SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
4 ta’ Ġunju 2026 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Direttiva 2013/33/UE – Standards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali – Artikolu 2(g) – Kundizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali – Artikolu 17(2) – Rekwiżit relatat mal-garanzija ta’ standard xieraq ta’ ħajja – Applikant għal protezzjoni internazzjonali li huwa s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment – Provvista ta’ kundizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali li la tinkludi benefiċċji in natura li jkopru l-ilbies, l-oġġetti għall-użu ta’ kuljum u għall-konsum tal-familja u lanqas ma tinkludi l-ħlas ta’ allowance finanzjarja intiża li tkopri l-bżonnijiet personali essenzjali – Artikolu 20(1)(c) – Limitazzjoni jew irtirar ta’ kundizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali minħabba l-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni sussegwenti – Direttiva 2013/32/UE – Artikolu 2(q) – Kunċett ta’ ‘applikazzjoni sussegwenti’ – Applikabbiltà – Regolament (UE) Nru 604/2013 – Proċedura għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli”
Fil-Kawża C‑621/24,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundessozialgericht (il-Qorti Federali għall-Kwistjonijiet Soċjali, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Lulju 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑24 ta’ Settembru 2024, fil-proċedura
Landkreis Schweinfurt
vs
FB,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn M. L. Arastey Sahún, Presidenta tal-Awla, J. Passer, E. Regan, D. Gratsias (Relatur) u B. Smulders, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,
Reġistratur: D. Dittert, Kap ta’ Unità,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑4 ta’ Settembru 2025,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal FB, minn K. Schank, Rechtsanwalt, |
|
– |
għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u R. Kanitz, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Belġjan, minn L. Jans u M. Van Regemorter, bħala aġenti, assistiti minn A. Detheux, advocaat |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Azéma, F. Blanc, M. Debieuvre, E. Garello, A. Katsimerou u N. Schaeffer, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑23 ta’ Ottubru 2025,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni kemm tal-Artikolu 2(q) kif ukoll tal-Artikoli 27 u 28 tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60), tal-Artikolu 17(2) u (5), kif ukoll tal-Artikolu 20(1)(c), (5) u (6) tad-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 96), u tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31, u rettifika fil-ĠU 2017, L 49, p. 50). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn FB, applikant għal protezzjoni internazzjonali, u l-Landkreis Schweinfurt (id-Distrett ta’ Schweinfurt, il-Ġermanja) dwar il-legalità tad-deċiżjoni ta’ dan id-distrett li jirtira lil FB kemm il-benefiċċju ta’ benefiċċji in natura li jkopru l-ilbies, l-oġġetti għall-użu ta’ kuljum u għall-konsum tal-familja, kif ukoll il-benefiċċju tal-allowance finanzjarja intiża li tkopri l-bżonnijiet personali essenzjali tiegħu minbarra dawk ipprovduti in natura, wara li l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali ġiet miċħuda bħala inammissibbli u wara d-deċiżjoni li tordna t-tneħħija tiegħu lejn ir-Rumanija. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 2013/32
|
3 |
Il-premessa 53 tad-Direttiva 2013/32 tipprovdi: “Din id-Direttiva ma tittrattax dwar dawk il-proċeduri bejn l-Istati Membri li huma regolati mir-Regolament [Nru 604/2013].” |
|
4 |
L-Artikolu 2(q) ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Definizzjonijiet”, jipprovdi: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva: […]
|
|
5 |
L-Artikolu 27 tal-imsemmija direttiva, bit-titolu “Proċedura fil-każ ta’ rtirar tal-applikazzjoni”, jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu: “Safejn l-Istati Membri jipprovdu għall-possibbiltà tal-irtirar espliċitu tal-applikazzjoni taħt il-liġi nazzjonali, meta applikant b’mod espliċitu jirtira l-applikazzjoni tiegħu/tagħha għall-protezzjoni internazzjonali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità determinanti tieħu deċiżjoni li jew twaqqaf l-eżami jew tirrifjuta l-applikazzjoni.” |
|
6 |
L-Artikolu 28 tal-istess direttiva bit-titolu “Proċedura f’każ ta’ rtirar impliċitu jew ta’ abbandun tal-applikazzjoni”, huwa fformulat kif ġej: “1. Fejn ikun hemm kawża raġonevoli sabiex jitqies li applikant ikun irtira jew abbanduna l-applikazzjoni tiegħu/tagħha b’mod impliċitu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità determinanti tieħu deċiżjoni jew li twaqqaf l-eżami jew, sakemm l-awtorità determinanti tqis li l-applikazzjoni ma tkunx isserraħ fuq il-bażi ta’ eżami xieraq tas-sustanza tagħha f’konformità mal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95/UE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9)], li tirrifjuta l-applikazzjoni. […] 3. Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għar-Regolament [Nru 604/2013].” |
|
7 |
Skont l-Artikolu 33 tad-Direttiva 2013/32, bit-titolu “Applikazzjonijet inammissibbli”: “1. Addizzjonalment għal każijiet fejn l-applikazzjoni ma’ tiġix eżaminata skont ir-Regolament [Nru 604/2013], l-Istati Membri mhumiex obbligati jeżaminaw jekk l-applikant jikkwalifikax għal protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [2011/95] fejn applikazzjoni tkun kunsidrata inammissibbli taħt dan l-Artikolu. 2. L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli biss jekk: […]
[…]”. |
|
8 |
L-Artikolu 40 ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Applikazzjoni sussegwenti”, jipprevedi: “1. Fejn persuna li applikat għall-protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru tagħmel sottomissjonijiet ulterjuri jew applikazzjoni sussegwenti fl-istess Stat Membru, dak l-Istat Membru għandu jeżamina dawn is-sottomissjonijiet ulterjuri jew l-elementi tal-applikazzjoni sussegwenti fil-kuntest tal-eżami tal-applikazzjoni preċedenti jew fil-kuntest tal-eżami tad-deċiżjoni li tkun qiegħda tiġi riveduta jew appellata safejn l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jieħdu kont ta’ u jikkunsidraw l-elementi kollha li fuqhom ikunu bażati s-sottomissjonijiet ulterjuri jew l-applikazzjoni sussegwenti f’dan il-qafas. 2. Għall-finijiet tat-teħid ta’ deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali taħt l-Artikolu 33(2)(d), applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali għandha tkun suġġetta l-ewwel għal eżami preliminari dwar jekk, ikunux instabu, jew ġew ippreżentati mill-l-applikant elementi jew sejbiet ġodda dwar l-eżami jekk dan jikkwalifikax bħala benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [2011/95]. […] 5. Fejn applikazzjoni sussegwenti ma tiġix eżaminata ulterjorment taħt dan l-Artikolu, għandha titqies bħala inammissibbli, taħt l-Artikolu 33(2)(d). […]” |
Id-Direttiva 2013/33
|
9 |
Skont il-premessi 5, 7, 8, 11 u 35 tad-Direttiva 2013/33:
[…]
[…]
[…]
|
|
10 |
L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Definizzjonijiet”, jipprevedi: “Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva: […]
[…]
[…]” |
|
11 |
L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, bit-titolu “Ambitu [kamp ta’ applikazzjoni]”, jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu: “Din id-Direttiva għandha tapplika għaċ-ċittadini kollha minn pajjiżi terzi u dawk apolidi li jagħmlu applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali fit-territorju, inkluż fil-fruntiera fl-ibħra territorjali jew fiż-żoni ta’ transitu, ta’ Stat Membru, sakemm jitħallew joqogħdu fit-territorju bħala applikanti, kif ukoll għal membri tal-familja, jekk huma koperti minn applikazzjoni għall- protezzjoni internazzjonali skont il-liġi nazzjonali.” |
|
12 |
L-Artikolu 17 tal-istess direttiva, bit-titolu “Regoli ġenerali dwar kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza u kura tas-saħħa”, jistipula, fil-paragrafi 2 sa 5 tiegħu: “2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kondizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali jipprovdu standard xieraq ta’ ħajja għall-applikanti għal protezzjoni internazzjonali, li jiggarantixxi s-sussistenza tagħhom kif ukoll jipproteġilhom is-saħħa fiżika u mentali. […] 3. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal kondizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali kollha jew xi wħud minnhom u kura tas-saħħa suġġetti għall-kondizzjoni li l-applikanti m’għandhomx mezzi suffiċjenti biex ikollhom standard ta’ ħajja adegwat għal saħħithom u biex jagħmlu possibbli s-sussistenza tagħhom. 4. L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu lill-applikanti biex ikopru jew jikkontribwixxu għall-ispejjeż tal-kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza u għall-kura tas-saħħa li tipprovdi għalihom din id-Direttiva, skont id-dispożizzjoni tal-paragrafu 3, jekk l-applikanti għandhom riżorsi suffiċjenti, pereżempju jekk kienu qegħdin jaħdmu għal perjodu ta’ żmien raġonevoli. […] 5. Fejn l-Istati Membri jipprovdu kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza fil-forma ta’ konċessjonijiet finanzjarji jew vawċers, l-ammont tagħhom għandu jkun determinat fuq il-bażi tal-livell(i) stabbilit(i) mill-Istat Membru kkonċernat sew bil-liġi jew bil-prattika sabiex ikunu żgurati standards ta’ ħajja adegwati għaċ-ċittadini. L-Istati Membri jistgħu jagħtu trattament inqas favorevoli lill-applikanti meta mqabbla maċ-ċittadini f’dan ir-rigward, b’mod partikolari fejn il-materjal ta’ appoġġ jingħata parzjalment f’oġġetti [in natura] jew fejn il-livell(i) msemmija hawn fuq, applikati għaċ-ċittadini, ikollhom l-għan li jiżguraw standard ta’ ħajja ogħla minn dak preskritt għall-applikanti skont din id-Direttiva.” |
|
13 |
L-Artikolu 20 tad-Direttiva 2013/33, bit-titolu “Tnaqqis jew irtirar ta’ kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza ”, huwa fformulat kif ġej: “1. L-Istati Membri jistgħu jnaqqsu [jillimitaw] jew, f’każijiet eċċezzjonali u debitament iġġustifikati, jirtiraw kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza fejn applikant: […]
[…] 5. Deċiżjonijiet għal tnaqqis jew irtirar ta’ kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza jew sanzjonijiet li jirreferu għalihom il-paragrafi 1, 2, 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu għandhom jittieħdu b’mod individwali, oġġettiv u imparzjali u għandhom jingħataw raġunijiet. Deċiżjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq is-sitwazzjoni partikolari tal-persuna kkonċernata, b’mod speċjali fir-rigward ta’ persuni koperti bl-Artikolu 21, filwaqt li jitqies il-prinċipju ta’ proporzjonalità. L-Istati Membri għandhom fiċ-ċirkostanzi kollha jiżguraw aċċess għal kura tas-saħħa skont l-Artikolu 19 u għandhom jiżguraw standard tal-ħajja dinjituż għall-applikanti kollha. 6. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza ma jkunux irtirati jew imnaqqsa qabel ma tittieħed deċiżjoni skont il-paragrafu 5.” |
Ir‑Regolament Nru 604/2013
|
14 |
Il-premessa 11 tar-Regolament Nru 604/2013 tistipula: “Id-Direttiva [2013/33] għandha tapplika għall-proċedura li tiddetermina l-Istat Membru responsabbli kif regolat min dan ir-Regolament, soġġett għal-limitazzjonijiet fl-applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva.” |
|
15 |
L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, bit-titolu “Definizzjonijiet”, jipprevedi: “Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament: […]
[…]” |
|
16 |
L-Artikolu 27 tal-imsemmi regolament, bit-titolu “Rimedji”, jipprevedi, fil-paragrafi 3 u 4 tiegħu: “3. Għall-iskopijiet ta’ appelli kontra, jew reviżjonijiet ta’, -deċiżjonijiet ta’ trasferiment, l-Istati Membri għandhom jipprevedu fil-liġi nazzjonali tagħhom li:
4. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeċiedu li jaġixxu ex officio fis-sospensjoni tal-implimentazzjoni tad-deċiżjoni tat-trasferiment sakemm iseħħ l-eżitu tal-appell jew reviżjoni.” |
|
17 |
L-Artikolu 29 tal-istess regolament, bit-titolu “Modalitajiet u żmien limitu”, jistipula, fil-paragrafu 2 tiegħu: “Fejn it-trasferiment ma jsirx fiż-żmien limitu ta’ sitt xhur, l-Istat Membru responsabbli għandu jitneħħewlu l-obbligi biex jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura l-persuna kkonċernata u r-responsabbiltà għandha tkun trasferita lill-Istat Membru rikjedenti. […]” |
Id‑dritt Ġermaniż
Il-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil
|
18 |
Il-punt 1(a) tal-Artikolu 29(1) tal-Asylgesetz (il-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil), tas‑26 ta’ Ġunju 1992 (BGBl. 1992 I, p. 1126), kif emendata fit‑2 ta’ Settembru 2008 (BGBl. 2008 I, p. 1798), bit-titolu “Applikazzjonijiet inammissibbli”, jipprovdi: “Applikazzjoni għall-ażil tkun inammissibbli meta: 1. Stat Membru ieħor (a) Abbażi tar-Regolament Nru 604/2013 […] […] ikun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-proċedura għall-ażil”. |
|
19 |
L-Artikolu 34 tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil huwa fformulat kif ġej fil-paragrafu 1 tiegħu: “Jekk iċ-ċittadin barrani għandu jitneħħa […] lejn Stat responsabbli għall-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ ażil […], l-Uffiċċju Federali tal-Migrazzjoni u tar-Refuġjati għandu jordna t-tneħħija lejn dan l-Istat mill-mument li fih jiġi stabbilit li din it-tneħħija tista’ tiġi implimentata. Dan japplika wkoll meta ċ-ċittadin barrani jkun ippreżenta applikazzjoni għall-ażil f’pajjiż ieħor responsabbli mill-implimentazzjoni tal-proċedura tal-ażil skont dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni […] jew skont trattat internazzjonali, jew fejn ikun irtiraha qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni mill-Uffiċċju Federali tal-Migrazzjoni u tar-Refuġjati. […]. […]”. |
Il-Liġi dwar il-Benefiċċji mogħtija lill-Applikanti għall-Ażil
|
20 |
Skont l-Artikolu 1(1) tal-Asylbewerberleistungsgesetz (il-Liġi dwar il-Benefiċċji mogħtija lill-Applikanti għall-Ażil), tat‑30 ta’ Ġunju 1993 (BGBl, 1993 I, p. 1074), kif emendata fil‑5 ta’ Awwissu 1997 (BGBl, 1997 I, p. 2022),: “(1) Għandhom dritt għall-benefiċċji previsti f’din il-liġi ċ-ċittadini barranin li jirrisjedu effettivament fit-territorju federali u li […] 5. huma suġġetti għal obbligu eżekuttiv ta’ tluq mit-territorju, anki jekk avviż ta’ tneħħija jkun għadu ma sarx eżekuttiv jew ma jkunx iktar eżekuttiv […].” |
|
21 |
L-Artikolu 1a(1) u (7) tal-istess liġi huwa fformulat kif ġej: “1. Il-persuni li għandhom dritt għall-benefiċċji mogħtija taħt il-punt 5 tal-Artikolu 1(1), li d-data tat-tluq tagħhom u l-possibbiltà tat-tluq tagħhom jkunu stabbiliti, ma għandhomx dritt għall-benefiċċji mogħtija taħt l-Artikoli 2, 3 u 6 mill-għada tad-data tat-tluq sakemm it-tluq ma jkunx seta’ jseħħ għal raġunijiet li ma jkollhomx kontroll fuqhom. Sakemm jitilqu jew sakemm jitneħħew, huma għandhom jingħataw biss benefiċċji li jkopru l-bżonnijiet tagħhom ta’ ikel u ta’ akkomodazzjoni, inkluż it-tisħin, kif ukoll il-kura personali u tas-saħħa. Benefiċċji oħra msemmija fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(1) jistgħu jingħatawlhom biss f’każijiet speċjali. Il-benefiċċji għandhom jingħataw in natura. […] 7. Il-benefiċjarji tal-benefiċċji mogħtija taħt il-punti 1 jew 5 tal-Artikolu 1(1), li l-applikazzjoni tagħhom għall-ażil tkun ġiet miċħuda bħala inammissibbli permezz ta’ deċiżjoni tal-Uffiċċju Federali tal-Migrazzjoni u tar-Refuġjati, meħuda abbażi tal-Artikolu 29(1) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, moqri flimkien mal-Artikolu 31(6) ta’ din il-liġi, u li fir-rigward tagħhom tkun ġiet ordnata t-tneħħija b’applikazzjoni tat-tieni każ imsemmi fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 34a(1) tal-imsemmija liġi, jistgħu jingħataw biss benefiċċji taħt il-paragrafu 1, anki jekk din id-deċiżjoni tkun għadha tista’ tiġi kkontestata. L-ewwel sentenza ma tapplikax meta qorti tkun ordnat li l-appell mill-ordni ta’ deportazzjoni jkollu effett sospensiv.” |
|
22 |
L-Artikolu 3(1) ta’ din il-liġi jipprovdi fis-subparagrafu 1 tiegħu: “1. Il-benefiċjarji taħt l-Artikolu 1 għandhom jingħataw benefiċċji li jkopru kemm il-bżonnijiet tagħhom ta’ ikel, ta’ akkomodazzjoni, ta’ tisħin, ta’ lbies u ta’ kura tas-saħħa, kif ukoll l-oġġetti għall-użu ta’ kuljum u għall-konsum tal-familja (bżonnijiet essenzjali). Barra minn hekk, għandhom jingħataw benefiċċji li jkopru l-bżonnijiet personali tal-ħajja ta’ kuljum (bżonnijiet personali essenzjali). […]” |
|
23 |
L-Artikolu 6(1) tal-imsemmija liġi jipprevedi: “Benefiċċji oħra jistgħu, fost oħrajn, jingħataw jekk, f’każ speċjali, ikunu indispensabbli sabiex jiżguraw is-sussistenza jew is-saħħa, jekk ikunu neċessarji sabiex ikopru bżonnijiet speċjali tat-tfal jew jekk ikunu meħtieġa sabiex jissodisfaw obbligu ta’ kooperazzjoni previst fid-dritt amministrattiv. […]” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
24 |
FB, ċittadin Afgan, daħal għall-ewwel darba fil-Ġermanja fil‑25 ta’ Awwissu 2021 u hemmhekk ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, irreġistrata fis‑6 ta’ Settembru 2021. |
|
25 |
Wara li kkonsulta d-database Eurodac, li minnha kien jirriżulta li l-persuna kkonċernata kienet diġà ppreżentat applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fir-Rumanija fis‑6 ta’ Awwissu 2021 u li kienet sussegwentement irtirat impliċitament, il-Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (l-Uffiċċju Federali tal-Migrazzjoni u tar-Refuġjati, il-Ġermanja, iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju Federali”) talab li l-awtoritajiet Rumeni jieħdu r-responsabbiltà għalih, talba li ġiet aċċettata. |
|
26 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Ottubru 2021, l-Uffiċċju Federali stabbilixxa d-data tat‑22 ta’ April 2022 bħala d-data ta’ skadenza għat-trasferiment ta’ FB lejn ir-Rumanija u ċaħad l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tiegħu bħala inammissibbli. Huwa ordna wkoll it-tneħħija ta’ dan tal-aħħar lejn ir-Rumanija. It-talba għal protezzjoni provviżorja kontra din id-deċiżjoni u l-proċedura ta’ appell li segwiet ma rnexxewx. Madankollu, it-trasferiment ta’ FB lejn ir-Rumanija ma setax iseħħ, minħabba, b’mod partikolari, id-deċiżjoni tal-awtoritajiet Rumeni li ma jaċċettawx iktar, mill‑1 ta’ Marzu 2022, tali trasferimenti, minħabba l-gwerra fl-Ukraina. |
|
27 |
Mill-bidu tax-xahar ta’ Settembru 2021, FB ġie akkomodat f’ċentru tal-ewwel akkoljenza li jinsab fid-distrett ta’ Schweinfurt, fejn irċieva, abbażi tal-Artikoli 3 u 3a tal-Liġi dwar il-Benefiċċji mogħtija lill-Applikanti għall-Ażil, ikel, akkomodazzjoni u tisħin, il-manutenzjoni tal-akkomodazzjoni, l-enerġija domestika, ilbies, prodotti tal-kura personali u tal-iġjene kif ukoll aċċess għal netwerk lokali mingħajr fili (WLAN). Barra minn hekk, minn din l-istess data, FB irċieva mingħand dan id-distrett allowance finanzjarja intiża sabiex tkopri l-bżonnijiet personali essenzjali tiegħu. |
|
28 |
Madankollu, f’dak li jirrigwarda l-perijodu bejn l‑1 ta’ Jannar 2022 u t‑23 ta’ Frar 2022, data li fiha FB ittrasferixxa ruħu lejn distrett ieħor (iktar ’il quddiem il-“perijodu kontenzjuż fil-kawża prinċipali”), id-Distrett ta’ Schweinfurt, billi bbaża ruħu fuq l-Artikolu 1a (7) tal-Liġi dwar il-Benefiċċji mogħtija lill-Applikanti għall-Ażil, moqri flimkien mal-Artikolu 1a(1) ta’ din il-liġi, iddeċieda li ma jagħtihx iktar il-benefiċċji previsti sabiex ikopri l-bżonnijiet essenzjali tiegħu ta’ lbies, ta’ oġġetti ta’ użu ta’ kuljum u ta’ konsum tal-familja kif ukoll l-allowance finanzjarja intiża sabiex tkopri l-bżonnijiet personali essenzjali tiegħu. Għalhekk, dan id-distrett tah biss ċerti benefiċċji in natura, jiġifieri l-ikel, l-akkomodazzjoni u t-tisħin, il-kura personali u tas-saħħa kif ukoll l-assistenza medika fil-każ ta’ mard, peress li ebda element ma kien jippermetti, skont l-imsemmi distrett, il-ġustifikazzjoni tal-għoti ta’ kundizzjonijiet ta’ akkoljenza li jmorru lil hinn minn dawn il-benefiċċji. |
|
29 |
Permezz ta’ sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2023, is-Sozialgericht Würzburg (il-Qorti għall-Kwistjonijiet Soċjali ta’ Würzburg, il-Ġermanja) ċaħdet ir-rikors ta’ FB kontra d-deċiżjoni tad-distrett ta’ Schweinfurt imsemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza. Permezz ta’ sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2023, il-Bayerisches Landessozialgericht (il-Qorti Superjuri għall-Kwistjonijiet Soċjali ta’ Bayern, il-Ġermanja) laqgħet dan ir-rikors minħabba li l-limitazzjoni prevista fl-Artikolu 1a(7) tal-Liġi dwar il-Benefiċċji mogħtija lill-Applikanti għall-Ażil kienet tippreżupponi l-eżistenza ta’ aġir li jmur kontra obbligu, li, f’dan il-każ, ma kienx il-każ. |
|
30 |
Il-Landkreis Schweinfurt ippreżentat rikors għal reviżjoni kontra din is-sentenza quddiem il-Bundessozialgericht (il-Qorti Federali għall-Kwistjonijiet Soċjali), li hija l-qorti tar-rinviju. |
|
31 |
Dik il-qorti tistaqsi dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar il-Benefiċċji mogħtija lill-Applikanti għall-Ażil, b’mod partikolari tal-Artikolu 1a(7) tagħha, moqri flimkien mal-Artikolu 1a(1) tagħha, li skonthom applikant għall-ażil suġġett għal obbligu eżekuttiv li jitlaq mit-territorju jista’ jitlob biss, matul il-perijodu kontenzjuż fil-kawża prinċipali, il-benefiċċju ta’ kundizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali limitati għall-bżonnijiet ta’ ikel u ta’ akkomodazzjoni, inkluż it-tisħin, kif ukoll għall-kura personali u tas-saħħa. |
|
32 |
F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-Artikolu 3 tal-Liġi dwar il-Benefiċċji mogħtija lill-Applikanti għall-Ażil jagħmel distinzjoni, minn naħa, bejn il-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali li jikkorrispondu għall-bżonnijiet essenzjali, jiġifieri l-ikel, l-akkomodazzjoni t-tisħin, l-ilbies, il-kura tas-saħħa kif ukoll l-oġġetti għall-użu ta’ kuljum u għall-konsum tal-familja u, min-naħa l-oħra, il-bżonnijiet personali essenzjali, jiġifieri l-ispejjeż tat-trasport, ta’ komunikazzjoni, ta’ passatemp, ta’ divertiment, ta’ kultura, ta’ servizzi ta’ akkomodazzjoni kif ukoll ta’ ristoranti u ta’ oġġetti u servizzi oħra. Dawn tal-aħħar huma s-suġġett ta’ ħlas ta’ somma f’daqqa kkalkolata b’riferiment għall-benefiċċji ta’ għajnuna soċjali b’rata fissa ekwivalenti mħallsa liċ-ċittadini nazzjonali residenti fit-territorju nazzjonali u li la għandhom dħul u lanqas assi. Barra minn hekk, hija tindika li l-Artikolu 6 ta’ din il-liġi jipprevedi l-għoti ta’ kundizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali oħra f’ċerti każijiet speċjali. |
|
33 |
Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, f’dan il-każ, konformement mal-Artikolu 1a(7) tal-Liġi dwar il-Benefiċċji mogħtija lill-Applikanti għall-Ażil, moqri flimkien mal-Artikolu 1a(1) tagħha, kien hemm irtirar, fil-konfront ta’ FB u matul il-perijodu kontenzjuż fil-kawża prinċipali, tal-benefiċċju ta’ parti mill-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali li jkopru l-bżonnijiet essenzjali tiegħu, jiġifieri l-ilbies u l-oġġetti għall-użu ta’ kuljum u għall-konsum tal-familja, kif ukoll l-allowance finanzjarja kollha li tkopri l-bżonnijiet personali essenzjali tiegħu. Fil-fatt, matul dan il-perijodu, it-terminu ta’ trasferiment previst mir-Regolament Nru 604/2013 kien diġà beda jiddekorri, b’tali mod li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet kienu ssodisfatti. |
|
34 |
Fit-tielet lok, dik il-qorti tfakkar li, skont l-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2013/33, il-miżuri dwar il-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali għandhom jiżguraw li l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali jkollhom standard xieraq ta’ ħajja li jiggarantixxi s-sussistenza tagħhom u li jipproteġi s-saħħa fiżika u mentali tagħhom. Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 2(g) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom jiżguraw f’dan ir-rigward il-ħlas tal-akkomodazzjoni, tal-ikel u tal-ilbies, ipprovduti in natura jew fil-forma ta’ allowance finanzjarja jew ta’ vawċers, jew f’taħlita ta’ dawn it-tliet formuli, kif ukoll allowance ta’ kuljum. |
|
35 |
F’dan il-kuntest, dik il-qorti tindika li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ammont tal-għajnuna finanzjarja mogħtija għandu jkun suffiċjenti sabiex jiġi ggarantit standard ta’ ħajja xieraq għas-saħħa u sabiex tiġi żgurata s-sussistenza tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali (sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Saciri et, C‑79/13, EU:C:2014:103, punt 37) u li, kif jirriżulta mill-premessa 35 tad-Direttiva 2013/33, ir-rispett tad-dinjità tal-bniedem għandu jiġi ggarantit b’mod sħiħ. Hija tenfasizza, barra minn hekk, li minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, fil-kuntest tal-Artikolu 20 ta’ din id-direttiva, ir-rispett tad-dinjità tal-bniedem jeżiġi li l-persuna kkonċernata ma tinsabx f’sitwazzjoni ta’ deprivazzjoni materjali estrema li ma tippermettilhiex li tissodisfa l-iktar bżonnijiet bażiċi tagħha, bħal dawk li jkollha akkomodazzjoni, li tiekol, li tilbes u li tinħasel, u li għalhekk tippreġudika s-saħħa fiżika jew mentali tagħha jew li tqegħdha fi stat ta’ degradazzjoni inkompatibbli ma’ din id-dinjità u li, fi kwalunkwe każ, anki fil-każ ta’ sanzjoni, il-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali, jiġifieri l-akkomodazzjoni, l-ikel u l-ilbies, għandhom jiġu ggarantiti f’kull mument (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2019, Haqbin, C‑233/18, EU:C:2019:956, punti 46 u 56). |
|
36 |
Madankollu, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ċċaratx il-kwistjoni dwar jekk standard xieraq ta’ ħajja, fis-sens tal-Artikolu 17(2) u (5) ta’ din id-direttiva, jiggarantixxix li jiġu ssodisfatti bżonnijiet li jmorru lil hinn mil-livell minimu msemmi fl-Artikolu 20 tal-imsemmija direttiva. Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għal din id-domanda, tqum ukoll il-kwistjoni dwar jekk leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-obbligu ta’ provvista ta’ akkomodazzjoni, ta’ ikel, ta’ kura personali u tas-saħħa, ta’ trattament fil-każ ta’ mard kif ukoll, f’każijiet partikolari u skont iċ-ċirkustanzi, ta’ lbies u ta’ oġġetti għall-użu ta’ kuljum u għall-konsum tal-familja, tissodisfax il-livell minimu meħtieġ mill-Artikolu 17(2) u (5) ta’ din l-istess direttiva. |
|
37 |
Barra minn hekk, dik il-qorti tqis li t-tilwima fil-kawża prinċipali tqajjem ukoll il-kwistjoni dwar jekk it-tieni sentenza tal-Artikolu 17(5) tad-Direttiva 2013/33 tippermettix, fir-rigward tat-tieni eżempju li huwa jipprevedi, fid-dawl tal-livell tal-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali inferjuri għal dak tal-benefiċċji mogħtija liċ-ċittadini nazzjonali, li tiġi stabbilita differenzjazzjoni addizzjonali għall-benefiċċji mogħtija lill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali, skont it-tul probabbli tar-residenza tagħhom, limitat għal perijodu qasir, jew tal-istatus tagħhom ta’ persuna suġġetta għal obbligu eżekuttiv li jitilqu mit-territorju. Fil-fehma tagħha, dan jippermetti li l-Istat Membru jagħti lil dawn l-applikanti, matul it-terminu ta’ trasferiment previst mir-Regolament Nru 604/2013, biss il-livell ta’ benefiċċji kif deskritt fil-kuntest tal-ewwel domanda preliminari, u dan għal perijodu massimu ta’ sitt xhur, filwaqt li applikanti oħra jibbenefikaw minn benefiċċji iktar favorevoli, minkejja li jibqgħu inferjuri għal dawk irċevuti miċ-ċittadini nazzjonali. |
|
38 |
Fir-raba’ lok, billi tibbaża ruħha fuq il-punt 57 tas-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2012, Cimade u GISTI, (C‑179/11, EU:C:2012:594), il-qorti tar-rinviju tqis li, fil-każ fejn il-livell nazzjonali tal-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali inkwistjoni jkun inqas minn dak li għandu jiġi ggarantit skont l-Artikolu 17(2) u (5) tad-Direttiva 2013/33, il-limitazzjoni tad-dritt għall-imsemmija kundizzjonijiet, prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, tista’ tkun ġustifikata biss jekk ikunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 20(1)(c) ta’ din id-direttiva. Issa, din id-dispożizzjoni teħtieġ l-eżistenza ta’ “applikazzjoni sussegwenti”, fis-sens tal-Artikolu 2(q) tad-Direttiva 2013/32. |
|
39 |
F’dan ir-rigward, dik il-qorti tirrileva li ebda waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet ma tippreċiża jekk il-kunċett ta’ “applikazzjoni sussegwenti” jirrigwardax esklużivament il-każ fejn żewġ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali jiġu ppreżentati u eżaminati fl-istess Stat Membru jew jekk ikoprix ukoll sitwazzjoni li tinvolvi diversi Stati Membri, li fiha l-proċedura ta’ protezzjoni internazzjonali preċedenti tkun tmexxiet minn Stat Membru differenti minn dak li quddiemu tiġi ppreżentata l-applikazzjoni sussegwenti. Barra minn hekk, lanqas għadha ma ġiet iċċarata l-kwistjoni dwar jekk l-istess kundizzjonijiet japplikawx fil-kuntest tal-proċeduri previsti mir-Regolament Nru 604/2013. |
|
40 |
Fil-każ li l-eżistenza ta’ applikazzjoni sussegwenti għandha tiġi ammessa anki meta l-proċedura ta’ protezzjoni internazzjonali preċedenti tkun tmexxiet mill-ewwel Stat Membru, differenti minn dak li fih tiġi ppreżentata din l-applikazzjoni, il-qorti tar-rinviju tosserva li għadu ma ġiex ippreċiżat jekk il-fatt li l-applikant preċedentement ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali f’dan l-ewwel Stat Membru u li dan l-istess stat għalaq din il-proċedura minħabba li dan l-applikant ma kompliex il-proċedura f’dan l-Istat Membru jew minħabba li l-applikazzjoni tiegħu ġiet impliċitament jew formalment irtirata, jipprekludix il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ “applikazzjoni sussegwenti”. Skont dik il-qorti, tqum ukoll il-kwistjoni tad-determinazzjoni tal-mument rilevanti għall-evalwazzjoni ta’ tali applikazzjoni u jekk, b’mod partikolari, l-applikazzjoni ppreżentata fit-tieni Stat Membru, f’dan il-każ, fil-Ġermanja, qabel l-għeluq formali tal-proċedura prevista fl-Artikolu 27 jew fl-Artikolu 28 tad-Direttiva 2013/32, f’dan il-każ, fir-Rumanija, tistax titqies bħala “applikazzjoni sussegwenti” fis-sens tal-Artikolu 20(1)(c) tad-Direttiva 2013/33. |
|
41 |
Fil-każ li d-dispożizzjoni msemmija l-aħħar tkun applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tqis li limitazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali, bħal dik imposta fuq FB matul il-perijodu kontenzjuż fil-kawża prinċipali, tissodisfa r-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 20(5) u (6) ta’ din id-direttiva. F’dan ir-rigward, hija ssostni li, sabiex tiġi evalwata l-portata ta’ tali limitazzjoni wara applikazzjoni sussegwenti, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-persuna kkonċernata hija f’pożizzjoni, permezz ta’ tluq volontarju li wieħed jista’ raġonevolment jeżiġi minnha skont is-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil, li tnaqqas b’mod sinjifikattiv it-tul ta’ din il-limitazzjoni. |
|
42 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundessozialgericht (il-Qorti Federali għall-Kwistjonijiet Soċjali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fin-negattiv:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ammissibbiltà
|
43 |
Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju huma bbażati fuq il-premessa li d-Direttiva 2013/33 kienet applikabbli għas-sitwazzjoni ta’ F.B. matul il-perijodu kontenzjuż fil-kawża prinċipali, minkejja li d-deċiżjoni tal-Uffiċċju Federali li tiċħad l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli u li tistabbilixxi t‑22 ta’ April 2022 bħala d-data ta’ skadenza għat-trasferiment tiegħu lejn ir-Rumanija, kienet saret definittiva. |
|
44 |
Issa, mingħajr ma kkontesta espliċitament l-ammissibbiltà ta’ dawn id-domandi, il-Gvern Ġermaniż, waqt is-seduta, ikkontesta l-fondatezza ta’ din il-premessa billi sostna, essenzjalment, li, konformement mal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2013/33, din tapplika biss għall-applikanti għal protezzjoni internazzjonali “sakemm jitħallew joqogħdu fit-territorju bħala applikanti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Madankollu, skont dan il-gvern, dan ma kienx il-każ ta’ FB matul il-perijodu kontenzjuż fil-kawża prinċipali, peress li, skont l-Artikolu 27(3)(a) tar-Regolament Nru 604/2013, l-appell kontra deċiżjoni ta’ trasferiment jew ir-reviżjoni tagħha jagħti lill-persuna kkonċernata biss id-dritt li tibqa’ fl-Istat Membru kkonċernat fl-istennija tal-eżitu tal-appell tagħha jew tat-talba tagħha għal reviżjoni. |
|
45 |
Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument tal-Gvern Ġermaniż huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 27(3)(a) tar-Regolament Nru 604/2013. |
|
46 |
Fil-fatt, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi biss waħda mill-għażliet li l-Istati Membri għandhom sabiex joffru lill-persuni kkonċernati rimedju li jista’ jwassal għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment meħuda fir-rigward tagħhom, peress li l-għażliet l-oħra huma previsti rispettivament fl-Artikolu 27(3)(b), fl-Artikolu 27(3)(c) u fl-Artikolu 27(4) ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, dan l-Artikolu 27 huwa għalhekk intiż li jiggarantixxi lil dawn il-persuni protezzjoni ġudizzjarja effettiva fir-rigward ta’ tali deċiżjonijiet, b’tali mod li, meta l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment tkun ġiet sospiża b’applikazzjoni ta’ waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, it-terminu għat-trasferiment jibda jiddekorri biss mill-mument li fih id-deċiżjoni ta’ trasferiment kontenzjuża tkun saret definittiva. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Marzu 2023, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Sospensjoni tat-terminu għat-trasferiment fl-appell), C‑556/21, EU:C:2023:272, punti 19 sa 24 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
47 |
Konsegwentement, kuntrarjament għal dak li l-Gvern Ġermaniż donnu jqis, l-Artikolu 27(3)(a) tal-imsemmi regolament, li huwa intiż biss sabiex jippermetti li l-persuna kkonċernata tibqa’ fit-territorju tal-Istat Membru li jkun adotta deċiżjoni ta’ trasferiment fir-rigward tagħha sal-eżitu tal-appell tagħha jew tat-talba tagħha għal reviżjoni, ma jfissirx li, fil-każ ta’ ċaħda ta’ dan l-appell jew ta’ din it-talba għal reviżjoni, din il-persuna ma tibqax awtomatikament awtorizzata tibqa’ fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru bħala “applikant”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2013/33. |
|
48 |
Fil-fatt, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat diversi drabi, din id-direttiva tirregola l-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali, inklużi dawk li huma s-suġġett ta’ deċiżjoni eżekuttiva ta’ trasferiment. F’dan ir-rigward, mill-premessa 11 tar-Regolament Nru 604/2013 jirriżulta espliċitament li d-Direttiva 2013/33 tapplika għall-proċedura ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli mill-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, irregolata minn dan ir-regolament. Minn dan isegwi li l-obbligu li Stat Membru li jkun adotta deċiżjoni ta’ trasferiment għandu, fir-rigward ta’ applikant, li jagħtih il-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali jintemm biss waqt it-trasferiment effettiv ta’ dan l-applikant lejn l-Istat Membru rikjest(ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2021, The International Protection Appeals Tribunal et, C‑322/19 u C‑385/19, EU:C:2021:11, punti 66 sa 68 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u d-digriet tas‑26 ta’ Marzu 2021, Fedasil, C‑134/21, EU:C:2021:257, punt 41 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
49 |
Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju kienet iġġustifikata meta qieset li d-Direttiva 2013/33 kienet applikabbli għas-sitwazzjoni ta’ FB matul il-perijodu kontenzjuż fil-kawża prinċipali, b’tali mod li d-domandi li hija għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja huma ammissibbli. |
Fuq l-ewwel domanda
|
50 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża quddiemha. Minn din il-perspettiva, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha, jekk ikun il-każ, tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu ġew sottomessi lilha. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tislet, mill-globalità tal-elementi pprovduta mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-punti ta’ liġi tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima (sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Bouskoura, C‑387/24 PPU, EU:C:2024:868, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
51 |
F’dan ir-rigward, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 17(2) u (5) u tal-Artikolu 20(1)(c) tad-Direttiva 2013/33 fid-dawl ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li, meta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tkun ġiet miċħuda bħala inammissibbli minħabba t-trasferiment tal-applikant lejn l-Istat Membru responsabbli mill-eżami ta’ din l-applikazzjoni, il-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali mogħtija lil dan l-applikant jitnaqqsu, b’tali mod li ma jibqgħux jinkludu kemm il-benefiċċji in natura li jkopru l-ilbies, l-oġġetti għall-użu ta’ kuljum u għall-konsum tal-familja kif ukoll l-allowance finanzjarja kollha intiża sabiex tkopri l-bżonnijiet personali essenzjali tal-imsemmi applikant, ħlief f’każijiet speċjali. |
|
52 |
Fir-rigward tal-Artikolu 17(5) tal-imsemmija direttiva, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif jirriżulta b’mod ċar mill-formulazzjoni tagħha, din id-dispożizzjoni hija intiża biss li tistabbilixxi kriterji li jippermettu d-determinazzjoni tal-ammont tal-allowances finanzjarji jew tal-vawċers mogħtija lill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali. Għalhekk, filwaqt li l-ewwel sentenza ta’ dan il-paragrafu tindika li l-ammont ta’ dawn l-allowances finanzjarji jew ta’ dawn il-vawċers “ għandu jkun determinat fuq il-bażi tal-livell(i) stabbilit(i) mill-Istat Membru kkonċernat sew bil-liġi jew bil-prattika sabiex ikunu żgurati standards ta’ ħajja adegwati għaċ-ċittadini”, it-tieni sentenza tiegħu tippreċiża li dan it-trattament jista’ jkun inqas favorevoli “fejn il-livell(i) msemmija hawn fuq, applikati għaċ-ċittadini [ta’ dan l-Istat Membru], ikollhom l-għan li jiżguraw standard ta’ ħajja ogħla minn dak preskritt għall-applikanti skont din id-Direttiva”. Barra minn hekk, fost iċ-ċirkustanzi li jistgħu jiġġustifikaw trattament inqas favorevoli minn dak mogħti liċ-ċittadini tal-Istat Membru kkonċernat, din id-dispożizzjoni ssemmi l-każ fejn “il-materjal ta’ appoġġ jingħata parzjalment f’oġġetti [in natura]”. Minn dan isegwi li l-Artikolu 17(5) tal-istess direttiva ma jirregolax il-kwistjoni tal-possibbiltà li applikant għal protezzjoni internazzjonali jiġi mċaħħad, minħabba deċiżjoni eżekuttiv ta’ trasferiment, minn ċerti benefiċċji in natura kif ukoll mill-allowance finanzjarja kollha li normalment titħallas lilu fl-assenza ta’ din id-deċiżjoni. |
|
53 |
Minn-naħa l-oħra, minn naħa, hekk kif jirriżulta mid-definizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 2(f) u (g) tad-Direttiva 2013/33, l-espressjoni “kundizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali” fl-Artikolu 2(g) tagħha tfisser il-miżuri kollha meħuda mill-Istati Membri, konformement ma’ din id-direttiva, favur l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali, li jinkludu l-akkomodazzjoni, l-ikel u l-ilbies, ipprovduti in natura jew fil-forma ta’ allowance finanzjarja jew ta’ vouchers, jew f’taħlita ta’ dawn it-tliet formuli, kif ukoll allowance ta’ kuljum (sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2019, Haqbin, C‑233/18, EU:C:2019:956, punt 32). |
|
54 |
Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 17(2) ta’ din id-direttiva jipprevedi, fl-ewwel subparagrafu tiegħu, li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kondizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali jipprovdu standard xieraq ta’ ħajja għall-applikanti, li jiggarantixxi s-sussistenza tagħhom kif ukoll jipproteġi s-saħħa fiżika u mentali tagħhom. |
|
55 |
Għaldaqstant, għandu jitqies li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2013/33, moqri flimkien mal-Artikolu 2(g) tagħha, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li, meta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tkun ġiet miċħuda bħala inammissibbli minħabba l-fatt li Stat Membru ieħor huwa responsabbli għall-eżami ta’ din l-applikazzjoni, fis-sens tar-Regolament Nru 604/2013 u li d-deċiżjoni ta’ trasferiment lejn dan l-Istat Membru l-ieħor hija eżekuttiva, il-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali mogħtija lil dan l-applikant jitnaqqsu, b’tali mod li ma jinkludux iktar, b’mod partikolari, il-benefiċċji in natura li jkopru l-ilbies, l-oġġetti għall-użu ta’ kuljum u għall-konsum tal-familja, ħlief f’każijiet speċjali, u lanqas l-allowance finanzjarja intiża sabiex tkopri l-bżonnijiet personali essenzjali tal-imsemmi applikant. |
|
56 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni biss il-kliem tagħha iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li jridu jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li minnha tifforma parti (ara s-sentenzi tas‑17 ta’ Novembru 1983, Merck, 292/82, EU:C:1983:335, punt 12, kif ukoll tat‑12 ta’ Frar 2026, Stichting Koskea, C‑490/24, EU:C:2026:89, punt 23). |
|
57 |
Fl-ewwel lok, mill-kliem tal-Artikolu 2(g) tad-Direttiva 2013/33 jirriżulta li l-miżuri dwar il-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali adottati mill-Istati Membri favur l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali, b’applikazzjoni ta’ din id-direttiva, għandhom neċessarjament jinkludu miżuri dwar l-akkomodazzjoni, l-ikel u l-ilbies, ipprovduti in natura jew fil-forma ta’ allowance finanzjarja jew ta’ vawċers, jew f’taħlita ta’ dawn it-tliet formuli, kif ukoll il-ħlas ta’ allowance ta’ kuljum. |
|
58 |
Issa, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 17(2) tal-imsemmija direttiva jirriżulta li “[l]-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kondizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali jipprovdu standard xieraq ta’ ħajja għall-applikanti għal protezzjoni internazzjonali, li jiggarantixxi s-sussistenza tagħhom kif ukoll jipproteġilhom is-saħħa fiżika u mentali”. |
|
59 |
Minn dan isegwi li, sa fejn jistipula rekwiżit, relatat mal-garanzija ta’ standard “xieraq” ta’ ħajja għall-applikanti għal protezzjoni internazzjonali, li huwa marbut mal-miżuri dwar il-“kondizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali”, fis-sens tal-Artikolu 2(g) tad-Direttiva 2013/33, l-Artikolu 17(2) tagħha jimplika li dawn il-miżuri għandhom jinkludu, minn tal-inqas, il-provvista tal-akkomodazzjoni, tal-ikel, tal-ilbies, jew in natura, jew, b’mod ekwivalenti, fil-forma ta’ allowance jew ta’ vawċers, kif ukoll il-ħlas ta’ allowance ta’ kuljum, bla ħsara għall-applikazzjoni tal-Artikolu 17(3) u (4) ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, dan ir-rekwiżit jirrigwarda l-limitu minimu li dawn il-miżuri għandhom jilħqu sabiex tkun iggarantita s-sussistenza tal-applikanti u sabiex tkun protetta s-saħħa fiżika jew mentali tagħhom. |
|
60 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li standard “xieraq” ta’ ħajja, fis-sens tal-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2013/33, ma jistax jintlaħaq fl-assenza ta’ waħda minn dawn il-miżuri, u, b’mod partikolari, fid-dawl tal-karatteristiċi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li hija s-suġġett ta’ din id-domanda preliminari, fl-assenza ta’ miżuri dwar l-ilbies u l-ħlas ta’ allowance ta’ kuljum. |
|
61 |
Fil-fatt, minn naħa, fir-rigward tal-ilbies, dan jidher, bl-istess mod bħall-akkomodazzjoni, l-ikel u l-kura personali, fost il-bżonnijiet l-iktar bażiċi, b’tali mod li applikant għal protezzjoni internazzjonali ma jistax jiġi mċaħħad mill-possibbiltà li jissodisfa tali bżonn. |
|
62 |
Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-ħlas tal-allowance ta’ kuljum, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 67 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali allowance hija neċessarja sabiex l-applikant għal protezzjoni internazzjonali jingħata livell minimu ta’ awtonomija, billi tippermettilu, b’mod partikolari, li jikseb, lil hinn mill-akkomodazzjoni, mill-ikel u mill-ilbies, oġġetti għall-użu ta’ kuljum u għall-konsum tal-familja neċessarji għall-bżonnijiet bażiċi tiegħu, bħal biljetti ta’ trasport, mezzi ta’ komunikazzjoni, jew prodotti ta’ iġjene, u li tiżgura li huwa jkollu livell minimu ta’ parteċipazzjoni fil-ħajja soċjali u kulturali tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu huwa jirrisjedi. Din l-allowance tikkontribwixxi għalhekk sabiex tiġi żgurata s-sussistenza tal-applikant u sabiex tiġi protetta s-saħħa fiżika u mentali tiegħu. |
|
63 |
Minn dan isegwi li l-assenza, minn naħa, ta’ miżuri li jippermettu li jiġu koperti l-bżonnijiet tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali fil-qasam tal-ilbies u, min-naħa l-oħra, tal-ħlas ta’ allowance ta’ kuljum ma tistax, fi kwalunkwe każ, tkun kompatibbli mar-rekwiżit ta’ standard “xieraq” ta’ ħajja, fis-sens tal-Artikolu 17(2) ta’ din id-direttiva. |
|
64 |
Għaldaqstant, tali assenza ma tistax tkun iġġustifikata mill-fatt li l-applikant għal protezzjoni internazzjonali kkonċernat huwa s-suġġett ta’ deċiżjoni eżekuttiva ta’ trasferiment. |
|
65 |
Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-kuntest li minnu jifformaw parti l-Artikolu 2(g) u l-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2013/33. |
|
66 |
L-ewwel nett, hekk kif jirriżulta mill-punt 48 ta’ din is-sentenza, peress li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2013/33 japplikaw għall-applikanti għal protezzjoni internazzjonali inkluż fil-preżenza ta’ deċiżjoni eżekuttiva ta’ trasferiment, l-obbligi li din id-direttiva timponi fuq l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jirrisjedu dawn l-applikanti jintemmu biss waqt it-trasferiment effettiv tagħhom lejn l-Istat Membru rikjest. |
|
67 |
It-tieni nett, l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2013/33, li jistipula r-regoli ġenerali dwar il-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali u dwar il-kura tas-saħħa, ma jinkludi ebda dispożizzjoni li tista’ tiġi interpretata fis-sens li tawtorizza li l-Istati Membri jintroduċu, minħabba s-sempliċi adozzjoni ta’ deċiżjoni eżekuttiva ta’ trasferiment fir-rigward ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali, differenzi bejn dan tal-aħħar u l-applikanti l-oħra f’dak li jirrigwarda l-eżistenza jew il-livell ta’ miżuri dwar il-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali msemmija fl-Artikolu 2(g) ta’ din id-direttiva. |
|
68 |
Fil-fatt, skont l-Artikolu 17(3) u (4) tal-imsemmija direttiva, l-Istati Membri huma awtorizzati biss, minn naħa, li jissuġġettaw l-għoti, totali jew parzjali, tal-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali u tal-kura tas-saħħa għall-kundizzjoni li l-applikanti ma jkollhomx mezzi suffiċjenti sabiex ikollhom standard ta’ ħajja xieraq għal saħħithom u sabiex ikunu jistgħu jiżguraw is-sussistenza tagħhom u, min-naħa l-oħra, jekk dawn ikollhom riżorsi suffiċjenti, pereżempju jekk ikunu ħadmu għal perijodu raġonevoli, li jeżiġu li huma jkopru l-ispejjeż tal-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali u tal-kura tas-saħħa previsti f’din id-direttiva, jew li jikkontribwixxu għalihom. |
|
69 |
Fir-rigward tal-Artikolu 17(5) tal-istess direttiva, imsemmi wkoll mill-qorti tar-rinviju fl-ewwel domanda tagħha, dan sempliċement jippreċiża, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, il-kundizzjonijiet li fihom l-Istati Membri jistgħu jipprevedu, fir-rigward tal-ammont tal-allowances finanzjarji jew tal-vawċers mogħtija lill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali, trattament inqas favorevoli minn dak mogħti liċ-ċittadini tagħhom, filwaqt li jħalli mhux mittiefes l-obbligu għal dawn l-Istati li jiggarantixxu lil dawn l-applikanti jkollhom standard xieraq ta’ ħajja, inkluż meta l-materjal ta’ appoġġ jingħata parzjalment in natura lill-applikant ikkonċernat. |
|
70 |
It-tielet nett, l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2013/33, bit-titolu “Tnaqqis [limitazzjoni] jew irtirar ta’ kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza”, jelenka ċ-ċirkustanzi li fihom il-benefiċċju ta’ tali kundizzjonijiet jista’ jiġi limitat jew irtirat, b’tali mod li, minbarra dawn iċ-ċirkustanzi, u bla ħsara għall-applikazzjoni, mill-Istati Membri, tal-Artikolu 17(3) u (4) ta’ din id-direttiva, hekk kif imsemmi fil-punt 68 ta’ din is-sentenza, l-Istati Membri ma jistgħux jipprevedu l-limitazzjoni jew it-tneħħija tal-miżuri dwar il-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali. Issa, ebda waħda miċ-ċirkustanzi msemmija f’dan l-artikolu ma tirrigwarda l-fatt li applikant għal protezzjoni internazzjonali kien is-suġġett ta’ deċiżjoni eżekuttiva ta’ trasferiment. |
|
71 |
Tali interpretazzjoni hija sostnuta mill-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2013/33. Fil-fatt, hekk kif enfasizza, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 44 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-premessi 11 u 35 ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-adozzjoni ta’ standards għall-akkoljenza tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali hija intiża li tiggarantixxi kemm li dawn l-applikanti jkollhom standard ta’ ħajja dinjituż u kundizzjonijiet tal-ħajja paragunabbli fl-Istati Membri kollha kif ukoll ir-rispett tad-drittijiet fundamentali tagħhom. Issa, leġiżlazzjoni nazzjonali li tneħħi l-benefiċċju tal-benefiċċji li jirrigwardaw, b’mod partikolari, l-ilbies, għas-sempliċi raġuni li l-applikant ikkonċernat huwa s-suġġett ta’ deċiżjoni eżekuttiva ta’ trasferiment, ma tistax tkun kompatibbli ma’ dawn l-għanijiet. |
|
72 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2013/33, moqri flimkien mal-Artikolu 2(g) tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li, meta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tkun ġiet miċħuda bħala inammissibbli minħabba l-fatt li Stat Membru ieħor huwa responsabbli għall-eżami ta’ din l-applikazzjoni, fis-sens tar-Regolament Nru 604/2013, u li d-deċiżjoni ta’ trasferiment lejn dan l-Istat Membru l-ieħor hija eżekuttiva, il-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali mogħtija lil dan l-applikant jitnaqqsu, b’tali mod li ma jinkludux iktar, b’mod partikolari, il-benefiċċji in natura li jkopru l-ilbies, l-oġġetti għall-użu ta’ kuljum u għall-konsum tal-familja, ħlief f’każijiet speċjali, u lanqas l-allowance finanzjarja intiża sabiex tkopri l-bżonnijiet personali essenzjali tal-imsemmi applikant. |
Fuq il-punt (a) tat-tieni domanda
|
73 |
Permezz tal-punt (a) tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 20(1)(c) tad-Direttiva 2013/33, moqri flimkien mal-Artikolu 2(q) tad-Direttiva 2013/32, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “applikazzjoni sussegwenti”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, ikopri wkoll is-sitwazzjoni fejn Stat Membru jkun, minn naħa, ċaħad applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli minħabba li l-applikant ikun diġà ppreżenta tali applikazzjoni fi Stat Membru ieħor, responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni tiegħu, fis-sens tar-Regolament Nru 604/2013 u jkun, min-naħa l-oħra, ordna, fuq din il-bażi, it-tneħħija ta’ dan l-applikant bl-għan tat-trasferiment tiegħu lejn dan l-Istat Membru l-ieħor, konformement ma’ dan ir-regolament. |
|
74 |
Skont l-Artikolu 20(1)(c) tad-Direttiva 2013/33, “[l]-Istati Membri jistgħu jnaqqsu [jillimitaw] jew, f’każijiet eċċezzjonali u debitament iġġustifikati, jirtiraw kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza fejn applikant […] ikun iddepożita applikazzjoni sussegwenti kif definit fl-Artikolu 2(q) tad-Direttiva [2013/32]”. |
|
75 |
Skont din l-aħħar dispożizzjoni, “applikazzjoni sussegwenti” tfisser applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata wara li tkun ittieħdet deċiżjoni finali fir-rigward ta’ applikazzjoni preċedenti, inkluż fil-każ fejn l-applikant ikun irtira espliċitament l-applikazzjoni tiegħu u fil-każ fejn l-awtorità determinanti tkun irrifjutat applikazzjoni wara l-irtirar impliċitu tagħha, konformement mal-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2013/32. |
|
76 |
Għandu jiġi ppreċiżat ukoll li, b’applikazzjoni tal-Artikolu 33(2)(d) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali hija inammissibbli meta din tkun “applikazzjoni sussegwenti” li fiha ma jkun jidher, u l-applikant lanqas ma jkun ippreżenta, ebda element jew fatt ġdid relatat mal-eżami intiż sabiex jiġi ddeterminat jekk l-applikant jissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jikkwalifika għall-istatus ta’ benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali skont id-Direttiva 2011/95. |
|
77 |
Barra minn hekk, għat-teħid ta’ deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ tali “applikazzjoni sussegwenti”, l-Artikolu 40 tad-Direttiva 2013/32 jipprevedi proċedura speċifika li matulha l-Istat Membru kkonċernat għandu jiddetermina jekk l-elementi jew il-fatti ġodda li dehru jew li ġew ippreżentati mill-applikant jiġġustifikawx it-tkomplija tal-eżami tal-applikazzjoni, konformement mar-regoli ġenerali rilevanti stipulati f’dan ir-rigward fil-Kapitolu II ta’ din id-direttiva, jew jekk din l-applikazzjoni sussegwenti għandhiex tiġi miċħuda bħala inammissibbli. |
|
78 |
Issa, fir-rigward tal-portata ta’ dan il-kunċett ta’ “applikazzjoni sussegwenti”, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, minn naħa, fil-punt 62 tas-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2024, Khan Yunis u Baabda (C‑123/23 u C‑202/23, EU:C:2024:1042), li l-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikolu 2(q) ta’ din id-direttiva, ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi l-possibbiltà li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, ippreżentata lil dan l-Istat Membru minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali preċedenti tagħha, ippreżentata lil Stat Membru ieħor li għaliha tapplika d-Direttiva 2011/95, tkun ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni finali meħuda minn dan l-aħħar Stat Membru, tiġi miċħuda bħala inammissibbli. Min-naħa l-oħra, fil-punt 80 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li dawn l-istess dispożizzjonijiet jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li tali applikazzjoni sussegwenti tiġi miċħuda bħala inammissibbli meta din titressaq saħansitra qabel ma l-Istat Membru l-ieħor ikun ħa d-deċiżjoni li jagħlaq l-eżami tal-applikazzjoni preċedenti minħabba l-irtirar impliċitu tagħha. |
|
79 |
Dan espost, għalkemm, fl-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet dwar il-possibbiltà li Stat Membru jikklassifika applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali bħala “applikazzjoni[jiet] sussegwenti” minħabba l-eżistenza ta’ applikazzjonijiet preċedenti ppreżentati fi Stati Membri oħra u miċħuda minn dawn tal-aħħar, dan kien fid-dawl ta’ sitwazzjoni fejn, minħabba li ma kienx possibbli li l-persuni kkonċernati tiġi ttrasferita lejn dawn l-Istati Membri l-oħra, l-ewwel Stat Membru kkonċernat kien jew kien sar responsabbli għall-eżami ta’ dawn l-applikazzjonijiet. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2024, Khan Yunis u Baabda, C‑123/23 u C‑202/23, EU:C:2024:1042, punti 25 sa 29 u 31 sa 34). |
|
80 |
Konsegwentement, f’tali sitwazzjoni, konformement mal-Artikolu 29(2) tar-Regolament Nru 604/2013, ir-responsabbiltà għall-eżami tal-“applikazzjoni sussegwenti”, fis-sens tal-Artikolu 2(q) tad-Direttiva 2013/32, taqa’ fuq l-Istat Membru li fih tkun ġiet ippreżentata din l-applikazzjoni sussegwenti. |
|
81 |
Madankollu, il-punt (a) tat-tieni domanda ma jirrigwardax il-każ fejn Stat Membru jikkonstata li l-applikant għal protezzjoni internazzjonali kien diġà ppreżenta applikazzjoni preċedenti fi Stat Membru ieħor u, wara li jkun eżamina l-applikazzjoni l-ġdida ta’ dan tal-aħħar, jirrifjutaha bħala inammissibbli, għar-raġuni prevista fl-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32, li skontha din l-applikazzjoni tikkostitwixxi “applikazzjoni sussegwenti”, fis-sens tal-Artikolu 2(q) ta’ din id-direttiva. |
|
82 |
Fil-fatt, din id-domanda tirrigwarda s-sitwazzjoni fejn, minn naħa, l-Istat Membru kkonċernat jiċħad l-applikazzjoni l-ġdida għall-protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli abbażi tar-Regolament Nru 604/2013, minħabba li l-Istat Membru l-ieħor, li quddiemu ġiet ippreżentata l-applikazzjoni preċedenti, huwa responsabbli għall-eżami ta’ din l-applikazzjoni, konformement mal-kriterji stipulati fil-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament, u, min-naħa l-oħra, jordna simultanjament it-tneħħija ta’ dan l-applikant bil-għan li huwa jiġi ttrasferit lejn dan l-Istat Membru l-ieħor. |
|
83 |
Issa, din is-sitwazzjoni ma hijiex paragunabbli ma’ dik li kienet inkwistjoni fis-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2024, Khan Yunis u Baabda (C‑123/23 u C‑202/23, EU:C:2024:1042). Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, l-Istat Membru kkonċernat ma huwiex jew, minn tal-inqas, għadu ma sarx responsabbli għall-eżami ta’ din l-applikazzjoni l-ġdida għal protezzjoni internazzjonali. |
|
84 |
Konsegwentement, fl-imsemmija sitwazzjoni, Stat Membru la jista, ipotetikament, jikklassifika applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata lilu bħala “applikazzjoni sussegwenti”, fis-sens tal-Artikolu 2(q) tad-Direttiva 2013/32 u lanqas ma jista’ japplika l-proċeduri previsti minn din id-direttiva għall-eżami ta’ tali “applikazzjoni sussegwenti”. |
|
85 |
Din l-analiżi hija kkonfermata mill-Artikolu 33(1) tad-Direttiva 2013/32, li jippreċiża li r-raġunijiet għal inammissibbiltà elenkati fl-Artikolu 33(2)(a) sa (e) ta’ din id-direttiva jippermettu li l-Istati Membri jiddikjaraw bħala inammissibbli l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali f’ċerti każijiet, li huma addizzjonali “għal każijiet fejn l-applikazzjoni ma’ tiġix eżaminata skont ir-Regolament [Nru 604/2013]”. |
|
86 |
Bl-istess mod, kif diġà rrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa, mill-premessa 53 tad-Direttiva 2013/32 jirriżulta espliċitament li din ma hijiex intiża li tapplika għall-proċeduri bejn l-Istati Membri rregolati minn dan ir-regolament. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 2(d) tar-Regolament Nru 604/2013 jipprovdi li, għall-finijiet ta’ dan ir-regolament l-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali jirrigwarda l-miżuri ta’ eżami kollha, id-deċiżjonijiet kollha u s-sentenzi kollha mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti dwar applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali konformement mad-Direttiva 2013/32 u mad-Direttiva 2011/95 ħlief għal proċeduri li jiddeterminaw l-Istat Membru responsabbli skont l-istess regolament (sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Fathi, C‑56/17, EU:C:2018:803, punti 69 u 70). |
|
87 |
Minn dak li ġie espost iktar ’il fuq jirriżulta li l-Artikolu 2(q) tad-Direttiva 2013/32, li għalih jagħmel riferiment l-Artikolu 20(1)(c) tad-Direttiva 2013/33, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “applikazzjoni sussegwenti” ma jkoprix is-sitwazzjoni fejn Stat Membru jkun, minn naħa, ċaħad applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli minħabba li l-applikant ikun diġà ppreżenta tali applikazzjoni fi Stat Membru ieħor u jkun, min-naħa l-oħra, ordna, fuq din il-bażi, it-tneħħija ta’ dan l-applikant bl-għan tat-trasferiment tiegħu lejn l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni tiegħu, konformement mar-Regolament Nru 604/2013. |
|
88 |
Minn dan isegwi li, f’tali sitwazzjoni, l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jirrisjedi l-applikant għal protezzjoni internazzjonali, fl-istennija tal-eventwali trasferiment tiegħu lejn l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni tiegħu, ma jistax jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 20(1)(c) tad-Direttiva 2013/33 sabiex jirtira jew jillimita l-benefiċċju tal-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali mogħtija lil dan l-applikant. |
|
89 |
Mill-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq jirriżulta li r-risposta li għandha tingħata għall-punt (a) tat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 20(1)(c) tad-Direttiva 2013/33, moqri flimkien mal-Artikolu 2(q) tad-Direttiva 2013/32, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “applikazzjoni sussegwenti”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, ma jirrigwardax is-sitwazzjoni fejn Stat Membru jkun, minn naħa, ċaħad applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli minħabba li l-applikant ikun diġà ppreżenta tali applikazzjoni fi Stat Membru ieħor, responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni tiegħu, fis-sens tar-Regolament Nru 604/2013, u jkun, min-naħa l-oħra, ordna, fuq din il-bażi, it-tneħħija ta’ dan l-applikant bl-għan tat-trasferiment tiegħu lejn dan l-Istat Membru l-ieħor, konformement ma’ dan ir-regolament. |
Fuq il-punti (b) u (c) tat-tieni domanda
|
90 |
Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-punt (a) tat-tieni domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għall-punti (b) u (c) tat-tieni domanda, peress li dawn il-partijiet tal-imsemmija domanda huma bbażati fuq il-premessa li l-kunċett ta’ “applikazzjoni sussegwenti”, fis-sens tal-Artikolu 20(1)(c) tad-Direttiva 2013/33, moqri flimkien mal-Artikolu 2(q) tad-Direttiva 2013/32, huwa applikabbli f’sitwazzjoni bħal dik imsemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza. |
Fuq l-ispejjeż
|
91 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.