14.7.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 249/99


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/1157

tat-30 ta’ Ġunju 2021

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni b’reazzjoni għad-dikjarazzjoni unilaterali tar-Renju Unit li tistabbilixxi l-prattika li biħsiebu jimplimenta fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-laħam mill-Gran Brittanja lejn l-Irlanda ta’ Fuq bejn l-1 ta’ Lulju u t-30 ta’ Settembru 2021

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 50(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l- u 218 (9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (“il-Ftehim dwar il-Ħruġ”) (1) ġie konkluż mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/135 (2) fit-30 ta’ Jannar 2020 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2020. Il-Protokoll dwar l-Irlanda u l-Irlanda ta’ Fuq (“il-Protokoll”) jifforma parti integrali minn dak il-Ftehim.

(2)

L-Artikolu 5(4) tal-Protokoll jipprevedi l-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni kif elenkata fl-Anness 2 tal-Protokoll għar-Renju Unit u fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq.

(3)

Id-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni dwar l-ikel elenkati fl-Anness 2 tal-Protokoll jinkludu projbizzjonijiet u restrizzjonijiet fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-laħam minn pajjiżi terzi lejn l-Unjoni. Dawn il-projbizzjonijiet u r-restrizzjonijiet japplikaw għall-importazzjonijiet ta’ dawn il-prodotti tal-laħam mill-Gran Brittanja lejn l-Irlanda ta’ Fuq sa minn tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni.

(4)

Fis-17 ta’ Diċembru 2020, ir-Renju Unit għamel dikjarazzjoni unilaterali imniżżla fil-minuti tal-laqgħa tal-Kumitat Konġunt stabbilit skont il-Ftehim dwar il-Ħruġ, li tistabbilixxi l-prattika li bi ħsiebu jdaħħal fis-seħħ fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-laħam mill-Gran Brittanja lejn l-Irlanda ta’ Fuq sal-30 ta’ Ġunju 2021. Skont id-dikjarazzjoni tar-Renju Unit, il-prodotti tal-laħam jiġu importati mill-Gran Brittanja lejn l-Irlanda ta’ Fuq taħt il-kundizzjonijiet li ġejjin: (i) huma jkunu soġġetti għal proċedura ta’ gwida applikabbli mill-punt ta’ ħruġ magħżul fil-Gran Brittanja lejn is-supermarkits ta’ destinazzjoni fl-Irlanda ta’ Fuq; (ii) jinbiegħu esklussivament lill-konsumaturi aħħarin fis-supermarkets li jinsabu fl-Irlanda ta’ Fuq, u ma jinbigħux lil operaturi oħra tal-katina alimentari; (iii) ikunu akkumpanjati minn ċertifikati uffiċjali tas-saħħa maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Unit (ibbażati fuq mudelli simili li diġà jeżistu għal-laħam frisk, il-laħam ikkapuljat u l-preparazzjonijiet tal-laħam); u (iv) ikunu ppakkjati u ttikkettati għall-konsumaturi aħħarin, u jkollhom fuqhom tikketta li taqra “'These products from the United Kingdom may not be sold outside Northern Ireland'” (dawn il-prodotti mir-Renju Unit ma jistgħux jinbiegħu barra mill-Irlanda ta’ Fuq). Ir-Renju Unit innota wkoll li matul dan il-perijodu, ir-Renju Unit ser jibqa’ kompletament allinjat mal-liġi tal-Unjoni applikabbli għall-prodotti tal-laħam u elenkata fl-Anness 2 tal-Protokoll. L-Unjoni għamlet dikjarazzjoni unilaterali li tieħu nota tal-prattika stabbilita fid-dikjarazzjoni unilaterali tar-Renju Unit.

(5)

Fis-17 ta’ Ġunju 2021, ir-Renju Unit informa lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tiegħu li jkompli japplika approċċ simili għal tliet xhur oħra, jiġifieri sat-30 ta’ Settembru 2021. Fl-ittra tiegħu tas-17 ta’ Ġunju 2021, ir-Renju Unit ippropona “to maintain the existing grace period arrangements that are in place for these movements” (li jinżammu l-arranġamenti eżistenti tal-perjodu ta’ grazzja li huma fis-seħħ għal dawn il-movimenti).

(6)

Ir-Renju Unit ħareġ dikjarazzjoni unilaterali fit-30 ta' Ġunju 2021, li tistabbilixxi l-prattika li biħsiebu jdaħħal fis-seħħ fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-laħam mill-Gran Brittanja lejn l-Irlanda ta’ Fuq bejn l-1 ta’ Lulju u t-30 ta’ Settembru 2021.

(7)

Għalhekk huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tiġi espressa mal-kopresident tal-Kumitat Konġunt f’isem l-Unjoni, b’reazzjoni għad-dikjarazzjoni unilaterali mir-Renju Unit,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi espressa f’isem l-Unjoni b’reazzjoni għad-dikjarazzjoni unilaterali tar-Renju Unit li tistabbilixxi l-prattika li bi ħsiebu jdaħħal fis-seħħ fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-laħam mill-Gran Brittanja lejn l-Irlanda ta’ Fuq bejn l-1 ta’ Lulju u t-30 ta’ Settembru 2021 għandha tkun ibbażata fuq id-dikjarazzjoni unilaterali tal-Unjoni mehmuża ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Ġunju 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

A. P. ZACARIAS


(1)   ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/135 tat-30 ta' Jannar 2020 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU L 29, 31.1.2020, p.1).


ANNESS

APPLIKAZZJONI TAL-LIĠI TAL-UNJONI RELATATA MAL-PRODOTTI TAL-LAĦAM FL-IRLANDA TA' FUQ WARA TMIEM IL-PERJODU TA' TRANŻIZZJONI

DIKJARAZZJONI UNILATERALI MILL-UNJONI EWROPEA

L-Unjoni Ewropea tieħu nota tad-dikjarazzjoni tar-Renju Unit li tistabbilixxi l-prattika li biħsiebu jimplimenta fir-rigward tal-importazzjonijiet ta' dawn il-prodotti tal-laħam mill-Gran Brittanja lejn l-Irlanda ta' Fuq matul il-perjodu mill-1 ta' Lulju sat-30 ta' Settembru 2021. L-Unjoni tinnota li ċerti aġġustamenti għall-ktajjen tal-provvista diġà saru matul l-ewwel sitt xhur tal-2021. Skont l-istatistika tal-kummerċ, dan huwa l-każ b'mod partikolari fir-rigward tal-ikkapuljat. L-għan ta' dan il-perjodu addizzjonali huwa li jippermetti lill-partijiet ikkonċernati, u b'mod partikolari lis-supermarkets fl-Irlanda ta' Fuq, ilestu l-aġġustament tal-ktajjen tal-provvista tagħhom.

Din il-prattika ser tinforma l-pożizzjoni tal-Unjoni fir-rigward tar-rikors għall-eżerċizzju tas-setgħat imsemmija fl-Artikolu 12(4) tal-Protokoll.

Kif imsemmi fl-ittra tar-Renju Unit tas-17 ta' Ġunju li tipproponi li testendi l-approċċ stabbilit fid-dikjarazzjoni unilaterali tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2020 għal tliet xhur oħra, matul dan il-perjodu r-Renju Unit jipproponi " li jinżammu l-arranġamenti eżistenti tal-perijodu ta' grazzja li huma fis-seħħ għal dawn il-movimenti ".

L-Unjoni tfakkar li l-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim dwar il-Ħruġ hija obbligu legali internazzjonali għall-Unjoni u għar-Renju Unit.

L-Unjoni tinnota li l-prodotti tal-laħam li huma soġġetti għall-proċedura ta' direzzjoni msemmija fid-dikjarazzjoni unilaterali tar-Renju Unit iridu jibqgħu taħt il-kontroll tal-awtoritajiet kompetenti tal-Irlanda ta' Fuq fl-istadji kollha ta' dik il-proċedura. L-Unjoni tissottolinja wkoll l-importanza li jiġi żgurat li l-Postijiet ta' Kontroll tal-Fruntieri fl-Irlanda ta' Fuq ikollhom l-infrastruttura u r-riżorsi meħtieġa biex ikunu jistgħu jwettqu l-kontrolli kollha meħtieġa mir-Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali tal-UE.