolari s-servizzi tas-saħħa u r-riabilitazzjoni; madankollu, ma hemm l-ebda stħarriġ utli li jidentifika u jiddefinixxi b’ċertezza l-aspetti kollha ta’ din il-korrelazzjoni possibbli u li jindika kwalunkwe prattika tajba.

2.24.

Id-Direttiva (UE) 2019/1158 dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jagħtu l-kura identifikat għadd ta’ miżuri biex jikkumpensaw għad-disparitajiet bejn il-ġeneri fil-forom ta’ kura tal-familja kif ukoll passi ulterjuri lejn rikonċiljazzjoni akbar bejn il-ħinijiet tat-trattament u l-ħinijiet tax-xogħol; lil hinn mill-analiżi tal-impatt reali fl-Istati Membri, id-Direttiva ma tapplikax għall-membri tal-familja li mhumiex ħaddiema, li jkunu ħallew ix-xogħol tagħhom jew li jkunu rtiraw.

2.25.

F’ħafna kuntesti, l-appoġġ għaċ-ċittadini li jipprovdu kura fit-tul lill-qraba b’diżabilità jew b’mard kroniku jew deġenerattiv jingħata minn organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ tal-membri tal-familja nfushom, kif deher mis-seduta tal-Grupp ta’ Studju Tematiku dwar id-Drittijiet marbuta mad-Diżabilità fis-16 ta’ Settembru 2021.

2.26.

Fl-UE-27 madwar 6,3 miljun persuna jaħdmu fis-settur tal-kura fit-tul, jew 3,2 % tal-forza tax-xogħol kollha tal-UE (abbażi tad-data tal-LFS 2019). Hemm differenzi kbar bejn l-Istati Membri, u r-rata baxxa ħafna f’xi pajjiżi (EL, CY, RO, PL, BG, EE, LT, HR, IT, HU — f’kollha 1,8 % jew inqas) probabbilment jirrifletti d-dipendenza mill-kura informali (tal-familja) f’dawn il-pajjiżi (u d-dipendenza minn persuni li jipprovdu l-kura f’unitajiet domestiċi, impjegati minn familji u li mhumiex inklużi f’din l-istatistika).

2.27.

Studju tal-Eurofound (2020) sab li l-pagi tal-kura fit-tul u ta’ servizzi soċjali oħra huma 21 % inqas mill-medja u inkluda sejħa għall-promozzjoni tan-negozjar kollettiv fis-settur biex tiġi indirizzata din il-problema (6).

3.   Il-bini ta’ politika għall-dawk il-persuni li jipprovdu l-kura

3.1.

Hemm bżonn li tintlaħaq definizzjoni komuni tar-rwol u s-sitwazzjoni tal-membri tal-familja li jipprovdu kura fit-tul lill-qraba b’diżabilità, jew b’mard kroniku u deġenerattiv, fosthom l-indeboliment konjittiv u l-mard onkoloġiku, inkluża d-definizzjoni tal-karatteristiċi speċifiċi ta’ tali persuni u l-gradazzjoni tal-interventi tagħhom: definizzjoni li hija utli għar-rikonoxximent tal-istatus, il-politiki u s-servizzi ta’ appoġġ fil-pajjiżi tal-UE.

3.2.

Rieżami komprensiv tal-politiki dwar il-benesseri juri li huwa meħtieġ u adatt li jsir l-aħjar użu u li jiġu żgurati l-involviment u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini (assistenti u klijenti) fil-koprogrammazzjoni tas-servizzi tagħhom u, qabel dan, fid-definizzjoni strateġika tal-politiki.

3.3.

Sabiex jiġi limitat il-fenomenu, huwa meqjus essenzjali li jsir studju dwar is-sitwazzjoni u l-kundizzjonijiet tal-għajxien taċ-ċittadini li jipprovdu kura fit-tul lill-qraba b’diżabilità, b’mard kroniku u deġenerattiv, inklużi l-indeboliment konjittiv u l-mard onkoloġiku.

3.4.

Sabiex tiġi żgurata informazzjoni korretta għat-tfassil tal-politika, l-Eurostat għandu jaġġorna r-rekord tar-“Rikonċiljazzjoni tax-xogħol u l-ħajja tal-familja (2018)” u jkompli japprofondixxi l-impatti tal-kura fit-tul lill-qraba fuq il-membri tal-familja, irrispettivament minn jekk humiex qed jaħdmu fl-istess ħin.

3.5.

Iċ-ċittadini li jipprovdu kura fit-tul lill-qraba tagħhom għandhom jiġu ggarantiti l-protezzjoni tas-saħħa — li tinkludi anke l-prevenzjoni ta’ inċidenti li jkollhom huma u jwettqu d-dmirijiet tagħhom ta’ kura, kif ukoll kontra mard li jirriżulta mid-dmirijiet ta’ kura tagħhom — li toffri protezzjoni adatta simili kemm jista’ jkun għal dik mogħtija lill-ħaddiema impjegati u dawk li jaħdmu għal rashom.

3.6.

Huwa mixtieq li titnieda analiżi ekonomika, legali u tal-impatt bil-għan li jiġu identifikati kriterji kondiviżi, ġusti u sostenibbli għar-rikonoxximent ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol diffiċli għal attivitajiet ta’ kura fit-tul għal qraba għal dawk iċ-ċittadini li jaħdmu fuq bażi regolari fl-istess ħin.

3.7.

Għandha ssir analiżi ekonomika, legali u tal-impatt bil-għan li jiġu identifikati miżuri ta’ appoġġ ekonomiku għal dawk li jieqfu mix-xogħol sabiex jieħdu ħsieb qarib anzjan jew qraba li għandhom kundizzjonijiet kroniċi u deġenerattivi jew diżabilitajiet.

3.8.

F’konformità mal-Opinjoni dwar “Strateġija dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri (7)”, jeħtieġ li tittieħed azzjoni biex tiġi indirizzata d-differenza bejn il-ġeneri relatata mal-kura fit-tul għall-qraba, anke billi tissaħħaħ l-implimentazzjoni tal-indikazzjonijiet diġà espressi fid-Direttiva (UE) 2019/1158.

3.9.

Is-suċċess u l-effettività tal-politiki u s-servizzi għal dawk li joffru kura fit-tul huma marbuta mill-qrib mal-politiki u mal-appoġġ għall-individwi b’diżabilità li jixtiequ jew jistgħu jgħixu ħajja indipendenti lil hinn mill-familja tal-oriġini, meta jkunu marbuta magħha minħabba dipendenza mill-kura.

3.10.

L-għarfien u l-konsapevolezza dwar il-fenomenu għadhom jidhru frammentati, parzjali u limitati għal ftit osservaturi u atturi soċjali; dan l-għarfien limitat għandu jiġi kkompensat, anke permezz ta’ inizjattivi speċifiċi, sabiex jissaħħu u jiġu promossi politiki u miżuri adatti ta’ sostenn. Għalhekk, il-KESE jitlob li jiġi stabbilit Jum Ewropew għall-persuni li jipprovdu kura fit-tul lil qrabathom.

3.11.

Il-KESE jappella lill-Unjoni Ewropea biex tikkoopera mill-qrib mal-Istati Membri sabiex ittejjeb il-kundizzjonijiet tal-għajxien kemm ta’ dawk li jipprovdu kura fit-tul lil qrabathom kif ukoll tal-familji tagħhom, u biex tevita li din l-attività tiġi — fil-fatt — sfurzata. Il-miżuri speċifiċi biex jinkiseb dan għandhom jimmiraw:

—

għar-rikonoxximent u t-tisħiħ tar-rwol tal-partijiet interessati, inkluż fil-qasam tas-servizzi komunitarji;

—

għall-għoti ta’ servizzi u appoġġ għall-għajxien sabiex jiġu evitati l-iżolament, il-marġinalità u l-piż żejjed psikofiżiku;

—

għat-tisħiħ tas-servizzi domestiċi b’attenzjoni partikolari għall-ħtiġijiet tas-saħħa u l-kura;

—

għall-provvista ta’ servizzi ta’ appoġġ psikoloġiku għall-persuni li jipprovdu kura lill-familja u fi ħdan l-unità domestika;

—

għall-provvista ta’ faċilitajiet u perkorsi aktar faċli għat-twettiq ta’ attivitajiet burokratiċi;

—

għall-iżgurar ta’ servizzi ta’ emerġenza kontra avvenimenti mhux mistennija jew l-impossibbiltà ta’ assistenza;

—

għall-iżgurar ta’ servizzi ta’ għajnuna li jillimitaw l-effetti ta’ piż mentali u fiżiku eċċessiv u fit-tul fuq il-membri tal-familja;

—

għall-indirizzar, anke permezz ta’ trasferimenti ta’ flus, tar-riskju tal-faqar għal dawk li jċedu impjieg bi ħlas jew inaqqsu t-tul ta’ żmien tagħhom fix-xogħol, u b’mod ġenerali, għall-unità domestika inkwistjoni;

—

għall-promozzjoni tal-provvista (kwalitattiva u kwantitattiva) tal-ħaddiema tal-kura fit-tul fil-politiki tal-Istati Membri;

—

għall-promozzjoni, fejn possibbli, ta’ perkorsi ta’ awtosuffiċjenza, ta’ soluzzjonijiet alternattivi ta’ akkomodazzjoni u ta’ perkorsi ta’ għajxien indipendenti għall-persuni b’diżabilità;

—

għat-twettiq ta’ assistenza għall-membri tal-familja abbażi ta’ azzjonijiet konġunti bejn il-politiki pubbliċi (rikonoxximent u tisħiħ tar-rwol ta’ dawk li jieħdu ħsieb il-familja, disponibbiltà u affidabbiltà tas-servizzi, saħħa tal-fornituri tal-kura, promozzjoni ta’ soluzzjonijiet ta’ reżistenza, protezzjoni soċjali u skemi ta’ kumpens għall-fornituri tal-kura, eċċ.) u għal min iħaddem permezz tad-djalogu soċjali u, fl-aħħar nett, għal dawk li persuni stess li jipprovdu l-kura u l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentawhom, billi jiżguraw l-involviment tagħhom mit-tfassil tal-politiki pubbliċi sal-implimentazzjoni tagħhom.

Brussell, is-26 ta’ Ottubru 2022.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  ĠU C 364, 28.10.2020, p. 77.

(2)  Id-Direttiva (UE) 2019/1158 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE (ĠU L 188, 12.7.2019, p. 79).

(3)  “Rikonċiljazzjoni tal-ħajja tax-xogħol u tal-familja”, Eurostat 2018 (mhux disponibbli bil-Malti).

(4)  ĠU C 194, 12.5.2022, p. 19, il-punt 3.8.

(5)  https://www.eurofound.europa.eu/publications/report/2020/living-working-and-covid-19

(6)  Eurofound (2020), Long-term care workforce: Employment and working conditions [Ħaddiema fil-kura fit-tul: Impjieg u kundizzjonijiet tax-xogħol] (mhux disponibbli bil-Malti).

(7)  ĠU C 364, 28.10.2020, p. 77.