|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/2540 |
12.12.2025 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/2540
tad-9 ta’ Diċembru 2025
li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2019/881 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istabbiliment tal-pjan għal rieżami bejn il-pari
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/881 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-ENISA (l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà) u dwar iċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 526/2013 (l-Att dwar iċ-Ċibersigurtà) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 59(5) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Skont l-Artikolu 59(4) tar-Regolament (UE) 2019/881, ir-rieżamijiet bejn il-pari tal-awtoritajiet nazzjonali taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà (NCCAs, National Cybersecurity Certification Authorities) iridu jitwettqu minn żewġ NCCAs minn Stati Membri oħra u mill-Kummissjoni. Bil-ħsieb li jinkisbu standards ekwivalenti fir-rigward taċ-ċertifikati Ewropej taċ-ċibersigurtà u d-dikjarazzjonijiet tal-konformità tal-UE, jenħtieġ li l-Kummissjoni timmonitorja aspetti relatati mal-konformità ma’ dan ir-Regolament u tiżgura li r-rieżamijiet bejn il-pari jitwettqu b’mod konsistenti fl-Unjoni kollha. Sabiex tgħin biex tidentifika prattiki tajbin, sfidi u tagħlimiet meħuda mill-implimentazzjoni tal-iskemi Ewropej taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà (ENISA, European Union Agency for Cybersecurity) jenħtieġ li jkollha l-opportunità li tipparteċipa fir-rieżamijiet bejn il-pari bħala osservatur. Biex tappoġġa l-implimentazzjoni armonizzata tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-ENISA, f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni u mal-Grupp Ewropew taċ-Ċertifikazzjoni taċ-Ċibersigurtà (ECCG, European Cybersecurity Certification Group), titħalla wkoll tiżviluppa mudelli. |
|
(2) |
Sabiex jiġi żgurat ippjanar prevedibbli u l-allokazzjoni effiċjenti ta’ riżorsi, ir-rieżamijiet bejn il-pari ta’ kull NCCA jenħtieġ li jitwettqu f’konformità ma’ skeda stabbilita. Jenħtieġ li jkun possibbli għal NCCA li titlob li ddewwem ir-rieżami bejn il-pari tagħha f’ċirkostanzi eċċezzjonali, bħal nuqqas mhux mistenni ta’ persunal jew każijiet ta’ force majeure. Għal dak il-għan, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti l-arranġamenti għall-valutazzjoni ta’ dik it-talba, filwaqt li jiġi żgurat li tinżamm l-iskeda ġenerali, u li l-objettivi tal-mekkaniżmu ta’ rieżami bejn il-pari ma jiġux kompromessi. |
|
(3) |
Sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri kollha jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ rieżami bejn il-pari, kif ukoll biex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-apprendiment bejn il-pari, l-NCCAs ta’ kull Stat Membru jenħtieġ li jwettqu żewġ rieżamijiet bejn il-pari fuq perjodu ta’ 5 snin. Għalhekk jenħtieġ li tiġi stabbilita sistema ta’ rotazzjoni li tippermetti lill-NCCAs tal-Istati Membri kollha jorganizzaw il-parteċipazzjoni tagħhom. Huwa meħtieġ ukoll li jiġu stabbiliti kriterji li l-NCCAs jenħtieġ li jqisu meta jagħżlu rappreżentanti biex iwettqu rieżamijiet bejn il-pari, bl-objettiv li jiżguraw għarfien espert u kompetenza adegwati. L-NCCAs jenħtieġ li jitħallew jipparteċipaw ukoll f’rieżamijiet bejn il-pari bħala osservaturi, għall-finijiet ta’ monitoraġġ u ta’ apprendiment mill-proċess. F’każijiet bħal dawn, jenħtieġ li ma jkunx meħtieġ li r-rappreżentant tagħhom ikollu l-istess għarfien espert u kompetenza li huma mistennija mir-rappreżentanti tal-NCCAs li jwettqu r-rieżamijiet bejn il-pari. |
|
(4) |
Sabiex jiġi żgurat li NCCA tiġi rieżaminata bejn il-pari minn mill-inqas NCCA waħda li tuża l-istess approċċ dwar il-ħruġ ta’ ċertifikati fil-livell “għoli”, jenħtieġ li l-ENISA tindika, meta tistieden lill-NCCAs jesprimu l-interess tagħhom li jkunu rieżaminaturi bejn il-pari, jekk l-NCCA rieżaminata bejn il-pari toħroġx direttament ċertifikati fil-livell “għoli”, tagħmilx użu mill-mudell ta’ approvazzjoni minn qabel imsemmi fl-Artikolu 56(6), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2019/881, tagħtix delega ġenerali f’konformità mal-punt (b) ta’ dak il-paragrafu, jew għandhiex taħlita ta’ dawn il-karatteristiċi. |
|
(5) |
Sabiex jiġu żgurati kriterji u proċeduri komuni ta’ evalwazzjoni għat-tħaddim ta’ rieżamijiet bejn il-pari madwar l-Unjoni, kull rieżami bejn il-pari jenħtieġ li dejjem jinkludi kwestjonarju ta’ awtovalutazzjoni, rieżami tad-dokumentazzjoni u żjara fuq il-post, akkumpanjati minn intervisti. Wara ż-żjara fuq il-post, it-tim ta’ rieżami bejn il-pari għandu jiddiskuti s-sejbiet mal-NCCA rieżaminata bejn il-pari, iħejji abbozz ta’ rapport u jippreżentah lill-NCCA rieżaminata bejn il-pari għall-kummenti, bil-ħsieb li jiġi żgurat kunsens, fejn possibbli. It-tim ta’ rieżami bejn il-pari jenħtieġ li jippreżenta r-rapport finali, li jista’ jinkludi linji gwida jew rakkomandazzjonijiet biex ikun jista’ jsir titjib għall-NCCA rieżaminata bejn il-pari, lill-ECCG. L-ECCG, fuq proposta tat-tim ta’ rieżami bejn il-pari, jenħtieġ li japprova wkoll rapport ta’ sinteżi li se jkun disponibbli għall-pubbliku. |
|
(6) |
Sabiex jiġi żgurat li l-informazzjoni miksuba permezz tal-proċess ta’ rieżami bejn il-pari tiġi ttrattata b’mod sigur, it-tim ta’ rieżami bejn il-pari jenħtieġ li jiżgura l-użu ta’ kanali siguri ta’ komunikazzjoni bħal pjattaforma sigura għall-ħżin u għall-kondiviżjoni tad-dokumenti, u l-użu tas-salvagwardji xierqa għad-data kunfidenzjali kondiviża bejn il-membri tat-tim ta’ rieżami bejn il-pari. L-ENISA, filwaqt li tqis l-aħjar prattiki eżistenti tal-NCCAs, jenħtieġ li tkun tista’ tiżviluppa wkoll linji gwida dwar kif tiġi żgurata komunikazzjoni sigura, b’mod partikolari bil-ħsieb li jiġi żgurat li l-livell ta’ sigurtà applikat mit-tim ta’ rieżami bejn il-pari meta jiġbor, jikkondividi u jipproċessa l-informazzjoni jkun allinjat mal-ħtiġijiet tas-sigurtà tal-NCCA rieżaminata bejn il-pari. |
|
(7) |
Sabiex jiġu ffaċilitati l-kooperazzjoni u l-iskambju effettiv ta’ informazzjoni bejn l-NCCAs, l-ECCG, b’mod partikolari s-sottogrupp tiegħu dwar ir-rieżami bejn il-pari, jenħtieġ li jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ mudelli kif ukoll jassisti lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament. |
|
(8) |
Il-mekkaniżmu ta’ rieżami bejn il-pari jikkostitwixxi servizz pubbliku diġitali trans-Ewropew skont it-tifsira tar-Regolament (UE) 2024/903 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). Dan ir-Regolament jintroduċi rekwiżiti vinkolanti ġodda li jaffettwaw dak is-servizz, u, bħala tali, huwa soġġett għall-obbligu ta’ valutazzjoni tal-interoperabbiltà skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2024/903. Għaldaqstant, twettqet valutazzjoni tal-interoperabbiltà, u r-rapport li jirriżulta għandu jiġi ppubblikat fuq il-Portal Ewropa Interoperabbli. |
|
(9) |
Fl-iżvilupp ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni qieset il-fehmiet tal-ECCG, inkluż is-sottogrupp tiegħu dwar ir-rieżami bejn il-pari. |
|
(10) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 66 tar-Regolament (UE) 2019/881, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Skeda, frekwenza u kost tar-rieżamijiet bejn il-pari
1. Ir-rieżamijiet bejn il-pari tal-awtoritajiet nazzjonali taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà (NCCAs, National Cybersecurity Certification Authorities) għandhom jitwettqu f’konformità mal-iskeda stabbilita fl-Anness I. Kull rieżami bejn il-pari għandu jitlesta sad-data indikata f’dik l-iskeda u minn hemm ’il quddiem għandu jitwettaq darba kull 5 snin.
2. F’ċirkostanzi eċċezzjonali, NCCA rieżaminata bejn il-pari tista’ tippreżenta talba debitament ġustifikata lill-Kummissjoni biex tipposponi r-rieżami bejn il-pari tagħha lil hinn mid-data indikata fl-iskeda stabbilita fl-Anness I. Il-Kummissjoni għandha, f’kooperazzjoni mal-Grupp Ewropew taċ-Ċertifikazzjoni taċ-Ċibersigurtà (ECCG, European Cybersecurity Certification Group) stabbilit bl-Artikolu 62 tar-Regolament (UE) 2019/881, tivvaluta t-talba u tinforma lill-partijiet rilevanti kollha dwar l-eżitu f’waqtu.
3. Meta Stat Membru, f’konformità mal-Artikolu 58(1) tar-Regolament (UE) 2019/881, ikun iddeżinja:
|
(a) |
aktar minn NCCA waħda fit-territorju tiegħu, l-NCCAs kollha ta’ dak l-Istat Membru għandhom jiġu rieżaminati bejn il-pari b’mod parallel; |
|
(b) |
l-NCCA jew l-NCCAs ta’ Stat Membru ieħor, dik l-NCCA jew dawk l-NCCAs jistgħu jiġu rieżaminati bejn il-pari f’konformità mal-iskeda stabbilita jew għall-Istat Membru deżinjatur jew għall-Istat Membru tal-NCCA jew tal-NCCAs iddeżinjati, fir-rigward tal-kompiti superviżorji mwettqa fl-Istat Membru deżinjatur. |
4. L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà (ENISA) għandha tagħmel l-informazzjoni li ġejja disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit web dwar l-iskemi Ewropej taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà maħluqa skont l-Artikolu 50 tar-Regolament (UE) 2019/881:
|
(a) |
l-informazzjoni dwar l-iskeda stabbilita fl-Anness I; |
|
(b) |
il-lista ta’ NCCAs rieżaminaturi bejn il-pari miżmuma skont l-Artikolu 2(5). |
5. Kull NCCA involuta fil-proċess ta’ rieżami bejn il-pari għandha ġġarrab il-kostijiet ta’ parteċipazzjoni tagħha stess.
Artikolu 2
Sistema ta’ rotazzjoni għall-NCCAs rieżaminaturi bejn il-pari
1. F’konformità mal-Artikolu 59(4) tar-Regolament (UE) 2019/881, kull rieżami bejn il-pari għandu jitwettaq minn żewġ NCCAs rieżaminaturi bejn il-pari ta’ Stati Membri oħra u mill-Kummissjoni. L-NCCAs ta’ kull Stat Membru għandhom jipparteċipaw fir-rieżami bejn il-pari ta’ mill-inqas żewġ NCCAs matul kull perjodu stabbilit fl-Anness I.
2. L-NCCAs ta’ Stati Membri oħra jistgħu jipparteċipaw fir-rieżami bejn il-pari bħala osservaturi ma’ rappreżentant wieħed jew aktar, bil-qbil tal-NCCA rieżaminata bejn il-pari, l-NCCAs rieżaminaturi bejn il-pari u l-Kummissjoni.
3. Rappreżentant wieħed mill-ENISA jista’ jipparteċipa fir-rieżami bejn il-pari bħala osservatur. Rappreżentanti addizzjonali jistgħu jipparteċipaw ukoll, bil-qbil tal-NCCA rieżaminata bejn il-pari, l-NCCAs rieżaminaturi bejn il-pari u l-Kummissjoni.
4. L-osservaturi għandu jkollhom aċċess għall-istess informazzjoni bħall-membri l-oħra tat-tim ta’ rieżami bejn il-pari, iżda ma għandhomx iwettqu kompiti relatati mal-eżekuzzjoni tar-rieżami bejn il-pari.
5. L-ENISA, f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni u mal-ECCG, għandha tipproponi u żżomm il-lista ta’ NCCAs rieżaminaturi bejn il-pari li għandhom iwettqu l-iskeda stabbilita fl-Anness I. Matul sena partikolari, l-ENISA, f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni, għandha titlob lill-NCCAs jesprimu l-interess tagħhom li jwettqu jew li jipparteċipaw bħala osservaturi fir-rieżamijiet bejn il-pari tal-NCCAs skedati fl-Anness I għas-sena ta’ wara.
6. Meta aktar minn żewġ NCCAs jesprimu l-interess tagħhom biex iwettqu r-rieżami bejn il-pari tal-istess NCCA, il-Kummissjoni u l-ENISA għandhom jikkonsultaw lill-NCCAs interessati u jiddeċiedu dwar il-parteċipanti fir-rieżami bejn il-pari.
7. Fejn, f’sena partikolari, ma jkunx hemm biżżejjed NCCAs rieżaminaturi bejn il-pari li jesprimu l-interess tagħhom biex iwettqu r-rieżamijiet bejn il-pari, il-Kummissjoni għandha, wara li tikkonsulta lill-ECCG, tagħżel NCCAs biex iwettqu r-rieżamijiet bejn il-pari. Fl-għażla tagħha, il-Kummissjoni għandha tqis l-obbligu tal-NCCAs ta’ kull Stat Membru li jipparteċipaw fir-rieżamijiet bejn il-pari ta’ mill-inqas żewġ NCCAs, imsemmija fil-paragrafu 1.
Artikolu 3
Kriterji dwar il-kompożizzjoni tat-tim ta’ rieżami bejn il-pari
1. Fi żmien xieraq qabel il-bidu tar-rieżami bejn il-pari, kull NCCA rieżaminatur bejn il-pari għandha taħtar rappreżentant wieħed biex iwettaq ir-rieżami bejn il-pari. L-NCCAs rieżaminaturi bejn il-pari jistgħu jaħtru aktar minn rappreżentant wieħed meta dan ikun meħtieġ biex jiġi żgurat li t-tim ta’ rieżami bejn il-pari jkollu l-kompetenzi meħtieġa biex iwettaq ir-rieżami bejn il-pari.
2. Ir-rappreżentant tal-NCCAs rieżaminaturi bejn il-pari, bl-eċċezzjoni tar-rappreżentanti tal-NCCAs li jipparteċipaw bħala osservaturi, għandu jissodisfa l-kriterji li ġejjin:
|
(a) |
ikollu mill-inqas sentejn esperjenza ta’ ħidma għall-NCCA rieżaminatur bejn il-pari jew ikun ipparteċipa f’mill-inqas żewġ rieżamijiet bejn il-pari bħala osservaturi; |
|
(b) |
ikollu għarfien suffiċjenti tal-qafas taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà stabbilit bir-Regolament (UE) 2019/881; |
|
(c) |
ikollu għarfien tajjeb tal-Ingliż u, fejn possibbli, ta’ lingwa waħda jew aktar mitkellma fl-Istat Membru tal-NCCAs rieżaminati bejn il-pari; |
|
(d) |
jopera indipendentement mill-NCCA rieżaminata bejn il-pari. |
3. L-NCCAs rieżaminaturi bejn il-pari għandhom jiżguraw li kwalunkwe riskju ta’ kunflitt ta’ interess li jikkonċerna lir-rappreżentanti deżinjati jiġi ddivulgat lill-NCCAs l-oħrajn, lill-Kummissjoni u lill-ENISA, qabel il-bidu tal-proċess ta’ rieżami bejn il-pari. L-NCCA rieżaminata bejn il-pari tista’ toġġezzjona għad-deżinjazzjoni ta’ rappreżentanti partikolari f’konformità mal-paragrafu 5.
4. L-NCCAs rieżaminaturi bejn il-pari għandhom jagħżlu rappreżentant wieħed (“il-kap tat-tim”) minn fosthom biex jikkoordina r-rieżami bejn il-pari.
5. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-NCCA rieżaminata bejn il-pari bl-ismijiet u bid-dettalji ta’ kuntatt tar-rappreżentanti tal-NCCAs rieżaminaturi bejn il-pari qabel il-bidu tal-proċess ta’ rieżami bejn il-pari. Meta l-NCCA rieżaminata bejn il-pari tkun tixtieq toġġezzjona għan-nomina ta’ rappreżentant wieħed jew aktar, hija għandha, fi żmien ġimagħtejn, tipprovdi ġustifikazzjoni ċara lill-Kummissjoni, tinforma lill-ENISA u lill-ECCG, u titlob li l-NCCA rieżaminatur bejn il-pari jinnomina rappreżentant differenti.
6. Meta l-proċedura stabbilita fil-paragrafu 5 tikkawża dewmien bla bżonn fit-tnedija tar-rieżami bejn il-pari minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali, il-Kummissjoni, f’konsultazzjoni mal-ENISA u mal-ECCG, għandha tiddeċiedi dwar il-kompożizzjoni tat-tim ta’ rieżami bejn il-pari.
Artikolu 4
Metodoloġija għar-rieżami bejn il-pari
1. Ir-rieżami bejn il-pari għandha tivvaluta l-aspetti elenkati fl-Anness II, f’konformità mal-Artikolu 59(3) tar-Regolament (UE) 2019/881.
2. L-ENISA, f’kooperazzjoni mal-ECCG u mal-Kummissjoni, tista’ tiżviluppa mudelli għall-valutazzjoni tal-proċessi stabbiliti mill-NCCA rieżaminata bejn il-pari.
3. Ir-rieżami bejn il-pari għandha tinkludi dan li ġej:
|
(a) |
kwestjonarju ta’ awtovalutazzjoni; |
|
(b) |
valutazzjoni tad-dokumentazzjoni rilevanti; |
|
(c) |
intervisti online jew fiżiċi, jew it-tnejn li huma; |
|
(d) |
żjara fuq il-post. |
4. It-tul tar-rieżami bejn il-pari jista’ jiġi miftiehem minn qabel bejn it-tim ta’ rieżami bejn il-pari u l-NCCA rieżaminata bejn il-pari, skont id-daqs u l-kumplessità tal-attivitajiet tal-NCCA rieżaminata bejn il-pari. Iż-żjara fuq il-post ma għandhiex iddum aktar minn 3 ijiem tax-xogħol.
5. Sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor mit-tim ta’ rieżami bejn il-pari, l-NCCA rieżaminata bejn il-pari u l-Kummissjoni, il-lingwa tal-kooperazzjoni għandha tkun l-Ingliż. Ir-rapport ta’ rieżami bejn il-pari msemmi fl-Artikolu 5 għandu jitfassal mill-inqas bl-Ingliż.
6. L-NCCA rieżaminata bejn il-pari għandha tikkoopera u tipprovdi lit-tim ta’ rieżami bejn il-pari b’aċċess għall-informazzjoni u għad-dokumenti li huma meħtieġa biex jitwettaq ir-rieżami bejn il-pari. L-NCCA rieżaminata bejn il-pari għandha tissottometti l-kwestjonarju ta’ awtovalutazzjoni u l-aħħar rapport ta’ sinteżi annwali adottat f’konformità mal-Artikolu 58(7), il-punt (g), tar-Regolament (UE) 2019/881 mill-inqas 21 jum qabel id-data taż-żjara fuq il-post. Għandhom jiġu ppreżentati dokumenti addizzjonali fuq talba tat-tim ta’ rieżami bejn il-pari, fi żmien 7 ijiem mill-wasla ta’ tali talbiet.
7. Id-dokumenti għandhom jiġu pprovduti bl-Ingliż sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor skont il-paragrafu 5. Meta d-dokumenti ma jiġux ipprovduti bl-Ingliż, it-tim ta’ rieżami bejn il-pari jista’ jitlob li d-dokumenti meħtieġa biex jitwettaq ir-rieżami bejn il-pari jiġu tradotti bl-Ingliż.
8. Qabel ma jfassal ir-rapport ta’ rieżami bejn il-pari f’konformità mal-Artikolu 5, it-tim ta’ rieżami bejn il-pari għandu jiddiskuti s-sejbiet preliminari mal-NCCA rieżaminata bejn il-pari.
Artikolu 5
Rapport ta’ rieżami bejn il-pari
1. Fi żmien 21 jum mill-eżekuzzjoni tar-rieżami bejn il-pari, it-tim ta’ rieżami bejn il-pari għandu jfassal abbozz ta’ rapport ta’ rieżami bejn il-pari, li għandu jinkludi d-dettalji tal-Istat Membru tal-NCCA rieżaminata bejn il-pari, tal-NCCAs rieżaminaturi bejn il-pari, tal-Kummissjoni u ta’ kwalunkwe osservatur, kif ukoll is-sejbiet u l-konklużjonijiet tar-rieżami bejn il-pari. Fejn meħtieġ, ir-rapport għandu jinkludi rakkomandazzjonijiet li jippermettu titjib fl-aspetti koperti mir-rieżami bejn il-pari.
2. L-ENISA, f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni u mal-ECCG, tista’ tiżviluppa mudell għar-rapport ta’ rieżami bejn il-pari.
3. Wara li jfassal l-abbozz tar-rapport ta’ rieżami bejn il-pari f’konformità mal-paragrafu 1, it-tim ta’ rieżami bejn il-pari għandu jipprovdih lill-NCCA rieżaminata bejn il-pari għall-kummenti li għandhom isiru fi żmien 14-il jum. It-tim ta’ rieżami bejn il-pari għandu jevalwa l-kummenti u, fejn possibbli, jintegrahom fir-rapport finali, bil-ħsieb li jiżgura kunsens. F’każ ta’ nuqqas ta’ qbil, it-tweġiba tal-NCCA rieżaminata bejn il-pari għandha tiġi annessa mar-rapport finali.
4. Ir-rapport finali għandu jintbagħat fi żmien xahrejn mill-eżekuzzjoni tar-rieżami bejn il-pari lill-ECCG, inkluż sommarju għall-pubblikazzjoni. F’konformità mal-Artikolu 59(6) tar-Regolament (UE) 2019/881, l-ECCG għandu jeżamina r-rapport u japprova s-sommarju tiegħu, li għandu jiġi ppubblikat fuq is-sit web dwar l-iskemi Ewropej taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà maħluqa skont l-Artikolu 50 tar-Regolament (UE) 2019/881. Is-sommarju għandu jinkludi wkoll it-tweġiba tal-NCCA rieżaminata bejn il-pari jew partijiet minnha, bi qbil mal-NCCA rieżaminata bejn il-pari.
5. It-tim ta’ rieżami bejn il-pari għandu janonimizza d-data personali li seta’ ġabar matul ir-rieżami bejn il-pari qabel ma jiċċirkola r-rapport ta’ rieżami bejn il-pari barra mit-tim ta’ rieżami bejn il-pari.
Artikolu 6
Kunfidenzjalità
1. Il-partijiet kollha involuti fir-rieżami bejn il-pari għandhom jirrispettaw il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni u tad-data miksuba fit-twettiq tal-kompiti u tal-attivitajiet tagħhom b’tali mod li jipproteġu, b’mod partikolari:
|
(a) |
id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u l-informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali jew is-sigrieti kummerċjali ta’ persuna fiżika jew ġuridika, inkluż il-kodiċi tas-sors, ħlief il-każijiet imsemmija fl-Artikolu 5 tad-Direttiva (UE) 2016/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3); |
|
(b) |
l-implimentazzjoni effettiva ta’ dan ir-Regolament; |
|
(c) |
l-interessi tas-sigurtà pubblika u tas-sigurtà nazzjonali; |
|
(d) |
l-integrità tal-proċedimenti kriminali jew amministrattivi. |
2. It-tim ta’ rieżami bejn il-pari għandu jiżgura li kwalunkwe informazzjoni miksuba permezz tal-proċess ta’ rieżami bejn il-pari tiġi ttrattata b’mod sigur. Ladarba jkunu tfasslu r-rapport finali u s-sommarju msemmija fl-Artikolu 5(4), it-tim ta’ rieżami bejn il-pari, inkluż kwalunkwe osservatur, għandu jħassar jew jeqred id-dokumenti kollha, għajr ir-rapport finali u s-sommarju, li jkunu nġabru jew li jkunu ġew iġġenerati bħala parti mill-proċess ta’ rieżami bejn il-pari.
3. L-ENISA, filwaqt li tqis l-aħjar prattiki eżistenti tal-NCCAs, tista’, f’kooperazzjoni mal-ECCG, tiżviluppa linji gwida dwar komunikazzjonijiet siguri u kunfidenzjali.
Artikolu 7
Bini tal-kapaċitajiet
L-ENISA għandha tanalizza r-riżultati aggregati tar-rieżamijiet bejn il-pari u tenfasizza t-tagħlimiet meħuda u l-aħjar prattiki, sabiex tikkontribwixxi għall-bini tal-kapaċità għall-NCCAs u għaż-żamma tal-iskemi Ewropej taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà. Dik l-analiżi tista’ tinkludi, fejn xieraq, taħriġ u linji gwida addizzjonali għall-NCCAs, żviluppati f’kooperazzjoni mal-ECCG.
Artikolu 8
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Diċembru 2025.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 151, 7.6.2019, p. 15, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/881/oj.
(2) Ir-Regolament (UE) 2024/903 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Marzu 2024 li jistipula miżuri għal livell għoli ta’ interoperabbiltà tas-settur pubbliku fl-Unjoni kollha (Att dwar Ewropa Interoperabbli) (ĠU L, 2024/903, 22.3.2024, ELI:http://data.europa.eu/eli/reg/2024/903/oj).
(3) Id-Direttiva (UE) 2016/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni ta’ konoxxenza u ta’ informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali (sigrieti kummerċjali) kontra l-ksib, l-użu u l-iżvelar illegali tagħhom (ĠU L 157, 15.6.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2016/943/oj).
ANNESS I
Skeda tal-awtoritajiet nazzjonali taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà (NCCAs, National Cybersecurity Certification Authorities) li huma soġġetti għal rieżami bejn il-pari
L-NCCAs tal-Istati Membri li ġejjin għandhom jiġu rieżaminati bejn il-pari sal-31 ta’ Diċembru 2026 u kull 5 snin wara dan:
l-Iżvezja, il-Belġju, is-Slovakkja, il-Ġermanja, Malta, iċ-Ċekja
L-NCCAs tal-Istati Membri li ġejjin għandhom jiġu rieżaminati bejn il-pari sal-31 ta’ Diċembru 2027 u kull 5 snin wara dan:
l-Ungerija, il-Greċja, l-Estonja, is-Slovenja, in-Netherlands, l-Italja
L-NCCAs tal-Istati Membri li ġejjin għandhom jiġu rieżaminati bejn il-pari sal-31 ta’ Diċembru 2028 u kull 5 snin wara dan:
il-Kroazja, id-Danimarka, il-Litwanja, Spanja, il-Bulgarija, l-Irlanda
L-NCCAs tal-Istati Membri li ġejjin għandhom jiġu rieżaminati bejn il-pari sal-31 ta’ Diċembru 2029 u kull 5 snin wara dan:
il-Finlandja, l-Awstrija, ir-Rumanija, il-Lussemburgu, il-Latvja, il-Polonja
L-NCCAs tal-Istati Membri u tal-pajjiżi taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE)/tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA, European Free Trade Association) li ġejjin għandhom jiġu rieżaminati bejn il-pari sal-31 ta’ Diċembru 2030 u kull 5 snin wara dan:
Ċipru, Franza, il-Portugall, il-Liechtenstein, in-Norveġja, l-Iżlanda
ANNESS II
Metodoloġija tar-rieżami bejn il-pari
II.1 Separazzjoni bejn l-attivitajiet ta’ ċertifikazzjoni u l-attivitajiet superviżorji
Fil-valutazzjoni tas-separazzjoni bejn l-attivitajiet ta’ ċertifikazzjoni u l-attivitajiet superviżorji tal-NCCA rieżaminata bejn il-pari msemmija fl-Artikolu 59(3), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2019/881, ir-rieżami bejn il-pari għandu jivvaluta mill-inqas l-aspetti li ġejjin:
|
(a) |
deskrizzjoni dettaljata tal-funzjonament tal-NCCA rieżaminata bejn il-pari, li tidentifika b’mod ċar l-entitajiet u/jew id-dipartimenti differenti involuti fl-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2019/881; |
|
(b) |
immappjar tal-attivitajiet tal-NCCA rieżaminata bejn il-pari mal-attivitajiet elenkati fl-Artikolu 58(7) tar-Regolament (UE) 2019/881; |
|
(c) |
meta l-NCCA rieżaminata bejn il-pari toħroġ ċertifikati, spjegazzjoni li turi li ma hemm l-ebda interferenza bejn l-attivitajiet ta’ ċertifikazzjoni u l-attivitajiet superviżorji tagħha kif identifikati fil-punt (b). |
II.2 Superviżjoni u infurzar tar-regoli għall-monitoraġġ tal-konformità maċ-ċertifikati
Fil-valutazzjoni tal-proċeduri tal-NCCA rieżaminata bejn il-pari għas-superviżjoni u għall-infurzar tar-regoli għall-monitoraġġ tal-konformità tal-prodotti tal-ICT, tas-servizzi tal-ICT u tal-proċessi tal-ICT u tas-servizzi tas-sigurtà ġestiti maċ-ċertifikati Ewropej taċ-ċibersigurtà msemmija fl-Artikolu 59(3), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2019/881, ir-rieżami bejn il-pari għandu jivvaluta mill-inqas l-aspetti li ġejjin:
|
(a) |
il-kwalità u l-livell ta’ deskrizzjoni dettaljata ta’ tali proċessi u proċeduri u kemm huma ddokumentati; |
|
(b) |
jekk u sa liema punt tali proċessi u proċeduri jkopru l-iskemi Ewropej rilevanti taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà; |
|
(c) |
jekk l-NCCA rieżaminata bejn il-pari għandhiex is-setgħa effettiva li tispezzjona l-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità li joħorġu ċertifikati u, fejn meħtieġ, li tinforza l-irtirar taċ-ċertifikati; |
|
(d) |
il-firxa tal-kooperazzjoni tal-NCCA rieżaminata bejn il-pari mal-awtoritajiet rilevanti tas-sorveljanza tas-suq; |
|
(e) |
jekk l-NCCA rieżaminata bejn il-pari għandhiex mekkaniżmu biex tittratta l-ilmenti minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi, meħtieġ skont l-Artikolu 58(7), il-punt (f), tar-Regolament (UE) 2019/881, inkluż evidenza dwar jekk il-persuni fiżiċi u ġuridiċi għandhomx id-dritt li jressqu lment u li jiksbu rimedju ġudizzjarju effettiv f’konformità mal-Artikoli 63 u 64 ta’ dak ir-Regolament, rispettivament. |
II.3 Monitoraġġ u infurzar tal-obbligi tal-manifatturi jew tal-fornituri
Fil-valutazzjoni tal-proċeduri tal-NCCA rieżaminata bejn il-pari għall-monitoraġġ u għall-infurzar tal-obbligi tal-manifatturi jew tal-fornituri li jwettqu awtovalutazzjoni tal-konformità, kif imsemmi fl-Artikolu 59(3), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2019/881, ir-rieżami bejn il-pari għandu jivvaluta mill-inqas l-aspetti li ġejjin:
|
(a) |
jekk l-NCCA rieżaminata bejn il-pari tkunx stabbiliet tali proċeduri u sa liema punt huma dokumentati, b’mod partikolari jekk tkunx stabbiliet mekkaniżmu biex tirċievi u tipproċessa informazzjoni minn sorsi esterni; |
|
(b) |
jekk u sa liema punt tali proċeduri jkopru l-iskemi Ewropej rilevanti taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà; |
|
(c) |
jekk u sa liema punt l-NCCA rieżaminata bejn il-pari twettaq l-investigazzjonijiet tagħha stess u jekk l-ambitu tal-investigazzjonijiet ikoprix l-obbligi tal-manifatturi stabbiliti fl-Artikolu 53(2) u (3) tar-Regolament (UE) 2019/881 u fl-iskemi Ewropej korrispondenti taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà; |
|
(d) |
jekk hemmx proċedura għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-attivitajiet ta’ ċertifikazzjoni u l-attivitajiet superviżorji tal-NCCA rieżaminata bejn il-pari li huma rilevanti għall-monitoraġġ u għall-infurzar tal-obbligi tal-manifatturi jew tal-fornituri. |
II.4 Monitoraġġ, awtorizzazzjoni u superviżjoni tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità
Fil-valutazzjoni tal-proċeduri tal-NCCA rieżaminata bejn il-pari għall-monitoraġġ, l-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni tal-attivitajiet tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità, kif imsemmi fl-Artikolu 59(3), il-punt (d), tar-Regolament (UE) 2019/881, ir-rieżami bejn il-pari għandha tivvaluta mill-inqas l-aspetti li ġejjin:
|
(a) |
il-kwalità u l-livell ta’ deskrizzjoni dettaljata ta’ tali proċeduri u kemm huma ddokumentati, inkluż għall-kooperazzjoni mal-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni; |
|
(b) |
l-istatistika ewlenija dwar l-għadd ta’ awtorizzazzjonijiet mogħtija, sospiżi jew irtirati, l-għadd totali ta’ korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità fl-attività, l-għadd ta’ ċertifikati maħruġa, u l-għadd ta’ azzjonijiet korrettivi meħuda mill-NCCA rieżaminata bejn il-pari; |
|
(c) |
meta l-NCCA rieżaminata bejn il-pari tippermetti l-ħruġ ta’ ċertifikati Ewropej taċ-ċibersigurtà fil-livell “għoli” mal-approvazzjoni minn qabel jew abbażi ta’ delega ġenerali tal-kompitu kif stabbilit fl-Artikolu 56(6) tar-Regolament (UE) 2019/881, l-għarfien espert tal-persunal, u l-proċeduri li permezz tagħhom l-NCCA rieżaminata bejn il-pari timmonitorja u tissorvelja l-attivitajiet tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità. |
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/2540/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)