|
21.8.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 206/64 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1644
tas-17 ta’ Awwissu 2023
li jemenda l-Annessi V u XIV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 fir-rigward tal-entrati għar-Renju Unit u għall-Istati Uniti fil-listi ta’ pajjiżi terzi awtorizzati għad-dħul fl-Unjoni ta’ konsenji tal-pollam, ta’ prodotti ġerminali tal-pollam u ta’ laħam frisk tal-pollam u tal-għasafar tal-kaċċa
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 230(1) u 232(1) u (3) tiegħu.
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2016/429 jipprevedi li biex jidħlu fl-Unjoni, il-konsenji tal-annimali, tal-prodotti ġerminali u tal-prodotti li joriġinaw mill-annimali jridu jkunu ġejjin minn pajjiż terz jew minn territorju, jew minn żona jew kompartiment tiegħu, elenkati f’konformità mal-Artikolu 230(1) ta’ dak ir-Regolament. |
|
(2) |
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/692 (2) jistabbilixxi r-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali li l-konsenji ta’ ċerti speċijiet u kategoriji tal-annimali, tal-prodotti ġerminali u tal-prodotti li joriġinaw mill-annimali li jkunu ġejjin minn pajjiżi terzi jew territorji, jew żoni tagħhom, jew minn kompartimenti tagħhom fil-każ tal-annimali tal-akkwakultura, iridu jkunu konformi magħhom għad-dħul fl-Unjoni. |
|
(3) |
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/404 (3) jistabbilixxi l-listi tal-pajjiżi terzi, it-territorji, iż-żoni jew il-kompartimenti tagħhom, li minnhom hu permess id-dħul fl-Unjoni tal-ispeċijiet u l-kategoriji tal-annimali, tal-prodotti ġerminali u tal-prodotti li joriġinaw mill-annimali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Delegat (UE) 2020/692. |
|
(4) |
B’mod iktar partikolari, l-Annessi V u XIV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 jistabbilixxu l-listi tal-pajjiżi terzi, jew tat-territorji jew taż-żoni tagħhom awtorizzati għad-dħul fl-Unjoni, rispettivament, tal-konsenji tal-pollam, tal-prodotti ġerminali tal-pollam, u tal-laħam frisk tal-pollam u tal-għasafar tal-kaċċa. |
|
(5) |
Ir-Renju Unit innotifika lill-Kummissjoni dwar tliet tifqigħat tal-influwenza avjarja b’patoġeniċità għolja (HPAI) fil-pollam fl-Iskozja, fiż-żoni amministrattivi ta’ Aberdeenshire (1) u Highland (1) u l-Isle of Lewis (1) li ġew ikkonfermati fit-8 ta’ Awwissu 2023 u fid-9 ta’ Awwissu 2023 b’analiżi tal-laboratorju (RT-PCR). |
|
(6) |
Barra minn hekk, l-Istati Uniti nnotifikaw lill-Kummissjoni dwar żewġ tifqigħat ta’ influwenza avjarja b’patoġeniċità għolja (HPAI) fil-pollam fl-istat ta’ New York, li ġew ikkonfermati fid-29 ta’ Lulju 2023 u fit-3 ta’ Awwissu 2023 permezz ta’ analiżi tal-laboratorju (RT-PCR). |
|
(7) |
Wara dawn it-tifqigħat riċenti tal-HPAI, l-awtoritajiet veterinarji tar-Renju Unit u tal-Istati Uniti stabbilew żoni ristretti ta’ mill-anqas 10 km madwar l-istabbilimenti affettwati u implimentaw politika ta’ qerda biex jikkontrollaw il-preżenza tal-HPAI u jillimitaw it-tixrid ta’ dik il-marda. |
|
(8) |
Ir-Renju Unit u l-Istati Uniti ssottomettew informazzjoni lill-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni epidemjoloġika fit-territorji tagħhom u l-miżuri meħuda biex jevitaw li l-HPAI tkompli tinxtered. |
|
(9) |
Dik l-informazzjoni ġiet evalwata mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tqis li, fid-dawl tas-sitwazzjoni tas-saħħa tal-annimali fiż-żoni taħt restrizzjonijiet stabbiliti mill-awtoritajiet veterinarji tar-Renju Unit u tal-Istati Uniti, id-dħul fl-Unjoni ta’ konsenji tal-pollam, ta’ prodotti ġerminali tal-pollam, u ta’ laħam frisk tal-pollam u tal-għasafar tal-kaċċa minn dawk iż-żoni jenħtieġ li jiġi sospiż, sabiex jiġi protett l-istatus tas-saħħa tal-annimali tal-Unjoni. |
|
(10) |
Ir-Renju Unit ipprovda informazzjoni aġġornata fir-rigward tas-sitwazzjonijiet epidemjoloġiċi fit-territorji tagħhom fir-rigward tal-HPAI li wasslu għas-sospensjoni tad-dħul fl-Unjoni ta’ ċerti prodotti, kif stabbilit fl-Annessi V u XIV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404. |
|
(11) |
B’mod partikolari, ir-Renju Unit issottometta informazzjoni aġġornata dwar is-sitwazzjoni epidemjoloġika fit-territorju tiegħu b’rabta ma’ tifqigħa tal-HPAI fi stabbiliment tal-pollam fil-pajjiż ta’ Cumbria, l-Ingilterra, li ġiet ikkonfermata fit-2 ta’ Lulju 2023. |
|
(12) |
Ir-Renju Unit issottometta wkoll informazzjoni dwar il-miżuri li ttieħdu biex jevitaw li l-HPAI tkompli tinxtered. Wara dawn it-tifqigħat ta’ dik il-marda, ir-Renju Unit partikolarment implimenta politika ta’ qerda biex jikkontrollaw u jillimitaw it-tixrid ta’ dik il-marda, u lesta wkoll ir-rekwiżit tat-tindif u tad-diżinfezzjoni wara l-implimentazzjoni tal-politika ta’ qerda fl-istabbilimenti tal-pollam infettati fit-territorji tiegħu. |
|
(13) |
Il-Kummissjoni evalwat l-informazzjoni sottomessa mir-Renju Unit. Il-Kummissjoni tqis li r-Renju Unit ipprovda garanziji xierqa li s-sitwazzjoni tas-saħħa tal-annimali li wasslet għas-sospensjoni, ma għadhiex tirrappreżenta theddida għas-saħħa tal-annimali jew għas-saħħa pubblika fl-Unjoni, u li, għaldaqstant, jenħtieġ li jiġi awtorizzat mill-ġdid id-dħul fl-Unjoni tal-prodotti tal-pollam miż-żona tar-Renju Unit ikkonċernata li minnha kien ġie sospiż id-dħul fl-Unjoni. |
|
(14) |
Għalhekk, jenħtieġ li l-Annessi V u XIV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 jiġu emendati biex titqies is-sitwazzjoni epidemjoloġika attwali fir-rigward tal-HPAI fir-Renju Unit u fl-Istati Uniti. |
|
(15) |
Filwaqt li titqies is-sitwazzjoni epidemjoloġika attwali fir-Renju Unit u fl-Istati Uniti fir-rigward tal-HPAI, l-emendi li għandhom isiru għall-Annessi V u XIV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 b’dan ir-Regolament jenħtieġ li jsiru effettivi b’urġenza. |
|
(16) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Annessi V u XIV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 huma emendati f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dħul fis-seħħ u applikabbiltà
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Awwissu 2023.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(2) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/692 tat-30 ta’ Jannar 2020 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għad-dħul fl-Unjoni, u l-moviment u l-immaniġġjar wara d-dħul ta’ konsenji ta’ ċerti annimali, prodotti ġerminali u prodotti li joriġinaw mill-annimali (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 379).
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/404 tal-24 ta’ Marzu 2021 li jistabbilixxi l-listi ta’ pajjiżi terzi, territorji jew żoni tagħhom li minnhom huwa permess id-dħul fl-Unjoni ta’ annimali, prodotti ġerminali u prodotti li joriġinaw mill-annimali f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 114, 31.3.2021, p. 1).
ANNESS
L-Annessi V u XIV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 huma emendati kif ġej:
|
(1) |
L-Anness V huwa emendat kif ġej:
|
|
(2) |
fl-Anness XIV, fil-Parti 1, it-Taqsima B hija emendata kif ġej:
|